European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/591

21.2.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/591

tal-20 ta’ Frar 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389 dwar l-istabbiliment ta’ rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li jidħlu fl-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2389 (2) jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/625 li jidħlu fl-Unjoni. L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389 jistabbilixxi l-lista tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra li huma soġġetti għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi b’rati ta’ frekwenza speċifiċi.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389, ir-rati ta’ frekwenza stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhom jiġu modifikati fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fil-punti (i), (ii), (iv), (v) u (vi) tal-Artikolu 54(3)(a), tar-Regolament (UE) 2017/625, il-kriterji stabbiliti fl-Anness II, u, fejn xieraq, fir-rigward tal-informazzjoni stabbilita fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 6(2), ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi għall-pjanti, għall-prodotti mill-pjanti u għal oġġetti oħra, jew għall-kategoriji tagħhom, għandhom jiġu rieżaminati mill-inqas darba fis-sena, sabiex titqies l-informazzjoni l-ġdida miġbura permezz tal-IMSOC jew ipprovduta mill-Istati Membri, u modifikata skont dan.

(3)

Il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ ħidma ta’ esperti li eżamina s-sitwazzjoni tal-importazzjonijiet fl-2022 u fl-2023 ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/625. Abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389, il-grupp ta’ ħidma indika r-rati minimi ta’ frekwenza tal-kontrolli tal-identità u tal-kontrolli fiżiċi li qies xierqa għal ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra minn pajjiżi terzi partikolari ta’ oriġini.

(4)

Intuża metodu bbażat fuq ir-riskju u fuq l-istatistika li jqis serje ta’ varjabbli, li jinkludu: l-indiċi ta’ mobbiltà stmat tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni fl-aktar stadju mobbli li fih jistgħu jiżviluppaw fuq il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra rilevanti, jew il-kategoriji tagħhom; l-għadd ta’ kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, li fuqhom twettqu l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi matul is-sena ta’ qabel; l-għadd totali, u d-dettalji ta’, nuqqasijiet ta’ konformità minħabba l-preżenza ta’ pesti tal-kwarantina fl-Unjoni relatati ma’ kunsinni importati skont dan ir-Regolament; l-għadd totali ta’ kunsinni tal-oġġetti kkonċernati nnotifikati għal raġunijiet oħra għajr il-preżenza tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni u d-dettalji tagħhom; u kwalunkwe fattur ieħor rilevanti għad-determinazzjoni tar-riskju fitosanitarju assoċjat mal-kummerċ ikkonċernat.

(5)

B’mod partikolari, u prinċipalment minħabba għadd aktar baxx ta’ interċettazzjonijiet ta’ kunsinni affettwati minn pesti tal-kwarantina fl-Unjoni, ir-rati ta’ frekwenza minimi tal-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi jenħtieġ li jitnaqqsu għall-fjuri maqtugħin Dianthus mit-Turkija, Rosa mill-Kolombja, frott tal-Persea americana mill-pajjiżi terzi kollha, Prunus u Pyrus minn pajjiżi terzi Ewropej, Prunus persica mill-Afrika t’Isfel u Vaccinium mill-Peru.

(6)

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li jitwettaq għadd minimu ta’ verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi fil-każijiet kollha minkejja għadd aktar baxx ta’ kunsinni importati għall-frott tal-Passiflora li joriġina fil-Kenja u Vaccinium mill-Arġentina, ir-rati ta’ frekwenza minimi rispettivi tal-kontrolli tal-identità u tal-kontrolli fiżiċi jenħtieġ li jiżdiedu.

(7)

Ir-rati ta’ frekwenza minimi tal-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi jenħtieġ li jiżdiedu minħabba interċettazzjonijiet ta’ kunsinni affettwati minn pesti tal-kwarantina fl-Unjoni għall-fjuri maqtugħin Rosa mill-Kenja u Rosa mill-Etjopja, frott Citrus mill-Eġittu, għeruq u tuberi Curcuma longa u Zingiber officinale mill-Peru, u għeruq u tuberi Curcuma longa mit-Tajlandja.

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, il-linji kollha fl-Anness I fejn bħalissa hija prevista rata ta’ frekwenza minima ta’ 100 % jenħtieġ li jitħassru minħabba li din hija r-rata standard għall-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra kollha stabbilita fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389.

(9)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li r-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u dawk fiżiċi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389 jenħtieġ li jiġu modifikati.

(10)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jixraq li l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389 jiġi sostitwit.

(11)

Biex jingħata biżżejjed żmien lill-awtoritajiet kompetenti jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Mejju 2024.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2389 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2389 tas-7 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li jidħlu fl-Unjoni (ĠU L 316, 8.12.2022, p. 42).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2389 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)

Pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra, jew kategorija tagħhom

Pajjiż tal-oriġini

Rata ta’ frekwenza minima tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi (%)

FJURI MAQTUGĦIN

Aster

Iż-Żimbabwe

75

Dianthus

Il-Kolombja

3

Dianthus

L-Ekwador

15

Dianthus

Il-Kenja

5

Dianthus

It-Turkija

25

Gypsophila

L-Ekwador

5

Gypsophila

Il-Kenja

10

Phoenix

Il-Costa Rica

50

Rosa

Il-Kolombja

3

Rosa

L-Ekwador

1

Rosa

L-Etjopja

25

Rosa

Il-Kenja

25

Rosa

Iż-Żambja

50

FROTT

Actinidia

Il-pajjiżi terzi kollha

10

Carica papaya

Il-pajjiżi terzi kollha

10

Fragaria

Il-pajjiżi terzi kollha

5

Persea americana

Il-pajjiżi terzi kollha

1

Rubus

Il-pajjiżi terzi kollha

5

Vitis

Il-pajjiżi terzi kollha

1

Malus

Pajjiżi terzi Ewropej (1)

15

Prunus

Pajjiżi terzi Ewropej (1)  (2)

5

Pyrus

Pajjiżi terzi Ewropej (1)

50

Vaccinium

Pajjiżi terzi Ewropej (1)

50

Citrus

L-Eġittu

75

Citrus

Iżrael

35

Citrus

Il-Messiku

25

Citrus

Il-Marokk

3

Citrus

Il-Perù

10

Citrus

It-Turkija

7

Citrus

L-Istati Uniti tal-Amerka

50

Malus

L-Arġentina

35

Malus

Iċ-Ċilì

5

Malus

New Zealand

10

Malus

L-Afrika t’Isfel

15

Mangifera

Il-Brażil

75

Passiflora

Il-Kolombja

5

Passiflora

Réunion

10

Passiflora

L-Afrika t’Isfel

75

Passiflora

Il-Vjetnam

15

Prunus

Iċ-Ċilì

10

Prunus

L-Afrika t’Isfel

10

Prunus

It-Turkija

35

Pyrus

L-Arġentina

25

Pyrus

Iċ-Ċilì

15

Pyrus

L-Afrika t’Isfel

10

Vaccinium

L-Arġentina

50

Vaccinium

Iċ-Ċilì

10

Vaccinium

Il-Perù

5

ĦXEJJEX

Solanum lycopersicum

Il-Gżejjer Kanarji

25

Solanum lycopersicum

Il-Marokk

1

Ħxejjex tal-għeruq u t-tuberi, għajr it-tuberi tas-Solanum tuberosum L. (3)  (4)

Il-pajjiżi terzi kollha (5)

5

Curcuma longa

It-Tajlandja

25

MAKKINARJU UŻAT

Makkinarju u vetturi li jkunu tħaddmu għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija

Il-pajjiżi terzi kollha

10


(1)  L-Albanija, Andorra, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Gżejjer Kanarji, il-Gżejjer Faeroe, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, ir-Russja (il-partijiet li ġejjin biss: id-Distrett Federali Ċentrali (Tsentralny federalny okrug), id-Distrett Federali tal-Majjistral (Severo-Zapadny federalny okrug), id-Distrett Federali tan-Nofsinhar (Yuzhny federalny okrug), id-Distrett Federali Kawkasu tat-Tramuntana (Severo-Kavkazsky federalny okrug) u d-Distrett Federali tal-Volga (Privolzhsky federalny okrug)), San Marino, is-Serbja, it-Turkija, l-Ukrajna u r-Renju Unit.

(2)  Għajr it-Turkija.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019, l-Anness VII, il-punt 12 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 103).

(4)  Bl-esklużjoni ta’ Curcuma longa u Zingiber officinale mill-Perù, u Curcuma longa mit-Tajlandja.

(5)  Għajr il-Kamerun.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/591/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)