02012R0200 — MT — 10.03.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 200/2012

tat-8 ta’ Marzu 2012

li jikkonċerna mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium f’qatgħat tal-brojlers, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 071 9.3.2012, p. 31)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/268 tal-15 ta' Frar 2019

  L 46

11

18.2.2019


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 068, 13.3.2015, p.  90 (200/2012)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 200/2012

tat-8 ta’ Marzu 2012

li jikkonċerna mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium f’qatgħat tal-brojlers, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Mira tal-Unjoni

1.  Il-mira tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-Salmonella enteritidis u tas-Salmonella typhimurium fil-brojlers (“mira tal-Unjoni”) għandha tkun ta’ tnaqqis ta’ persentaġġ massimu annwali ta’ qatgħat tal-brojlers li jibqgħu pożittivi għas-Salmonella enteritidis u tas-Salmonella typhimurium ta’ 1 % jew anqas.

Rigward is-Salmonella typhimurium monofażika, fil-mira tal-Unjoni għandhom jiġu inklużi s-serotipi bil-formula antiġenika ►C1  1,4,[5],12:i:- ◄ .

2.  L-iskema ta’ ttestjar meħtieġa biex tivverifika l-progress fil-kisba tal-mira tal-Unjoni hi stipulata fl-Anness ("l-iskema ta’ ttestjar").

Artikolu 2

Ir-reviżjoni tal-mira tal-Unjoni

Il-mira tal-Unjoni għandha tiġi riveduta mill-Kummissjoni billi tikkunsidra l-informazzjoni miġbura skont l-iskema ta’ ttestjar u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(6)(c) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

Artikolu 3

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 646/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 646/2007 għandu jiġi rrevokat.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Skema ta’ ttestjar neċessarja biex tkun ivverifikata l-kisba tal-mira tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)

1.   QAFAS GĦAT-TEĦID TAL-KAMPJUNI

Il-qafas għat-teħid tal-kampjuni għandu jinkludi l-qatgħat kollha tal-brojlers tal-ispeċi Gallus gallus (‘il-brojlers’) fil-qafas tal-programmi ta’ kontroll nazzjonali stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

2.   MONITORAĠĠ TAL-BROJLERS

2.1.    Frekwenza kampjunarja

(a) L-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jieħdu kampjun mill-qatgħat tal-brojlers kollha fi żmien tliet ġimgħat qabel il-qatla.

B’deroga mill-obbligu stipulat tal-ikkampjunar stipulat fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tista’ tipprovdi li l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jieħdu kampjun minn tal-anqas qatgħa waħda ta’ brojlers għal kull sensiela ta’ kampjunar għall-azjendi b’aktar minn merħla waħda meta:

(i) tintuża sistema ta’ kollha ġewwa/kollha barra fil-qatgħat kollha fl-azjenda;

(ii) il-qatgħat kollha jiġu mmaniġjati l-istess;

(iii) il-provvista tal-għalf u l-ilma huma komuni għall-qatgħat kollha;

(iv) matul mill-inqas l-aħħar sitt sensieli, ikunu twettqu mill-awtorità kompetenti testijiet għas-Salmonella spp. skont l-iskema ta’ teħid tal-kampjuni stipulati fl-ewwel subparagrafu fil-qatgħat kollha fl-azjenda u l-kampjuni tal-qatgħat kollha ta’ mill-anqas sensiela waħda;

(v) ir-riżultati kollha mill-ittestjar skont l-ewwel subparagrafu u fil-punt (b) għas-Salmonella enteritidis jew Salmonella typhimurium kienu negattivi.

B’deroga mill-obbligi tat-teħid tal-kampjuni stabbiliti f’dan il-punt, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza t-teħid tal-kampjuni fl-aħħar sitt ġimgħat qabel id-data tal-qatla fil-każ li l-brojlers jew huma miżmuma iktar minn 81 jum jew jaqgħu taħt produzzjoni organika ta’ brojlers skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 ( 1 ).

(b) L-awtorità kompetenti għandha tinkludi kull sena ta’ mill-anqas qatgħa waħda ta’ brojlers fuq 10 % tal-impriżi b’aktar minn 5 000 għasfur. Dak l-ikkampjunar jista’ jsir fuq bażi ta’ riskju u kull darba li l-awtorità kompetenti tikkunsidrah neċessarju.

It-teħid ta’ kampjuni mwettaq mill-awtorità kompetenti jista’ jieħu post it-teħid ta’ kampjuni mill-operatur tan-negozju tal-ikel kif mitlub mill-punt (a).

2.2.    Il-protokoll tal-kampjunar

2.2.1.    Struzzjonijiet ġenerali għal kampjunar

L-awtorità kompetenti jew l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jiżgura li l-kampjuni jittieħdu minn persuni mħarrġa għal dak il-għan.

Mill-anqas żewġ pari ta’ boot swabs għandhom jittieħdu bħala kampjun. Il-boot swabs jitpoġġew fuq il-boots u jittieħed il-kampjun permezz tal-mixi madwar il-bini fejn jinżammu t-tjur. Swabs minn qatgħa waħda ta’ brojlers jistgħu jinġabru f’kampjun wieħed.

Qabel ma jintlibsu l-boot swabs, il-wiċċ tagħhom għandu jixxarrab b’:

(a) l-applikazzjoni tad-dilwenti ta’ rkupru massimu (MRD: 0,8% klorur tas-sodju, 0,1% peptun f’ilma sterili dejonizzat);

(b) l-applikazzjoni ta’ ilma sterili;

(c) l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dilwenti oħra approvati mil-laboratorju nazzjonali ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003; jew

(d) li jiġu awtoklavati f’kontenitur flimkien mad-dilwenti.

Il-mod kif għandhom jixxarrbu l-boot swabs għandu jkun li jiġi mferra’ ġewwa fihom il-likwidu qabel ma jintlibsu jew li jitħawdu f’kontenitur bid-dilwent.

Għandu jkun żgurat li t-taqsimiet kollha f’bini ta’ azjenda huma rrappreżentati fil-kampjun b’mod proporzjonat. Kull par boot swabs għandu jkopri madwar 50% taż-żona tal-bini.

Wara t-tlestija tal-kampjunar, is-swabs għandhom jitneħħew bil-galbu mill-boots sabiex ma jiċċaqlaqx il-materjal aderenti. Il-boot swabs jistgħu jinqalbu ta’ ġewwa barra biex jinżamm il-materjal. Għandhom jitpoġġew f’borża jew kontenitur u titwaħħlilhom tikketta.

L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li żżid l-għadd minimu ta’ kampjuni sabiex tiżgura teħid ta’ kampjuni rappreżentattiv abbażi ta’ evalwazzjoni tal-każijiet, wieħed wieħed, tal-parametri epidemjoloġiċi, jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ bijosigurtà, it-tqassim jew id-daqs tal-qatgħa.

Jekk l-awtorità kompetenti tapprova dan, par wieħed ta’ boot swabs jista’ jiġi sostitwit minn kampjun ta’ 100g trab miġbur minn diversi postijiet fil-bini kollu minn uċuħ bi preżenza viżibbli ta’ trab. Bħala alternattiva, swab wieħed jew aktar tad-drapp niedi b’superfiċi kkumbinata ta’ mill-inqas 900 cm2 jistgħu jintużaw biex jiġbru trab minn superfiċji multipli f’kull parti tal-bini. Kull swab għandu jkun miksi sew bit-trab fuq iż-żewġ naħat.

2.2.2.    Struzzjonijiet speċifiċi għal ċerti tipi ta’ azjendi

(a) Għall-qatgħat imrobbija fil-ftuħ, il-kampjuni għandhom jinkisbu biss ġewwa l-bini.

(b) Meta l-aċċess għad-djar ma jkunx possibbli minħabba l-ispazju limitat f’qatgħat b’inqas minn 100 brojler, u għalhekk ma jkunx possibbli li jintużaw il-boot swabs waqt il-mixi, dawn jistgħu jiġu sostitwiti mill-istess tip ta’ swabs tal-idejn tad-drapp li jintużaw għat-trab; dawn jingħorku fuq uċuħ ikkontaminati b’rawt frisk, jew jekk dan ma jkunx fattibbli, permezz ta’ tekniki tat-teħid tal-kampjuni tar-rawt oħra xierqa għall-iskop maħsub.

2.2.3.    Teħid ta’ kampjuni mill-awtorità kompetenti

L-awtorità kompetenti għandha tissodisfa ruħha billi twettaq testijiet ulterjuri u/jew kontrolli dokumentati kif xieraq biex tivverifika li r-riżultati mhumiex alterati permezz tal-preżenza tal-antimikrobiċi jew sustanzi li ma jippermettux it-tkabbir ta’ batterji oħra.

Fejn ma tinstabx il-preżenza tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium iżda jinstabu antimikrobiċi jew l-effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji, il-qatgħa tal-brojlers għandha tkun ikkunsidrata bħala infettata għall-għan tal-mira tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).

2.2.4.    It-Trasport

Il-kampjuni għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien żejjed, jew permezz tal-posta express jew kurjer, lil-laboratorji msemmija fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003. Matul it-trasport għandhom jiġu protetti minn sħana ta’ aktar minn 25°C u mill-espożizzjoni għad-dawl tax-xemx.

Fejn mhuwiex possibbli li jintbagħtu l-kampjuni fi żmien 24 siegħa mill-ħin li fih jittieħdu l-kampjuni, dawn għandhom jinħażnu fil-kesħa.

3.   ANALIŻI FIL-LABORATORJU

3.1.    Tħejjija tal-kampjuni

Fil-laboratorju, il-kampjuni għandhom jinżammu fil-kesħa sal-eżaminazzjoni. L-eżami għandu jibda fi żmien 48 siegħa mill-ħin tal-wasla tal-kampjuni u fi żmien erbat ijiem mid-data tat-teħid tal-kampjuni.

Il-kampjuni tat-trab għandhom ikunu analizzati separatament. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tgħaqqadhom ma’ par boot swabs għall-analiżi.

Il-kampjun għandu jiddawwar sakemm jassorbi kollox u l-kolturazzjoni għandha titkompla bl-użu tal-metodu ta’ stħarriġ stipulat fil-punt 3.2.

Iż-żewġ pari ta’ boot swabs għandhom jinħarġu bil-galbu mill-ippakkjar biex jiġi evitat li jinqala’ materjal ta’ rawt, jinġabru flimkien u jitpoġġew f’225 ml ta’ ilma tal-peptun li jkun newtralizzat (Buffered Peptone Water - BPW) imsaħħan minn qabel għal temperatura tal-kamra, jew 225 ml tad-dilwent hu miżjud direttament ma’ żewġ pari ta’ boot swabs fil-kontenitur tagħhom kif ikun wasal fil-laboratorju.

Il-boot swabs għandhom jiġu mgħarrqa kompletament fil-BPW biex jipprovdu likwidu ħieles biżżejjed madwar il-kampjun għall-migrazzjoni tas-Salmonella mill-kampjun u għalhekk jista’ jiżdied aktar BPW jekk ikun meħtieġ.

Jekk l-istandards tal-EN/ISO dwar il-preparazzjoni tar-rawt għall-individwazzjoni tas-Salmonella jkun hemm ftehim dwarhom, dawn għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet dwar il-preparazzjoni tat-teħid tal-kampjuni stabbiliti f’dan il-punt kif jixraq.

▼M1

3.2.    Il-metodu tal-individwazzjoni

L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. għandha titwettaq skont l-EN ISO 6579-1.

▼B

3.3.    Is-serotipar

Għandu jkun serotipizzat tal-anqas iżolat wieħed minn kull kampjun pożittiv meħud mill-awtorità kompetenti, u dan skont l-iskema attwali White-Kauffmann-Le Minor.

L-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom jiżguraw li għall-iżolati kollha, tal-anqas ikun eskluż li ma jappartjenux għas-serotipi Salmonella enteritidis u Salmonella typhimurium.

▼M1

3.4.    Metodi alternattivi

Jistgħu jintużaw metodi alternattivi minflok il-metodi għall-identifikazzjoni u għas-serotipar previsti fil-punti 3.1, 3.2 u 3.3 ta' dan l-Anness, jekk ivvalidati skont l-EN ISO 16140-2 (għal metodi alternattivi ta' identifikazzjoni).

▼B

3.5.    Ħżin ta’ varjanti

L-awtorità kompetenti għandha tassigura li mill-inqas varjant iżolat wieħed tas-serotipi rilevanti tas-Salmonella mill-kampjuni bħala parti mill-kontrolli uffiċjali ta’ kull bini u ta’ kull sena jinħażen għall-phagetyping jew l-ittestjar għas-suxxettibilità antimikrobika futura, u dan bl-użu ta’ metodi normali għal ġbir tal-kultura, hekk li tkun żgurata l-integrità tal-varjanti għal perjodu minimu ta’ sentejn mid-data tal-analiżi.

L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li iżolati minn teħid ta’ kampjuni minn operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jinħażnu għall-phagetyping jew l-ittestjar għas-suxxettibilità antimikrobika fil-futur biex jipprovdu għall-iżolati li jridu jiġu ttestjati skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/407/KE ( 2 ).

4.   RIŻULTATI U RAPPURTAR

4.1.    Kalkolu tal-prevalenza għall-verifika tal-mira tal-Unjoni

Qatgħa ta’ brojlers għandha titqies pożittiva għall-iskop tal-verifika tat-twettiq tal-mira tal-Unjoni meta l-preżenza tas-Salmonella enteritidis u/jew s-Salmonella typhimurium (għajr il-varjanti tal-vaċċin) kienet individwata fil-qatgħa.

Il-qatgħat tal-brojlers għandhom jingħaddu darba biss kull sensiela, irrispettivament min-numru tat-teħid tal-kampjuni u tal-operazzjonijiet tal-ittestjar u jkunu rrapportati biss fis-sena tal-ewwel kampjunar pożittiv.

4.2.    Rappurtar

Ir-rappurtar għandu jinkludi:

(a) l-għadd totali tal-qatgħat tal-brojlers li jkunu ġew ittestjati mill-inqas darba matul is-sena ta’ rappurtar;

(b) l-għadd totali tal-qatgħat maħsuba għall-bajd li jkunu nstabu pożittivi għal xi serotip tas-Salmonella fl-Istat Membru;

(c) l-għadd ta’ qatgħat tal-brojlers li jinstabu pożittivi mill-inqas darba għas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium inklużi l-varjanti monofażiċi mal-formula antiġenika ►C1  1,4,[5],12:i:- ◄ ;

(d) l-għadd ta’ qatgħat tal-brojlers li jkunu nstabu pożittivi għal kull serotip tas-Salmonella jew għal Salmonella mhux speċifikata (iżolati li ma ngħatawx tip jew serotip).

L-informazzjoni għandha tingħata separatament għall-kampjunar ġenerali fi ħdan il-programm ta’ kontroll nazzjonali tas-Salmonella kif previst fil-punt 2.1. (a) u (b), it-teħid tal-kampjuni permezz tal-operaturi tan-negozju tal-ikel kif previst fil-punt 2.1. (a) u t-teħid tal-kampjuni permezz tal-awtoritajiet kompetenti kif previst fil-punt 2.1. (b)

Ir-riżultati tat-testijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala tagħrif rilevanti dwar il-katina alimentari kif stipulat fit-Taqsima III tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

Tal-anqas l-informazzjoni li ġejja għandha ssir disponibbli għall-awtorità kompetenti minn kull qatgħa ta’ brojlers ittestjata:

(a) ir-referenza dwar l-azjenda, li tibqa’ unika fiż-żmien;

(b) ir-referenza dwar il-bini fl-azjenda, li tibqa’ unika fiż-żmien;

(c) ix-xahar li fih ittieħdu l-kampjuni.

Ir-riżultati u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali għandhom jiġu rrapportati bħala parti mir-rapport dwar it-tendenzi u s-sorsi previsti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE ( 4 ).

L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu javża lill-awtorità kompetenti dwar l-invidwazzjoni kkonfermata tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium mingħajr dewmien żejjed. L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jagħti struzzjonijiet lil-laboratorju tal-analiżi biex jaġixxi skont dan.



( 1 ) ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.

( 2 ) ĠU L 153, 14.6.2007, p. 26.

( 3 ) ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

( 4 ) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.