2.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/72


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/867

tal-1 ta’ Ġunju 2022

dwar ir-rilaxx ta’ ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza mill-Istati Membri wara l-invażjoni tal-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE (1) għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt madwar l-Unjoni permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri. B’mod partikolari, din tistabbilixxi regoli u proċeduri li jridu jiġu applikati f’każ ta’ emerġenza. Fl-1 ta’ Marzu u fl-1 ta’ April 2022, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) iddeċieda fuq il-pjanijiet ikkoordinati għall-użu tal-ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza biex jiġu rilaxxati 60 miljun u 120 miljun barmil żejt, rispettivament (2).

(2)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ddiskutew l-opportunità, il-benefiċċji mistennija u l-impatt tal-azzjoni kollettiva tal-AIE waqt erba’ laqgħat tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni taż-Żejt (fit-22 u fil-25 ta’ Frar u fit-2 u fil-31 ta’ Marzu). Bl-ittri tal-4 ta’ Marzu u tal-5 ta’ April 2022 indirizzati lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni taż-Żejt, is-servizzi tal-Kummissjoni fakkru lill-Istati Membri dwar id-dispożizzjonijiet u l-obbligi rilevanti applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni.

(3)

Tmintax-il Stat Membru (inkluż żewġ Stati Membri li mhux membri tal-AIE) ħadu sehem fl-azzjoni kollettiva tal-AIE u wiegħdu kontributi volontarji għal madwar 40 miljun barmil ta’ ekwivalenti għal żejt mhux maħdum.

(4)

Il-ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza miżmuma bħalissa fl-Unjoni jinsabu fl-aktar volum baxx mill-2013. Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119/KE, dawn jirriflettu l-importazzjonijiet netti taż-żejt mhux maħdum u tal-prodotti petroliferi tul l-2020, li kienu baxxi aktar mis-soltu, minħabba tnaqqis fil-konsum li jirriżulta minn miżuri sanitarji tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 (konfinament u inqas mobbiltà). Il-volumi taż-żejt mhux maħdum u tal-prodotti petroliferi meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligu l-ġdid dwar il-ħżin annwali applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2022 għal perjodu ta’ 12-il xahar, mistennija jiżdiedu għal xi Stati Membri b’xi 30 %.

(5)

Fis-sitwazzjoni attwali ta’ inċertezza dwar l-evoluzzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna, hu importanti ferm li d-domanda għaż-żejt mhux maħdum u l-prodotti petroliferi tiġi limitata kemm jista’ jkun u jkun evitat li jitqiegħed aktar stress fuq is-suq taż-żejt. Għalhekk mhux mixtieq li l-Istati Membri jerġgħu jfornu fi żmien qasir dawk il-ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza li qed jiġu rilaxxati jew li se jiġu rilaxxati skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2009/119/KE, sakemm ma jkunx hemm riskju għas-sigurtà tal-provvista tagħhom. Madankollu, hu prematur li jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien definit għar-riforniment tal-ħażniet rilaxxati.

(6)

L-Istati Membri għandhom jevitaw li jixtru żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi addizzjonali bi tħejjija għall-obbligu l-ġdid dwar il-ħżin annwali minn Lulju 2022, xiri li indubjament iżid id-domanda attwali għal dawn il-komoditajiet. B’referenza għall-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2009/119/KE, il-Kummissjoni se tirrevedi l-perjodu ta’ żmien li matulu l-Istati Membri jridu jreġġgħu l-ħażniet tagħhom għal-livelli minimi meħtieġa, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kriżi attwali.

(7)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni taż-Żejt dwar din ir-Rakkomandazzjoni waqt il-laqgħa li saret fl-14 ta’ Marzu 2021 u ħadu sehem fiha għadd ta’ rappreżentanti tas-Segretarjat tal-AIE,

TIRRAKKOMANDA:

(1)

L-Istati Membri ma għandhomx ireġġgħu l-ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza tagħhom għal-livelli minimi meħtieġa mid-Direttiva 2009/119/KE qabel l-1 ta’ Novembru 2022, sakemm dan ma jkunx jipperikola s-sigurtà tagħhom fit-tħejjija tal-provvista.

(2)

B’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni taż-Żejt u b’koordinazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tirrevedi din ir-Rakkomandazzjoni biex tistabbilixxi data għall-applikazzjoni tal-obbligu tal-ħżin, filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tal-kriżi attwali.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2009/119/KE tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9).

(2)  Il-277 u l-279 laqgħa straordinara tal-Bord ta’ Tmexxija.