6.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/33


It-testi oriġinali tan-NU/KEE biss għandhom effett legali skont id-dritt pubbliku internazzjonali. L-istatus u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ċċekkjati fl-aħħar verżjoni tad-dokument tal-istatus UN/ECE TRANS/WP.29/343, disponibbli fuq:

http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29wgs/wp29gen/wp29fdocstts.html

Ir-Regolament Nru 28 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ apparati li jagħtu twissija li tinstema’ u l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-magna fir-rigward tas-sinjali tagħhom li jinstemgħu

Tinkorpora t-test validu kollu sa:

Is-suppliment 3 għall-verżjoni oriġinali tar-Regolament – Id-data tad-dħul fis-seħħ: it-28 ta' Diċembru 2000

WERREJ

REGOLAMENT

1.

Il-Kamp ta’ applikazzjoni

I.   APPARATI TA’ TWISSIJA LI TINSTEMA’

2.

Id-Definizzjonijiet

3.

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni

4.

Il-marki

5.

L-approvazzjoni

6.

L-ispeċifikazzjonijiet

7.

Modifika tat-tip tal-apparat ta’ twissija li tinstema’ u estenzjoni tal-approvazzjoni

8.

Il-konformità tal-produzzjoni

9.

Pieni għan-nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

10.

Il-produzzjoni mwaqqfa

II.   SINJALI LI JINSTEMGĦU TA’ VETTURI BIL-MAGNA

11.

Id-Definizzjonijiet

12.

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni

13.

L-approvazzjoni

14.

L-ispeċifikazzjonijiet

15.

Il-modifiki tat-tip tal-vettura u l-estenzjoni għall-approvazzjoni

16.

Il-konformità tal-produzzjoni

17.

Pieni għan-nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

18.

L-ismijiet u l-indirizzi tas-servizzi tekniċi li jwettqu t-testijiet tal-approvazzjoni, u tad-dipartimenti amministrattivi

ANNESSI

Anness 1 -

Komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni (jew iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ approvazzjoni jew il-waqfien definittiv tal-produzzjoni jew l-estensjoni tal-approvazzjoni) ta’ tip ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’ għal vetturi bil-magna skont ir-Regolament Nru 28

Anness 2 -

Komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni (jew iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ approvazzjoni jew il-waqfien definittiv tal-produzzjoni jew l-estensjoni tal-approvazzjoni) ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tas-sinjali tagħha li jinstemgħu skont ir-Regolament Nru 28.

Anness 3 -

I.

Il-format tal-marka ta’ approvazzjoni tal-apparat ta’ twissija li tinstema’

II.

Il-format tal-marka ta’ approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sinjali tagħha li jinstemgħu

1.   IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Dan ir-Regolament japplika għal:

1.1.

apparati ta’ twissija li tinstema’(AWD) (1)/, fornuti b’kurrent dirett jew kurrent li jalterna jew arja kompressata, li huma maħsubin biex ikunu mmuntati fuq vetturi bil-magna tal-kategoriji L3 sa 5, M u N, esklużi l-mopeds (kategoriji L1 u L2) (2)/

1.2.

is-sinjali tal-vetturi bil-magna li jinstemgħu (3) li qegħdin elenkati f' 1.1.

I.   APPARATI TA’ TWISSIJA LI TINSTEMA’

2.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, apparati ta’ twissija li tinstema’(AWD) ta’ "tipi" differenti għandhom jinftiehmu li jffissru apparati li jkunu essenzjalment differenti wieħed mill-ieħor fejn għandhom x’jaqsmu aspetti bħal:

2.1.

l-isem jew il-marka kummerċjali;

2.2.

il-prinċipji tat-tħaddim;

2.3

it-tip tal-provvista tal-elettriku (kurrent dirett jew li jalterna);

2.4.

il-forma ta’ barra tal-qafas;

2.5.

l-għamla u d-dimensjonijiet tad-dijaframma/i;

2.6.

l-għamla jew it-tip ta’ apparati li joħorġu l-ħoss;

2.7.

stima tal-frekwenza jew frekwenzi tal-ħoss;

2.8.

stima tal-forniment ta’ vultaġġ;

2.9.

għal apparati fornuti direttament minn sors estern ta’ arja kompressata, stima tal-pressjoni tat-tħaddim.

2.10.

L-AWD huwa maħsub l-aktar għal:

2.10.1.

motoċikletti ta’ potenza anqas minn jew daqs 7 kW (klassi I).

2.10.2.

vetturi tal-kategoriji M u N u motoċikletti ta’ potenza akbar minn 7 kW (klassi II).

3.   L-APPLIKAZZJONI GĦAL APPROVAZZJONI

3.1.   L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tip ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’ għandha tiġi mressqa mill-propjetarju tal-isem jew tal-marka kummerċjali jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

3.2.   Din għandu jkollha magħha tliet kopji tad-dokumenti li ġejjin li jagħtu d-dettalji li ġejjin:

3.2.1.

deskrizzjoni tat-tip ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’, b’attenzjoni partikulari għall-punti msemmija fil-paragrafu 2;

3.2.2.

disinn li juri, inter alia, il-wiċċ maqtugħ fuq angolu rett tal-apparat ta’ twissija;

3.2.3.

lista tal-komponenti li jkunu ntużaw fil-manifattura, li jkunu identifikati, kif xieraq, b’indikazzjoni tal-materjal li jkun intuża;

3.2.4.

disinni dettaljati tal-komponenti kollha wżati fil-manifattura. Id-disinni għandhom juru l-post ipprovdut għan-numru tal-approvazzjoni b’relazzjoni għaċ-ċirku tal-marka tal-approvazzjoni.

3.3.   Barra minn hekk, l-applikazzjoni għall-approvazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’żewġ kampjuni tat-tip tal-apparat ta’ twissija.

3.4.   L-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-eżistenza ta’ arranġamenti sodisfaċenti li jiżguraw il-kontroll effettiv tal-konformità tal-produzzjoni qabel ma tingħata l-approvazzjoni għat-tip.

4.   IL-MARKI

4.1.   Il-kampjuni tal-apparati ta’ twissija li tinstema’ li jiġu mressqa għall-approvazzjoni, għandu jkollhom fuqhom l-isem jew il-marka kummerċjali tal-manifattur; din il-marka trid tkun tista’ tinqara b’mod ċar u tkun magħmula b'mod li ma titħassarx.

4.2.   Kull kampjun għandu jkollu spazju ta’ daqs kbir biżżejjed biex titpoġġa l-marka tal-approvazzjoni; dan l-ispazju jrid ikun indikat fid-disinn imsemmi fil-paragrafu 3.2.2.

5.   L-APPROVAZZJONI

5.1.   Jekk il-kampjuni mressqa għall-approvazzjoni jkunu skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 6. u 7. ta’ hawn taħt, għandha tingħata l-approvazzjoni għal dan it-tip ta’ apparat ta’ twissija.

5.2.   Għandu jingħata numru tal-approvazzjoni lil kull tip approvat. L-ewwel żewġ figuri tiegħu (bħalissa 00 għar-Regolament fil-forma oriġinali tiegħu) għandhom jindikaw is-serje ta’ emendi li jinkludu l-aktar emendi tekniċi reċenti magħmulin lir-Regolament fil-mument tal-ħruġ tal-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma tistax tassenja dan in-numru lil tip ieħor ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’.

5.3.   L-istess numru ta’ approvazzjoni jista’ jiġi assenjat lil tipi ta’ apparat ta’ twissija li jvarjaw biss fir-rigward tal-vultaġġ u l-frekwenza jew frekwenzi stmati, jew, għall-apparati msemmija fil-paragrafu 2.8 ta’ hawn fuq, fir-rigward tal-istima tal-pressjoni waqt it-tħaddim.

5.4.   Avviż dwar l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda jew l-estensjoni jew l-irtirar ta’ approvazzjoni jew il-waqfien definittiv tal-produzzjoni ta’ tip ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’ skont dan ir-Regolament għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet tal-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola li taqbel mal-mudell li jidher fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, u permezz ta’ disinni tal-apparat ta’ twissija li tinstema’ (fornuti mill-applikant għall-approvazzjoni) b’format massimu ta’ A.4 (210 x 297 mm) jew inkella bil-karta mitwija biex ikollha dan il-format, bil-proporzjon ta’ 1:1.

5.5.   Fuq kull apparat ta’ twissija li tinstema’ li jkun konformi ma’ tip li jkun approvat taħt dan ir-Regolament, għandha titwaħħal b’mod evidenti, f’post prominenti u aċċessibbli kif indikat fuq il-formola tal-approvazzjoni, marka ta’ approvazzjoni internazzjonali li tkun tinkludi:

5.5.1.

ċirku li jkun fih l-ittra "E" segwita bin-numru li jiddistingwi l-pajjiż li jkun qed jagħti l-approvazzjoni; (4)

5.5.2.

numru ta' approvazzjoni.

5.5.3.

simbolu addizzjonali f’forma ta’ figura b’numri Rumani, li juri għal liema klassi jappartjieni l-AWD.

5.6.   Il-marka ta’ approvazzjoni u s-simbolu addizzjonali jridu jkunu jidhru ċari u magħmulin b'mod li ma jkunux jistgħu jitħassru.

5.7.   L-Anness 3, Taqsima 1 ta’ dan ir-Regolament jagħti eżempju tal-format tal-marka tal-approvazzjoni.

6.   L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET

6.1.   L-ispeċifikazzjonijiet ġenerali

6.1.1.

L-apparat ta’ twissija li tinstema’ għandu jagħmel ħoss kontinwu u kostanti; l-ispettru akustiku tiegħu m’għandux ivarja ħafna waqt li jkun qed jiġi mħaddem.

Fir-rigward tal-apparati ta’ twissija fornuti b’kurrent li jalterna, dan ir-rekwiżit għandu japplika biss għall-veloċità kostanti tal-ġeneratur, fil-medda speċifikata fil-paragrafu 6.2.3.2.

6.1.2.

L-apparat ta’ twissija għandu jkollu karatteristiċi akustiċi (tqassim spettrali tal-enerġija akustika, livell tal-pressjoni tal-ħoss) u karatteristiċi mekkaniċi biex jgħaddi mit-testijiet li ġejjin, fl-ordni indikata.

6.2   Kejl tal-karatteristiċi tal-ħoss

6.2.1.

Jekk jista’ jkun, l-apparat ta’ twissija għandu jiġi eżaminat f’ambjent li ma jidwix.

Alternattivament, jista’ jiġi eżaminat f’kamra li tkun kważi mingħajr ebda eku jew fl-apert (5)/. F’dan il-każ, għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet biex jiġu evitati r-riflessi mill-art fiż-żona fejn ikun qed isir il-kejl (ngħidu aħna billi jittellgħu numru ta’ lqugħ li jassorbu). Għandha tiġi vverifikata l-konformità mad-diverġenza sferika sa limitu ta’ 1 dB f’emisfera ta’ raġġ ta’ mhux inqas minn 5 m, sa l-ogħla frekwenza li tkun ser tiġi mkejla, b’mod speċjali fid-direzzjoni tal-kejl u mit-tul tal-apparat u l-mikrofonu.

Il-livell tal-ħoss ambjentali għandu jkun mill-inqas ta’ 10 dB taħt il-livell tal-pressjoni tal-ħoss li jkun irid jiġi mkejjel.

L-apparat li jrid jiġi eżaminat u l-mikrofonu għandhom jitqegħdu fl-istess għoli. Dan l-għoli għandu jkun ta' bejn il-1.15 u l-1.25 m. Il-linja tas-sensittività massima tal-mikrofonu għandha tikkoinċidi mad-direzzjoni li fiha l-livell tal-ħoss tal-apparat ikun fl-ogħla livell tiegħu.

Il-mikrofonu għandu jitqiegħed b'mod li d-dijaframma tiegħu tkun f’distanza ta’ 2 ± 0.01 mill-pjan tal-iżbokk għall-ħoss tal-apparat. F’każ ta’ apparati li jkollhom għadd ta' żbokki għall-ħoss, id-distanza għandha tiġi stabbilita b’relazzjoni mal-pjan tal-iżbokk li jkun l-eqreb lejn il-mikrofonu.

6.2.2.

Il-kejl tal-livelli tal-pressjoni tal-ħoss irid jittieħed permezz ta’ arloġġ tal-kejl li fil-livell ta’ ħoss ikollu preċiżjoni tal-ewwel klassi u li jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Pubblikazzjoni IEC Nru 651, l-ewwel edizzjoni (1979). Il-kejl kollu għandu jsir bl-użu tal-ħin kostanti “F”. Il-kejl tal-livell totali tal-pressjoni tal-ħoss irid jittieħed bl-użu tal-kurva differenzjata A. L-ispettru tal-ħoss li joħroġ irid jitkejjel skont il Fourier transform tas-sinjal akustiku. Alternattivament, jistgħu jintużaw filtri tat-tielet ottava li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Pubblikazzjoni IEC Nru 225, l-ewwel edizzjoni (1996):

f’dan il-każ, il-livell tal-pressjoni tal-ħoss fil-frekwenza tal-medda ċentrali ta’ 2 500 Hz għandu jkun stabbilit billi jiżdiedu l-intermedjarji kwadratiċi tal-pressjonijiet tal-ħoss fil-meded tat-tielet ottava ta’ frekwenzi ċentrali ta’ 2 000, 2 500 u 3 150 Hz.

Fil-każijiet kollha, il-metodu Fourier transform biss jista’ jkun ikkunsidrat li hu l-metodu ta’ referenza.

6.2.3.

L-AWD għandu jkun fornut, kif xieraq, bil-kurrent ta’ wieħed mill-vultaġġi ta’ prova:

6.2.3.1.

fil-każ tal-AWDs fornuti b’kurrent dirett, b’vultaġġ li jiġi mkejjel fil-punt terminali tas-sors tal-enerġija elettrika ta’ 13/12 tal-vultaġġ stmat.

6.2.3.2.

fil-każ ta’ AWDs fornuti b’kurrent li jalterna, il-kurrent għandu jkun fornut permezz ta’ ġeneratur tal-elettriku tat-tip ġeneralment użat ma’ dan it-tip ta’ AWD. Il-karatteristiċi akustiċi tal-AWD għandhom jiġu rreġistrati f’veloċitajiet ta’ ġeneratur elettriku li jikkorrispondu għal 50 %, 75 % u 100 % tal-veloċità massima mogħtija mill-manifattur tal-ġeneratur għall-operazzjoni kontinwa. Il-ġeneratur elettriku m’għandux ikun mgħobbi b'ebda piż (load) elettriku ieħor matul it-test. It-test tar-reżistenza deskritt fil-paragrafu 6.3 għandu jsir b’veloċità li tkun indikata mill-manifattur tat-tagħmir u magħżula mis-sensiela msemmija hawn fuq.

6.2.4.

Jekk sors kurrenti rrettifikat jintuża għat-test ta’ AWD fornit b’kurrrent dirett, il-komponent tal-vultaġġ li jalterna mkejjel fil-punti terminali tiegħu, meta l-apparati ta’ twissija jkunu qed jitħaddmu, m’għandux ikun iktar minn 0.1 volts, imkejjel minn punt tal-ogħla intensità għall-ieħor.

6.2.5.

Għall-AWDs fornuti b’kurrent dirett, ir-reżistenza tal-kondutturi ta’ konnessjoni, imfissra f’ohms, inklużi r-reżistenzi tat-terminali u l-kuntatti, għandha tkun qrib kemm jista’ jkun għal (0,10/12) x il-vultaġġ stmat f’volts.

6.2.6.

L-apparat ta' twissija għandu jkun immuntat b'mod sod, permezz ta' apparat indikat mill-manifattur, fuq rifda li l-massa tagħha tkun mill-inqas ta' għaxar darbiet dik tal-apparat ta' twissija li qed jiġi ttestjat u ta' mhux inqas minn 30 kg. Barra minn hekk, għandu jkun żgurat li jekk ikun hemm xi riflessjonijiet mil-ġnub tar-rifda, u xi vibrazzjonijiet, dawn ma jkollhomx effett apprezzabbli fuq ir-riżultati tal-kejl.

6.2.7.

Skont il-kundizzjonijiet stipulati hawn fuq, il-pressjoni tal-ħoss mgħobbija skont il-kurva A m'għandhomx ikunu iżjed mill-valuri li jidhru hawn taħt:

(a)

115 dB(A) għall-AWDs maħsubin prinċipalment għall-motoċikletti li jtellgħu potenza ta’ inqas jew daqs 7 kW;

(b)

118 dB(A) għall-AWDs maħsubin prinċipalment għall-vetturi tal-kategoriji M u N, u għall-motoċikletti b'saħħa ta' iżjed minn 7 kW.

6.2.7.1

Barra minn hekk, il-livell tal-pressjoni tal-ħoss fil-medda ta’ frekwenza ta’ 1 800 sa 3 550 Hz għandha tkun akbar minn dik ta’ kull komponent ta’ frekwenza ’l fuq minn 3 550 Hz u fi kwalunkwe każ daqs jew akbar minn:

(a)

95 dB(A) għall-AWDs maħsubin prinċipalment għall-motoċikletti li jtellgħu potenza ta’ inqas jew daqs 7 kW;

(b)

105 dB(A) għall-AWDs li huma prinċipalment maħsubin għall-vetturi ta’ kategoriji M u N, u motoċikletti li jtellgħu potenza ta’ aktar minn 7 kW.

6.2.7.2

Dawk l-AWDs li jissodisfaw il-karatteristiċi tal-ħoss imsemmija f’(b) jistgħu jintużaw fuq il-vetturi msemmija f’(a).

6.2.8.

L-ispeċifikazzjonijiet indikati hawn fuq għandhom ukoll jiġu ssodisfatti permezz ta’ apparat li jkun suġġett għat-test ta’ reżistenza msemmi fil-paragrafu 6.3 ta’ hawn taħt, bil-vultaġġ tal-provvista li jkun ivarja bejn il-115 % u l-95 % tal-istima tal-vultaġġ tiegħu għall-AWDs forniti b’kurrent dirett, jew, għall-AWDs forniti b’kurrent li jalterna, bejn il-50 % u l-100 % tal-veloċità massima tal-ġeneratur indikat mill-manifattur għal tħaddim kontinwu.

6.2.9.

L-intervall bejn il-mument meta l-apparat jitqabbad u l-mument meta l-ħoss jilħaq il-valur minimu stipulat fil-paragrafu 6.2.7. ta’ hawn fuq, m’għandux jaqbeż iż-0,2 ta’ sekonda mkejla f’temperatura ambjentali ta’ 20 + 5 C. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli, inter alia, għall-apparati ta' twissija pnewmatiċi jew elettropnewmatiċi.

6.2.10.

L-apparati ta’ twissija pnewmatiċi jew elettropnewmatiċi għandhom, meta jitħaddmu taħt il-kundizzjonijet tal-forniment ta’ enerġija stabbiliti għalihom mill-manifatturi, jissodisfaw l-istess rekwiżiti akustiċi li huma stipulati għall-apparati ta’ twissija li tinstema’ li jitħaddmu bl-elettriku.

6.2.11.

Fil-każ ta’ mezzi b’multipliċità ta’ toni li fihom kull unità li toħroġ il-ħoss hija kapaċi li tiffunzjona indipendentement, il-valuri speċifikati hawn fuq għandhom jinkisbu meta kull wieħed mill-unitajiet kostitwenti jiġi operat separatament. Il-valur massimu tal-livell kollu tal-ħoss m’għandux jinqabeż meta l-unitajiet kostitwenti jiġu operati flimkien.

6.3.   Test tar-reżistenza

6.3.1.

L-AWD għandu jkun fornut bil-kurrent fil-vultaġġ stmat u bir-reżistenzi tal-kondutturi ta’ konnessjoni speċifikati fil-paragrafi 6.2.3. sa 6.2.5. ta’ hawn fuq, u mħaddmin rispettivament:

10 000 darba għall-AWDs maħsubin prinċipalment għal motoċikletti b'potenza ta’ inqas minn jew daqs 7 kW

50 000 darba għall-AWDs maħsubin prinċipalment għall-vetturi tal-kategoriji M u N u għall-motoċikletti li jtellgħu potenza ta’ iktar minn 7 kW, għal tul ta’ sekonda kull darba u segwita b’intervall ta’ erba’ sekondi. Matul it-test, l-AWD għandu jkun espost għal kurrent tal-arja li jkollu veloċità ta’ madwar 10 m/sek.

6.3.2.

Jekk it-test isir f’kamra ta’ mingħajr eku, il-kamra għandha tkun kbira biżżejjed li tiżgura t-tixrid normali tas-sħana li toħroġ mill-apparat ta’ twissija waqt it-test.

6.3.3.

It-temperatura ambjentali fil-kamra fejn isir it-test għandha tkun bejn + 15 u + 30 °Ċ.

6.3.4.

Jekk, wara li l-AWD ikun tħaddem għal nofs in-numru tad-drabi stipulati, il-karatterisitċi tal-livell tal-ħoss ma jkunux l-istess bħal dawk ta’ qabel it-test, l-AWD jista’ jiġi aġġustat. Wara li jkun tħaddem għan-numru ta’ drabi stipulati, u, jekk ikun hemm bżonn, wara li jkunu sarulu aktar aġġustamenti, l-AWD irid jgħaddi mit-test deskritt fil-paragrafu 6.2. ta’ hawn fuq.

6.3.5.

Għall-apparati ta’ twissija tat-tip elettro-pnewmatiċi, l-apparat jista’ jiġi llubrikat biż-żejt irrikkmandat mill-manifattur wara kull 10 000 darba li jitħaddem.

7.   MODIFIKA TAT-TIP TA’ APPARAT TA’ TWISSIJA LI TINSTEMA’ U L-ESTENSJONI TAL-APPROVAZZJONI

7.1.   Kull modifika għal tip ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’ għandha tiġi nnotifikata lid-dipartiment amministrattiv li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’. Dan id-dipartiment imbagħad jista’:

7.1.1.

jew ikun tal-fehma li l-modifiki magħmulin x’aktarx li mhux se jħallu effett negattiv apprezzabbli;

7.1.2.

inkella jitlob rapport ġdid mingħand is-servizz tekniku responsabbli mit-testijiet.

7.2.   In-notifika tal-konferma tal-approvazzjoni, bid-dettalji tal-modifiki, jew taċ-ċaħda tal-approvazzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-Partijiet tal-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament, skont il-proċedura indikata fil-paragrafu 5.4. ta’ hawn fuq.

7.3.   L-awtorità kompetenti li toħroġ l-estensjoni tal-approvazzjoni għandha tassenja numru tas-serje lil kull formola ta’ komunikazzjoni magħmula għal din l-estensjoni.

8.   KONFORMITÀ TA’ PRODUZZJONI

Il-proċeduri tal-konformità tal-produzzjoni għandhom jikkonformaw ma’ dawk stipulati fil-Ftehim, fl-Appendiċi 2 (E/ECE/324-E/ECE/TRANS/505/Rev.2) bir-rekwiżiti li ġejjin:

8.1

AWD approvat skont dan ir-Regolament għandu jkun maħdum b’tali mod li jikkonforma mat-tip approvat billi jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6 ta’ hawn fuq.

8.2.

L-awtorità li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tista’ f’kull ħin tivverifika l-metodi tal-kontroll għall-konformità li jkunu ntużaw f’kull faċilità ta’ produzzjoni. Il-frekwenza normali ta' dawn il-verifiki għandha tkun ta' darba kull sentejn.

9.   SANZJONIJIET GĦAL NUQQAS TA’ KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

9.1.   L-approvazzjoni mogħtija lil tip ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’ skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 8.1 ma jitħarsux jew jekk l-apparat ta’ twissija li tinstema’ ma jgħaddix mill-verifiki msemmija fil-paragrafu 8.2 hawn fuq.

9.2.   Jekk xi Parti involuta fil-Ftehim li tapplika dan ir-Regolament tirtira l-approvazzjoni li tkun tat qabel, hija għandha tavża minnufih lil Partijiet Kontraenti l-oħrajn li jkunu qed japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ kopja tal-formola tal-approvazzjoni li fl-aħħar tagħha jkun hemm id-dikjarazzjoni, iffirmata u ddatata, miktuba bi kliem kbar: “APPROVAZZJONI RTIRATA”.

10.   PRODUZZJONI MWAQQFA

Jekk id-dententur ta’ approvazzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament iwaqqaf il-produzzjoni tat-tip ta’ apparat ta’ twissija li tinstema’ li jkun approvat, huwa għandu javża lill-awtorità li tkun tat l-approvazzjoni. Meta tirċievi l-komunikazzjoni, din l-awtorità għandha tinforma lill-Partijiet l-oħrajn involuti fil-Ftehim li jkunu qed japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ kopja tal-formola ta’ approvazzjoni li fl-aħħar tagħha jkun hemm id-dikjarazzjoni, iffirmata u ddatata, miktuba bi kliem kbar: “PRODUZZJONI MWAQQFA”

II.   SINJALI LI JINSTEMGĦU TA’ VETTURI BIL-MAGNA

11.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament,

11.1.

“L-approvazzjoni tal-vettura bil-magna” għandha tinftiehem li tfisser approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tas-sinjal tagħha li jinstema’;

11.2.

“Tip ta’ vettura” għandha tinftiehem li tfisser vettura li mhix essenzjalment differenti minn oħra fejn għandhom x’jaqsmu oqsma bħal:

11.2.1.

in-numru u tip(i) ta’ apparati ta’ twissija mmuntati fuq il-vettura;

11.2.2.

il-muntatura użata biex jitwaħħal l-apparat ta’ twissija mal-vettura;

11.2.3.

il-pożizzjoni tal-apparat ta’ twissija fuq il-vettura;

11.2.4.

ir-riġidità tal-partijiet tal-istruttura li fuqhom jiġi/u mmuntat/i l-apparat/i ta’ twissija;

11.2.5.

l-għamla u l-materjal tal-parti ta’ quddiem tal-bodì tal-vettura li jista’ jaffettwa l-livell tal-ħoss li joħroġ mill-apparat/i ta’ twissija u jkollu l-effett li jmewwet il-ħoss.

12.   L-APPLIKAZZJONI GĦAL APPROVAZZJONI

12.1.   L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tas-sinjali tagħha li jinstemgħu għandha titressaq mill-manifattur tal-vettura jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu;

12.2.   Din għandu jkollha magħha tliet kopji tad-dokumenti li ġejjin li jagħtu d-dettalji li ġejjin:

12.2.1.

deskrizzjoni tat-tip tal-vettura fejn għandhom x’jaqsmu l-oqsma msemmija fil-paragrafu 11.2 ta’ hawn fuq;

12.2.2.

lista tal-komponenti li huma meħtieġa biex ikun identifikat l-apparat/i ta’ twissija li jista’/jistgħu jiġi/u mmuntat/i fuq il-vettura;

12.2.3.

Disinni li juru l-pożizzjoni fuq il-vettura tal-apparat(i) ta’ twissija u tal-muntaturi tiegħu/tagħhom.

12.3.   Vettura li tirrappreżenta t-tip ta’ vettura li għandu jiġi approvat għandha titressaq quddiem is-servizz tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni.

13.   L-APPROVAZZJONI

13.1.   Jekk it-tip ta’ vettura mressqa għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafi 14 u 15 ta’ hawn taħt, l-approvazzjoni għal dan it-tip ta’ vettura għandha tkun mogħtija.

13.2.   Għandu jingħata numru tal-approvazzjoni lil kull tip approvat. L-ewwel żewġ figuri tiegħu (bħalissa 00 għar-Regolament fil-forma oriġinali tiegħu) għandhom jindikaw is-serje ta’ emendi li jinkludu l-aktar emendi tekniċi reċenti magħmulin lir-Regolament fil-mument tal-ħruġ tal-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma tistax tassenja dan in-numru lil tip ieħor ta’ vettura.

13.3.   Avviż ta' approvazzjoni jew ta' ċaħda tal-approvazzjoni jew l-estensjoni jew l-irtirar ta’ approvazzjoni jew il-waqfien definittiv tal-produzzjoni ta’ tip ta’ vettura, skont dan ir-Regolament, għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet involuti f’dan il-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola li taqbel mal-mudell li jidher fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament, u permezz ta’ disinni (pprovduti mill-applikant għall-approvazzjoni) b’format massimu ta’ A.4 (210 x 297 mm), jew inkella b'karta mitwija biex ikollha dan il-format, bi proporzjon xieraq.

13.4.   Fuq kull vettura li tkun konformi ma’ tip ta’ vettura li tkun approvata taħt dan ir-Regolament, għandha titwaħħal b’mod evidenti, f’post prominenti u aċċessibbli li jkun indikat fuq il-formola tal-approvazzjoni, marka ta’ approvazzjoni internazzjonali li tkun tinkludi:

13.4.1.

ċirku li jkun fih l-ittra "E" segwita bin-numru li jiddistingwi l-pajjiż li jkun qed jagħti l-approvazzjoni;

13.4.2.

in-numru ta’ dan ir-Regolament imqiegħed fuq in-naħa tal-lemin taċ-ċirku msemmi fil-paragrafu 13.4.1.

13.5.   Jekk il-vettura tikkonforma ma' tip approvat, skont Regolament(i) ieħor/oħrajn anness(i) mal-Ftehim, fl-istess pajjiż bħal dak li jkun ta l-approvazzjoni taħt dan ir-Regolament, is-simbolu msemmi fil-paragrafu 13.4. m’hemmx għalfejn jerġa’ jkun ripetut; f’dan il-każ, in-numri u s-simboli addizzjonali tar-Regolamenti kollha li skonthom tkun ingħatat l-approvazzjoni fil-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni taħt dan ir-Regolament, għandhom jidhru f’kolonni vertikali fuq in-naħa tal-lemin tas-simbolu msemmi fil-paragrafu 13.4.

13.6.   Il-marka tal-approvazzjoni trid tkun miktuba b'mod li tintgħaraf faċilment u li ma tistax titħassar.

13.7.   Il-marka ta’ approvazzjoni trid titqiegħed ħdejn il-pjanċa li fuqha jkollha l-karatteristiċi tal-vettura u tista’ wkoll tiġi mwaħħla ma’ din il-pjanċa.

13.8.   L-Anness 3, Taqsima II ta’ dan ir-Regolament jagħti eżempju tal-format tal-marka tal-approvazzjoni.

13.9.   L-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-eżistenza ta’ arranġamenti sodisfaċenti li jiżguraw il-kontroll effettiv tal-konformità tal-produzzjoni qabel ma tingħata l-approvazzjoni għat-tip.

14.   L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET

Il-vettura trid tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

14.1.

L-apparat(i) (jew is-sistema) ta’ twissija li tinstema’/jinstemgħu immuntat/i fuq il-vettura għandu/għandhom ikun/u tat-tip approvat/i skont dan ir-Regolament;

Apparati ta’ twissija li tinstema’ li jkunu tal-Klassi II u li jkunu approvati skont dan ir-Regolament fil-forma oriġinali tiegħu, u li għalhekk ma jkollhomx is-simbolu II fil-marka ta’ approvazzjoni tagħhom, jistgħu jibqgħu jiġu mmuntati fuq tipi ta’ vetturi mressqin għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament.

14.2.

Il-vultaġġ tat-test għandu jkun kif speċifikat fil-paragrafu 6.2.3 tar-Regolament;

14.3.

Il-kejl tal-pressjoni tal-ħoss għandu jsir fil-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 6.2.2. ta’ dan ir-Regolament;

14.4.

Il-livell tal-ħoss A-weighted li joħroġ mill-apparat mqiegħed fuq il-vettura għandu jitkejjel minn distanza ta’ 7 m quddiem il-vettura, b’din tal-aħħar titqiegħed f’sit miftuħ, fuq art kemm jista’ jkun bla ħotob u, fil-każ ta’ apparati fornuti b’kurrent dirett, bil-magna tagħha mitfija;

14.5.

Il-mikrofonu tal-apparat tal-kejl għandu jitqiegħed bejn wieħed u ieħor fil-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura;

14.6.

Il-livell tal-pressjoni tal-ħoss tal-isfond u tal-ħoss tar-riħ għandhom ikunu ta’ mill-inqas 10 dB (A) inqas mill-ħoss li jkun se jitkejjel;

14.7.

Il-livell massimu tal-pressjoni tal-ħoss għandu jkun imfittex f’medda ta' bejn 0.5 u 1,5 m ’il fuq mil-livell tal-art;

14.8.

Meta jitkejjel fil-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 14.2 sa 14.7, il-valur massimu tal-pressjoni tal-ħoss (14.7) tas-sinjal li jinstema’ li jkun qed jiġi ttestjat għandu jkun ta’ mill-inqas:

(a)

daqs 83 dB(A) u mhux aktar minn 112 dB(A) għas-sinjali tal-motoċikletti li jtellgħu potenza ta’ inqas minn jew daqs 7 kW;

(b)

daqs 93 dB(A) u mhux aktar minn 112 dB(A) għas-sinjali tal-vetturi tal-kategoriji M u N u għall-motoċikletti li jtellgħu potenza ta’ iktar minn 7 kW.

15.   MODIFIKI TAT-TIP TA’ VETTURA U L-ESTENSJONI TAL-APPROVAZZJONI

15.1.   Kull modifika tat-tip ta’ vettura għandha tiġi nnotifikata lid-dipartiment amministrattiv li jkun ta l-approvazzjoni għat-tip ta’ vettura. Dan id-dipartiment imbagħad jista’:

15.1.1.

jew ikun tal-fehma li l-modifiki magħmulin x’aktarx li mhux se jħallu effett negattiv apprezzabbli; u li, fi kwalunkwe każ, il-vettura xorta tissodisfa r-rekwiżiti; jew

15.1.2.

jitlob rapport ġdid mingħand is-servizz tekniku responsabbli mit-testijiet.

15.2.   Notifika tal-konferma tal-approvazzjoni bid-dettalji tal-modifiki, jew taċ-ċaħda tal-approvazzjoni, għandha tiġi kkomunikata lill-Partijiet involuti fil-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament, skont il-proċedura indikata fil-paragrafu 13.3 ta’ hawn fuq.

15.3.   L-awtorità kompetenti li toħroġ l-estensjoni tal-approvazzjoni għandha tassenja numru tas-serje lil kull formola ta’ komunikazzjoni magħmula għal din l-estensjoni.

16.   KONFORMITÀ TA’ PRODUZZJONI

Il-proċeduri tal-konformità tal-produzzjoni għandhom jikkonformaw ma’ dawk stipulati fil-Ftehim, fl-Appendiċi 2 (E/ECE/324-E/ECE/TRANS/505/Rev.2) bir-rekwiżiti li ġejjin:

16.1.

Vettura approvata skont dan ir-Regolament għandha tkun maħduma b’tali mod li tkun skont it-tip approvat billi tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 14 ta’ hawn fuq.

16.2.

L-awtorità li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tista’ f’kull ħin tivverifika l-metodi tal-kontroll għall-konformità li jkunu ntużaw f’kull faċilità ta’ produzzjoni. Il-frekwenza normali ta’ dawn il-verifiki għandha tkun ta’ darba kull sentejn.

17.   SANZJONIJIET GĦAL NUQQAS TA’ KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

17.1.   L-approvazzjoni mogħtija lil tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 16.1 ta’ hawn fuq ma jiġux imħarsa, jew jekk il-vettura ma tgħaddix mill-kontrolli msemmija fil-paragrafu 16.2 ta’ hawn fuq.

17.2.   Jekk xi Parti involuta fil-Ftehim li tapplika dan ir-Regolament tirtira l-approvazzjoni li tkun tat qabel, hija għandha tavża minnufih lil Partijiet Kontraenti l-oħrajn li jkunu qed japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ kopja tal-formola tal-approvazzjoni li fl-aħħar tagħha jkun hemm id-dikjarazzjoni, iffirmata u ddatata, miktuba bi kliem kbar: “APPROVAZZJONI RTIRATA”.

18.   L-ISMIJIET U L-INDIRIZZI TAS-SERVIZZI TEKNIĊI LI JWETTQU T-TESTIJIET TAL-APPROVAZZJONI, U TAD-DIPARTIMENTI AMMINISTRATTIVI

Il-Partijiet involuti f’dan il-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jikkommunikaw lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-servizzi tekniċi responsabbli mit-testijiet ta’ approvazzjoni u l-ismijiet u l-indirizzi tad-dipartimenti amministrattivi li jagħtu l-approvazzjoni u li lilhom għandhom jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda jew l-irtirar tal-approvazzjoni, li jinħarġu f’pajjiżi oħrajn.


(1)  AWD li jikkonsisti f’diversi apparati minn fejn joħroġ il-ħoss li jkun attivat minn unità waħda ta’ enerġija għandu jitqies bħala AWD.

(2)  Hekk kif definiti fir-Riżoluzzjoni Konsolidata (R.E.3).

(3)  AWD li jikkonsisti f’diversi unitajiet, li kull wieħed minnhom joħroġ sinjal ta’ ħoss u jkun imħaddem fl-istess ħin bl-attwazzjoni ta’ kontroll uniku għandu jitqies bħala sistema ta’ twissija li tinstema’.

(4)  1 għall-Ġermanja, 2 għal Franza, 3 għall-Italja, 4 għall-Pajjiżi l-Baxxi, 5 għall-Isvezja, 6 għall-Belġju, 7 għall-Ungarija, 8 għar-Repubblika Ċeka, 9 għal Spanja, 10 għall-Jugoslavja, 11 għar-Renju Unit, 12 għall-Awstrija, 13 għal-Lussemburgu, 14 għall-Isvizzera, 15 (vojt), 16 għan-Norveġja, 17 għall-Finlandja, 18 għad-Danimarka, 19 għar-Rumanija, 20 għall-Polonja, 21 għall-Portugall, 22 għall-Federazzjoni Russa, 23 għall-Greċja, 24 għall-Irlanda, 25 għall-Kroazja, 26 għas-Slovenja, 27 għas-Slovakkja, 28 għall-Belarus, 29 għall-Estonja, 30 (vojt), 31 għall-Bożnija u Ħerżegovina, 32 għal-Latvija, 33 (vojt), 34 għall-Bulgarija, 35-36 (vojt), 37 għat-Turkija, 38-39 (vojt), 40 għal-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, 41 (vojt), 42 għall-Komunita' Ewropea (L-Approvazzjonijiet jingħataw mill-Istati Membri bis-simbolu tal-KEE rispettiv tagħhom), 43 għall-Ġappun, 44 (vojt), 45 għall-Awstralja, 46 għall-Ukraina u 47 għar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel. In-numri sussegwenti għandhom jingħataw lil pajjiżi oħra fl-ordni kronoloġika li fiha jirratifikaw jew jiffirmaw il-Ftehim li Jikkonċerna l-Adozzjoni tad-Dispożizzjonijiet Tekniċi Uniformi għall-Vetturi bir-Roti, għat-Tagħmir u għall-Partijiet li jistgħu Jitwaħħlu u/jew Jintużaw fuq il-Vetturi bir-Roti u l-Kundizzjonijiet għall-Għarfien Reċiproku tal-Approvazzjonijiet Mogħtija fuq il-Bażi ta’ dawn il-Preskrizzjonijiet, u n-numri mogħtija b’dan il-mod għandhom ikunu kkomunikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim.

(5)  Is-sit jista’ jieħu l-għamla, ngħidu aħna, ta’ spazju miftuħ li jkollu raġġ ta’ 50 metru, li l-parti ċentrali tiegħu trid tkun prattikament orizzontali fuq raġġ ta’ mill-inqas 20 metru, fejn il-wiċċ ikun magħmul mill-konkrit, asfalt jew materjal simili, u ma jridx ikun mgħotti b’silġ mhux magħqud u niexef, b’ħaxix ħażin twil, jew b’ħamrija sparpaljata jew bi ġmamar. Il-kejl għandu jittieħed meta tkun ġurnata sabiħa. Ħadd ħlief l-osservatur li jkun qed jaqra l-istrument m’għandu jibqa’ ħdejn l-apparat ta’ twissija li tinstema’ jew il-mikrofonu, peress illi l-preżenza ta’ spettaturi tista’ taffettwa l-qari tal-istrument b’mod konsiderevoli, jekk dawn ikunu viċin l-apparat ta’ twissija li tinstema’ jew viċin il-mikrofonu. Kull punt tal-ogħla intensità li jkun jidher li mhux marbut mal-livell ġenerali tal-ħoss, m’għandux jingħata każ tiegħu.


ANNESS 1

KOMUNIKAZZJONI

(Format massimu: A 4 (210 × 297 mm))

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS 2

KOMUNIKAZZJONI

(Format massimu: A 4 (210 x 297 mm))

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS 3

I.   ARRANĠAMENT TAL-MARKA TAL-APPROVAZZJONI TAL-APPARAT TA’ TWISSIJA LI TINSTEMA’

(ara l-paragrafu 5.5 ta’ dan ir-Regolament)

Image

Il-marka ta’ approvazzjoni ta’ hawn fuq imwaħħla ma’ apparat ta’ twissija li tinstema’ turi li dan l- AWD ta’ Klassi I ġie approvat fil-Pajjiżi l-Baxxi (E 4) taħt in-numru tal-approvazzjoni 002439. L-ewwel żewġ figuri tan-numru tal-approvazzjoni jindikaw li l-approvazzjoni ġiet mogħtija skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 28 fil-forma oriġinali tiegħu.

Nota:

In-numru tal-approvazzjoni jrid jitqiegħed viċin iċ-ċirku u l-pożizzjoni tiegħu trid tkun jew fuq jew taħt l-ittra "E" jew lejn ix-xelluq jew lejn il-lemin ta’ din l-ittra. In-numri tal-approvazzjoni jridu jkunu fuq l-istess naħa tal-ittra "E" u jħarsu fl-istess direzzjoni. Għandu jkun evitat l-użu ta’ figuri b’numri Rumani bħala numri ta’ approvazzjoni biex ma jkunx hemm konfużjoni ma’ simboli oħrajn.

II.   ARRANĠAMENT TAL-MARKA TAL-APPROVAZZJONI TA’ VETTURA RIGWARD IS-SINJALI TAGĦHA TA’ TWISSIJA LI JINSTEMGĦU

(ara l-paragrafu 13.4 ta’ dan ir-Regolament)

MUDELL A

Image

Il-marka ta’ approvazzjoni ta’ hawn fuq imwaħħla ma’ vettura tindika li, skont ir-Regolament Nru 28, din it-tip ta’ vettura ġiet approvata fil-Pajjiżi l-Baxxi (E4) fir-rigward tas-sinjali tagħha ta’ twissija.

MUDELL B

Image

Il-marka ta’ approvazzjoni ta’ hawn fuq tindika li, skont ir-Regolamenti Nru 24 u 28, din it-tip ta’ vettura ġiet approvata fil-Pajjiżi l-Baxxi (E4) fir-rigward tas-sinjali tagħha ta’ twissija u fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ pollutanti mill-magna tad-Diesel. Fil-każ tar-Regolament Nru 24, il-valur korrett tal-fattur tal-assorbiment huwa 1,30 m–1.