02013R1301 — MT — 24.04.2020 — 003.003
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (UE) Nru 1301/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 289) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE, Euratom) 2018/1046 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Lulju 2018 |
L 193 |
1 |
30.7.2018 |
|
REGOLAMENT (UE) 2020/460 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Marzu 2020 |
L 99 |
5 |
31.3.2020 |
|
REGOLAMENT (UE) 2020/558 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-23 ta' April 2020 |
L 130 |
1 |
24.4.2020 |
Ikkoreġut bi:
REGOLAMENT (UE) Nru 1301/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta’ Diċembru 2013
dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet komuni
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ħidmiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-ambitu li fih se jgħin rigward l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna mill-FEŻR li għandu fil-mira l-Investiment għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi.
Artikolu 2
Kompiti tal-FEŻR
Il-FEŻR għandu jikkontribwixxi billi jiffinanzja l-għajnuna bl-iskop li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, billi twitti l-iżbilanċi reġjonali prinċipali fl-Unjoni permezz tal- iżvilupp sostenibbli u l-aġġustament strutturali tal-ekonomiji reġjonali, inkluż ir-rikonverżjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lurau reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura.
Artikolu 3
L-ambitu tal-appoġġ mill-FEŻR
1. Il-FEŻR għandu jgħin l-attivitajiet li ġejjin sabiex jikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta’ investiment stabbiliti fl-Artikolu 5:
investiment produttiv li jikkontribwixxi għall-ħolqien u s-salvagwardja ta' impjiegi sostenibbli, permezz ta' għajnuna diretta għall-investiment fl-SMEs;
investiment produttiv, irrispettivament mid-daqs tal-impriża konċernata, li jikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta’ investiment stabbiliti fil-punti (1) u (4) tal-Artikoli 5, u, fejn dak l-investiment jinvolvi kooperazzjoni bejn impriżi kbar u SMEs, fil-punt (2) tal-Artikolu 5;
investiment fl-infrastruttura li jipprovdi servizzi bażiċi liċ-ċittadini fl-oqsma tal-enerġija, l-ambjent, it-trasport u l-ICT;
investimenti fl-infrastruttura soċjali, tas-saħħa, tar-riċerka, tal-innovazzjoni, tan-negozju u tal-edukazzjoni;
investiment fl-iżvilupp tal-potenzjal endoġenu permezz tal-investiment fiss f’tagħmir u f’infrastruttura; inkluż infrastruttura kulturali u tat-turiżmu sostenibbli, servizzi għall-impriżi, appoġġ lill-korpi tar-riċerka u tal-innovazzjoni u investiment fit-teknoloġija u fir-riċerka applikata fl-impriżi;
netwerking, kooperazzjoni u qsim ta’ esperjenzi bejn awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, sħab ekonomiċi u soċjali, u korpi rilevanti li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru. 1303/2013, studji, azzjonijiet preparatorji u l-bini ta’ kapaċitajiet.
L-investiment fl-infrastruttura turistika kulturali u sostenibbli kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi kkunsidrat fuq skala żgħira u eliġibbli għall-appoġġ, jekk il-kontribuzzjoni tal-FEŻR għall-operazzjoni ma taqbiżx l-EUR 10 000 000 . Dak il-limitu massimu għandu jiżdied għal EUR 20 000 000 fil-każ li l-infrastruttura titqies li hija wirt kulturali fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-1972 dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji.
Barra minn hekk, il-FEŻR jista’ jappoġġa l-finanzjament tal-kapital operatorju fl-SMEs fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jiġi pprovdut rispons effettiv għal kriżi tas‐saħħa pubblika.
2. Taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, il-FEŻR jista’ jappoġġa wkoll il-kondiviżjoni tal-faċilitajiet u r-riżorsi umani u kull tip ta’ infrastruttura b’mod transkonfinali fir-reġjuni kollha.
3. Il-FEŻR m'għandux jgħin:
id-diżattivazzjoni jew il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari;
investiment biex ikun hemm tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE;
il-manifattura, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' tabakk u prodotti tat-tabakk;
impriżi f’diffikultà kif definiti fir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat; l-impriżi li jirċievu appoġġ li jikkonforma mal-Qafas Temporanju għar-regoli tal-għajnuna mill-Istat ( 1 ) jew mar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 ( 2 ), (UE) Nru 1408/2013 ( 3 ) u (UE) Nru 717/2014 ( 4 ) ma għandhomx jitqiesu bħala impriżi f’diffikultà għall-finijiet ta’ dan il-punt;
investiment fl-infrastruttura tal-ajruporti sakemm ma jkunx relatat mal-ħarsien ambjentali jew akkumpanjat minn investiment meħtieġ sabiex jittaffa jew jitnaqqas l-impatt ambjentali negattiv tagħha.
Artikolu 4
Konċentrazzjoni tematika
1. L-objettivi tematiċi stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u l-prijoritajiet korrispondenti għall-investiment stipulati fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, li għalihom il-FEŻR jista’ jikkontribwixxi taħt il-mira ta' Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, għandhom ikunu miġbura hekk:
f’reġjuni aktar żviluppati:
mill-inqas 80 % mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għal tnejn mill-objettivi tematiċi jew iżjed stabbiliti fil-punti 1, 2, 3 u 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; u
mill-inqas 20 % mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għall-objettiv tematiku stabbilit fil-punt 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
f’reġjuni ta’ tranżizzjoni:
mill-inqas 60 % mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għal tnejn mill-objettivi tematiċi jew iżjed stabbiliti fil-punti 1, 2, 3 u 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; u
mill-inqas 15 % mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għall-objettiv tematiku stabbilit fil-punt 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
f'reġjuni anqas żviluppati:
mill-inqas 50 % mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għal tnejn mill-objettivi tematiċi jew iżjed stabbiliti fil-punti 1, 2, 3 u 4 tal- ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; u
mill-inqas 12 % mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għall-objettiv tematiku stabbilit fil-punt 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, reġjuni li l-PDG per capita tagħhom użat bħala kriterju ta' eliġibbiltà għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kien ta’ anqas minn 75 % tal-PDG medju tal-UE-25 fil-perjodu ta’ referenza, u reġjuni kklassifikati bl-istatus ta’ eliminazzjoni gradwali fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, imma li huma eliġibbli taħt il-kategorija ta’ reġjuni aktar żviluppati msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90(2) (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, għandhom jitqiesu bħala reġjuni ta’ tranżizzjoni.
Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ir-reġjuni kollha ta' NUTS livell 2 li jikkonsistu biss minn Stati Membri gżejjer jew minn gżejjer li jiffurmaw parti minn Stati Membri li jirċievu appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni u mir-reġjuni kollha l-aktar imbiegħda, għandhom jiġu kkunsidrati bħala reġjuni anqas żviluppati.
2. B’deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, is-sehem minimu tal-FEŻR allokat għal kategorija ta’ reġjun jista’ jkun anqas minn dak spjegat f'dak il-paragrafu, dment li tali tnaqqis jiġi kkumpensat b’żieda fis-sehem allokat għal kategoriji ta’ reġjuni oħrajn. Is-somma li tirriżulta fil-livell nazzjonali tal-ammonti għall-kategoriji kollha tar-reġjuni rispettivament għall-objettivi tematiċi stipulati fil-punti 1, 2, 3 u 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1300/2013 u dawk stipulati fil-punt 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għaldaqstant ma għandhiex tkun anqas mis-somma fil-livell nazzjonali li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-ishma minimi tal-FEŻR stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
3. B’deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ir-riżorsi tal-Fond ta’ Koeżjoni allokati għall-appoġġ tal-prijoritajiet ta’ investiment spjegati fil-punt (a) tal-Artikolu 4tar-Regolament (UE) Nru 1300/2013 jistgħu jingħaddu favur l-ilħuq tal-ishma minimi spjegati fil-punti (a)(ii), (b)(ii) u (c)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. F'każ bħal dan, is-sehem imsemmi fil-punt (c)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiżdied għal 15 %. Fejn applikabbli, dawk ir-riżorsi għandhom jiġu allokati pro rata għall-kategoriji differenti ta’ reġjuni abbażi tal-ishma relattivi tagħhom tal-popolazzjoni totali tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 5
Prijoritajiet ta' investiment
Il-FEŻR għandu jappoġġa dawn il-prijoritajiet ta' investiment fi ħdan l-objettivi tematiċi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 skont il-ħtiġijiet ta' żvilupp u l-potenzjali ta' tkabbir imsemmijin fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 15(1) ta' dak ir-Regulament u stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija:
it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni billi:
tittejjeb l-infrastruttura tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) u l-kapaċità li tiġi żviluppata eċċellenza fir-R&I, u l-promozzjoni ta’ ċentri ta’ kompetenza, b’mod partikolari dawk li huma ta’ interess Ewropew;
il-promozzjoni tal-investiment fin-negozju fl-R&I, l-iżvilupp ta’ rabtiet u sinerġiji bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri ta’ riċerka u żvilupp u s-settur tal-edukazzjoni superjuri, partikolarment il-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi, it‐trasferiment tat-teknoloġija, l-innovazzjoni soċjali, l-ekoinnovazzjoni, l‐applikazzjonijiet tas-servizz pubbliku, l-istimulu tad-domanda, in-netwerking, ir‐raggruppamenti u l-innovazzjoni miftuħa permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u l-appoġġ għar-riċerka teknoloġika u applikata, il-linji pilota, l‐azzjonijiet ta’ validazzjoni bikrija tal-prodotti, il-kapaċitajiet ta’ manifattura avvanzati u l-ewwel produzzjoni, b’mod partikolari fit-teknoloġiji abilitanti essenzjali u t-tixrid ta’ teknoloġiji għal għanijiet ġenerali kif ukoll it-trawwim tal‐investiment meħtieġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fis‐servizzi tas-saħħa;
it-titjib tal-aċċess għal, u l-użu u l-kwalità tal-ICT billi:
tiġi estiża l-firxa tal-broadband u l-provvediment ta’ netwerks veloċi u l-appoġġ għall-adozzjoni ta' teknoloġiji u netwerks emerġenti għall-ekonomija diġitali;
jiġu żviluppati prodotti u servizzi tal-ICT, il-kummerċ elettroniku, u t-titjib fir-rikjesta tal-ICT;
tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-ICT għal gvern elettroniku (e-government), tagħlim elettroniku (e-learning), inklużjoni elettronika (e-inclusion), kultura elettronika (e-culture) u struttura tas-saħħa elettronika (e-health);
it-titjib tal-kompetittività tal-SMEs billi:
tiġi promossa l-intraprenditorija, b’mod partikolari billi jiġi aġevolat l-isfruttar ekonomiku ta’ ideat ġodda u trawwim fil-ħolqien ta’ ditti ġodda, inkluż permezz ta’ inkubaturi tan-negozju;
l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' mudelli ġodda ta' negozju għall-SMEs b'mod partikolari fir-rigward tal-internazzjonalizzazzjoni;
l-appoġġ għall-ħolqien u l-estensjoni ta’ kapaċitajiet avvanzati għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi;
l-appoġġ tal-kapaċità tal-SMEs biex jikbru fis-swieq reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u biex jinvolvu ruħhom fil-proċessi tal- innovazzjoni;
l-appoġġ għall-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju billi:
jiġu promossi l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' enerġija li tiġi minn sorsi rinnovabbli;
jiġi promoss l-użu tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fl-impriżi;
tiġi sostnuta l-effiċjenza enerġetika, il-ġestjoni intelliġenti tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-infrastruttura pubblika, inkluż f'bini pubbliku u fis-settur tad-djar;
jiġu żviluppati u implimentati sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti li joperaw fuq livelli ta' vultaġġ baxxi u medji;
jiġu promossi strateġiji b'livell baxx ta' karbonju għat-tipi kollha ta' territorju, b'mod partikolari għaż-żoni urbani, inkluża l-promozzjoni tal-mobilità urbana multimodali sostenibbli u l-miżuri ta' adattament rilevanti għall-mitigazzjoni;
jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni fi, u adozzjoni ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;
jiġi promoss l-użu ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja ta’ sħana u elettriku abbażi tad-domanda għal sħana siewja;
il-promozzjoni ta' adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju billi:
jiġi appoġġat l-investiment għall-adattament għat-tibdil fil-klima, inklużi approċċi bbażati fuq ekosistemi;
jiġi promoss l-investiment li jindirizza r-riskji speċifiċi, jiżgura r-reżiljenza għal diżastri u jiżviluppa sistemi ta’ ġestjoni tad-diżastri;
il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi billi;
isir investiment fis-settur tal-iskart biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-acquis ambjentali tal-Unjoni u jiġu indirizzati l-bżonnijiet identifikati mill-Istati Membri ta' investiment li jmur lil hinn minn dawk il-ħtiġijiet;
isir investiment fis-settur tal-ilma biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-acquis ambjentali tal-Unjoni u jiġu indirizzati l-bżonnijiet identifikati mill-Istati Membri ta' investiment li jmur lil hinn minn dawk il-ħtiġijiet;
il-wirt naturali u kulturali jiġi konservat, protett, promoss u żviluppat;
jiġu protetti u rrestawrati l-bijodiversità, u l-ħamrija u jiġu promossi s-servizzi għall-ekosistema inkluża permezz ta' Natura 2000 u infrastrutturi ambjentali;
tittieħed azzjoni biex jitjieb l-ambjent urban, jingħataw il-ħajja l-ibliet, jiġu riġenerati u dekontaminati s-siti industrijali żdingati (brownfield sites) (inklużi żoni ta' konverżjoni), jitnaqqas it-tniġġis fl-arja u jiġu promossi miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju;
jiġu promossi teknoloġiji innovattivi biex tittejjeb il-protezzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-iskart, fis-settur tal-ilma u fir-rigward tal-ħamrija, jew biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja;
tkun appoġġata t-tranżizzjoni industrijali lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, il-promozzjoni tat-tkabbir ekoloġiku, il-ġestjoni tal-ekoinnovazzjoni u tal-prestazzjoni ambjentali fis-setturi pubbliċi u privati;
il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni fl-infrastrutturi tan-netwerks prinċipali billi:
tkun appoġġata Żona Unika Ewropea tat-Trasport multimodali permezz ta' investiment fit-TEN-T.
tittejjeb il-mobbiltà reġjonali permezz ta’ konnessjonijiet ta' nodi sekondarji u terzjarji mal-infrastruttura TEN-T, inklużi nodi multimodali;
jiġu żviluppati u mtejba sistemi tat-trasport favur l-ambjent (inkluż b'livell ta' storbju baxx) u b'livell ta' karbonju baxx, inklużi passaġġi tal-ilma interni u trasport marittimu, portijiet, kollegamenti multimodali u infrastruttura tal-ajruporti, sabiex tiġi promossa l-mobilità reġjonali u lokali sostennibbli;
jiġu żviluppati u rriabilitati sistemi ferrovjarji komprensivi, ta' kwalità għolja u interoperabbli, u l-promozzjoni ta’ miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju;
titjieb l-effiċjenza enerġetika u s-sigurtà tal-provvista permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni, tal-ħżin u tat-trażmissjoni tal-enerġija u permezz tal-integrazzjoni ta’ ġenerazzjoni distribwita minn sorsi rinnovabbli;
il-promozzjoni tal-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u s-sostenn lill-mobilità tax-xogħol billi:
jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ inkubaturi tan-negozju u għajnuna b’investiment għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-mikroimpriżi u l-ħolqien ta’ negozju;
jiġi appoġġat it-tkabbir favur l-impjiegi permezz tal-iżvilupp ta’ potenzjal endoġenu bħala parti minn strateġija territorjali għal żoni speċifiċi, inklużi l-konverżjoni ta’ reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura u t-titjib tal-aċċessibbiltà għal riżorsi naturali u kulturali speċifiċi u l-iżvilupp tagħhom;
jiġu appoġġati inizjattivi ta’ żvilupp lokali u għajnuna għal strutturi li jipprovdu servizzi ta’ viċinat sabiex jinħolqu impjiegi, fejn tali azzjonijiet ikunu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 );
investiment fl-infrastruttura għas-servizzi tal-impjieg;
il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni billi:
isir investiment fl-infrastruttura tas-saħħa u soċjali, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp nazzjonali, reġjonali u lokali, għat-tnaqqis ta’ inugwaljanzi f'termini ta’ stat ta’ saħħa, tiġi promossa l-inklużjoni soċjali permezz tat-titjib tal-aċċess għal servizzi soċjali, kulturali u rikreattivi u t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal dawk li huma tal-komunità;
jingħata appoġġ għar-riġenerazzjoni fiżika, ekonomika u soċjali ta’ komunitajiet imċaħħda li jinsabu f'żoni urbani u rurali;
jingħata appoġġ lill-impriżi soċjali;
isir investiment fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità;
jingħata appoġġ għall-akkoljenza u għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-migranti u tar-refuġjati;
isir investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u l-edukazzjoni tul il-ħajja bl-iżvilupp ta' infrastruttura għall-edukazzjoni u għat-taħriġ;
tittejjeb il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti, permezz ta' azzjonijiet li jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-servizzi pubbliċi relatati mal-implimentazzjoni tal-FEŻR, u l-appoġġ tal-azzjonijiet taħt il-FSE biex tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali, u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika.
Artikolu 6
Indikaturi għal Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi
1. ►C1 Indikaturi tal-output komuni, kif stipulati fl-Anness I għal dan ir-Regolament, indikaturi ta' riżultati speċifiċi għal programm u, fejn rilevanti, indikaturi tal-output speċifiċi għal programm għandhom jintużaw f'konformità mal-Artikolu 27(4) u l-punt (b)(ii) u (iv) u l-punt (c)(ii) u (iv) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. ◄
2. ►C1 Għall-indikaturi tal-output komuni u speċifiċi għal programm, il-linji bażi għandhom jibdew minn żero. ◄ Valuri ta’ mira kwantifikati kumulattivi għal dawk l-indikaturi għandhom jiġu stabbiliti għall-2023.
3. Għall-indikaturi tal-produzzjoni speċifiċi għal programm, li huma marbuta ma’ prijoritajiet ta’ investiment, il-linji bażi għandhom jużaw id-dejta l-iżjed reċenti disponibbli u l-miri għandhom jiġu stabbiliti għall-2023. Il-miri jistgħu jiġu espressi f’termini kwantitattivi jew kwalitattivi.
4. ►C1 Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 sabiex temenda l-lista ta' indikaturi tal-output komuni stipulati fl-Anness I, ◄ sabiex tagħmel aġġustamenti, fejn ġustifikat, biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali.
KAPITOLU II
Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament ta’ karatterisitiċi territorjali partikolari
Artikolu 7
Żvilupp urban sostenibbli
1. Il-FEŻR għandu jappoġġa fi ħdan il-programmi operazzjonali l-iżvilupp urban sostenibbli permezz ta' strateġiji li jistipulaw azzjonijiet integrati li jistabbilixxu l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi, demografiċi, u soċjali li jaffettwaw liż-żoni urbani, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġu promossi rabtiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali.
2. Żvilupp urban sostenibbli għandu jitwettaq permezz ta’ investimenti territorjali Integrati kif imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jew permezz ta’ programm operazzjonali speċifiku, jew permezz ta' assi ta' prijorità speċifika skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
3. Meta jqis is-sitwazzjoni territorjali speċifika, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi fil-Ftehim ta’ Sħubija tiegħu l-prinċipji għall-għażla taż-żoni urbani fejn għandhom ikunu implimentati azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli, u l-allokazzjoni indikattiva għal dawk l-azzjonijiet fuq livell nazzjonali.
4. Mill-inqas 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR allokati fuq livell nazzjonali taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi għandhom ikunu attribwiti għal azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli fejn l-ibliet, il-korpi subreġjonali jew lokali responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji urbani sostenibbli (l-“awtoritajiet urbani”) għandhom ikunu responsabbli għall-kompiti relatati, tal-inqas, mal-għażla ta’ operazzjonijiet skont l-Artikolu 123(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jew, fejn ikun xieraq, skont l-Artikolu 123(7) ta’ dak ir-Regolament. L-ammont indikattiv li għandu jiġi ddedikat għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi stabbilit fil-programm jew il-programmi operazzjonali kkonċernati.
5. L-awtorità maniġerjali għandha tiddetermina, f’konsultazzjoni mal-awtorità urbana, l-ambitu tal-kompiti, li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet urbani, li jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tirreġistra formalment id-deċiżjoni tagħha bil-miktub. L-awtorità maniġerjali tista’ żżomm id-dritt li twettaq verifika finali tal-eliġibilità tal-operazzjonijiet qabel l-approvazzjoni.
Artikolu 8
Azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli
1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, il-FEŻR jista’ jappoġġa azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli skont l-Artikolu 92(8) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Azzjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu studji u proġetti pilota sabiex jidentifikaw jew jittestjaw soluzzjonijiet ġodda li jindirizzaw kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-iżvilupp urban sostenibbli, u li huma ta' relevanza fuq livell ta' Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ l-involviment ta’ msieħba rilevanti msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet innovattivi.
2. B'deroga għall-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, azzjonijiet innovattivi jistgħu jappoġġaw l-attivitajiet kollha neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tematiċi stipulati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u l-prijoritajiet ta' investiment korrispondenti stipulati fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14, li jistabbilixxi regoli dettaljati li jikkonċernaw il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi li għandhom jiġu appoġġati mill-FEŻR skont dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Netwerk għall-iżvilupp urban
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013,netwerk għall-iżvilupp urban sabiex tippromwovi l-bini ta’ kapaċità, in-netwerking u l-iskambju tal-esperjenza fuq livell ta’ Unjonin bejn l-awtoritajiet urbani responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ żvilupp urban sostenibbli skont l-Artikolu 7(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament u minn awtoritajiet responsabbli għal azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.
2. L-attivitajiet tan-netwerk għall-iżvilupp urban għandhom ikunu komplimentari għal dawk imwettqa taħt kooperazzjoni interreġjonali skont il-punt (3)(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).
Artikolu 10
Żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi
Fil-programmi operazzjonali kkofinanzjati mill-FEŻR, li jkopru żoni bi żvantaġġi gravi u permanenti, naturali jew demografiċi, kif hemm imsemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 121 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikunu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta’ dawn iż-żoni.
Artikolu 11
Reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna
L-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-allokazzjoni addizzjonali speċifika għar-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna. Dik l-allokazzjoni għandha tkun allokata għall-objettivi tematiċi stipulati fil-punti 1, 2, 3, 4 u 7 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Artikolu 12
Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda
1. L-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-allokazzjoni addizzjonali speċifika għar-reġjuni l-aktar imbiegħda. Dik l-allokazzjoni għandha tintuża sabiex tagħmel tajjeb għal spejjeż addizzjonali, marbuta mal-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 349 TFUE, li jġarrbu r-reġjuni l-aktar mbiegħda biex jappoġġaw:
l-objettivi tematiċi stipulati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013
is-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija u l-għajnuna sabiex jinbdew servizzi tat-trasport;
l-operazzjonijiet marbutin ma’ restrizzjonijiet ta’ ħażna, ta’ daqs eċċessiv u tal-manutenzjoni ta’ għodod tal-produzzjoni, u man-nuqqas ta’ kapital uman fis-suq tax-xogħol lokali.
2. L-allokazzjoni addizzjonali speċifika msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tintuża wkoll sabiex tgħin fil-finanzjament ta' għajnuna operattiva u ta’ nfiq li jkopri obbligi tas-servizz pubbliku u kuntratti fir-reġjuni l-aktar mbiegħda.
3. L-ammont li għalih tapplika r-rata ta' kofinanzjament għandha tkun proporzjonali għall-ispejjeż addizzjonali, kif imsemmi fil-paragrafu 1, magħmula mill-benefiċjarju, biss fil-każ ta' għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kuntratti, imma tista' tkopri l-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ ta' infiq għall-investiment.
4. L-allokazzjoni addizzjonali speċifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhiex tintuża sabiex tappoġġa:
operazzjonijiet li jinvolvu prodotti elenkati fl-Anness I għat-TFUE;
għajnuna għat-trasport ta' persuni awtorizzati taħt il-punt (a) tal-Artikolu 107(2) TFUE;
eżenzjonijiet mit-taxxa u eżenzjonijiet minn ħlasijiet soċjali.
5. B’deroga mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(1), il-FEŻR jista’ jappoġġa investiment produttiv fl-impriżi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, irrispettivament mid-daqs ta' dawk l-intrapriżi.
6. L-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-parti tal-FEŻR tal-pakkett allokat għall-Majott bħala reġjun l-aktar imbiegħed fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE, u mill-inqas 50 % ta' dik il-parti tal-FEŻR għandhom jiġu allokati lill-objettivi tematiċi stabbiliti fil-punti 1, 2, 3, 4 u 6 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 13
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006, jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament u tali leġiżlazzjoni oħra applikabbli għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal din l-għajnuna jew l-operazzjonijiet konċernati sakemm jagħlqu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, assistenza għandha tkopri programmi operazzjonali u proġetti maġġuri.
2. L-applikazzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza magħmulin jew approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandhom jibqgħu validi.
Artikolu 14
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 6(4) u 8(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni minn 21 ta’ Diċembru 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020.
3. Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikoli 6(4) u 8(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kull att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 6(4) u 8(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma jkunux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 15
Revoka
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 huwa b'dan revokat b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.
Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni kif stabbilta fl-Anness II.
Artikolu 16
Reviżjoni
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2020 skont l-Artikolu 177 TFUE.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 12(6) għandu japplika b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
INDIKATURI TAL-OUTPUT KOMUNI GĦALL-APPOĠĠ MILL-FEŻR GĦAL INVESTIMENT LI GĦANDU FIL-MIRA T-TKABBIR EKONOMIKU U L-IMPJIEGI (ARTIKOLU 6)
|
UNITÀ |
DENOMINAZZJONI |
Investiment produttiv |
||
|
impriżi |
Numru ta' impriżi li qed jirċievu appoġġ |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi li jirċievu għotjiet |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi li jirċievu appoġġ finanzjarju minbarra għotjiet |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi li jirċievu appoġġ mhux finanzjarju |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi ġodda appoġġati |
|
(f’EUR) |
Investiment privat li jkun daqs l-appoġġ pubbliku lil impriżi (għotjiet) |
|
(f’EUR) |
Investiment privat li jkun daqs l-appoġġ pubbliku lil impriżi (mhux għotjiet) |
|
ekwivalenti għal full-time |
Żieda fl-impjiegi f'impriżi appoġġati |
Turiżmu sostenibbli |
Żjarat/sena |
Żieda fin-numru mistenni ta' żjarat ta' siti appoġġati ta' wirt kulturali u naturali u attrazzjonijiet |
Infrastruttura tal-ICT |
unitajiet domestiċi |
Djar addizzjonali bl-aċċess broadband ta' mill-inqas 30 Mbps |
Trasport |
||
Ferrovija |
kilometri |
Tul totali tal-linji ferrovjarji ġodda li minnhom: TEN-T |
kilometri |
Tul totali tal-linji ferrovjarji mibnija mill-ġdid jew mtejba li minnhom: TEN-T |
|
Toroq |
kilometri |
Tul totali ta' toroq mibnijin ġodda li minnhom: TEN-T |
kilometri |
Tul totali toroq mibnija mill-ġdid jew mtejba li minnhom: TEN-T |
|
Trasport urban |
kilometri |
Tul totali ta’ linji ġodda jew imtejba tat-tramm jew tal-metro |
Passaġġi fuq l-ilma intern |
kilometri |
Tul totali ta' passaġġi tal-ilma intern imtejba jew ġodda |
L-Ambjent |
||
Skart solidu |
Tunnellati/sena |
Il-kapaċità għar-riċiklaġġ tal-iskart addizzjonali |
Provvista tal-ilma |
persuni |
Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi provvista ta' ilma aħjar |
Trattament tad-dranaġġ |
ekwivalenti għall-popolazzjoni |
Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi trattament ta' dranaġġ aħjar |
Il-prevenzjoni tar-riskju u l-maniġment |
persuni |
Il-popolazzjoni li qed tgawdi minn miżuri ta' protezzjoni kontra l-għargħar |
persuni |
Il-popolazzjoni li qed tgawdi minn miżuri ta' protezzjoni kontra nirien fil-foresti |
|
Riabilitazzjoni tal-art |
ettari |
Erja totali ta' wiċċ l-art riabilitata |
In-natura u l-bijodiversità |
ettari |
L-erja ta' wiċċ l-art ta' ħabitats appoġġata sabiex jinkiseb status aħjar ta' konservazzjoni |
Riċerka, Innovazzjoni: |
||
|
ekwivalenti full-time |
Numru ta’ riċerkaturi ġodda f'entitajiet appoġġati |
|
ekwivalenti full-time |
Numru ta’ riċerkaturi li jaħdmu f'faċilitajiet imtejba ta’ infrastruttura għar-riċerka |
|
impriżi |
Numru ta' impriżi li qed jikkooperaw ma' istituzzjonijiet tar-riċerka |
|
(f’EUR) |
Investiment privat li jkun daqs l-għajnuna pubblika fl-innovazzjoni jew proġetti tar-R&Ż |
|
impriżi |
Numru ta' impriżi appoġġati biex jiġu introdotti prodotti ġodda għas-suq |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi appoġġati biex jiġu introdotti prodotti ġodda lid-ditti |
Enerġija u Tibdil fil-Klima |
||
L-enerġija rinnovabbli |
MW |
Kapaċità addizzjonali fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli |
Effiċjenza fl-użu tal-enerġija |
unitajiet domestiċi |
Numru ta’ unitajiet domestiċi bil-klassifikazzjoni tal-konsum tal-enerġija mtejba |
|
kWh/sena |
Tnaqqis fil-konsum annwali tal-enerġija primarja ta' bini pubbliku |
|
utenti |
Numru addizzjonali ta' utenti tal-enerġija konnessi ma’ netwerks intelliġenti (smart grids) |
Tnaqqis fil-GHG |
tunnellati ta’ CO2eq |
It-tnaqqis stmat annwali ta' GHG |
Infrastruttura soċjali |
||
Indukrar tat-tfal u edukazzjoni |
persuni |
Kapaċità tal-infrastruttura appoġġata tal-indukrar tat-tfal u tal-edukazzjoni |
Saħħa |
persuni |
Popolazzjoni koperta minn servizzi mtejba tas-saħħa |
Akkomodazzjoni |
unitajiet ta’ abitazzjoni |
Abitazzjonijiet riabilitati |
|
unitajiet ta’ abitazzjoni |
Abitazzjonijiet riabilitati, li minnhom huma għal migranti u refuġjati (esklużi ċentri ta’ akkoljenza) |
Migranti u refuġjati |
persuni |
Kapaċità tal-infrastruttura li tappoġġa lill-migranti u lir-refuġjati (mhux akkomodazzjoni) |
L-indikaturi speċifiċi ta’ Żvilupp Urban |
||
|
persuni |
Popolazzjoni li tgħix f’żoni bi strateġiji integrati ta’ żvilupp urban |
|
metri kwadri |
Spazju miftuħ maħluq jew riabilitat f’żoni urbani |
|
metri kwadri |
Bini pubbliku jew kummerċjali mibni jew rinnovat f’żoni urbani |
ANNESS II
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
Regolament (KE) Nru 1080/2006 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
— |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
— |
Artikolu 7 |
— |
— |
Artikolu 6 |
Artikolu 8 |
Artikolu 7 |
— |
Artikolu 8 |
— |
Artikolu 9 |
Artikolu 9 |
— |
Artikolu 10 |
Artikolu 10 |
— |
Artikolu 11 |
Artikolu 11 |
Artikolu 12 |
Artikolu 12 |
— |
Artikolu 13 |
— |
Artikolu 14 |
— |
Artikolu 15 |
— |
Artikolu 16 |
— |
Artikolu 17 |
— |
Artikolu 18 |
— |
Artikolu 19 |
— |
Artikolu 20 |
— |
Artikolu 21 |
— |
Artikolu 22 |
Artikolu 13 |
— |
Artikolu 14 |
Artikolu 23 |
Artikolu 15 |
Artikolu 24 |
Artikolu 16 |
Artikolu 25 |
Artikolu 17 |
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-FEŻR l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-KTE u l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Fond ta' Koeżjoni
►C1 Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħadu nota tal-garanzija provvduta mill-Kummissjoni lil-leġiżlaturi tal-UE li l-indikaturi tal-output komuni għar-Regolament dwar l-FEŻR, ◄ ir-Regolament dwar il-KTE u r-Regolament dwar il-Fond ta' Koeżjoni, li jiġu inklużi f'anness ma' kull regolament, huma r-riżultat ta' proċess ta' tħejjija twil li jinvolvi esperti ta' valutazzjoni kemm tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, u bi prinċipju, huma mistennija jibqgħu stabbli.
( 1 ) ĠU C 91 I, 20.3.2020, p. 1.
( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).
( 3 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9).
( 4 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45).
( 5 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-17 ta' Diċembru 2013 Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (Ara paġna 470 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
( 6 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (Ara paġna 259 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).