5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1637

tat-13 ta' Lulju 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-proċeduri u l-karatteristiċi tal-funzjoni ta' sorveljanza

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistabbilixxu funzjoni ta' sorveljanza permanenti u effettiva li għandha ssir minn kumitat separat jew permezz ta' arranġament ta' governanza ieħor xieraq.

(2)

L-amministraturi għandhom id-diskrezzjoni li jfasslu l-iktar funzjoni ta' sorveljanza xierqa għall-parametri referenzjarji li jipprovdu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1011. Dan ir-Regolament jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta' arranġamenti ta' governanza xierqa.

(3)

L-għoti lill-partijiet interessati esterni ta' funzjoni ta' sorveljanza jista' jipprovdi għarfien espert siewi u l-parteċipazzjoni tagħhom tista' żżid l-effettività tal-funzjoni ta' sorveljanza. Il-kunflitti ta' interess fil-funzjoni ta' sorveljanza jistgħu jinqalgħu minħabba interessi kunfliġġenti ta' dawk il-membri jew minħabba relazzjonijiet bejn membri tal-funzjoni ta' sorveljanza u l-klijenti tagħhom jew partijiet ikkonċernati oħra. Sabiex jittaffew dawn il-kunflitti, jenħtieġ li membri indipendenti li jkunu ħielsa minn kunflitti ta' interess, fejn ikun possibbli, jiġu inklużi fis-sorveljanza ta' dawk il-parametri referenzjarji ta' importanza kritika, minħabba l-importanza tagħhom għall-integrità tas-suq, għall-istabbiltà finanzjarja, għall-konsumaturi, għall-ekonomija reali u għall-finanzjament ta' unitajiet domestiċi u ta' negozji fl-Istati Membri. Fejn tali membri indipendenti ma jkunux meħtieġa skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-amministraturi jadottaw proċeduri oħra biex jindirizzaw il-kunflitti ta' interess potenzjali bħall-esklużjoni ta' membri minn ċerti diskussjonijiet jew it-tneħħija ta' drittijiet tal-vot ta' membri speċifiċi.

(4)

Persuni li huma involuti direttament fil-forniment tal-parametru referenzjarju jistgħu jattendu l-kumitati iżda ma jivvutawx fuq il-funzjoni ta' sorveljanza billi dawn jistgħu jipprovdu għarfien siewi dwar il-ħidma tal-amministratur. L-istatus tagħhom bħala membri bla vot huwa xieraq biex jiġi żgurat li l-amministratur ma jkollux influwenza indebita fuq id-deċiżjonijiet tal-funzjoni ta' sorveljanza.

(5)

Il-funzjoni ta' sorveljanza tista' tinkludi kumitati b'kompetenzi speċifiċi u ddedikati, għal parametri referenzjarji jew familji ta' parametri referenzjarji differenti jew tista' tinkludi diversi funzjonijiet li jwettqu kompiti differenti meta l-persuni b'għarfien espert xieraq ma jkunux jistgħu jkunu kollha fuq kumitat wieħed, pereżempju meta jkunu bbażati f'reġjuni ġeografiċi differenti. Dawn il-funzjonijiet ta' sorveljanza irid ikollhom persuna waħda fiżika jew kumitat inkarigat mill-funzjoni ta' sorveljanza u responsabbli għall-interazzjoni mal-korp maniġerjali tal-amministratur u mal-awtorità kompetenti biex tkun iffaċilitata ċ-ċentralizzazzjoni tas-sorveljanza.

(6)

Għal xi parametri referenzjarji sinifikanti inqas użati u inqas vulnerabbli, jista' jkun possibbli għal persuna fiżika waħda biex taġixxi bħala funzjoni ta' sorveljanza, fejn il-persuna fiżika tista' timpenja ruħha għal ammont xieraq ta' żmien għas-superviżjoni tal-parametri referenzjarji rilevanti. Fejn il-funzjoni tas-sorveljanza tkun persuna fiżika, din tkun eżenti minn ċerti proċeduri li huma xierqa biss għal kumitat. Minħabba l-grad għoli ta' użu tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika u r-riskji li jistgħu joħolqu f'ċerti sitwazzjonijiet, il-parametri referenzjarji ta' importanza kritika m'għandhomx ikunu sorveljati minn persuna fiżika.

(7)

Biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tal-funzjoni ta' sorveljanza, il-membri għandu jkollhom għarfien espert dwar il-proċess ta' tħejjija tal-parametri referenzjarji iżda wkoll tas-suq sottostanti li l-parametru referenzjarju jipprova jkejjel. Dan l-għarfien espert jista' jkun ġej minn utenti u kontributuri attivi fis-swieq jew minn fornituri ta' data regolata. Funzjoni ta' sorveljanza tista' tibbenefika mill-għarfien espert tal-kontributuri, sakemm jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi żgurat in-nuqqas ta' kunflitti ta' interess, u l-utenti jkollhom interess li jiżguraw li l-parametru referenzjarju jkun robust. Huwa għalhekk xieraq li l-kontributuri u l-utenti jkunu kkunsidrati bħala membri għal tali parametri referenzjarji.

(8)

Il-funzjoni ta' sorveljanza hija għodda essenzjali għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fil-livell tal-amministratur u sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-funzjoni, il-persuni li ġew sanzjonati għal ksur ta' regoli dwar is-servizzi finanzjarji, b'mod partikolari manipulazzjoni jew tentattiv ta' manipulazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għandhom ikunu pprojbiti milli jsiru membri ta' funzjoni ta' sorveljanza.

(9)

Partijiet interessati esterni jista' jkollhom interess fil-parametru referenzjarju meta jkun użat ħafna fis-swieq tagħhom u jkunu jistgħu jipprovdu għarfien espert addizzjonali. L-amministraturi jistgħu jistabbilixxu proċeduri li jippermettulhom li jieħdu sehem bħala osservaturi għall-funzjoni ta' sorveljanza.

(10)

Kumitati indipendenti ma jistgħux jiġu separati kompletament mill-organizzazzjoni tal-amministratur billi d-deċiżjonijiet finali fir-rigward tax-xogħol tal-amministratur huma f'idejn il-korp maniġerjali, u kumitat separat jista' jieħu deċiżjonijiet mingħajr ma jkun konxju bis-sħiħ tal-impatt detrimentali potenzjali ta' tali deċiżjonijiet fuq in-negozju tal-amministratur. Funzjoni ta' sorveljanza integrata fl-organizzazzjoni tal-amministratur, jew tal-kumpanija ewlenija tal-grupp li għalih tappartjeni, hija għalhekk fl-aħjar pożizzjoni biex tikkontesta d-deċiżjonijiet tal-amministratur fir-rigward tal-parametri referenzjarji li jipprovdi.

(11)

Sabiex il-korp ta' sorveljanza jwettaq il-funzjoni mogħtija lilu mir-Regolament (UE) 2016/1011, huwa importanti li dan ikollu l-kapaċità li jivvaluta b'mod sħiħ u li jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-korp maniġerjali tal-amministratur u li, f'każ ta' nuqqas ta' qbil, id-deliberazzjonijiet tal-funzjoni ta' sorveljanza f'dan ir-rigward jkunu rreġistrati.

(12)

Proċeduri dwar il-kriterji għall-għażla tal-membri u l-osservaturi, dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u, fil-każ li l-funzjoni ta' sorveljanza tkun kumitat, proċeduri li jkopru s-soluzzjoni tat-tilwim huma meħtieġa biex jiżguraw li l-funzjoni ta' sorveljanza tkun tista' topera mingħajr xkiel. Jista' jkun hemm proċeduri oħra xierqa għall-funzjoni ta' sorveljanza għal ċerti tipi ta' parametri referenzjarji jew amministraturi li mhumiex stabbiliti f'dan ir-Regolament iżda huma neċessarji u xierqa għall-governanza korretta tal-parametri referenzjarji tagħhom. L-amministraturi jistgħu għalhekk jintroduċu proċeduri alternattivi sakemm dawn il-proċeduri jilħqu livell adegwat ta' sorveljanza.

(13)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(14)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom dan ir-Regolament huwa bbażat, analizzat l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (3).

(15)

Jenħtieġ li l-amministraturi jingħataw żmien biżżejjed biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament għalhekk jibda japplika xahrejn wara li jidħol fis-seħħ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kompożizzjoni tal-funzjoni ta' sorveljanza

1.   L-istruttura u l-kompożizzjoni tal-funzjoni ta' sorveljanza għandhom ikunu proporzjonati mas-sjieda u l-istruttura ta' kontroll tal-amministratur u għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu ddeterminati skont arranġament xieraq ta' governanza wieħed jew aktar elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament. L-amministraturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b' ġustifikazzjoni għal kwalunkwe devjazzjoni minn dawn l-arranġamenti.

2.   Meta l-parametru referenzjarju jkun parametru referenzjarju ta' importanza kritika, il-funzjoni ta' sorveljanza għandha titwettaq minn kumitat b'mill-inqas żewġ membri indipendenti. Il-membri indipendenti għandhom ikunu persuni fiżiċi li jattendu l-kumitat fuq il-funzjoni ta' sorveljanza li mhumiex direttament affiljati mal-amministratur ħlief permezz tal-involviment tagħhom fil-funzjoni ta' sorveljanza, u ma għandu jkollhom l-ebda kunflitt ta' interess, b'mod partikolari fuq il-livell tal-parametru referenzjarju relevanti.

3.   Il-funzjoni ta' sorveljanza għandha tkun magħmula minn membri li flimkien ikollhom il-ħiliet u l-għarfien espert xieraq għas-sorveljanza tal-forniment ta' parametru referenzjarju partikolari u għar-responsabbiltajiet li l-funzjoni ta' sorveljanza hija meħtieġa li tissodisfa. Il-membri tal-funzjoni ta' sorveljanza għandu jkollhom għarfien xieraq tas-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju huwa maħsub biex ikejjel.

4.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta' data regolata għandhom jinkludu, bħala membri tal-funzjoni ta' sorveljanza, rappreżentanti mill-entitajiet elenkati fid-definizzjoni ta' data regolata fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1)(24) tar-Regolament (UE) 2016/1011 u, fejn applikabbli, minn entitajiet li jikkontribwixxu valuri netti tal-assi ta' fondi ta' investiment għal parametri referenzjarji ta' data regolata. L-amministraturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'ġustifikazzjoni għal kwalunkwe esklużjoni ta' rappreżentanti minn dawn l-entitajiet.

5.   Meta parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq kontribuzzjonijiet u rappreżentanti tal-kontributuri tiegħu jew ta' entitajiet taħt superviżjoni li jużaw il-parametru referenzjarju bħala membri tal-funzjoni ta' sorveljanza, l-amministratur għandu jiżgura li n-numru ta' membri b'kunflitti ta' interess ma jammontax għal jew jaqbeż maġġoranza sempliċi. Qabel il-ħatra tal-membri, l-amministraturi għandhom ukoll jidentifikaw u jqisu l-konflitti li joħorġu mir-relazzjonijiet bejn il-membri potenzjali u partijiet ikkonċernati esterni oħrajn, b'mod partikolari b'riżultat ta' interess potenzjali fil-livell tal-parametri referenzjarji rilevanti.

6.   Persuni direttament involuti fl-għoti ta' parametru referenzjarju li jistgħu jkunu membri tal-funzjoni ta' sorveljanza, ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot. Rappreżentanti tal-korp maniġerjali m'għandhomx ikunu membri jew osservaturi iżda jistgħu jiġu mistiedna biex jattendu l-laqgħat mill-funzjoni ta' sorveljanza mingħajr ma jkunu jistgħu jivvutaw.

7.   Il-membri tal-funzjoni ta' sorveljanza ma għandhomx jinkludu persuni li ġew soġġetti għal sanzjonijiet ta' natura amministrattiva jew kriminali relatati mas-servizzi finanzjarji, b'mod partikolari manipulazzjoni jew tentattiv ta' manipulazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

Artikolu 2

Karatteristiċi u pożizzjonament tal-funzjoni ta' sorveljanza

1.   Il-funzjoni ta' sorveljanza għandha tikkostitwixxi parti mill-istruttura organizzattiva tal-amministratur, jew tal-kumpannija ewlenija tal-grupp li minnu tagħmel parti, iżda tkun separata mill-korp maniġerjali u funzjonijiet oħra ta' governanza tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji.

2.   Il-funzjoni ta' sorveljanza għandha tevalwa, u fejn xieraq, tikkontesta d-deċiżjonijiet tal-korp maniġerjali tal-amministratur fir-rigward tal-għoti ta' parametri referenzjarji biex tiżgura l-issodisfar tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/1011. Mingħajr preġudizzju għall-punt (i) tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-funzjoni ta' sorveljanza għandha tindirizza r-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sorveljanza tal-parametri referenzjarji lill-korp maniġerjali.

3.   Fejn il-funzjoni ta' sorveljanza ssir konxja li l-korp maniġerjali ħa azzjoni jew beħsiebu jieħu azzjoni kontra kwalunkwe rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet tal-funzjoni ta' sorveljanza, hija għandha tirreġistra dan il-fatt b'mod ċar fil-minuti tal-laqgħa tagħha li jmiss, jew fir-rekord tagħha ta' deċiżjonijiet fejn funzjoni ta' sorveljanza ġiet stabbilita f'konformità mat-tielet arranġament ta' governanza stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Proċeduri li jirregolaw il-funzjoni ta' sorveljanza

1.   Funzjoni ta' sorveljanza għandu jkollha proċeduri mill-inqas relatati mal-oqsma li ġejjin:

(a)

it-termini ta' referenza tagħha, il-frekwenza tal-laqgħat regolari tagħha, ir-reġistrazzjoni ta' minuti tal-laqgħat u tad-deċiżjonijiet tagħha u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni perjodika mal-korp maniġerjali tal-amministratur;

(b)

il-kriterji biex jintgħażlu l-membri tagħha, inklużi kriterji biex jiġi evalwat il-potenzjal tal-ħiliet u l-għarfien espert tal-membri u jekk jistgħux jissodisfaw l-impenji ta' żmien meħtieġa. Dawn il-kriterji għandhom iqisu b'mod partikolari r-rwol tal-membri potenzjali fi kwalunkwe funzjoni ta' sorveljanza oħra;

(c)

il-kriterji biex jintgħażlu osservaturi li jistgħu jitħallew jattendu laqgħa tal-funzjoni ta' sorveljanza;

(d)

l-elezzjoni, in-nomina jew it-tneħħija u s-sostituzzjoni tal-membri tagħha;

(e)

fejn applikabbli, il-kriterji għall-għażla tal-persuna jew il-kumitat responsabbli għall-koordinazzjoni u d-direzzjoni ġenerali tagħha u biex taġixxi bħala punt ta' kuntatt għall-korp maniġerjali tal-amministratur u għall-awtorità kompetenti, f'konformità mal-arranġamenti ta' governanza xierqa għall-funzjonijiet ta' sorveljanza li jikkonsistu f'diversi kumitati kif stabbilit fl-Anness;

(f)

id-divulgazzjoni pubblika ta' dettalji fil-qosor tal-membri tagħha, flimkien ma' kwalunkwe dikjarazzjoni ta' kunflitti ta' interess u ta' kwalunkwe miżuri meħuda biex dawn jittaffew;

(g)

is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-membri esterni għal deċiżjonijiet li jkollhom impatt dirett fuq il-ħidma tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw;

(h)

il-ħtieġa li l-membri jiżvelaw kull kunflitt ta' interess qabel id-diskussjoni ta' suġġett fuq l-aġenda matul il-laqgħat tal-funzjoni ta' sorveljanza u kif jiġu rreġistrati fil-minuti tal-laqgħa;

(i)

l-esklużjoni ta' membri minn diskussjonijiet speċifiċi li fir-rigward tagħhom għandhom kunflitt ta' interess u r-reġistrazzjoni tal-esklużjoni fil-minuti tal-laqgħa;

(j)

l-aċċess tagħha għad-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha;

(k)

il-ġestjoni tat-tilwim fi ħdanha;

(l)

il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-ksur tal-kodiċi ta' kondotta;

(m)

in-notifika lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe suspett ta' mġiba ħażina minn kontributuri jew mill-amministratur u ta' kwalunkwe data tal-input anomala jew suspettuża;

(n)

il-prevenzjoni, l-iżvelar mhux xieraq ta' informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva riċevuta, prodotta jew diskussa mill-funzjoni ta' sorveljanza.

2.   Fejn il-funzjoni ta' sorveljanza titwettaq minn persuna fiżika:

(a)

Il-punti (e), (g), (i), u (k) tal-paragrafu 1 ma japplikawx;

(b)

l-amministratur għandu jaħtar korp jew persuna naturali alternattiva xierqa biex tiżgura li d-doveri tal-funzjoni ta' sorveljanza jistgħu jiġu konsistentement imwettqa f'każ ta' nuqqas tal-persuna responsabbli mill-funzjoni ta' sorveljanza.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS

Lista mhux eżawrjenti ta' arranġamenti ta' governanza xierqa

1.

Kumitat indipendenti ta' sorveljanza li jikkonsisti f'rappreżentazzjoni bbilanċjata ta' partijiet ikkonċernati inklużi entitajiet taħt superviżjoni li jużaw il-parametru referenzjarju, kontributuri għall-parametri referenzjarji u partijiet ikkonċernati esterni oħra bħal operaturi tal-infrastruttura tas-suq u sorsi ta' data tal-input oħrajn, kif ukoll membri indipendenti u l-persunal tal-amministratur li mhumiex involuti direttament fil-forniment tal-parametri referenzjarji rilevanti jew ta' kwalunkwe attività relatata;

2.

Meta l-amministratur ma jkunx proprjetà ta' jew kontrollat mill-kontributuri għall-parametru referenzjarju jew entitajiet taħt superviżjoni li jużawh u ma jkunux jeżistu kunflitti ta' interess fil-livell tal-funzjoni ta' sorveljanza, il-kumitat ta' sorveljanza għandu jinkludi:

(a)

mill-inqas żewġ persuni involuti fil-forniment tal-parametri referenzjarji rilevanti li ma jkunux jistgħu jivvutaw;

(b)

mill-inqas żewġ membri tal-persunal li jirrappreżentaw partijiet oħra fl-organizzazzjoni tal-amministratur li mhumiex involuti direttament fil-forniment tal-parametri referenzjarji rilevanti jew ta' kwalunkwe attività relatata, jew,

(c)

fejn tali membri tal-persunal xierqa ma jkunux disponibbli, mill-inqas żewġ membri indipendenti;

3.

Meta parametru referenzjarju ma jkunx ta' importanza kritika u dment li l-kumplessità, il-grad tal-użu jew il-vulnerabbiltà tiegħu ma jindikawx mod ieħor, persuna fiżika li hija membru tal-persunal tal-amministratur jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-amministratur jew taħt il-kontroll tal-amministratur, li mhijiex direttament involuta fil-forniment ta' kwalunkwe parametru referenzjarju rilevanti u hija ħielsa mill-kunflitti ta' interess, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw minn interess potenzjali fil-livell tal-parametru referenzjarju;

4.

Funzjoni ta' sorveljanza magħmula minn diversi kumitati, kull wieħed responsabbli mis-sorveljanza ta' parametru referenzjarju, tip ta' parametri referenzjarji jew familja ta' parametri referenzjarji, dment li persuna waħda jew kumitat wieħed t/jinħatar bħala responsabbli għat-tmexxija ġenerali u l-koordinazzjoni tal-funzjoni ta' sorveljanza u għall-interazzjoni mal-korp maniġerjali tal-amministratur tal-parametru referenzjarju u l-awtorità kompetenti;

5.

Funzjoni ta' sorveljanza li tikkonsisti f'diversi kumitati, kull wieħed iwettaq sottosett tar-responsabbiltajiet u l-kompiti tas-sorveljanza, dment li persuna waħda jew kumitat wieħed t/jinħatar bħala responsabbli għat-tmexxija ġenerali u l-koordinazzjoni tal-funzjoni ta' sorveljanza u għall-interazzjoni mal-korp ta' ġestjoni tal-amministratur tal-parametru referenzjarju u l-awtorità kompetenti.