02002L0059 — MT — 26.07.2019 — 004.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
ID-DIRETTIVA 2002/59/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-27 ta' Ġunju 2002 (ĠU L 208 5.8.2002, p. 10) |
Emendata bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
L 131 |
101 |
28.5.2009 |
||
L 131 |
114 |
28.5.2009 |
||
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/15/UE Test b’relevanza għaż-ŻEE tat-23 ta’ Frar 2011 |
L 49 |
33 |
24.2.2011 |
|
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/100/UE Test b'rilevanza għaż-ŻEE tat-28 ta' Ottubru 2014 |
L 308 |
82 |
29.10.2014 |
|
REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019 |
L 198 |
241 |
25.7.2019 |
ID-DIRETTIVA 2002/59/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-27 ta' Ġunju 2002
li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE
Artikolu 1
L-għan
L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi fil-Komunità sistema ta' monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u ta' l-informazzjoni bil-ħsieb li tittejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza tat-traffiku marittimu, jittejjeb ir-rispons ta' l-awtoritajiet għall-inċidenti, l-aċċidenti jew is-sitwazzjoni potenzjalment perikolużi fuq il-baħar, inklużi l-operazzjonijiet tat-tfittxija u s-salvataġġ u li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni aħjar u l-kxif tat-tniġġis mill-bastimenti.
L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u addattati biex jiżguraw li l-kaptani, l-operaturi jew l-aġenti tal-bastimenti, kif ukoll ix-shipper jew il-proprjetarji tal-merkanzija perikoluża jew ta' tniġġis li tinġarr abbord bastimenti bħal dawk, ikunu jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
Il-kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tapplika għal bastimenti ta 300 tunellata gross u aktar, sakemm ma jiġix iddikjarat xort'oħra.
Sakemm ma jiġix previst mod ieħor, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:
◄
a) bastimenti tal-gwerra, awżiljari navali, u bastimenti oħra li jkunu proprjetà jew operati minn Sat Membru u użati għas-servizz mhux pubbliku kummerċjali;
(b) bastimenti tas-sajd, bastimenti tradizzjonali, u dgħajjes tar-rikreazzjoni ta' medda anqas minn 45 metru;
(c) bunkers fuq vapuri taħt tunnellaġġ gross ta’ 1 000 u l-ħażniet u t-tagħmir għall-użu abbord il-vapuri kollha.
Artikolu 3
Id-definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva
(a) ►M1 “Strumenti internazzjonali relevanti” tfisser l-istrumenti li ġejjin fil-verżjoni aġġornata tagħhom: ◄
— MARPOL tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1973 għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti u l-Protokoll tagħha ta' l-1978;
— SOLAS tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, flimkien mal-Protokolli u l-emendi magħha annessi;
— il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunellaġġ ta' Bastimenti, 1969;
— il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1969 dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f'Każi ta' Aċċidenti ta' Tniġġis miż-Żejt, u l-Protokoll tagħha ta' l-1973 dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f'Każi ta' Tniġġis minn Sustanzi li ma jkunux Żejt;
— il-Konvenzjoni SAR tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1979 dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ fuq il-Baħar;
— il-Kodiċi ISM tfisser il-Kodiċi ta' l-Amministrazzjoni Internazzjonali tas-Sigurtà;
— il-Kodiċi IMDG tfisser il-Kodiċi Internazzjonali tal-Baħar dwar il-Merkanzija Perikoluża;
— il-Kodiċi IBC tfisser il-Kodiċi Internazzjonali ta' l-IMO dwar il-kostruzzjoni u t-tagħmir ta' bastimenti li jġorru kimiċi perikolużi bl-ingrossa;
— il-Kodiċi IGC tfisser il-Kodiċi Internazzjonali ta' l-IMO dwar il-kostruzzjoni u t-tagħmir ta' bastimenti li jġorru gassijiet likwifikat bl-ingrossa;
— il-Kodiċi BC tfisser il-Kodiċi ta' l-IMO dwar il-Prattika Bla Sogru tal-Merkanzija Solida bl-Ingrossa;
— Kodiċi INF tfisser il-Kodiċi IMO għas-Sigurtà fil-Ġarr ta' Karburanti Nukleari Irradjati, ta' Plutonju u ta' Skart b'Livell Għoli ta' Radjoattività fi Fliexken Abbord il-Bastimenti;
— Ir-Riżoluzzjoni ta' l-IMO A.851(20) tfisser ir-Riżoluzzjoni ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali 851(20) bit-titolu “Prinċipji ġenerali dwar is-sistemi tar-rapportaġġ tal-bastimenti u l-ħtiġiet tar-rapportaġġ tal-bastimenti, inklużi l-linji gwida għar-rapportaġġ ta' inċidenti li jinvolvu l-merkanzija perikoluża, is-sostanzi ta' ħsara u/jew l-oġġetti li jniġġsu l-baħar”;
— “ir-Riżoluzzjoni A.917(22) tal-IMO” tfisser ir-Riżoluzzjoni A.917(22) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali intitolata “Linji Gwida għall-użu abbord tal-AIS”, kif emendata mir-Riżoluzzjoni A.956(23) tal-IMO;
— “ir-Riżoluzzjoni A.949(23) tal-IMO” tfisser ir-Riżoluzzjoni 949(23) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali intitolata “Linji Gwida dwar il-postijiet ta’ kenn għall-vapuri li jeħtieġu assistenza”;
— “ir-Riżoluzzjoni A.950(23) tal-IMO” tfisser ir-Riżoluzzjoni 950(23) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali intitolata “Servizzi għall-assistenza marittima (MAS)”;
— “Linji Gwida tal-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta’ aċċident marittimu” tfisser il-linji gwida annessi mar-Riżoluzzjoni LEG.3(91) tal-Kumitat Legali tal-IMO tas-27 ta’ April 2006 u kif approvati mill-Korp ta’ Tmexxija tal-ILO fil-296 sessjoni tagħha bejn it-12 u s-16 ta’ Ġunju 2006;
(b) “operatur” tfisser is-sid jew l-amministratur ta' bastiment;
(ċ) “aġent” tfisser kull persuna b'mandat jew awtorizzata biex tipprovdi informazzjoni għan-nom ta' l-operatur ta' bastiment;
(d) “shipper” tfisser persuna li hi stess jew f'isimha jew għan-nom tagħha jkun ġie konkluż kuntratt għall-ġarr tal-merkanizja ma' trasportatur;
(e) “kumpannija” tfisser kumpannija skond it-tifsira tar-Regolament 1(2) ta-Kapitolu IX tal-Konvenzjoni SOLAS;
(f) “bastiment” tfisser kull bastiment jew opra li tkun kapaċi tbaħħar;
(g) “merkanzija perikoluża” tfisser:
— merkanzija kklassifikata fil-Kodiċi IMDG,
— sustanzi likwidi perikolużi elenkati fil-Kapitolu 17 tal-Kodiċi IBC,
— gassijiet likwifikati elenkati fil-Kapitolu 19 tal-Kodiċi IGC,
— solidi msemmija fl-Appendiċi B li jinsab mal-Kodiċi.
Inkluża wkoll hija l-merkanzija li biex tinġarr ikunu ġew stabiliti l-kondizzjonijiet adattati minn qabel skond il-paragrafu 1.1.3 tal-Kodiċi IBC jew il-paragrafu 1.1.6 tal-Kodiċi IGC;
(h) “merkanzija li tniġġes” tfisser:
— żjut kif iddefiniti fl-Anness I li jinsab mal-Konvenzjoni MARPOL,
— sustanzi likwidi li jagħmlu ħsara kif definiti fl-Anness II li jinsab mal-Konvenzjoni MARPOL,
— sustanzi li jagħmlu ħsara kif definiti fl-Anness III li jinsab mal-Konvenzjoni MARPOL,
(i) “unità tat-trasport tal-merkanzija” tfisser vettura għall-ġarr tal-merkanzija bit-triq, vagun ta' ferrovija għall-merkanzija, kontenitur tal-merkanzija, vettura tat-triq bit-tank, vagun tal-ferrovija jew tank li jinġarr;
(j) “indirizz” tfisser l-isem u r-rabtiet tal-komunikazzjoni li bihom jista' jsir kuntatt, fejn meħtieġ, ma' l-operatur, l-aġent, l-awtorità tal-port, l-awtorità kompetenti jew kull persuna oħra jew korp awtorizzat li jkollu fil-pussess tiegħu informazzjoni ddettaljata dwar il-merkanzija tal-bastiment;
(k) “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet maħturin mill-Istati Membri biex iwettqu funzjonijiet taħt din id-Direttiva;
(l) “awtorità tal-port” l-awtorità kompetenti jew korp innominat mill-Istati Membri għal kull port biex jirċievi u jgħaddi informazzjoni skond din id-Direttiva;
(m) “lok ta' rifuġju” tfisser port, il-parti ta' port jew irmiġġ protettiv jew post fejn isorġi, jew xi żona oħra għall-kenn identifikata minn Stat Membru biex takkomoda bastimenti li jkollhom bżonn l-għajnuna;
(n) “stazzjon kostali” tfisser xi wieħed minn dawn li ġejjin, magħżul mill-Istati Membri skond din id-Direttiva: servizz tat-traffiku ta' bastiment; installazzjoni bbażata fuq l-art responsabbli għas-sistema mandatarja ta' rapportaġġ approvata mill-IMO; jew korp responsabbli għall-koordinazzjoni ta' l-operazzjonijiet tat-tiftix u s-salvataġġ jew ta' l-operazzjonijiet kontra t-tniġġis tal-baħar;
(o) “servizz tat-traffiku tal-bastimenti (VTS)” tfisser servizz maħsub biex itejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza tat-traffiku tal-bastimenti u biex jipproteġi l-ambjent, li jkollu l-kapaċità li jinteraġixxi mat-traffiku u li jirrispondi għas-sitwazzjonijiet tat-traffiku li jiżviluppaw fiż-żona VTS;
(p) “sistema għar-rotta tal-bastiment” tfisser kwalunkwe sistema ta' rotta jew rotot jew miżuri għal rotta mmirati li jnaqqsu r-riskju ta' diżastri; din tinkludi skemi ta' separazzjoni tat-traffiku, rotot separati kontra xulxin, rotot rakkomandati, żoni li għandhom jiġu evitati, żoni ta' traffiku viċin l-art, roundabouts, żoni ta' prekawzjoni u rotot f'ibħra miftuħa;
(q) “bastimenti tradizzjonali” tfisser kull xorta ta' bastimenti storiċi jew kopji tagħhom inklużi dawk maħsuba biex iħajru u jippromwovu l-kompetenzi u s-snajja tradizzjonali tal-baħar, li flimkien iservu bħala monumenti kulturali ħajja, li jitħaddmu skond il-prinċipji tradizzjonali tat-tbaħħir u tat-teknika;
(r) “korriment” tfisser korriment skond it-tifsira tal-Kodiċi IMO għall-investigazzjoni tal-korrimenti u l-inċidenti fuq il-baħar;
(s) “SafeSeaNet” tfisser is-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ informazzjoni marittima żviluppata mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja;
(t) “servizz skedat” tfisser sensiela ta’ qsim bil-vapur operati biex iservu t-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iktar, jew abbażi ta’ skeda ta’ żmien pubblikata jew bi qsim tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxi sensiela sistematika li tingħaraf;
(u) “bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin;
(v) “vapur li jeħtieġ assistenza” tfisser, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni SAR dwar is-salvataġġ ta’ persuni, vapur f'sitwazzjoni, li tista' twassal għat-telf tiegħu jew għal perikolu ambjentali jew ta’ navigazzjoni;
(w) “LRIT” tfisser sistema dwar l-identifikazzjoni u l-ittraċċar mill-bogħod ta’ vapuri konformement mar-Regolament SOLAS V/19-1.
TITOLU I
IR-RAPPORTAĠĠ U L-MONITORAĠĠ TAL-BASTIMENTI
Artikolu 4
In-notifika qabel id-dħul fil-portijiet ta' l-Istati Membri
1. L-operatur, l-aġent kew il-kaptan ta' bastiment li sejjer f'port ta' Stat Membru għandu jinnotifika t-informazzjoni li jinsab fl-Anness I(1) lill-awtorità tal-port:
(a) ta' l-anqas 24 siegħa qabel; jew
(b) mhux aktar tard, fil-waqt li l-bastiment ikun ħiereġ mill-port preċedenti, jekk il-ħin tal-vjaġġ ikun ta' anqas minn 24 siegħa; jew
(ċ) jekk il-port fejn sejjer ma jkunx magħruf jew ikun inbidel matul il-vjaġġ, malli din l-informazzjoni tkun disponibbli.
2. Bastimenti li jkunu ġejjin minn port barra l-Komunità u jkunu sejrin lejn port ta' Stat Membru u jkunu jġorru merkanzija perikoluża jew ta' tniġġis, għandhom jikkonformaw ma' l-obbligazzjonijiet tan-notifika ta' l-Artikolu 13.
Artikolu 5
Il-monitoraġġ ta' bastimenti li jkunu deħlin fiż-żona tas-sistemi mandatarji tar-rapportaġġ tal-bastimenti
1. L-Istat Membru kkonċernat għandu jimmonitorja u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jiżgura li l-bastimenti kollha li jidħlu fiż-żona tas-sistema mandatarja tar-rapportaġġ tal-bastimenti, adottata mill-IMO skond ir-Regolament 11 il-Kapitolu V tal-Konvenzjoni SOLAS u mħaddma minn Stat wieħed jew aktar, li ta' l-anqas wieħed minnhom ikun Stat Membru, skond il-linji gwida rilevanti u l-kriterji żviluppati mill-IMO, ikunu jikkonformaw ma' dik is-sistema fir-rapportaġġ tal-informazzjoni meħtieġ mingħajr preġudizzju għal aktar informazzjoni meħtieġa minn Stat Membru skond ir-Riżoluzzjoni ta' l-IMO A.851(20).
2. Meta tintbagħat sistema mandatarja ġdida ta' rapportaġġ ta' bastimenti lill-IMO għall-adozzjoni jew għal xi proposta biex tiġi emendata s-sistema eżistenti tar-rapportaġġ, Stat Membru għandu jinkludi fil-proposti tiegħu ta' l-anqas l-informazzjoni imsemmija fl-Anness I(4).
Artikolu 6
L-użu ta' sistemi awtomatiċi ta' identifikazzjoni
1. Kull bastiment li jżur xi port ta' Stat Membru għandu, skond il-programm stabbilit fl-Anness II(I), ikun mgħammar b'AIS li tkun tikkonforma man-normi dwar il-funzjonalità stabbiliti mill-IMO.
2. Bastimenti mgħammra bl-AIS għandhom iżommuha taħdem il-ħin kollu ħlief fejn xi ftehim, regoli jew normi internazzjonali jipprovdu għall-protezzjoni ta' l-informazzjoni dwar in-navigazzjoni.
Artikolu 6a
L-użu ta’ sistemi awtomatiċi ta’ identifikazzjoni (AIS) mill-bastimenti tas-sajd
Kwalunkwe bastiment tas-sajd li huwa itwal minn 15-il metru b'kollox u li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u hu reġistrat fil-Komunità, jew jopera fl-ilmijiet interni jew il-baħar territorjali ta’ Stat Membru, jew li jħott il-qbid tiegħu fil-port ta’ Stat Membru għandu, abbażi tal-iskeda ta’ żmien stabbilita fl-Anness II, parti I(3), ikun mgħammar b'AIS (Klassi A) li tissodisfa l-istandards ta’ prestazzjoni mfassla mill-IMO.
Il-bastimenti tas-sajd mgħammra b'AIS għandhom iżommuha operattiva l-ħin kollu. F'każijiet eċċezzjonali, l-AIS tista' tintefa meta l-kaptan iqis li dan ikun meħtieġ fl-interess tas-sigurtà jew tas-sikurezza tal-bastiment tiegħu.
Artikolu 6b
Użu ta’ sistemi għall-identifikazzjoni u traċċar mill-bogħod ta’ vapuri (LRIT)
1. Vapuri li għalihom japplikaw ir-regolament SOLAS V/19-1 u l-istandards ta’ prestazzjoni u r-rekwiżiti funzjonali adottati mill-IMO, għandhom iġorru tagħmir LRIT li jkun konformi ma’ dak ir-regolament meta jidħlu f'port ta’ Stat Membru.
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti dwar it-twaħħil ta’ tagħmir għat-trażmissjoni ta’ tagħrif LRIT abbord vapuri li jbaħħru f'ibħra li jkunu koperti mill-istazzjonijiet AIS b'bażi fissa tal-Istati Membri, u għandhom jippreżentaw lill-IMO kwalunkwe miżuri xierqa.
2. Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-Istati Membri sabiex iwaqqfu Ċentru Ewropew tad-Data LRIT li jkun inkarigat li jipproċessa t-tagħrif dwar l-identifikazzjoni u l-ittraċċar mill-bogħod.
Artikolu 7
L-użu tas-sistemi għar-rotot tal-bastimenti
1. L-Istati Membri għandhom jimmonitoraw u jieħdu l-miżuri kollha meħieġa u xierqa biex jiżguraw li l-bastimenti kollha li jidħlu fiż-żona tas-sistema mandatarja tar-rotot tal-bastimenti adottata mill-IMO skond ir-Regolament 10, il-Kapitolu V tal-Konvenzjoni SOLAS u mħaddma minn Stat wieħed jew aktar, li talanqas wieħed minnhom ikun Stat Membru, jużaw is-sistema skond il-linji gwida rilevanti u l-kriterji żviluppati mill-IMO.
2. Waqt l-implimentazzjoni tas-sistema għar-rotta tal-bastiment, li ma tkunx ġiet adottata mill-IMO, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu, fejn ikun possibbli, il-linji gwida u l-kriterji żviluppati mill-IMO u jippromulgaw l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-użu bla periklu u effettiv tas-sistema għar-rotta tal-bastiment.
Artikolu 8
Il-monitoraġġ dwar il-konformita tal-bastimenti mas-servizzi tat-traffiku tal-bastimenti
L-Istati Membri għandhom jimmonitoraw u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jiżguraw li:
(a) bastimenti li jidħlu fiż-żona ta' l-applikabbiltà tal-VTS imħaddma minn Stat wieħed jew aktar, li talanqas wieħed minnhom ikun Stat Membru, fil-baħar territorjali tagħhom u bbażata fuq il-linji gwida żviluppati mill-IMO, jieħdu sehem u jikkonformaw mar-regoli ta' dik il-VTS;
(b) bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru jew bastimenti li jkunu sejrin lejn port ta' Stat Membru u li jidħlu fiż-żona ta' l-applikabbiltà tal-VTS bħal dik barra l-baħar territorjali ta' Stat Membru u bbażata fuq linji gwida żviluppati mill-IMO, jikkonformaw mar-regoli ta' dik il-VTS;
(ċ) bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat terz u li ma jkunux sejrin lejn port ta' Stat Membru li jidħlu f'żona VTS barra l-baħar territorjali ta' Stat Membru, isegwu r-regoli ta' dik il-VTS fejn possibbli. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Istat tal-bandiera kkonċernat kull ksur serju evidenti ta' dawk ir-regoli f'dik iż-żona VTS.
Artikolu 9
L-infrastruttura għas-sistema tar-rapportaġġ tal-bastimenti, is-sistemi tar-rotot għall-bastimenti u s-servizzi tat-traffiku għall-bastimenti
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex bil-mod jipprovdu lilhom infushom, fuq skeda ta' żmien kompatibbli mal-programm stabbilit fl-Anness II(I), l-apparat u l-istallazzjonijiet xierqa bbażati fuq l-art biex jirċievu u jutilizzaw l-informazzjoni AIS waqt li jqisu l-ħtieġa ta' trasmissjoni mifruxa għar-rapporti.
2. Il-proċess tat-tħejjija ta' dak kollu meħtieġ f'dak li huwa tagħmir u installazzjonijiet ibbażati fuq l-art għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jitlesta sat-tmiem ta' l-2007. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-apparat xieraq biex jitwassal l-informazzjoni għand is-sistemi nazzjonali ta' l-Istati Membri u jiġi skambjat bejniethom ikun jista' jitħaddem talanqas sena wara.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istazzjonijiet kostali nkarigati mill-monitoraġġ u l-konformità mas-servizzi tat-traffiku tal-bastimenti u mas-sistemi tar-rotot tal-bastimenti jkollhom disponibbli biżżejjed impjegati u kkwalifikati kif imiss, kif ukoll mezzi addattati tal-komunikazzjoni u l-monitoraġġ tal-bastimenti u jkunu jaħdmu skond il-linji gwida rilevanti ta' l-IMO.
Artikolu 10
Is-sistema ta' l-irrekordjar tad-data dwar il-vjaġġi
1. L-Istati Membri għandhom jimmonitoraw u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jiżguraw li l-bastimenti li jidħlu f'xi port ta' Stat Membru jkunu mgħammra b'sistema ta' rekorder tad-data dwar il-vjaġġ (VDR) skond ir-regoli stabbiliti fl-Anness II(II). Kull eżenzjoni mogħtija lill-vapuri ro-ro jew lill-bastimenti tal-passiġġieri b'veloċità għolja taħt l-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta' April 1999 dwar is-sistema ta' stħarriġ mandatarju tas-sigurtà fit-tħaddim regolari ta' vapuri ro-ro u s-servizzi tal-passiġġieri fuq il-bastimenti b'velocità għolja ( 1 ) għandha tintemm fil-5 ta' Awissu 2002.
2. Data li tinġabar minn sistema VDR għandha titqiegħed għad-disposizzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat fil-każ ta' investigazzjoni wara li jkun seħħ xi korriment fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw lil dak l-informazzjoni jintuża fl-investigazzjoni u jiġi analizzat kif imiss. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jirriżulta mill-investigazzjoni jiġi ppubblikat kemm jista' jkun malajr wara li din tintemm.
▼M2 —————
TITOLU II
IN-NOTIFIKA TA' MERKANZIJA PERIKOLUŻA JEW LI TNIĠĠES ABBORD IL-BASTIMENTI (HAZMAT)
Artikolu 12
Rekwiżiti ta’ tagħrif dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża
1. Ebda merkanzija perikoluża jew li tniġġes ma tista' tinġieb għat-trasport jew titgħabba fuq vapur, ikun xi jkun id-daqs tiegħu, f'port ta’ Stat Membru, ħlief jekk il-kaptan jew l-operatur ikunu irċievew, qabel il-merkanzija tittella' abbord, dikjarazzjoni li jkun fiha it-tagħrif li ġej:
(a) l-informazzjoni elenkata fl-Anness I(2);
(b) għas-sustanzi msemmija fl-Anness I għall-Konvenzjoni MARPOL, id-dokument tad-dejta dwar is-sigurtà bil-karatteristiċi fiżiko-kimiċi tal-prodotti, inkluż il-viskożità tagħhom, fejn japplika, espressa f’cSt mal-50 °C u d-densità tagħhom mal-15 °C u d-dejta l-oħra li qiegħda fid-dokument tad-dejta dwar is-sigurtà skont ir-Riżoluzzjoni tal-IMO MSC.286(86);
(c) in-numri ta’ emerġenza tax-shipper jew ta’ kull persuna jew korp ieħor fil-pussess ta’ tagħrif fuq il-karatteristiċi fiżiko-kimiċi tal-prodotti u dwar l-azzjoni li għandha tittieħed f'emerġenza.
2. Il-bastimenti li jkunu ġejjin minn port barra l-Komunità u li jkunu se jidħlu f'port ta’ Stat membru u li jkollhom abbord merkanzija perikoluża jew niġġiesa għandhom ikollhom dikjarazzjoni, kif maħruġa mix-shipper, li jkun fiha it-tagħrif meħtieġ taħt il-paragrafu 1(a), (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu.
3. Għandu jkun d-dmir u r-responsabbiltà tax-shipper li jagħti lill-kaptan jew lill-operatur tali dikjarazzjoni, u biex jiżgura li t-tagħbija miġjuba għat-trasport hija tassew dik iddikjarata taħt il-paragrafu 1.
Artikolu 13
In-notifika dwar il-merkanzija perikoluża jew li tniġġes li tinġarr abbord
1. L-operatur, l-aġent jew il-kaptan ta' bastiment, irrispettivament mid-daqs tiegħu, li jkun qed iġorr merkanzija perikoluża jew ta' tniġġis u li jitlaq minn xi port ta' Stat Membru għandu, mhux aktar tard mill-mument tat-tluq, jinnotifika l-informazzjoni indikat fl-Anness I(3) lill-awtorità kompetenti nnominata minn dak l-Istat Membru.
2. L-operatur, l-aġent jew il-kaptan ta' bastiment, irrispettivament mid-daqs tiegħu, li jkun iġorr merkanzija perikoluża jew ta' tniġġis li jkun ġej minn port li jinsab barra mill-Komunità u jkun sejjer lejn xi port ta' Stat Membru jew li jkun sa jankra fl-ibħra territorjali ta' xi Stat Membru għandu, mhux aktar tard mit-tluq tiegħu mill-port fejn ikun għabba jew malli jkun magħruf il-port tad-destinazzjoni jew il-post fejn ikun sa jankra, jekk din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli fil-mument tat-tluq, jinnotifika l-informazzjoni indikata fl-Anness I(3) lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-ewwel port tad-destinazzjoni jew il-post fejn ikun sa jankra.
3. L-Istati Membri jistgħu joħolqu proċedura li tawtorizza lill-operatur, lill-aġent jew lill-kaptan ta' bastiment imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 biex jinnotifika l-informazzjoni elenkat fl-Anness I(3) lill-awtorità tal-port tat-tluq jew tad-destinazzjoni fil-Komunità, skond kif ikun il-każ.
Il-proċedura mħaddma għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti jkollha aċċess għall-informazzjoni indikata fl-Anness I(3) kull meta dan ikun meħtieġ. Għal dan il-għan, l-awtorità portwali kkonċernata għandha żżomm l-informazzjoni elenkat fl-Anness I(3) għal żmien biżżejjed biex dan ikun jista' jintuża fil-każ ta' inċident jew aċċident fuq il-baħar. L-awtorità tal-port għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tipprovdi dan l-informazzjoni b'mod elettroniku u mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti, 24 siegħa kuljum, meta din tintalab.
4. L-operatur, l-aġent jew il-kaptan ta' bastiment għandu jikkomunika l-informazzjoni dwar il-merkanzija kif indikat fl-Anness I(3) lill-awtorità tal-port u lill-awtorità kompetenti.
L-informazzjoni għandu jiġi ttrasferit awtomatikament kull fejn ikun prattiku. L-iskambju elettroniku ta' messaġġi għandu juża s-sintassi u l-proċeduri mniżżla fl-Anness III.
Artikolu 14
L-iskambju komputerizzat tad-data bejn l-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiżguraw l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali użati biex jimmaniġġjaw l-informazzjoni li jidher fl-Anness I.
Is-sistemi tal-komunikazzjoni stabbiliti skond l-ewwel subparagrafu għandhom juru l-karatteristiċi li ġejjin:
(a) l-iskambju ta' data għandu jkun elettroniku u jippermetti li l-messaġġi nnotifikati skond l-Artikolu 13 jiġu riċevuti u pproċessati;
(b) is-sistema għandha tippermetti li l-informazzjoni tintbagħat 24 siegħa kuljum;
(c) fuq talba, permezz tas-SafeSeaNet, u jekk meħtieġ għall-finijiet ta’ sikurezza jew sigurtà marittima, jew għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu, l-Istati Membri għandhom ikollhom il-ħila li jibgħatu tagħrif fuq il-vapur u fuq il-merkanzija perikoluża jew niġġiesa abbord lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dewmien.
Artikolu 15
Eżenzjonijiet
1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw servizzi skedati li jsiru bejn portijiet fit-territorju tagħhom mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 u 13, kemm-il darba jiġu ssodisfati dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-kumpanija li topera dawk is-servizzi skedati iżżomm u taġġorna lista tal-vapuri konċernati u tibgħatha lill-awtorità kompetenti konċernata;
(b) għal kull vjaġġ li jsir, it-tagħrif indikat fil-Partijiet 1 jew 3, kif ikun jeħtieġ il-każ, tal-Anness I jinżamm disponibbli għall-awtorità kompetenti kull meta din titlobha. Il-kumpanija għandha tistabbilixxi sistema interna sabiex tiżgura li meta tintalab l-informazzjoni, 24 siegħa kuljum u mingħajr dewmien, dik l-informazzjoni tkun tista' tintbagħat elettronikament lill-awtorità kompetenti, taħt l-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 13(4), kif ikun jeħtieġ il-każ;
(c) kull varjazzjoni fil-ħin stmat tal-wasla fil-port tad-destinazzjoni jew stazzjon pilota li tkun ta’ tliet siegħat jew aktar tkun notifikata lill-port tal-wasla jew lill-awtorità kompetenti taħt l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 13, kif ikun jeħtieġ il-każ;
(d) eżenzjonijiet jingħataw biss lil bastimenti individwali fir-rigward ta’ servizz speċifiku;
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, is-Servizz m'għandhux jitqies bħala servizz skedat ħlief jekk ikun maħsub li jopera għal mhux anqas minn xahar;
Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 13 għandhom ikunu limitati għal vjaġġi sa tul skedat sa 12-il siegħa.
2. Meta servizz internazzjonali skedat jitħaddem bejn żewġ Stati jew aktar, li talanqas wieħed minnhom ikun Stat Membru, kwalunkwe mill-Istati Membri involuti jistgħu jitolbu lill-Istati Membri l-oħra biex tingħata eżenzjoni għal dak is-servizz. L-Istati Membri kollha involuti, inklużi l-Istati kostali, għandhom jikkollaboraw fl-għoti ta’ eżenzjoni għas-servizz ikkonċernat konformement mal-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw regolarment li l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 qed jiġu ssodisfati. Fil-każijiet fejn mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet m'għadhiex qed tiġi ssodisfatta, l-Istati Membri għandhom jirtiraw minnufih il-benefiċċju tal-eżenzjoni lill-kumpanija kkonċernata.
4. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni lista ta’ kumpaniji u vapuri li ngħataw eżenzjoni taħt dan l-Artikolu, kif ukoll kwalunkwe aġġornament ta’ dik il-lista.
TITOLU III
IL-MONITORAĠĠ TA' BASTIMENTI PERIKOLUŻI U L-INTERVENT FIL-KAŻ TA' INĊIDENTI U AĊĊIDENTI FUQ IL-BAĦAR
Artikolu 16
It-trasmissjoni ta' l-informazzjoni dwar ċerti bastimenti
1. Il-bastimenti li jikkonformaw mal-kriterji mniżżla hawn taħt għandhom jitqiesu li jkunu bastimenti li jistgħu jkunu ta' perikolu potenzjali għat-tbaħħir jew ta' theddida għas-sigurtà marittima, għas-sigurtà ta' l-individwi jew ta' l-ambjent:
(a) bastimenti li, fil-kors tal-vjaġġ tagħhom:
— ikunu ġew involuti f'inċidenti jew aċċidenti fuq il-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 17; jew
— ikunu naqsu li jikkonformaw mal-ħtiġiet tan-notifika u r-rapportaġġ imposti b'din id-Direttiva; jew
— ikunu naqsu milli jikkonformaw mar-regoli applikabbli għas-sistemi ta' rotot tal-bastimenti u VTS imqiegħda taħt ir-responsabbiltà ta' Stat Membru;
(b) bastimenti li dwarhom ikun hemm prova jew evidenza preżuntiva ta' rimi intenzjonat ta' żjut jew ta' xi ksur ieħor tal-Konvenzjoni MARPOL f'ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;
(ċ) bastimenti li l-aċċess għalihom ikun ġie rrifjutat għall-portijiet ta' l-Istati Membri jew li kienu s-suġġett ta' rapport jew ta' notifika minn Stat Membru skond l-Anness I-1 li jinsab mad-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar il-kontroll portwali ta' l-Istat dwar it-tbaħħir ( 2 );
(d) vapuri li ma nnotifikawx, jew li m'għandhomx, ċertifikati ta’ assigurazzjoni jew garanziji finanzjarji taħt kwalunkwe leġislazzjoni Komunitarja u regoli internazzjonali;
(e) vapuri li ġew rappurtati minn piloti jew awtoritajiet tal-port bħala li għandhom anomaliji li jidhru li jistgħu jippreġudikaw in-navigazzjoni sigura tagħhom jew joħolqu riskju għall-ambjent.
2. L-istazzjonijiet kostali li jkollhom l-informazzjoni rilevanti dwar il-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkomunikawh lill-istazzjonijiet kostali kkonċernati fl-Istati Membri l-oħra li jkunu qegħdin matul ir-rotta ppjanata tal-bastiment.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ikkomunikata lilhom skond il-paragrafu 2 tintbagħat lill-awtoritajiet tal-port rilevanti u/jew lil kull awtorità oħra nnominata mill-Istat Membru. Fil-limiti tal-kapaċità disponibbli ta' l-impjegati tagħhom, l-Istati Membri għandhom iwettqu kull spezzjoni jew verifika addattata fil-portijiet tagħhom jew fuq l-inizjattiva tagħhom jew fuq it-talba ta' Stat Membru ieħor, mingħajr preġudizzju għal kull obbligazzjoni tal-kontroll portwali ta' l-Istat. Huma għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri kkonċernati kollha dwar ir-riżultati ta' l-azzjoni meħuda.
Artikolu 17
Ir-rapportaġġ ta' inċidenti u aċċidenti fuq il-baħar
1. Mingħajr preġudizzju għal-liġi internazzjonali u bil-għan ta' prevenzjoni jew mitigazzjoni ta' kull theddida sinifikanti għas-sigurtà marittima, is-sigurtà ta' l-individwi jew ta' l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jimmonitoraw u jieħdu l-miżuri kollha addattati biex jiżguraw li l-kaptan ta' bastiment li jkun ibaħħar fir-reġjun tagħhom ta' tfittxija u salvataġġ/żona ekonomika esklussiva jew l-ekwivalenti, jirrapporta minnufih lill-istazzjoni kostali responsabbli għal dik iż-żona ġeografika:
(a) kull inċident jew aċċident li jeffettwa s-sigurtà tal-bastiment, bħal kolliżjoni, inkaljar, ħsara, iffunzjonar ħażin jew waqfien, għarqa jew ċaqliq tal-merkanzija, kwalunkwe difett fil-buk jew ħsara strutturali;
(b) kull inċident jew aċċident li jista' jikkomprometti s-sigurtà fit-tbaħħir, bħal ħsarat li jistgħu jeffettwaw il-manuvrabilità jew il-kapaċità tal-bastiment għall-baħar, jew xi difetti li jeffettwaw il-propulsjoni jew l-apparat tat-tmun, is-sistema li tiġġenera l-elettriku, l-apparat tan-navigazzjoni u l-apparat tal-komunikazzjoni;
(ċ) kull sitwazzjoni li x'aktarx tista' twassal għat-tniġġis tal-baħar jew tal-kosta ta' Stat Membru, bħal ħruġ jew theddida ta' ħruġ ta' prodotti tat-tniġġis fil-baħar;
(d) kull roqgħa ta' materjal ta' tniġġis u kontenituri jew pakketti li jintlemħu jimxu mal-kurrent fil-baħar.
2. Ir-rapport messaġġ mibgħut bl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandu talanqas jinkludi l-identità tal-bastiment, il-pożizzjoni tiegħu, il-port ta' tluq, il-port tad-destinazzjoni, l-indirizz li minnu tista' tinkiseb l-informazzjoni dwar il-merkanzija perikoluża u ta' tniġġis li tkun qed tinġarr abbord, l-għadd tal-persuni abbord, id-dettalji ta' l-inċident u kull l-informazzjoni oħra rilevanti msemmija fir-Riżoluzzjoni ta' l-IMO A.851(20).
Artikolu 18
Il-miżuri fil-każ ta' temp eċċezzjonalment ħażin
1. Fejn l-awtoritajiet kompetenti nnominati minn Stat Membru jqisu fil-każ ta' temp jew kondizzjonijiet tal-baħar eċċezzjonalment ħżiena, li jkun hemm theddida serja ta' tniġġis taż-żoni tagħhom ta' tbaħħir jew taż-żoni kostali, jew taż-żoni ta' tbaħħir jew taż-żoni kostali ta' Stati oħra, jew li s-sigurtà tal-ħajja tal-bniedem tkun fil-perikolu:
(a) dawn għandhom, fejn ikun possibbli, javżaw b'kollox lill-kaptan tal-bastiment li jkun fiż-żona tal-port ikkonċernata, u li jkollu l-ħsieb li jidħol jew joħroġ mill-port, dwar l-istat tal-baħar u l-kondizzjonijiet tat-temp u, fejn ikun rilevanti u possibbli, dwar il-perikolu li dawn jistgħu jkunu għall-bastiment, għall-merkanzija, għall-ekwipaġġ u għall-passiġġieri tiegħu/tagħha;
(b) dawn jistgħu jieħdu, mingħajr preġudizzju għad-dmirijiet ta' l-għajnuna lill-bastimenti pperikolati u skond l-Artikolu 20, kull miżura oħra addattata, li tista' tinkludi r-rakkomandazzjoni jew il-projbizzjoni jew fil-każ ta' bastiment partikolari jew fil-każ tal-bastimenti kollha in ġenerali li jidħlu jew joħorġu mill-port fiż-żoni effettwati, sakemm jiġi stabbilit li ma jkunx hemm aktar perikolu għall-ħajja umana u/jew għall-ambjent;
(ċ) huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha addattati biex jillimitaw kemm jista' jkun jew, jekk ikun meħtieġ, jipprojbixxu l-bunkering ta' bastimenti fl-ibħra territorjali tagħhom.
2. Il-kaptan għandu javża lill-kumpannija dwar il-miżuri jew ir-rakkomandazzjonijiet addattati imsemmija taħt il-paragrafu 1. Iżda dawn ma jippreġudikawx id-deċiżjoni tal-kaptan fuq il-bażi tal-ġudizzju professjonali tiegħu/tagħha b'mod korrispondenti mal-Konvenzjoni SOLAS. Fejn id-deċiżjoni meħuda mill-kaptan tal-bastiment ma' tkunx skond il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, hu/hi għandu/ha javża/tavża lill-awtoritajiet kompetenti dwar ir-raġunjiet għad-deċiżjoni tiegħu/ha.
3. Il-miżuri jew ir-rakkomandazzjonijiet addattati, imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu bbażati fuq l-istat tal-baħar u t-tbassir tat-temp ipprovdut minn servizz ta' l-informazzjoni meteoroloġiku kkwalifikat li jkollu l-għarfien mill-Istat Membru.
Artikolu 18 a
Miżuri f'każ ta’ riskji maħluqa minħabba kondizzjonijiet ta’ silġ
1. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidraw, minħabba kondizzjonijiet ta’ silġ, li hemm theddida serja għas-sigurtà tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar jew għall-protezzjoni taż-żoni marittimi jew tal-kosta tagħhom jew taż-żoni marittimi jew tal-kosta ta’ Stati oħra:
(a) għandhom ifornu lill-kaptani tal-vapuri, li jkunu fiż-żoni ta’ kompetenza tagħhom, jew li huma bi ħsiebhom jidħlu jew joħorġu minn wieħed mill-portijiet tagħhom, l-informazzjoni xierqa dwar il-kondizzjonijiet tas-silġ, ir-rotot irrikkmandati u s-servizzi ta’ vapuri li jkissru s-silġ fiż-żona ta’ kompetenza tagħhom;
(b) huma jistgħu, mingħajr preġudizzju għad-dmir ta’ assistenza lil vapuri li jeħtieġu assistenza u għal obbligi oħra derivati minn regoli internazzjonali rilevanti, jitolbu li vapur li jkun fiż-żona kkonċernata u li bi ħsiebu jidħol jew joħroġ minn port jew terminal jew jitlaq minn żona ta’ ankraġġ jiddokumenta li jkun jissodisfa r-rekwiżiti ta’ saħħa u qawwa proporzjonati mas-sitwazzjoni tas-silġ fiż-żona kkonċernata.
2. Il-miżuri meħuda taħt il-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati, fir-rigward tad-data dwar il-kondizzjonijiet tas-silġ, fuq previżjonijiet tas-silġ u tat-temp ipprovduti minn servizz kwalifikat ta’ tagħrif meteoroloġiku rikonoxxut mill-Istat Membru.
Artikolu 19
Il-miżuri rrelatati ma' inċidenti jew aċċidenti fuq il-baħar
1. Fil-każ ta' inċidenti jew aċċidenti fuq il-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha addattati b'mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, fejn meħtieġ biex jiżguraw is-sigurtà tal-bastimenti li jbaħħru u tal-persuni u biex jipproteġu l-ambjent tal-baħar u dak kostali.
L-Anness IV jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti tal-miżuri disponibbli għall-Istati Membri taħt dan l-Artikolu.
2. L-operatur, il-kaptan tal-bastiment u s-sid tal-merkanzija perikoluża jew ta' tniġġis li tinġarr abbord għandhom, skond il-liġi nazzjonali u internazzjonali, jikkooperaw bis-sħiħ ma' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta dawn jintalbu minn ta' l-aħħar, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-konsegwenzi ta' inċident jew aċċident fuq il-baħar.
Għal dan il-għan huma għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta mitluba, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12.
3. Il-kaptan ta' bastiment li għalih japplikaw id-disposizzjonijiet tal-Kodiċi ISM għandu, skond dak il-Kodiċi, jinforma lill-kumpannija b'kull inċident jew aċċident, kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), li jseħħ fuq il-baħar. Malli tkun ġiet avżata dwar sitwazzjoni bħal dik, il-kumpannija għandha tikkomunika ma' l-istazzjoni kostali kompetenti u tqiegħed lilha nfisha għad-disposizzjoni tiegħu skond kif ikun meħtieġ.
4. Konformement mal-liġi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Linji Gwida tal-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta’ aċċident marittimu, f’ibħra li jiġu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.
Artikolu 20
Awtorità kompetenti għall-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza […]
1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti waħda jew aktar li jkollhom il-ħila esperta u s-setgħa, fiż-żmien tal-operazzjoni, li jieħdu deċiżjonijiet indipendenti fuq inizjattiva tagħhom stess dwar l-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza.
2. L-awtorità jew l-awtoritajiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu, kif ikun xieraq u b'mod partikolari fil-każ ta’ tħeddida għas-sikurezza marittima jew għall-ambjent, jieħdu kwalunkwe mill-miżuri inklużi fil-lista mhux eżawstiva tal-Anness IV.
3. L-awtorità jew l-awtoritajiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiltaqgħu regolarment sabiex jiskambjaw it-tagħrif espert u jtejbu l-miżuri meħuda taħt dan l-Artikolu. Huma jistgħu jiltaqgħu fi kwalunkwe ħin, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi.
Artikolu 20a
Pjanijiet għall-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza
1. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet għall-akkomodazzjoni ta’ vapuri sabiex iwieġbu għal theddid maħluq minn vapuri li jeħtieġu assistenza fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, inklużi, fejn ikun applikabbli tħeddidiet għall-ħajja tal-bniedem u għall-ambjent. L-awtorità jew l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) għandhom jipparteċipaw fit-tfassil u t-twettiq ta’ dawk il-pjanijiet.
2. Il-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitħejjew wara konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, abbażi tar-Riżoluzzjonijiet A.949(23) u A.950(23) tal-IMO, u għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
(a) l-identità tal-awtorità jew tal-awtoritajiet responsabbli li jirċievu u li jieħdu ħsieb is-sejħiet tal-allert;
(b) l-identità tal-awtorità kompetenti li għandha r-responsabbiltà li tivvaluta s-sitwazzjoni, u li tieħu deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ vapur li jeħtieġ assistenza fil-post ta’ kenn magħżul;
(c) tagħrif fuq il-kosta tal-Istati Membri u l-elementi kollha li jiffaċilitaw valutazzjoni minn qabel u deċiżjoni mgħaġġla dwar l-għażla ta’ post ta’ kenn għal vapur, inkluża d-deskrizzjoni tal-fatturi ambjentali, ekonomiċi u soċjali u tal-kondizzjonijiet naturali;;
(d) il-proċeduri ta’ valutazzjoni għall-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ vapur li jeħtieġ assistenza f'post ta’ kenn;
(e) ir-riżorsi u l-installazzjonijiet adatti għall-assistenza, is-salvataġġ u l-ġlieda kontra ttniġġis;
(f) proċeduri għall-koordinazzjoni u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet internazzjonali;
(g) il-proċeduri ta’ garanziji finanzjarji u ta’ responsabbiltà eżistenti fir-rigward tal-vapuri milqugħa f'post ta’ kenn.
3. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-isem u l-indirizz tal-kuntatt tal-awtorita' msemmija fl-Artikolu 20(1) u tal-awtoritajiet maħtura biex jirċievu u jieħdu ħsieb l-allerti.
L-Istati Membri, meta mitluba, għandhom jgħaddu t-tagħrif rilevanti fir-rigward tal-pjanijiet lill-Istati Membri ġirien.
Fl-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmijin fil-pjanijiet għall-akkomodazzjoni tal-vapuri li jeħtieġu assistenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli għall-partijiet involuti fl-operazzjonijiet.
Jekk mitluba mill-Istati Membri, dawk li jirċievu informazzjoni taħt it-tieni u t-tielet subparagrafi għandhom ikunu marbuta minn obbligu ta’ kunfidenzjalità.
4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni sal-30 ta’ Novembru 2010 dwar il-miżuri meħuda fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 20b
Deċiżjoni dwar l-akkomodazzjoni ta’ vapuri
L-awtorità jew l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) għandhom jiddeċiedu dwar l-aċċettazzjoni ta’ vapur f'post ta’ kenn wara evalwazzjoni minn qabel tas-sitwazzjoni mwettqa abbażi tal-pjanijiet msemmijin fl-Artikolu 20a. L-awtorità jew l-awtoritajiet għandhom jiżguraw li l-vapuri jiddaħħlu f'post ta’ kenn jekk iqisu li tali akkomodazzjoni tkun l-aħjar azzjoni li tista' tittieħed għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent.
Artikolu 20c
Garanzija finanzjarja u kumpens
1. In-nuqqas ta’ ċertifikat ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-assikurazzjoni tas-sidien tal-bastimenti għal pretensjonijiet marittimi ( 3 ) m'għandux jeżonera Stat Membru mill-evalwazzjoni preliminari u d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20b u m'għandux fih innifsu jitqies bħala raġuni biżżejjed sabiex Stat Membru jirrifjuta li jakkomoda vapur f'post ta’ kenn.
2. Mingħajr ħsara għal paragrafu 1, meta jkunu qed jakkomodaw vapur f’post ta’ kenn, l-Istati Membri jisthħu jitolbu lill-operatur, l-aġent jew il-kaptan tal-vapur biex jippreżenta ċertifikat ta’ assigurazzjoni fis-sens ta’ Artikolu 6 ta’ Direttiva 2009/20/KE. L-att tat-talba taċ-ċertifikat m’għandux iwassal biex vapur idum ma jiġi akkomodat.
Artikolu 20d
Eżami mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha teżamina l-mekkaniżmi eżistenti fl-Istati Membri għall-kumpens ta’ telf ekonomiku potenzjali mġarrab minn xi port jew korp b'riżultat ta’ deċiżjoni meħuda taħt l-Artikolu 20(1). Hija għandha fuq il-bażi ta’ dak l-eżami, tressaq u tivvaluta għażliet ta’ politika differenti. Sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropoew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-eżami.
Artikolu 21
L-informazzjoni lill-partijiet ikkonċernati
1. L-istazzjon kostali kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat għandu, fejn ikun meħtieġ, ixandar fiż-żoni rilevanti kull inċident jew aċċident innotifikat skond l-Artikolu 17(1) u l-informazzjoni fir-rigward ta' xi bastiment li jista' jkun ta' theddida għas-sigurtà marittima, għas-sigurtà ta' l-individwi jew ta' l-ambjent.
2. L-awtoritajiet kompetenti li jkollhom l-informazzjoni nnotifikata skond l-Artikoli 13 u 17 għandhom jagħmlu arranġamenti adegwati biex jipprovdu dik l-informazzjoni kull meta din tintalab għal raġunijiet ta' sigurtà mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor.
3. Kull Stat Membru li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu ġew infurmati, skond din id-Direttiva jew b'xi mod ieħor, dwar fatti li jinvolvu jew iżidu r-riskju għal Stat Membru ieħor jew dwar il-possibbiltà ta' periklu f'ċerti żoni ta' tbaħħir u żoni kostali, għandu jieħu l-miżuri kollha addattati biex javża b'dan lil kull Stat Membru ieħor interessat malajr kemm jista' jkun u jikkonsulta miegħu dwar l-azzjoni kkontemplata. Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jagħmlu flimkien l-arranġamenti għall-azzjoni konġunta.
Kull Stat Membru għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex juża kemm jista' jkun ir-rapporti li l-bastimenti huma meħtieġa li jibagħtu skond l-Artikolu 17.
TITOLU IV
IL-MIŻURI LI JMORRU MAGĦHOM
Artikolu 22
In-nomina u l-pubblikazzjoni ta' lista ta' korpi kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jinnomina lill-awtoritajiet kompetenti, lill-awtoritajiet tal-port u ta' l-istazzjonijiet kostali li lilhom għandhom isiru n-notifiki meħtieġa minn din id-Direttiva.
2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-industrija tat-trasport bil-baħar tkun avżata kif imiss u regolarment aġġornata, l-aktar permezz ta' pubblikazzjonijiet nawtiċi, dwar l-awtoritajiet u l-istazzjonijiet innominati skond il-paragrafu 1, inkluża fejn ikun applikabbli ż-żona ġeografika li għaliha jkunu kompetenti, u l-proċeduri mniżżla għan-notifika ta' l-informazzjoni meħtieġ minn din id-Direttiva.
3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista ta' l-awtoritajiet u l-istazzjonijiet li huma jinnominaw skond il-paragrafu 1, kif ukoll l-aġġornament tagħha.
Artikolu 22a
SafeSeaNet
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta’ amministrazzjoni għat-tagħrif marittimu, fuq livell nazzjonali jew lokali sabiex jiżguraw l-ipproċessar tat-tagħrif imsemmi f'din id-Direttiva.
2. Is-sistemi stabbiliti taħt il-paragrafu 1 għandhom jippermettu li t-tagħrif miġbur ikun użat b'mod operattiv u jkun jissodisfa, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14.
3. Sabiex ikun garantit skambju effettiv tat-tagħrif imsemmi f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi nazzjonali jew lokali stabbiliti biex jiġbru, jipproċessaw u jippreservaw dak it-tagħrif, ikunu jistgħu jkunu interkonnessi mas-SafeSeaNet. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-SafeSeaNet titħaddem 24 siegħa kuljum. Id-deskrizzjoni u l-prinċipji tas-SafeSeaNet huma stipulati fl-Anness III.
4. Bla ħsara għall-paragrafu 3, meta jkunu qegħdin joperaw taħt ftehimiet intra-Kommunitarji jew fil-qafas ta’ proġetti interreġjonali transkonfinali jew transnazzjonali fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi jew in-networks ta’ tagħrif żviluppati jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u jkunu kompatibbli u marbuta mas-SafeSeaNet.
Artikolu 23
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni
L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:
(a) waqt li jsir l-aħjar użu mill-informazzjoni nnotifikata skond din id-Direttiva, l-aktar billi jiġu żviluppati l-komunikazzjonijiet telematiċi addattati bejn l-istazzjonijiet kostali u l-awtoritajiet tal-port bil-ħsieb ta' skambju ta' l-informazzjoni rrelatata maċ-ċaqliq ta' bastimenti, il-ħin meta huwa kkalkulat li jaslu fil-portijiet u l-merkanzija tagħhom;
(b) l-iżvilupp u t-titjib fl-effettività tal-komunikazzjonijiet telematiċi bejn l-istazzjonijiet kostali ta' l-Istati Membri bil-ħsieb tal-kisba ta'stampa aktar ċara tat-traffiku, ta' titjib fil-monitoraġġ tal-bastimenti li jkunu qed jivvjaġġaw, u ta' l-armonizzazzjoni u, sa fejn ikun possibbli, is-simplifikazzjoni tar-rapporti meħtieġa minn bastimenti li jkunu fi triqthom;
(c) jestendu l-kopertura tas-sistema Komunitarja ta’ monitoraġġ u ta’ tagħrif dwar it-traffiku tal-bastimenti u/jew jaġġornawha bil-ħsieb li jtejjbu l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-vapuri, b'kont meħud tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu flimkien biex, fejn meħtieġ, jistabbilixxu sistemi obbligatorji ta’ rappurtar, servizzi obbligatorji tat-traffiku marittimu u s-sistemi adatti għar-rotot tal-vapuri, bil-għan li jiġu ppreżentati lill-IMO għall-approvazzjoni. Huma għandhom jikkollaboraw ukoll, fi ħdan il-korpi reġjonali jew internazzjonali konċernati, għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni u sejbien mill-bogħod;
(d) waqt li jħejju, fejn japplika, pjanijiet komuni għall-akkommodazzjoni tal-bastimenti fil-periklu;
(e) jiżguraw l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali użati għall-amministrazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Anness I, u jiżviluppaw u jaġġornaw is-SafeSeaNet.
Artikolu 23a
Ipproċessar u amministrazzjoni ta’ informazzjoni ta’ sigurtà marittima
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura, fejn meħtieġ, l-ipproċessar, l-użu u d-disseminazzjoni lill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri, tal-informazzjoni miġbura taħt din id-Direttiva.
2. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-operat ta’ sistemi ta’ ġbir u ta’ disseminazzjoni tad-data relatati mas-sigurtà marittima, b'mod partikolari permezz tas-sistema “Equasis” jew ta’ kwalunkwe sistema pubblika oħra ekwivalenti.
Artikolu 24
Kunfidenzjalità tat-tagħrif
1. L-Istati Membri għandhom, konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità jew dik nazzjonali, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità tat-tagħrif mibgħut lilhom taħt din id-Direttiva u għandhom jużaw dan it-tagħrif konformement ma’ din id-Direttiva.
2. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga il-problemi possibbli ta’ sikurezza tan-network u tat-tagħrif u tipproponi kwalunkwe emendi xierqa għall-Anness III sabiex tittejjeb is-sikurezza tan-network.
Artikolu 25
Il-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u s-sanzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu spezzjonijiet regolari u kull azzjoni oħra meħtieġa biex jiġi vverifikat il-funzjonament tas-sistemi telematiċi bbażati fuq l-art li jkunu imwaqqfa biex jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, u b'mod partikolari l-kapaċità tagħhom biex jikkonformaw mal-bżonnijiet li jirċievu jew jibagħtu mingħajr dewmien, 24 siegħa kuljum, l-informazzjoni nnotifikata skond l-Artikoli 13 u 15.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' sanzjonijiet għall-ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jiġu applikati. Is-sanzjonijiet hekk ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.
3. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, javżaw lill-Istat tal-bandiera u lil kull Stat ieħor ikkonċernat dwar il-miżuri meħuda fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom skond l-Artikoli 16 u 19 u l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
4. Fejn Stat Membru jsib, meta jiġri inċident jew aċċident fuq il-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 19, li kumpannija ma kinitx kapaċi tistabbilixxi u żżomm komunikazzjoni mal-bastiment jew ma' l-istazzjonijiet kostali kkonċernati, din għandha tinforma b'dan lill-Istat li jkun ħareġ id-dokument ISM dwar il-konformità u ċ-ċertifikat assoċjat dwar l-immaniġġar tas-sigurtà, jew li għan-nom tiegħu jkun inħareġ.
Fejn is-serjetà tan-nuqqas turi l-eżistenza ta' inċidenza kbira ta' nuqqas ta' konformità fl-iffunzjonar tas-sistema ta' l-immaniġġar tas-sigurtà ta' kumpannija stabbilita fi Stat Membru, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument tal-konformità jew iċ-ċertifikat ta' l-immaniġġar tas-sigurtà lill-bastiment għandu minnufih jieħu l-miżuri meħtieġa kontra l-kumpannija kkonċernata bil-ħsieb li jiġi rtirat id-dokument tal-konformità u ċ-ċertifikat assoċjat ta' l-immnaiġġar tas-sigurtà.
Artikolu 26
Il-valutazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sal-5 ta' Frar 2007 dwar il-progress fl-implimentazzjoni 7 ta' din id-Direttiva u, b'mod partikolari d-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 9, 10, 18, 20, 22, 23 u 25. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2009 dwar l-implimentazzjoni sħiħa ta' din id-Direttiva.
2. Fuq il-bażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sitt xhur wara dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Fir-rapporti tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura jekk u sa liema limitu d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva kif implimentati mill-Istati Membri qed jgħinu biex tiżdied is-sigurtà u l-effiċjenza tat-trasport marittimu u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti.
3. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa u l-possibbiltà għal miżuri f'livell Komunitrju mmirati biex jiffaċilitaw l-irkupru jew il-kumpens ta' l-ispejjeż u d-dannu mġarrab minħabba l-akkommodazzjoni ta' bastimenti pperikolati, inklużi l-bżonnijiet xierqa rigward l-assigurazzjoni jew xi sigurtà finanzjarja oħra
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-5 ta' Frar 2007 dwar ir-riżultati ta' dak l-eżami.
DISPOSIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 27
Emendi
1. Fl-ambitu ta’ din id-Direttiva kif definit fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27a li jemendaw ir-referenzi għall-istrumenti tal-OMI u tal-Unjoni f’din id-Direttiva u d-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 u l-Annessi sabiex jinġiebu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali jew tal-Unjoni li ġew adottati jew emendati jew li daħlu fis-seħħ.
2. Fl-ambitu ta’ din id-Direttiva kif definit fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27a li jemendaw l-Annessi I, III u IV fid-dawl tal-progress tekniku u l-esperjenza miksuba b’din id-Direttiva.
Artikolu 27a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 27 għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 4 ).
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 27 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
▼M5 —————
Artikolu 29
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, mhux aktar tard mill-5 ta' Frar 2004. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
Fejn l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir referenza bħal dik għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni d-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 30
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE qiegħda b'dan tiġi mħassra b'effett mill-5 ta' Frar 2004.
Artikolu 31
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Artikolu 32
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
IL-LISTA TA' L-INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI NNOTIFIKATA
1. L-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata skond l-Artikolu 4 - L-informazzjoni Ġenerali
(a) l-identifikazzjoni tal-bastiment (l-isem, is-sinjal tas-sejħa, in-numru ta' l-identifikazzjoni ta' l-IMO u numru ta' l-MMSI),
(b) il-port tad-destinazzjoni:
(ċ) il-ħin ikklakulat għall-wasla fil-port tad-destinazzjoni jew fi stazzjoni tal-pilota, kif meħtieġ mill-awtorità kompetenti, u l-ħin ikkalkulat għat-tluq minn dak il-port
(d) l-għadd totali ta' persuni abbord.
2. L-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata skond l-Artikolu 12 - L-informazzjoni dwar merkanzija:
(a) l-ismijiet tekniċi korretti tal-merkanzija perikoluża jew ta' tniġġis, in-numri tal-Ġnus Maqgħuda (UN), fejn jeżistu, il-klassijiet ta' perikolu ta' l-IMO skond il-Kodiċi IMDG, IBC u IGC u, fejn jgħodd, il-klassi tal-bastiment meħtieġa għall-merkanziji INF kif definiti fir-Regolament VII/14.2, il-kwantitajiet ta' dik il-merkanzija u, jekk ikunu qed jinġarru f'unitajiet merkantili ta' trasport minbarra f'tankijiet, in-numru ta' l-identifikazzjoni tagħhom;
(b) l-indirizz li minnu jista' jinkiseb l-informazzjoni dettaljat dwar il-merkanzija.
3. L-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata skond l-Artikolu 13:
A. L-informazzjoni ġenerali:
(a) l-identifikazzjoni tal-bastiment (l-isem, is-sinjal tas-sejħa, in-numru ta' l-identifikazzjoni ta' l-IMO u numru tal-MMSI),
(b) il-port tad-destinazzjoni:
(ċ) fil-każ ta'bastiment ħiereġ minn port ta' Stat Membru: il-ħin ikkalkulat għall-ħruġ mill-port tat-tluq jew mill-istazzjoni tal-pilota, kif ikun meħtieġ mill-awtorità kompetenti, u l-ħin ikkalkulat għall-wasla fil-port tad-destinazzjoni;
(d) fil-każ ta' bastiment li jkun ġej minn port li jkun qiegħed barra l-Komunità u jkun sejjer lejn port fi Stat Membru: il-ħin ikkalkulat għall-wasla fil-port tad-destinazzjoni jew ta' stazzjoni tal-pilota, kif meħtieġ mill-awtorità kompetenti,
(e) l-għadd totali ta' persuni abbord.
B. L-informazzjoni dwar il-merkanzija:
(a) l-ismijiet tekniċi korretti tal-merkanzija perikoluża jew ta' tniġġis, in-numri tal-Ġnus Maqgħuda (UN), fejn ikunu jeżistu, il-klassijiet ta' perikolu ta' l-IMO skond il-Kodiċi IMDG, IBC u IGC u, fejn ikun jgħodd, il-klassi tal-bastiment meħtieġa għall-merkanziji INF kif iddefiniti fir-Regolament VII/14.2, il-kwantitajiet ta' dik il-merkanzija u, jekk tkun qed tinġarr f'unitajiet merkantili ta' trasport minbarra f'tankijiet, in-numru ta' l-identifikazzjoni tagħhom;
(b) konferma li l-lista jew il-manifest jew il-pjan xieraq tat-tagħbija jkun jagħti dettalji tal-merkanzija perikoluża jew ta' tniġġis li tkun qed tinġarr u fejn tkun qiegħda fuq il-bastiment;
(ċ) l-indirizz li minnu jista' jinkiseb tagħif dettaljat dwar il-merkanzija.
4. L-informazzjoni imsemmi fl-Artikolu 5:
A. |
l-identifikazzjoni tal-bastiment (l-isem, is-sinjal tas-sejħa, in-numru ta' identifikazzjoni ta' l-IMO u numru tal-MMSI), |
B. |
Id-data u l-ħin, |
C jew D. |
il-pożizzjoni fil-latitudni u l-lonġitudni u l-pożizzjoni eżatta u d-distanza f'mili nawtiċi minn marka fuq l-art identifikata b'mod ċar, |
E. |
ir-rotta, |
F. |
il-velocità, |
I. |
Il-port tad-destinazzjoni u l-ħin ikkalkulat għall-wasla, |
P. |
Il-merkanzija u, jekk ikun hemm merkanzija perikoluża abbord, il-kwantità u l-klassi ta' l-IMO, |
T. |
L-indirizz għal-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni dwar il-merkanzija, |
W. |
l-għadd totali ta' persuni abbord. |
X. |
Tagħrif varju: — il-karatteristiċi u l-istima tal-kwantità ta’ karburant tal-bunker għal vapuri ta’ iżjed minn tunnellaġġ gross ta’ 1 000 , — l-istatus tan-navigazzjoni. |
5. |
il-kaptan tal-bastiment għandu minnufih javża lill-awtorità kompetenti jew lill-awtorità tal-port ikkonċernat b'kull skambju fl-informazzjoni nnotifikata skond dan l-Anness. |
ANNESS II
Ir-rekwiżiti applikabbli għall-apparat abbord
I. BASTIMENTI TAS-SAJD
Bastimenti tas-sajd li t-tul totali tagħhom huwa ta' aktar minn 15-il metru għandhom jiġu mgħammra b'sistema ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS) kif stipulat fl-Artikolu 6a skont l-iskeda taż-żmien kif ġej:
— bastimenti tas-sajd li t-tul totali tagħhom huwa ta' 24 metru jew aktar iżda inqas minn 45 metru: mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2012.
— bastimenti tas-sajd li t-tul totali tagħhom huwa 18-il metru jew aktar iżda inqas minn 24 metru: mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2013.
— bastimenti tas-sajd li t-tul totali tagħhom huwa aktar minn 15-il metru iżda inqas minn 18-il metru: mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2014.
— Bastimenti tas-sajd ġodda li t-tul totali tagħhom huwa aktar minn 15-il metru huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-ġarr stipulati fl-Artikolu 6a sa mit-30 ta' Novembru 2010
II. BASTIMENTI LI JWETTQU VJAĠĠI INTERNAZZJONALI
Il-bastimenti tal-passiġġieri, irrispettivament mid-daqs, u l-bastimenti kollha, għajr mill-bastimenti tal-passiġġieri, tat-tunnellaġġ gross ta' 300 jew aktar li jwettqu vjaġġi internazzjonali, u li jidħlu f'port ta' Stat Membru għandhom jiġu mgħammra b'sistema ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS) f'konformità mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni stipulati fil-Kapitlu V tas-SOLAS. Il-bastimenti tal-passiġġieri, irrispettivament mid-daqs, u l-bastimenti kollha, għajr mill-bastimenti tal-passiġġieri, tat-tunnellaġġ gross ta' 3 000 jew aktar li jwettqu vjaġġi internazzjonali, u li jidħlu f'port ta' Stat Membru għandhom jiġu mgħammra b'reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ (VDR) f'konformità mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni stipulati fil-Kapitlu V tas-SOLAS. Fil-każ tal-bastimenti tal-merkanzija mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2002 il-VDR jista' jkun reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ simplifikat (S-VDR), li għandu jkun konformi mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni żviluppati skont il-Kapitlu V tas-SOLAS.
III. BASTIMENTI LI JWETTQU VJAĠĠI MHUX INTERNAZZJONALI
1. Is-Sistemi tal-Identifikazzjoni Awtomatika (AIS)
Il-bastimenti tal-passiġġieri, irrispettivament mid-daqs, u l-bastimenti l-oħrajn kollha tat-tunnellaġġ gross ta' 300 jew aktar li jwettqu vjaġġi mhux internazzjonali għandhom jiġu mgħammra b'sistema ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS) f'konformità mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni stipulati fil-Kapitlu V tas-SOLAS.
2. Is-sistemi tar-Reġistraturi tad-Dejta dwar il-Vjaġġ (VDR)
(a) Il-bastimenti tal-passiġġieri, irrispettivament mid-daqs, u l-bastimenti għajr il-bastimenti tal-passiġġieri tat-tunnellaġġ gross ta' 3 000 jew aktar u mibnija fl-1 ta' Lulju 2002 jew wara li jwettqu vjaġġi mhux internazzjonali għandhom jiġu mgħammra b'reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ (VDR) li jkun konformi mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni żviluppati skont il-Kapitlu V tas-SOLAS.
(b) Bastimenti tal-merkanzija tat-tunnellaġġ gross ta' 3 000 jew aktar u mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2002 li jwettqu vjaġġ mhux internazzjonali għandhom jiġu mgħammra b'reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ (VDR) jew b'reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ simplifikat (S-VDR) li jkun konformi mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni żviluppati skont il-Kapitlu V tas-SOLAS.
IV. EŻENZJONIJIET
1. Eżenzjonijiet mir-rekwiżit li jinġarr AIS abbord
(a) L-Istati Membri jistgħu jeżentaw bastimenti tal-passiġġieri tat-tul ta' anqas minn 15-il metru jew tat-tunnellaġġ gross taħt it-300 li jwettqu vjaġġi mhux internazzjonali mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-AIS stipulati f'dan l-Anness.
(b) L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-bastimenti, għajr il-bastimenti tal-passiġġieri, tat-tunnellaġġ gross ta' 300 u aktar iżda taħt it-tunnellaġġ gross ta' 500 li jbaħħru esklussivament ġewwa l-ilmijiet interni ta' Stat Membru u barra r-rotot li normalment jintużaw minn bastimenti oħra mgħammra b'AIS, mir-rekwiżiti tal-ġarr għal AIS stipulati f'dan l-Anness.
2. Eżenzjonijiet mir-rekwiżit li jinġarr VDR jew S-VDR abbord
L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mir-rekwiżit li jiġu mgħammra b'VDR jew S-VDR kif ġejjin:
(a) Il-bastimenti tal-passiġġieri biss fuq vjaġġi f'żoni tal-ibħra għajr dawk koperti mill-Klassi A, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), jistgħu jkunu eżenti mir-rekwiżit jiġu mgħammra b'VDR,
(b) Bastimenti, għajr il-bastimenti tal-passiġġieri ro-ro, mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2002 jistgħu jkunu eżentati mir-rekwiżit jiġu mgħammra b'VDR fejn ikunu jistgħu juru li interfacing b'VDR mat-tagħmir eżistenti fuq il-bastiment mhix raġonelvoli jew prattika,
(c) Bastimenti tal-merkanzija mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2002, li jwettqu vjaġġi internazzjonali jew mhux internazzjonali, jistgħu jkunu eżentati mir-rikwiżit li jiġu mgħammra b'S-VDR fil-każ li t-tali bastimenti għandhom jitneħħew mis-servizz fuq bażi permanenti fis-sentejn wara d-data tal-implimentazzjoni speċifikata fil-Kapitlu V tas-SOLAS.
ANNESS III
MESSAĠĠI ELETTRONIĊI U S-SISTEMA TAL-UNJONI GĦALL-ISKAMBJU TA' INFORMAZZJONI MARITTIMA (SAFESEANET)
1. Il-kunċett ġenerali u l-arkitettura
Is-sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta' Informazzjoni Marittima, SafeSeaNet, għandha tippermetti l-wasla, il-ħażna, l-irkupru u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tas-sikurezza marittima, tas-sigurtà marittima u tal-portijiet, tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-effiċjenza tat-traffiku u t-trasport marittimi.
Is-SafeSeaNet hija sistema speċjalizzata li twaqqfet biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni f'format elettroniku bejn l-Istati Membri u biex tipprovdi lill-Kumissjoni u lill-Istati Membri bit-tagħrif rilevanti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Hija magħmula minn network ta' sistemi SafeSeaNet nazzjonali li jinsabu fl-Istati Membri u minn sistema SafeSeaNet ċentrali li sservi bħala pern.
Is-sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta' Informazzjoni Marittima għandha tgħaqqad is-sistemi SafeSeaNet nazzjonali kollha, stabbiliti skont din id-Direttiva, u għandha tinkludi s-sistema SafeSeaNet ċentrali.
2. L-immaniġġar, it-tħaddim, l-iżvilupp u l-manutenzjoni
2.1. Responsabilitajiet
2.1.1.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu sistema SafeSeaNet nazzjonali li tippermetti l-iskambju ta' tagħrif marittimu bejn l-utenti awtorizzati taħt ir-responsabilità ta' awtorità kompetenti nazzjonali (NCA).
L-NCA għandha tkun responsabbli mill-immaniġġar tas-sistema nazzjonali, li għandu jinkludi l-koordinazzjoni nazzjonali bejn l-utenti tad-dejta u l-fornituri tad-dejta kif ukoll mill-iżgurar li l-UN LOCODES ikunu stabbiliti u li l-infrastruttura nazzjonali tal-IT meħtieġa u l-proċeduri deskritti fid-dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet imsemmi fil-punt 2.3 ikunu stabbiliti u miżmuma.
Is-sistema SafeSeaNet nazzjonali għandha tippermetti l-interkonnessjoni tal-utenti awtorizzati taħt ir-responsabbiltà ta' NCA u tista' ssir aċċessibbli għal parteċipanti fit-tbaħħir identifikati (sidien tal-vapuri, aġenti, kaptani, shippers u oħrajn) meta jkunu awtorizzati minn xi NCA, b'mod partikolari sabiex tiġi ffaċilitata s-sottomissjoni elettronika ta' rapporti f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
2.1.2.
Il-Kummissjoni hija responsabbli mill-immanniġġar u l-iżvilupp fil-livell ta' politika tas-sistema SafeSeaNet ċentrali u għas-sorveljanza tas-sistema SafeSeaNet, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, filwaqt li, skont ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ), l-Aġenzija Ewropea ta' Sigurtà fuq il-bahar, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, hija responsabbli minn:
— l-implimentazzjoni u d-dokumentazzjoni tekniċi tas-SafeSeaNet;
— l-iżvilupp, l-operazzjoni u l-integrazzjoni tal-messaġġi elettroniċi u d-dejta kif ukoll il-manutenzjoni tal-interfaċċji mas-sistema SafeSeaNet ċentrali, inkluż id-dejta AIS miġbura permezz tas-satellita, u mas-sistema ta' informazzjoni differenti f'din id-Direttiva u kif imsemmi fil-punt 3.
Is-sistema SafeSeaNet ċentrali, li taġixxi bħala pern, għandha tikkollega s-sistemi SafeSeaNet nazzjonali kollha u għandha tistabbilixxi l-infrastruttura u l-proċeduri meħtieġa tal-IT kif deskritt fid-“dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet” imsemmi fil-punt 2.3.
2.2. Prinċipji ta' mmaniġġar
Il-Kummissjoni għandha twaqqaf grupp ta' tmexxija ta' livell għoli, li jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, sabiex:
— jagħmel rakkomandazzjonijiet li jtejbu l-effettività u s-sigurtà tas-sistema,
— jagħti direzzjoni xierqa għall-iżvilupp tas-sistema,
— jgħin lill-Kummissjoni fir-rieżami tal-prestazzjoni tas-sistema,
— jipprovdi gwida xierqa għall-iżvilupp ta' pjattaforma ta' skambju ta' dejta interoperabbli li tgħaqqad l-informazzjoni minn SafeSeaNet b'informazzjoni minn sistemi ta' informazzjoni oħra kif imsemmi fil-punt 3,
— japprova d-dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet imsemmi fil-punt 2.3 u kwalunkwe emendi għalih,
— jadotta linji gwida għall-ġbir u t-tqassim tal-informazzjoni permezz tas-SafeSeaNet relatati ma' awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri biex iwettqu funzjonijiet skont din id-Direttiva,
— jikkoordina ma' fora rilevanti oħra, b'mod partikolari l-grupp dwar is-servizzi tas-simplifikazzjoni amministrattiva u tal-informazzjoni elettronika marittimi.
2.3. Id-Dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet u d-dokumentazzjoni teknika
Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u żżomm, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, “Dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet” (IFCD).
L-IFCD għandu jiddeskrivi fid-dettal ir-rekwiżiti u l-proċeduri tal-prestazzjoni applikabbli għall-elementi nazzjonali u ċentrali tas-SafeSeaNet maħsuba sabiex jiżguraw konformita' mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.
L-IFCD għandu jinkludi r-regoli għal:
— gwida ta' drittijiet tal-aċċess, għall-immaniġġar tal-kwalità tad-dejta;
— integrazzjoni tad-dejta, kif imsemmi fil-punt 3, u d-distribuzzjoni tagħha permezz tas-sistema SafeSeaNet,
— proċeduri operazzjonali għall-Aġenzija u għall-Istati Membri li jiddefinixxu l-mekkaniżmi ta' kontroll dwar il-kwalità tad-dejta tas-SafeSeaNet,
— specifikazzjonijiet tas-sigurtà għat-trażmissjoni u l-iskambju tad-dejta, u
— l-arkivjar tal-informazzjoni fil-livelli nazzjonali u ċentrali.
L-IFCD għandu jindika l-mezzi tal-ħażna u d-disponibilità tal-informazzjoni dwar merkanzija perikoluża jew li tniġġes rigward servizzi skedati li jkunu ġew eżentati skont l-Artikolu 15.
Id-dokumentazzjoni teknika relatata mas-SafeSeaNet, bħall-istandards tal-format għall-iskambju tad-dejta, l-interoperabbiltà ma' sistemi u applikazzjonijiet oħrajn, il-manwali tal-utenti u l-ispeċifikazzjonijiet għas-sigurtà tan-netwerk, għandha tkun żviluppata u miżmuma mill-Aġenzija f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.
3. L-iskambju u l-qsim ta' dejta
Is-sistema għandha tuża standards tal-industrija u għandha tkun tista' tinteraġixxi mas-sistemi pubbliċi u privati użati biex joħolqu, jipprovdu jew jirċievu t-tagħrif fis-SafeSeaNet.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jeżaminaw il-fattibbiltà u l-iżvilupp ta' funzjonalitajiet li safejn ikun possibbli jiżguraw li l-fornituri tad-dejta, fosthom il-kaptani, is-sidien, l-aġenti, l-operaturi, ix-shippers u l-awtoritajiet rilevanti jkunu meħtieġa li jippreżentaw it-tagħrif darba biss, billi jqisu kif dovut l-obbligi tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri ( 7 ) u tal-leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħrif mibgħut ikun disponibbli għall-użu fis-sistemi rilevanti kollha ta' rappurtar, ta' notifikazzjoni, ta' qsim ta' informazzjoni u tas-sistemi VTMIS.
L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jżommu l-interfaces meħtieġa għat-trażmissjoni awtomatika ta' dejta permezz ta' mezzi elettroniċi għas-sistema SafeSeaNet.
Is-SafeSeaNet ċentrali għandha tintuża għat-tqassim ta' messaġġi elettroniċi u tad-dejta skambjata jew kondiviża skont din id-Direttiva u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inter alia:
— Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija ( 8 ), fir-rigward tal-Artikolu 12(3) tagħha.
— Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur, inkluż penali kriminali, għal reati ta' tniġġis ( 9 ), fir-rigward tal-Artikolu 10 tagħha.
— Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port ( 10 ), fir-rigward tal-Artikolu 24 tagħha;
— Id-Direttiva 2010/65/UE safejn japplika l-Artikolu 6 tagħha;
It-tħaddim tas-sistema SafeSeaNet għandu jappoġġja l-iffaċilitar u l-istabbiliment taż-Żona Ewropea Tat-Trasport Marittimu mingħajr Konfini.
Fejn ir-regoli adottati b'mod internazzjonali jippermettu r-routing tal-informazzjoni LRIT dwar bastimenti ta' pajjiżi terzi, għandhom jintużaw in-networks tas-SafeSeaNet biex titqassam fost l-Istati Membri, bil-livell ta' sigurtà xieraq, l-informazzjoni LRIT li tkun waslet skont l-Artikolu 6b ta' din id-Direttiva.
4. Is-sigurtà u d-drittijiet ta' aċċess
Is-sistemi SafeSeaNet ċentrali u nazzjonali għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva dwar il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kif ukoll mal-prinċipji tas-sigurtà u mal-ispeċifikazzjonijiet deskritti fl-IFCD, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' drittijiet ta' aċċess.
L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-utenti kollha li għalihom hemm attribwit rwol kif ukoll sett ta' drittijiet ta' aċċess f'konformità mal-IFCD.
ANNESS IV
Il-miżuri disponbbli għall-Istati Membri fil-każ ta’ theddida għas-sigurtà marittima u l-protezzjoni tal-ambjent
(skont l-Artikolu 19(1))
Fejn, wara inċident jew ċirkostanza tat-tip deskritta fl-Artikolu 17 li tolqot bastiment, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat tqis, fil-qafas tal-liġi internazzjonali, li jkun meħtieġ li tiġi evitata, imnaqqsa jew imneħħija theddida serja u imminenti għall-kosta tiegħu u għal interessi rrelatati, is-sigurtà tal-bastimenti l-oħra u l-ekwipaġġi tagħhom u l-passiġġieri jew il-persuni fuq ix-xatt jew biex jiġi protett l-ambjent tal-baħar, dik l-awtorità tista’, b’mod partikolari:
(a) tillimita l-moviment tal-bastiment jew tmexxih biex isegwi rotta speċifika. Dan ir-rekwiżit ma jaffettwax ir-responsabbiltà tal-kaptan għall-imaniġġjar sikur tal-bastiment tiegħu;
(b) tagħti avviż uffiċjali lill-kaptan tal-bastiment biex iwaqqaf it-theddida għall-ambjent jew għas-sigurtà marittima;
(c) tibgħat tim ta’ valutazzjoni abbord il-bastiment biex jistma l-grad tar-riskju, jgħin lill-kaptan biex jirrimedja s-sitwazzjoni u żżomm l-istazzjon kostali kompetenti infurmat b’dan;
(d) tordna lill-kaptan biex jidħol f’post ta’ kenn fil-każ ta’ periklu imminenti, jew iġġiegħel li l-bastiment jiġi ppilotat jew irmunkat.
Fil-każ li bastiment li jiġi rmunkat bis-saħħa ta’ ftehim ta’ rmonk jew ta’ salvataġġ, il-miżuri li jittieħdu mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru taħt il-punti (a) u (d) jistgħu wkoll jiġu indirizzati lill-kumpaniji involuti tal-assistenza, tas-salvataġġ u tal-irmonk.
( 1 ) ĠU L 138, ta' l-1.6.1999, p. 1.
( 2 ) ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 19, tat-22.1.2002, p. 17).
( 3 ) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 128
( 4 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
( 5 ) ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.
( 6 ) Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).
( 7 ) ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1.
( 8 ) ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.
( 9 ) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.
( 10 ) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.