22.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 134/6 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/987
tat-22 ta’ Mejju 2023
li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK. |
(2) |
Fil-25 ta’ Settembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti mhux vjolenti, filwaqt li tinnota li dan kien wassal għal imwiet u għal għadd kbir ta’ persuni midruba. Id-dikjarazzjoni stqarret ukoll li dawk responsabbli għall-qtil ta’ Mahsa Amini jridu jinżammu responsabbli, u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta’ persuni mejta u arrestati, biex jeħilsu lid-dimostranti mhux vjolenti kollha u biex jipprovdu proċess ġust lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Iran li jirrestrinġi severament l-aċċess għall-Internet u li jimblokka pjattaformi ta’ messaġġi istantanji tikser il-libertà tal-espressjoni b’mod sfaċċat. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni stqarret li l-Unjoni ser tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-qtil ta’ Mahsa Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani irreaġixxew għad-dimostrazzjonijiet li segwew. |
(3) |
F’dan il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ikkonfermat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2022, jenħtieġ li ħames persuni u żewġ entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK. |
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/235/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
ANNESS
Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK:
Persuni
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
“222. |
ADINEHVAND Salman سلمان آدینه وند |
Funzjoni: Kmandant tat-Tehran Police Relief Unit tal-Law Enforcement Forces (LEF) tal-Iran Nazzjonalità: Iranjana Data tat-twelid: 20 ta’ Mejju 1980 Post tat-twelid: Tehran, Iran Sess: raġel |
Salman Adinehvand ilu l-Kmandant tal-Unità ta’ Appoġġ għall-Pulizija ta’ Tehran (Tehran Police Relief Unit) tal-Forzi ta’ Infurzar tal-Liġi tal-Iran (LEF), l-organizzazzjoni ewlenija tas-sigurtà inkarigata mill-kontroll tal-folol u t-trażżin tal-protesti, minn Jannar 2021. L-unità ta’ Adinehvand kienet direttament responsabbli għat-trażżin vjolenti tal-protesti f’Tehran f’Settembru u Ottubru 2022, li matulhom għexieren ta’ dimostranti nqatlu mill-forzi tas-sigurtà bl-użu ta’ munizzjon attiv. Huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
22.5.2023 |
223. |
AGHAMIRI Seyyed Mohammad Amin سید محمد امین آقامیری |
Funzjoni: segretarju tas-Supreme Council of Cyberspace (SCC) tal-Iran Nazzjonalità: Iranjana Data tat-twelid: 21 ta’ Settembru 1986 Post tat-twelid: Iran Sess: raġel |
Seyyed Mohammad Amin Aghamiri huwa s-segretarju tal-Kunsill Suprem taċ-Ċiberspazju tal-Iran (Supreme Council of Cyberspace (SCC)), l-awtorità ċentralizzata għat-tfassil tal-politika fil-qasam taċ-ċiberspazju. L-SCC huwa responsabbli għall-imblukkar ta’ pjattaformi popolari online tal-aħbarijiet u ta’ komunikazzjoni fl-Iran u uża wkoll it-teknoloġija diġitali biex jispija l-ġurnalisti u d-dissidenti tar-reġim u jintimidahom. Huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
22.5.2023 |
224. |
NIKVARZ Mohsen |
Funzjoni: prosekutur pubbliku ta’ Sirjan Nazzjonalità: Iranjana Post tat-twelid: Iran Sess: raġel |
Bħala l-prosekutur pubbliku ta’ Sirjan, Mohsen Nikvarz kien responsabbli għal diversi arresti arbitrarji ta’ avukati u pieni tal-mewt f’Sirjan matul il-protesti tal-2019. Fil-kuntest tal-protesti li faqqgħu f’Settembru 2022, Nikvarz kien involut ukoll mal-każ ta’ Maryam Arvin, fejn ħarrikha għall-attivitajiet tagħha bħala avukat tad-difiża għad-dimostranti. Wara l-arrest tagħha, li Nikvarz huwa personalment responsabbli għalih, hija ġiet ittorturata brutalment fil-ħabs. Nikvarz huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
22.5.2023 |
225. |
MORADI Nader نادر مرادی |
Funzjoni: Viċi Superviżur tal-Ispazji Pubbliċi tal-Public Security Police Grad militari: Kurunell Nazzjonalità: Iranjana Post tat-twelid: Iran Sess: raġel |
Fil-funzjoni attwali tiegħu bħala Viċi Superviżur tal-Ispazji Pubbliċi tal-Pulizija tas-Sigurtà Pubblika (Public Security Police), il-Kurunell Nader Moradi huwa responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-ħiġab. Dawk il-liġijiet intużaw mill-awtoritajiet Iranjani biex irażżnu d-dimostranti paċifiċi. Moradi huwa responsabbli għall-persekuzzjoni u l-arrest ta’ nisa għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar il-hiġab. Huwa responsabbli wkoll għall-għeluq ta’ negozji, ristoranti u spazji pubbliċi oħra b’rabta man-nuqqas ta’ infurzar tar-regoli dwar il-ħiġab, filwaqt li ffirma l-ittri li infurmawhom dwar l-għeluq tagħhom. Matul il-protesti li bdew f’Settembru tal-2022 u li ssoktaw għal diversi xhur, Moradi kien responsabbli wkoll għall-persekuzzjoni u l-arrest ta’ sidien ta’ ħwienet li għalqu n-negozji tagħhom u li kienu qed jippjanaw li jistrajkjaw bi protesta għall-mewt ta’ Mahsa Amini. Moradi huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
22.5.2023 |
226. |
MONTAZER AL-MAHDI Saeed (magħruf ukoll bħala MONTAZER AL-MAHDI Said) |
Funzjoni: kelliem tal-pulizija Grad militari: Brigadier Ġeneral - Nazzjonalità: Iranjana Data tat-twelid: 8 ta’ Novembru 1971 Post tat-twelid: Tehran, Iran Sess: raġel |
Saeed Montazer Al-Mahdi huwa l-kelliem tal-pulizija Iranjana (Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran elenkati mill-UE). F’April 2023, huwa ħabbar l-infurzar strett attwali tal-liġijiet dwar l-hiġab, li ntużaw mill-awtoritajiet Iranjani biex irażżnu lid-dimostranti paċifiċi. Fil-funzjoni tiegħu, huwa jiddefendi u jippromwovi l-azzjonijiet repressivi tal-pulizija. Id-dikjarazzjonijiet intimidanti tiegħu dwar il-monitoraġġ, l-għeluq tan-negozji u spazji pubbliċi oħra u l-messaġġi ta’ twissija li qed jintbagħtu mill-awtoritajiet għandhom impatt repressiv sinifikanti ħafna. Barra minn hekk, fir-rwol tiegħu bħala kelliem tal-pulizija, huwa ripetutament imminimizza s-serjetà tal-avvelenamenti ta’ bniet tal-iskola, li ġew irrappurtati b’mod estensiv, billi stqarr li “l-biċċa l-kbira” tagħhom “ma kinux veri” u b’hekk ċaħħad il-protezzjoni tal-vittmi permezz tal-pulizija u dgħajjef d-dritt tagħhom għas-sikurezza. Huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
22.5.2023” |
Entitajiet
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
“36. |
Student Basij Organisation (SBO)
(magħrufa ukoll bħala Student and Talabeh Basij) |
Tip ta’ entità: fergħa tal-Basij Organisation of the Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) Post ta’ reġistrazzjoni: Iran Data ta’ reġistrazzjoni: Novembru 1989 Individwi assoċjati: Issa Zarepour Entitajiet assoċjati oħra: IRGC; IRGC Basij Organisation |
L-iStudent Basij Organisation (SBO) hija fergħa fi ħdan il-Basij Organisation li taġixxi bħal l-infurzatriċi vjolenti tal-IRGC fuq il-kampusijiet universitarji. L-SBO hija magħmula mill-iżgħar u l-aktar membri radikali tal-Basij li kienu partikolarment attivi biex il-kampusijiet universitarji fejn l-istudenti pprotestaw isiru t-teatri ewlenin tar-repressjoni fil-ħarifa tal-2022. Matul tfittxijiet fuq għadd ta’ kampusijiet universitarji, – inkluż fl-Università ta’ Sharif, l-Università ta’ Shahid Beheshti u l-Università ta’ Amirkabir – il-forzi tas-sigurtà, inkluż l-SBO, użaw munizzjon attiv u fetħu n-nar fuq l-istudenti. Dan, flimkien ma’ diversi rapporti ta’ ħtif u tortura ta’ studenti marbuta ma’ dawn it-tfittxijiet, jikkonferma li l-SBO hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
22.5.2023 |
37. |
IRGC Cooperative Foundation
(magħrufa wkoll bħala IRGC Cooperation Bonyad; Bonyad Taavon Sepah; Bonyad-e Ta’avon-e; Sepah Cooperative Foundation) |
Indirizz: Niayes Highway, Seoul Street, Tehran, Iran Tip ta’ entità: fondazzjoni Post ta’ reġistrazzjoni: Iran Data ta’ reġistrazzjoni: 1989 Individwi assoċjati: Ali Asghar Nourouzi; Seyyed Amin Ala; Emami Tabatabai; Ahmad Hasan Karimi; Yahya Alaoddini Entitajiet assoċjati oħra: Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) |
L-IRGC ilu fuq quddiem nett fir-repressjoni tal-protesti fl-Iran minn Settembru 2022, li skont sorsi indipendenti rriżulta fil-mewt ta’ aktar minn 520 persuna, inkluż il-mewt ta’ aktar minn 70 minorenni u aktar minn 22 000 arrest/detenzjoni. Il-Fondazzjoni Kooperattiva tal-IRGC (IRGC Cooperative Foundation) hija l-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-investimenti tal-IRGC u għaldaqstant hija responsabbli għall-finanzjament tar-repressjoni brutali tar-reġim. Hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
22.5.2023” |