European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2685

7.12.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2685 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Novembru 2023

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-proċedura tal-viża

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-politika komuni dwar il-viżi tal-Unjoni kienet parti integrali mill-istabbiliment ta’ żona mingħajr fruntieri interni. Huwa importanti li l-politika dwar il-viżi tibqa’ element essenzjali biex tgħin fil-ġlieda kontra r-riskji għas-sigurtà u r-riskju ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni, filwaqt li tiffaċilita t-turiżmu u n-negozju. Biex il-proċess tal-applikazzjoni għall-viża ta’ Schengen isir aktar faċli u aktar effettiv għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, jeħtieġ li l-applikazzjonijiet għall-viża ta’ Schengen ikunu jistgħu jsiru online, u b’hekk isir użu sħiħ mill-iżviluppi legali u teknoloġiċi reċenti.

(2)

Jenħtieġ li l-viżi jinħarġu f’format diġitali uniformi biss, bħala barcode 2D, u jkun fihom l-immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-viża. Il-barcode 2D jenħtieġ li jkun iffirmat kriptografikament mill-Awtorità Nazzjonali taċ-Ċertifikazzjoni tal-Firem tal-Istat Membru emittenti. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (3) għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(3)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1683/95, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-viża diġitali.

(4)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(5)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni tagħhom mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

(6)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(7)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (11).

(8)

Fir-rigward ta’ Ċipru, u l-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat ma’, l-acquis ta’ Schengen, rispettivament, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta opinjoni fil-21 ta’ Ġunju 2022 (13),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1683/95

Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Il-viżi maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom ikunu magħmula f’format diġitali uniformi (‘viża diġitali’). Dawn għandu jkun fihom il-kampijiet tad-data stabbiliti fl-Anness.

2.   Il-viża diġitali:

(a)

għandha tinħareġ bħala barcode 2D li għandu jkun iffirmat kriptografikament mill-Awtorità Nazzjonali taċ-Ċertifikazzjoni tal-Firem tal-Istat Membru emittenti;

(b)

għandu jkun fiha l-immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-viża; u

(c)

għandha tkun tista’ tiġi stampata.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżidu entrati nazzjonali fit-taqsima ‘kummenti’ f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (n), tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal soġġorn qasir, viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).”;"

(2)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-format uniformi għall-viżi diġitali relatati ma’ dan li ġej:

(a)

standards u metodi tekniċi:

(i)

għall-kodifikazzjoni tad-data li tinsab fil-viża diġitali; u

(ii)

għall-immaġni tal-wiċċ;

(b)

speċifikazzjonijiet għall-ġenerazzjoni tal-verżjoni li tista’ tiġi stampata tal-viża diġitali.

2.   Il-Kummissjoni, tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu sigrieti u ma jiġux ppubblikati. F’dak il-każ, dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu disponibbli biss għal persuni debitament awtorizzati minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

3.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami li għandha tiġi applikata kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament flimkien mad-dispożizzjoni tranżitorja fl-Artikolu 13(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(3)

l-Artikolu 3 huwa mħassar;

(4)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(5)

l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-bidu tal-ħruġ tal-viżi f’format diġitali

1.   Ladarba l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew issodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi d-data minn meta l-Istati Membri għandhom joħorġu viżi diġitali skont ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 kif emendat b’dan ir-Regolament:

(a)

l-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 ikunu ġew adottati;

(b)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) tkun iddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ testijiet komprensivi;

(c)

l-eu-LISA tkun ivvalidat l-arranġamenti tekniċi u legali għall-bidu tal-ħruġ tal-viżi f’format diġitali u nnotifikathom lill-Kummissjoni.

2.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Sal-1 ta’ Diċembru 2026 u kull sena minn hemm ’il quddiem sa ma tiġi adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż imġarrba u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju li jkollu impatt fuq l-ispejjeż totali.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data stabbilita mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 2(1), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1, il-punt 2, li għandu japplika mis-27 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 75, 28.2.2023, p. 150.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2023.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(6)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(8)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(13)   ĠU C 277, 19.7.2022, p. 7.

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS

KAMPIJIET TAD-DATA TAL-VIŻA DIĠITALI

(1)   

Stat Membru emittenti;

(2)   

kunjom, isem;

(3)   

kunjom mat-twelid;

(4)   

data tat-twelid;

(5)   

pajjiż u post tat-twelid;

(6)   

sess;

(7)   

nazzjonalità;

(8)   

nazzjonalità mat-twelid;

(9)   

tip u numru tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(10)   

awtorità emittenti tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(11)   

data tal-ħruġ u tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(12)   

l-awtorità li ħarġet il-viża, il-post fejn tinsab u jekk dik l-awtorità ħarġitx il-viża f’isem Stat Membru ieħor;

(13)   

post u data tad-deċiżjoni li tinħareġ il-viża;

(14)   

tip ta’ viża;

(15)   

jekk applikabbli, informazzjoni li tindika li l-viża nħarġet b’validità territorjali limitata skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009;

(16)   

numru tal-viża;

(17)   

it-territorju li fih id-detentur tal-viża huwa intitolat li jivvjaġġa;

(18)   

id-data tal-bidu u tal-iskadenza tal-perjodu ta’ validità tal-viża;

(19)   

in-numru ta’ dħul awtorizzat bil-viża fit-territorju li għalih il-viża hija valida;

(20)   

it-tul tas-soġġorn kif awtorizzat mill-viża;

(21)   

jekk ikun applikabbli, l-istatus tal-persuna li jindika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u pajjiż terz, min-naħa l-oħra.

(22)   

jekk applikabbli, l-istatus tal-persuna li jindika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tar-Renju Unit li huwa benefiċjarju tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (*2) fl-Istat ospitanti li għalih issir l-applikazzjoni għal viża;

(23)   

entrati nazzjonali fit-taqsima ‘kummenti’;

(24)   

barra minn hekk, għal viża valida kkonfermata f’dokument tal-ivvjaġġar ġdid:

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-viża ġiet ikkonfermata;

l-awtorità li kkonfermat il-viża u l-post fejn tinsab;

post u data tad-deċiżjoni biex viża valida tiġi kkonfermata f’dokument tal-ivvjaġġar ġdid;

data tad-dokument tal-ivvjaġġar il-ġdid, inkluż in-numru, il-pajjiż u l-awtorità tal-ħruġ, id-data tal-ħruġ, id-data tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar il-ġdid;

numru tal-konferma;

(25)   

barra minn hekk, għal viża estiża:

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-viża ġiet estiża;

l-awtorità li estendiet il-viża u l-post fejn tinsab;

post u data tad-deċiżjoni;

numru tal-viża estiża;

id-dati tal-bidu u tal-iskadenza tal-perjodu estiż;

il-perjodu tal-estensjoni tat-tul awtorizzat tas-soġġorn;

it-territorju li fih id-detentur tal-viża huwa intitolat li jivvjaġġa, jekk il-validità territorjali tal-viża estiża tkun differenti minn dik tal-viża oriġinali;

it-tip tal-viża estiża;

(26)   

l-immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-viża.”.

.

(*1)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(*2)  Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).’


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2685/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)