European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2102

3.10.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2102

tat-2 ta’ Ottubru 2023

li taħtar żewġ membri fil-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti stabbilit permezz tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tat-22 ta’ Ottubru 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jipprevedi li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, bħala kundizzjoni tar-reġistrazzjoni tagħhom, iridu josservaw, kemm fil-programmi kif ukoll fl-attivitajiet tagħhom, il-valuri li fuqhom hija ffondata l-Unjoni, kif espressi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

(2)

Meta jitqajmu dubji dwar jekk partit jew fondazzjoni humiex qed josservaw dan ir-rekwiżit fil-prattika, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw talba lill-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (“l-Awtorità”) biex tivverifika s-sitwazzjoni;

(3)

Qabel jaslu għal deċiżjoni dwar jekk il-partit jew il-fondazzjoni jinqatgħux mir-reġistru, l-Awtorità ikollha tikkonsulta l-Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti, li għandu jagħti opinjoni fi żmien xahrejn;

(4)

Il-Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti ġie stabbilit permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

(5)

Il-Kumitat jikkonsisti minn sitt membri, fejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru żewġ membri kull wieħed. Il-Kumitat għandu jiġġedded fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara kull elezzjoni Ewropea.

(6)

Huwa għalhekk meħtieġ li jinħatru żewġ membri ta’ dak il-Kumitat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)   Il-persuni segwenti huma maħturin membri tal-Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti għat-tul tal-mandat tal-Kumitat:

Is-Sinjura Tiina ASTOLA

Is-Sinjura Kolinda GRABAR-KITAROVIĆ

(2)   Il-ħatra hija soġġetta għall-iffirmar, minn kull membru nnominat, tad-dikjarazzjoni ta’ indipendenza u n-nuqqas ta’ konflitt ta’ interessi li hija mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.


ANNESS

DIKJARAZZJONI TA’ INDIPENDENZA U TA’ NUQQAS TA’ KUNFLITT TA’ INTERESSI

Jiena, is-sottoskritt, …, niddikjara li ħadt nota tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u ser neżerċita dmirijieti bħala ta’ membru tal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti b’mod kompletament indipendenti u f’konformità totali mar-regoli ta’ dak ir-Regolament. La ser nitlob u lanqas ser nieħu struzzjonijiet minn xi istituzzjoni jew gvern, jew minn xi entità, uffiċċju jew aġenzija oħra. Jien ser nastjeni minn kwalunkwe att li huwa inkompatibbli man-natura tad-dmirijiet tiegħi. Niddikjara li, sa fejn naf jien, ma ninsabx f’sitwazzjoni ta’ konflitt ta’ interessi. Jeżisti konflitt ta’ interessi fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv ta’ dmirijieti bħala membru tal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti jkun kompromess minħabba raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja personali, l-affinità politika, nazzjonali, filosofika jew reliġjuża, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess ieħor kondiviż ma’ riċevitur potenzjali. B’mod partikolari, niddikjara li m’iniex membru tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Ma għandi l-ebda mandat elettorali. M’iniex uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Unjoni Ewropea. M’iniex, u qatt ma kont, impjegat ta’ xi partit politiku Ewropew jew ta’ xi fondazzjoni politika Ewropea.

Magħmula fi …,

[DATA + FIRMA tal-membru nominat għall-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti]


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2102/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)