23.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/1


REGOLAMENT (UE, Euratom) 2016/2030 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2016

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 325 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikulari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kumitat ta' Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“l-Uffiċċju”) għandu l-kompitu li jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigattiva tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju.

(2)

Il-qafas għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji relatati mal-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jiġi stabbilit b'tali mod li jevita kwalunkwe ħjiel ta' interferenza possibbli tal-Uffiċċju fil-qadi ta' dmirijiethom. Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 għandu jiġi adattat sabiex jippermetti tali qafas, filwaqt li jiggarantixxi l-istess trasparenza tal-approprijazzjonijiet għall-operat tal-Kumitat ta' Sorveljanza li kien hemm qabel.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-Kumitat ta' Sorveljanza jiffunzjona b'mod effikaċi u effiċjenti, is-segretarjat tiegħu għandu jiġi pprovdut direttament mill-Kummissjoni, b'mod indipendenti mill-Uffiċċju, u l-Kummissjoni għandha tipprovdi lis-segretarjat il-mezzi xierqa biex jissodisfa l-funzjoni tiegħu. Sabiex tissalvagwardja l-indipendenza tal-Kumitat ta' Sorveljanza, il-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli tindaħal fil-funzjonijiet ta' monitoraġġ tal-Kumitat ta' Sorveljanza.

(4)

Fejn l-Uffiċċju jaħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, dak l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jibqa' kompetenti għall-ipproċessar ta' data mis-segretarjat tal-Kumitat ta' Sorveljanza.

(5)

L-obbligi ta' kunfidenzjalità tal-persunal tas-segretarjat tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandhom jibqgħu japplikaw.

(6)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kien ikkonsultat bi qbil mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fit-18 ta' Marzu 2016 iddeċieda li ma joħroġ l-ebda opinjoni.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun kompetenti għall-ipproċessar tad-data mill-Uffiċċju u mis-segretarjat tal-Kumitat ta' Sorveljanza”;

(b)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“F'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal tal-Uffiċċju u l-persunal tas-segretarjat tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe żvelar mhux awtorizzat ta' informazzjoni li jirċievu waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx legalment diġà saret pubblika jew aċċessibbli għall-pubbliku, u għandhom jibqgħu marbuta b'dak l-obbligu wara li jitilqu mis-servizz.

Il-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandhom ikunu marbuta bl-istess obbligu ta' segretezza professjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, u għandhom jibqgħu marbuta b'dak l-obbligu wara tmiem il-mandat tagħhom.”.

(2)

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jaħtar il-president tiegħu. Huwa għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess, li, qabel ma jkunu adottati, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bħala informazzjoni.. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandhom jissejħu fuq l-inizjattiva tal-president tiegħu jew tad-Direttur Ġenerali. Huwa għandu jlaqqa' mill-inqas 10 laqgħat fis-sena. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b' maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Is-segretarjat tiegħu għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni, b'mod indipendenti mill-Uffiċċju, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta' Sorveljanza. Qabel ma jinħatar kwalunkwe membru tal-persunal fis-segretarjat, il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jiġi kkonsultat u l-fehmiet tiegħu għandhom jitqiesu. Is-segretarjat għandu jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-Kumitat ta' Sorveljanza u b'mod indipendenti mill-Kummissjoni. Mingħajr preġudizzju għall-kontroll tagħha fuq il-baġit tal-Kumitat ta' Sorveljanza u tas-segretarjat tiegħu, il-Kummissjoni m'għandhiex tindaħal fil-funzjonijiet ta' monitoraġġ tal-Kumitat ta' Sorveljanza.

L-uffiċjali assenjati lis-segretarjat tal-Kumitat ta' Sorveljanza la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jieħdu struzzjonijiet mingħand kwalunkwe gvern jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija relatati mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta' monitoraġġ tal-Kumitat ta' Sorveljanza.”.

(3)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 18

Finanzjament

L-approprjazzjonijiet totali għall-Uffiċċju għandhom jiddaħħlu f'linja baġitarja speċifika fit-taqsima tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea relatata mal-Kummissjoni u għandhom jitniżżlu fid-dettall f'Anness għal dik it-taqsima. L-approprjazzjonijiet għall-Kumitat ta' Sorveljanza u s-segretarjat tiegħu għandhom jiddaħħlu fit-taqsima tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea relatata mal-Kummissjoni.

Il-pjan ta' stabbiliment tal-Uffiċċju għandu jiġi anness mal-pjan ta' stabbiliment tal-Kummissjoni. Il-pjan ta' stabbiliment tal-Kummissjoni għandu jinkludi s-segretarjat tal-Kumitat ta' Sorveljanza.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Ottubru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. LESAY


(1)  ĠU C 150, 27.4.2016, p. 1.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Settembru 2016.

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).