02018R0389 — MT — 12.09.2023 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/389

tas-27 ta' Novembru 2017

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta'standards tekniċi regolatorji għall-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur u standards miftuħin ta' komunikazzjoni li jkunu komuni u sikuri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 069 13.3.2018, p. 23)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2360 tat-3 ta’ Awwissu 2022

  L 312

1

5.12.2022

 M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1650 tal-15 ta’ Mejju 2023

  L 208

1

23.8.2023




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/389

tas-27 ta' Novembru 2017

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta'standards tekniċi regolatorji għall-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur u standards miftuħin ta' komunikazzjoni li jkunu komuni u sikuri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti li jridu jiġu rispettati mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' sigurtà li jippermettulhom jagħmlu dan li ġej:

(a) 

japplikaw il-proċedura ta' awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(b) 

jeżentaw l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur, soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi u limitati abbażi tal-livell tar-riskju, l-ammont u r-rikorrenza tat-tranżazzjoni tal-pagament u tal-mezz tal-pagament użat għall-eżekuzzjoni tiegħu;

(c) 

jipproteġu l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà tal-utent ta' servizzi ta' pagament;

(d) 

jistabbilixxu standards miftuħin li jkunu komuni u sikuri għall-komunikazzjoni bejn il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont, il-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament, il-pagaturi, il-benefiċjarji u fornituri oħra ta' servizzi ta' pagament b'rabta mal-għoti u l-użu ta' servizzi ta' pagament fl-applikazzjoni tat-Titolu IV tad-Direttiva (UE) 2015/2366.

Artikolu 2

Rekwiżiti ġenerali tal-awtentikazzjoni

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi li jimmonitorjaw it-tranżazzjonijiet li jippermettulhomjaqbdu tranżazzjonijiet tal-pagament mhux awtorizzati jew frodulenti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżuri tas-sigurtà msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1.

Dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu msejsa fuq l-analiżi tat-tranżazzjonijiet tal-pagament, filwaqt li jqisu elementi li huma tipiċi tal-utent ta' servizzi ta' pagament fiċ-ċirkustanzi ta' użu normali tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà.

2.  

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmi li jissorveljaw it-tranżazzjonijiet iqisu, tal-inqas, kull wieħed minn dawn il-fatturi bbażati fuq ir-riskju li ġejjin:

(a) 

listi ta' elementi tal-awtentikazzjoni kompromessi jew misruqa;

(b) 

l-ammont ta' kull tranżazzjoni ta' pagament;

(c) 

xenarji tal-frodi magħrufa fl-għoti ta' servizzi ta' pagament;

(d) 

sinjali ta' infezzjoni tal-malwer fi kwalunkwe sessjoni tal-proċedura ta' awtentikazzjoni;

(e) 

f'każ li l-apparat jew is-softwer tal-aċċess jingħata mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament, log tal-użu tal-apparat tal-aċċess jew tas-softwer mogħti lill-utent ta' servizzi ta' pagament u l-użu anormali tal-apparat tal-aċċess jew tas-softwer.

Artikolu 3

Rieżami tal-miżuri tas-sigurtà

1.  
L-implimentazzjoni tal-miżuri tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 1, għandhom jiġu ddokumentati, ittestjati perjodikament, evalwati u vverifikati skont il-qafas legali applikabbli tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament mill-awdituri b'għarfien espert fis-sigurtà tal-IT u fil-pagamenti elettroniċi u li joperaw b'mod indipendenti mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament jew fil-konfront tiegħu.
2.  
Il-perjodu bejn l-awditi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi ddeterminat billi jitqies il-qafas tal-kontabilità u l-qafas tal-verifika statutorja rilevanti applikabbli għall-fornitur ta' servizzi ta' pagament.

Madankollu, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jagħmlu użu mill-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 18 għandhom ikunu soġġetti għal verifika tal-metodoloġija, il-mudell u r-rati tal-frodi rrappurtati tal-inqas fuq bażi annwali. L-awditur li jwettaq dan l-awditu għandu jkollu għarfien espert fis-sigurtà tal-IT u fil-pagamenti elettroniċi u għandu jopera b'mod indipendenti mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament jew fil-konfront tiegħu. Matul l-ewwel sena mill-użu tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 18 u tal-inqas kull tliet snin wara, jew aktar frekwenti fuq talba tal-awtorità kompetenti, dan l-awditu għandu jsir minn awditur estern indipendenti u kkwalifikat.

3.  
Dan l-awditu għandu jippreżenta evalwazzjoni u rapport dwar il-konformità tal-miżuri tas-sigurtà tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Ir-rapport sħiħ għandu jsir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

KAPITOLU II

MIŻURI TA' SIGURTÀ GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-AWTENTIKAZZJONI QAWWIJA TAL-KONSUMATUR

Artikolu 4

Kodiċi tal-awtentikazzjoni

1.  
Meta l-fornituri ta' servizzi ta' pagament japplikaw l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur skont l-Artikolu 97(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, l-awtentikazzjoni għandha tkun imsejsa fuq żewġ elementi jew aktar li huma kkategorizzati bħala għarfien, pusses u inerenza u għandha tirriżulta fil-ġenerazzjoni ta' kodiċi ta' awtentikazzjoni.

Il-kodiċi ta' awtentikazzjoni għandu jiġi aċċettat darba biss mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament meta l-pagatur juża l-kodiċi tal-awtentikazzjoni biex jaċċessa l-kont tal-pagament tiegħu onlajn, jibda tranżazzjoni ta' pagament elettroniku u jwettaq xi azzjoni b'mezz mill-bogħod li jista' jimplika riskju ta' frodi ta' pagament jew abbużi oħrajn.

2.  

Għall-finijiet ta' paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jadottaw miżuri ta' sigurtà li jiżguraw li jiġi ssodisfat kull wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

ma tista' tiġi derivata l-ebda informazzjoni dwar kwalunkwe wieħed mill-elementi msemmija fil-paragafu 1 mill-iżvelar tal-kodiċi ta' awtentikazzjoni;

(b) 

mhuwiex possibbli li jiġi ġġenerat kodiċi ġdid tal-awtentikazzjoni abbażi tal-għarfien ta' kwalunkwe kodiċi ieħor tal-awtentikazzjoni li jkun ġie iġġenerat qabel;

(c) 

il-kodiċi tal-awtentikazzjoni ma jistax jiġi ffalsifikat.

3.  

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-awtentikazzjoni permezz tal-ġenerazzjoni ta' kodiċi tal-awtentifikazzjioni tinkludi kull waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a) 

meta l-awtentikazzjoni għal aċċess mill-bogħod, pagamenti elettroniċi mill-bogħod u kwalunkwe azzjoni oħra b'mezz mill-bogħod li jista' jimplika riskju ta' frodi ta' pagament jew abbużi oħrajn tkun falliet milli tiġġenera kodiċi tal-awtentikazzjoni għall-finijiet tal-paragrafu 1, ma għandux ikun possibbli li jiġi identifikat liema wieħed mill-elementi msemmija f'dak il-paragrafu ma kienx korrett;

(b) 

l-għadd ta' tentattivi falluti tal-awtentikazzjoni li jistgħu jsiru b'mod konsekuttiv, li warajhom l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 97(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 għandhom jiġu mblukkati b'mod temporanju jew permanenti, ma għandux ikun iktar minn ħamsa f'perjodu ta' żmien partikolari;

(c) 

is-sessjonijiet ta' komunikazzjoni huma protetti kontra l-ksib tad-data tal-awtentikazzjoni trażmessa matul l-awtentikazzjoni u kontra l-manipulazzjoni minn partijiet mhux awtorizzati skont ir-rekwiżiti tal-Kapitolu V;

(d) 

it-tul massimu ta' żmien mingħajr attività mill-pagatur wara li jkun ġie awtentikat biex jaċċessa l-kont tal-pagament tiegħu onlajn ma għandux jaqbeż ħames minuti.

4.  
Meta l-imblukkar imsemmi fil-paragrafu 3(b) ikun temporanju, id-durata massima ta' dak l-imblukkar u l-għadd ta' provi mill-ġdid għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-karatteristiċi tas-servizz mogħti lill-pagatur u r-riskji kollha rilevanti involuti, filwaqt li jitqiesu, tal-inqas, il-fatturi msemmija fl-Artikolu 2(2).

Il-pagatur għandu jiġi mwissi qabel ma l-imblukkar isir permanenti.

Meta l-imblukkar ikun sar permanenti, għandha tiġi stabbilita proċedura sikura li tippermetti li l-pagatur jerġa' jikseb l-użu tal-istrumenti elettroniċi ta' pagament imblukkati.

Artikolu 5

Rabta dinamika

1.  

Meta l-fornituri ta' servizzi ta' pagament japplikaw awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur skont l-Artikolu 97(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, flimkien mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, dawn għandhom jadottaw ukoll miżuri ta' sigurtà li jissodisfaw kull wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

il-pagatur isir jaf bl-ammont tat-tranżazzjoni tal-pagament u tal-benefiċjarju;

(b) 

il-kodiċi tal-awtentikazzjoni ġġenerata tkun speċifika għall-ammont tat-tranżazzjoni ta' pagament u l-benefiċjarju miftiehem mill-pagatur meta jibda t-tranżazzjoni;

(c) 

il-kodiċi tal-awtentikazzjoni aċċettat mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament jikkorrispondi għall-ammont speċifiku oriġinali tat-tranżazzjoni ta' pagament u għall-identità tal-benefiċjarju maqbul mill-pagatur;

(d) 

kull bidla fl-ammont jew fil-benefiċjarju tirriżulta fl-invalidazzjoni tal-kodiċi tal-awtentikazzjoni ġġenerata.

2.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jadottaw miżuri tas-sigurtà li jiżguraw il-kunfidenzjalità, l-awtentiċità u l-integrità ta' kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-ammont tat-tranżazzjoni u l-benefiċjarju fil-fażijiet kollha tal-awtentikazzjoni;

(b) 

l-informazzjoni murija lill-pagatur fil-fażijiet kollha tal-awtentikazzjoni, inklużi l-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u l-użu ta' kodiċi ta' awtentikazzjoni.

3.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 1(b) u meta l-fornituri ta' servizzi ta' pagament japplikaw awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur skont l-Artikolu 97(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin għall-kodiċi tal-awtentikazzjoni:

(a) 

b'rabta ma' tranżazzjoni ta' pagament b'kard li għaliha l-pagatur ikun ta l-kunsens għall-ammont eżatt tal-fondi li għandu jiġi mblukkat skont l-Artikolu 75(1) ta' dik id-Direttiva, il-kodiċi tal-awtentikazzjoni għandu jkun speċifiku għall-ammont li l-pagatur ikun ta l-kunsens biex jiġi imblukkat jew li jkun ġie miftiehem mill-pagatur meta jibda t-tranżazzjoni;

(b) 

b'rabta ma' tranżazzjonijiet ta' pagament li għalihom il-pagatur ikun ta l-kunsens biex jiġi eżegwit lott ta' tranżazzjonijiet ta' pagament elettroniku mill-bogħod lil benefiċjarju wieħed jew lil diversi benefiċjarji, il-kodiċi tal-awtentikazzjoni għandu jkun speċifiku għall-ammont totali tal-lott ta' tranżazzjonijiet ta' pagament u għall-benefiċjarji speċifikati.

Artikolu 6

Rekwiżiti tal-elementi kkategorizzati bħala għarfien

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jadottaw miżuri biex inaqqsu r-riskju li l-elementi ta' awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur ikkategorizzati bħala għarfien jinkixfu minn partijiet mhux awtorizzati jew jiġu żvelati lilhom.
2.  
L-użu mill-pagatur ta' dawk l-elementi għandu jkun soġġett għal miżuri ta' mitigazzjoni sabiex jiġi evitat l-iżvelar tagħhom lil partijiet mhux awtorizzati.

Artikolu 7

Rekwiżiti tal-elementi kkategorizzati bħala pusses

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jadottaw miżuri biex inaqqsu r-riskju li l-elementi ta' awtentikazzjoni b'saħħithom tal-kunsumatur ikkategorizzati bħala pussess jintużaw minn partijiet mhux awtorizzati.
2.  
L-użu mill-pagatur ta' dawk l-elementi għandu jkun soġġett għal miżuri mfassla biex jipprevjenu r-replika tal-elementi.

Artikolu 8

Rekwiżiti ta' apparat u softwer marbuta ma' elementi kkategorizzati bħala inerenza

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jadottaw miżuri biex itaffu r-riskju li l-elementi tal-awtentikazzjoni kkategorizzati bħala inerenza u li jinqraw minn apparat u softwer ta' aċċess, mogħtija lill-pagatur, jiġu skoperti minn partijiet mhux awtorizzati. Tal-inqas, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li dak l-apparat ta' aċċess u dak is-softwer ikollhom probabbiltà baxxa ħafna li parti mhux awtorizzata tiġi awtentikata bħala l-pagatur.
2.  
L-użu mill-pagatur ta' dawk l-elementi għandu jkun soġġett għal miżuri li jiżguraw li dak l-apparat u s-softwer jiggarantixxu reżistenza kontra l-użu mhux awtorizzat tal-elementi permezz tal-aċċess għall-aparat u s-softwer.

Artikolu 9

Indipendenza tal-elementi

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-użu tal-elementi tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur imsemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 ikun soġġett għal miżuri li jiżguraw li, f'termini tat-teknoloġija, l-algoritmi u l-parametri, il-ksur ta' wieħed mill-elementi ma jikkompromettix l-affidabbiltà tal-elementi l-oħrajn.
2.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jadottaw miżuri tas-sigurtà, meta xi wieħed mill-elementi tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur jew il-kodiċi tal-awtentikazzjoni nnifsu jintużaw permezz ta' apparat b'diversi użi, biex inaqqsu r-riskju li jirriżulta minn dak l-apparat b'diversi użi li jkun qiegħed jiġi kompromess.
3.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-miżuri ta' mitigazzjoni għandhom jinkludu kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-użu ta' ambjenti ta' eżekuzzjoni sikuri separati permezz tas-softwer installat fl-apparat b'diversi użi;

(b) 

mekkaniżmi li jiżguraw li s-softwer jew l-apparat ma jkunux ġew mibdula mill-pagatur jew minn parti terza;

(c) 

meta jkunu saru alterazzjonijiet, mekkaniżmi li jtaffu l-konsegwenzi tagħhom.

KAPITOLU III

EŻENZJONIJIET MINN AWTENTIKAZZJONI QAWWIJA TAL-KONSUMATUR

▼M1

Artikolu 10

Aċċess għall-informazzjoni dwar il-kont ta’ pagament direttament mal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jamministra l-kont

1.  

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jitħallew ma japplikawx awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur, soġġett għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2, meta utent ta’ servizzi ta’ pagament ikun qed jaċċessa l-kont ta’ pagament tiegħu direttament online, dment li dak l-aċċess ikun limitat għal waħda mill-oġġetti online li ġejjin mingħajr ma tiġi żvelata data sensittiva dwar il-pagamenti:

(a) 

il-bilanċ ta’ kont ta’ pagament wieħed jew aktar magħżul/a;

(b) 

it-tranżazzjonijiet ta’ pagament eżegwiti fl-aħħar 90 jum permezz ta’ kont ta’ pagament wieħed jew aktar magħżul/a.

2.  

Bħala deroga mill-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-utent ta’ servizzi ta’ pagament ikun qiegħed jaċċessa l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 għall-ewwel darba online;

(b) 

ikunu għaddew aktar minn 180 jum mill-aħħar darba li l-utent ta’ servizzi ta’ pagament ikun aċċessa l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu u 1 tkun ġiet applikata l-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur.

▼M1

L-Artikolu 10 a

Aċċess għall-informazzjoni dwar il-kont ta’ pagament permezz ta’ fornitur ta’ servizz ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

1.  

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx japplikaw awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur meta utent ta’ servizzi ta’ pagament ikun qed jaċċessa l-kont ta’ pagament tiegħu online permezz ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet, dment li dak l-aċċess ikun limitat għal wieħed mill-oġġetti li ġejjin online mingħajr ma tiġi żvelata data sensittiva dwar il-pagamenti:

(a) 

il-bilanċ ta’ kont ta’ pagament wieħed jew aktar magħżul/a;

(b) 

it-tranżazzjonijiet ta’ pagament eżegwiti fl-aħħar 90 jum permezz ta’ kont ta’ pagament wieħed jew aktar magħżul/a.

2.  

Bħala deroga mill-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom japplikaw awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-utent ta’ servizzi ta’ pagament ikun qiegħed jaċċessa l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 għall-ewwel darba online permezz ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni;

(b) 

ikunu għaddew aktar minn 180 jum mill-aħħar darba li l-utent ta’ servizzi ta’ pagament ikun aċċessa l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 permezz ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni u tkun ġiet applikata l-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur.

3.  
Bħala deroga mill-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jitħallew japplikaw awtentikazzjoni b’saħħitha tal-konsumatur meta utent ta’ servizzi ta’ pagament ikun qed jaċċessa l-kont ta’ pagament tiegħu online permezz ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ikun oġġettivament iġġustifikat u debitament evidenzjat raġunijiet relatati ma’ aċċess mhux awtorizzat jew frodulenti għall-kont ta’ pagament. F’każ bħal dan, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu jiddokumenta u jiġġustifika debitament lill-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu, fuq talba, ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tal-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur.
4.  
Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jamministraw il-kont li joffru interfaċċja ddedikata kif imsemmi fl-Artikolu 31 ma għandhomx ikunu obbligati jimplimentaw l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-fini tal-mekkaniżmu ta’ kontinġenza msemmi fl-Artikolu 33(4), meta ma japplikawx l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 10 fl-interfaċċja diretta użata għall-awtentikazzjoni u l-komunikazzjoni mal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament tagħhom.

▼B

Artikolu 11

Pagamenti mingħajr kuntatt fil-punt tal-bejgħ

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jitħallew ma japplikawx l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur, soġġetti għall-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2, meta l-pagatur jibda tranżazzjoni ta' pagament elettroniku mingħajr kuntatt diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-ammont individwali tat-tranżazzjoni ta' pagament elettroniku mingħajr kuntatt ma jaqbiżx EUR 50; u

(b) 

l-ammont kumulattiv ta' tranżazzjonijiet preċedenti ta' pagament elettroniku mingħajr kuntatt mibdija permezz ta' strument ta' pagament b'funzjonalità ta' mingħajr kuntatt mid-data tal-aħħar applikazzjoni tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur ma jaqbiżx EUR 150; jew

(c) 

l-għadd ta' tranżazzjonijiet konsekuttivi ta' pagament elettroniku mingħajr kuntatt mibdija permezz ta' strument ta' pagament li joffri funzjonalità ta' mingħajr kuntatt mill-aħħar applikazzjoni tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur ma jaqbiżx ħamsa.

Artikolu 12

Terminali mhux ikkontrollati għan-nollijiet tat-trasport u t-tariffi tal-ipparkjar

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament ma għandhomx jitħallew japplikaw awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur, soġġetti għall-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2, meta l-pagatur jibda tranżazzjoni ta' pagament elettroniku f'terminal ta' pagament mhux ikkontrollat bl-iskop li jħallas noll tat-trasport jew tariffa tal-ipparkjar.

Artikolu 13

Benefiċjarji ta' fiduċja

1.  
Il-fornituri ta' servizz ta' pagament għandhom japplikaw l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur meta l-pagatur joħloq jew jemenda lista ta' benefiċjarji fdati permezz tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont tal-pagatur.
2.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jitħallew ma japplikawx l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur, soġġetti għall-konformità mar-rekwiżiti ġenerali tal-awtentikazzjoni, meta l-pagatur jibda tranżazzjoni ta' pagament u l-benefiċjarju jkun inkluż f'lista ta' benefiċjarji ta' fiduċja li nħolqot preċedentement mill-pagatur.

Artikolu 14

Tranżazzjonijiet rikorrenti

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom japplikaw l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur meta pagatur joħloq, jemenda jew jibda għall-ewwel darba, serje ta' tranżazzjonijiet rikorrenti bl-istess ammont u mal-istess benefiċjarju.
2.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jitħallew ma japplikawx l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur, soġġetti għall-konformità mar-rekwiżiti ġenerali tal-awtentikazzjoni, għall-bidu tat-tranżazzjonijiet ta' pagament sussegwenti kollha inklużi fis-serje ta' tranżazzjonijiet ta' pagament imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 15

Trasferimenti tal-kreditu bejn kontijiet miżmuma mill-istess persuna fiżika jew ġuridika

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jitħallew ma japplikawx l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur, soġġetti għall-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2, meta l-pagatur jibda trasferiment ta' kreditu f'ċirkostanzi meta l-pagatur u l-benefiċjarju jkunu l-istess persuna fiżika jew ġuridika u ż-żewġ kontijiet ta' pagament ikunu miżmuma mill-istess fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont.

Artikolu 16

Tanżazzjonijiet ta' valur baxx

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jitħallew ma japplikawx l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur meta l-pagatur jibda tranżazzjoni ta' pagament elettroniku mill-bogħod diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-ammont tat-tranżazzjoni ta' pagament elettroniku mill-bogħod ma jaqbiżx EUR 30; u

(b) 

l-ammont kumulattiv ta' tranżazzjonijiet ta' pagament elettroniku mill-bogħod preċedenti mibdija mill-pagatur mill-aħħar applikazzjoni tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur ma jaqbiżx EUR 100; jew

(c) 

l-għadd ta' tranżazzjonijiet ta' pagament elettroniku mill-bogħod preċedenti mibdija mill-pagatur mill-aħħar applikazzjoni tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur ma jaqbiżx ħames (5) tranżazzjonijiet ta' pagamenti elettroniċi mill-bogħod konsekuttivi u individwali.

Artikolu 17

Proċessi u protokolli ta' pagament korporattivi sikuri

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jitħallew ma japplikawx l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur, fir-rigward ta' persuni ġuridiċi li jibdew tranżazzjonijiet ta' pagament elettroniku permezz tal-użu ta' proċessi jew protokolli ta' pagament iddedikati li jsiru disponibbli biss għall-pagaturi li mhumiex konsumaturi, meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ċerti li dawk il-proċessi jew il-protokolli jiggarantixxu tal-inqas livelli ekwivalenti ta' sigurtà ta' dawk previsti mid-Direttiva (UE) 2015/2366.

Artikolu 18

Analiżi tar-riskju tat-tranżazzjoni

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' tranżazzjoni għandhom jitħallew ma japplikawx l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur meta l-pagatur jibda tranżazzjoni ta' pagament elettroniku mill-bogħod, identifikata mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament bħala li toħloq livell ta' riskju baxx skont il-mekkaniżmi li jissorveljaw it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 u fil-paragrafu 2(c) ta' dan l-Artikolu.
2.  

Tranżazzjoni ta' pagament elettroniku msemmija fil-paragrafu 1 għandha titqies li timponi livell baxx ta' riskju meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

ir-rata tal-frodi għal dik it-tip ta' tranżazzjoni, irrappurtata mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament u kkalkulata skont l-Artikolu 19, tkun ekwivalenti għal jew inqas mir-rati tal-frodi ta' referenzi speċifikati fit-tabella stabbilita fl-Anness għal “pagamenti elettroniċi mill-bogħod b'kard” u “trasferimenti ta' kreditu b'mod elettroniku mill-bogħod” rispettivament;

(b) 

l-ammont tat-tranżazzjoni ma jaqbiżx il-Valur ta' Limitu tal-Eżenzjoni (Exemption Threshold Value - “ETV”) rilevanti speċifikat fit-tabella stabbilita fl-Anness;

(c) 

il-fornituri ta' servizzi ta' pagament b'riżultat tat-twettiq ta' analiżi tar-riskju f'ħin reali ma jkunux identifikaw xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i) 

infiq jew imġiba anormali tal-pagatur;

(ii) 

informazzjoni mhux tas-soltu dwar l-aċċess tal-apparat/tas-softwer tal-pagatur;

(iii) 

infezzjoni malwer fi kwalunkwe sessjoni tal-proċedura ta' awtentikazzjoni;

(iv) 

xenarju magħruf ta' frodi fl-għoti ta' servizzi ta' pagament;

(v) 

post anormali tal-pagatur;

(vi) 

post ta' riskju għoli tal-benefiċjarju.

3.  

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li beħsiebhom jeżentaw tranżazzjonijiet ta' pagament elettroniku mill-bogħod minn awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur minħabba li dawn joħolqu riskju baxx għandhom tal-inqas iqisu l-fatturi bbażati fuq ir-riskju li ġejjin:

(a) 

il-mudelli preċedenti ta' nfiq tal-utent ta' servizzi ta' pagament individwali;

(b) 

l-istorja tat-tranżazzjoni ta' pagament ta' kull utent ta' servizzi ta' pagament tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament;

(c) 

il-post tal-pagatur u tal-benefiċjarju fil-ħin tat-tranżazzjoni ta' pagament f'każijiet fejn l-apparat jew is-softwer tal-aċċess jiġu pprovduti mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament;

(d) 

l-identifikazzjoni ta' mudelli ta' pagament anormali tal-utent ta' servizzi ta' pagament fir-rigward tal-istorja tat-tranżazzjoni ta' pagament tal-utent.

Il-valutazzjoni li ssir minn fornitur ta' servizzi ta' pagament għandha tikkombina dawk il-fatturi kollha bbażati fuq ir-riskju fl-għoti tal-punti tar-riskju għal kull tranżazzjoni individwali sabiex jiġi ddeterminat jekk pagament speċifiku jenħtieġx li ikun permess mingħajr awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur.

Artikolu 19

Kalkolu tar-rati ta' frodi

1.  
Għal kull tip ta' tranżazzjoni msemmija fit-tabella stabbilita fl-Anness, il-fornitur ta' servizzi ta' pagament għandu jiżgura li r-rati ġenerali tal-frodi li jkopru kemm it-tranżazzjonijiet ta' pagament awtentikati permezz tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur kif ukoll dawk eżegwiti skont kwalunkwe eżenzjoni msemmija fl-Artikoli 13 sa 18 ikunu ekwivalenti għar-rata tal-frodi ta' referenza għall-istess tip ta' tranżazzjoni ta' pagament indikata fit-tabella stabbilita fl-Anness jew inqas minnha.

Ir-rata ġenerali tal-frodi għal kull tip ta' tranżazzjoni għandha tiġi kkalkulata bħala l-valur totali ta' tranżazzjonijiet mill-bogħod mhux awtorizzati jew frodulenti, kemm jekk il-fondi jkunu ġew irkuprati kif ukoll jekk le, diviża bil-valur totali tat-tranżazzjonijiet kollha mill-bogħod għall-istess tip ta' tranżazzjonijiet, kemm jekk ġew awtentikati bl-applikazzjoni tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur jew ġew eżegwiti skont xi eżenzjoni msemmija fl-Artikoli 13 sa 18 fuq bażi regolari ta' kull tliet xhur (90 jum).

2.  
Il-kalkolu tar-rati tal-frodi u ċ-ċifri li jirriżultaw għandhom jiġu vvalutati mir-rieżami tal-awditu msemmi fl-Artikolu 3(2), li għandu jiżgura li dawn ikunu kompluti u preċiżi.
3.  
Il-metodoloġija u kwalunkwe mudell użati mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament biex jiġu kkalkulati r-rati tal-frodi, kif ukoll ir-rati tal-frodi nfushom, għandhom jiġu ddokumentati b'mod adegwat u għandhom isiru disponibbli kompletament għall-awtoritajiet kompetenti u l-EBA, b'notifika minn qabel lill-awtorità(awtoritajiet) rilevanti, fuq talba tagħhom.

Artikolu 20

Twaqqif tal-eżenzjonijiet abbażi ta' analiżi tar-riskju tat-tranżazzjoni

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jużaw eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 18 għandhom immedjatament jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti meta waħda mir-rati tal-frodi ssorveljati tagħhom, għal kwalunkwe tip ta' tranżazzjoni ta' pagament indikat fit-tabella stabbilita fl-Anness, taqbeż ir-rata tal-frodi ta' referenza applikabbli u għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti deskrizzjoni tal-miżuri li huma beħsiebhom jadottaw biex jerġgħu jistabbilixxu l-konformità tar-rata tal-frodi ssorveljata tagħhom mar-rati tal-frodi ta' referenza applikabbli.
2.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom immedjatament jieqfu milli jużaw l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 18 għal kwalunkwe tip ta' tranżazzjoni ta' pagament indikat fit-tabella stabbilita fl-Anness fil-firxa speċifika tal-livell limitu tal-eżenzjoni meta r-rata tal-frodi ssorveljata tagħhom teċċedi għal żewġ trimestri konsekuttivi r-rata tal-frodi ta' referenza applikabbli għal dak l-istrument ta' pagament jew it-tip ta' tranżazzjoni ta' pagament f'dik il-firxa tal-livell limitu tal-eżenzjoni.
3.  
Wara l-waqfien tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 18 skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament ma għandhomx jerġgħu jużaw dik l-eżenzjoni, sakemm ir-rata tal-frodi tagħhom ikkalkulata ma tkunx ekwivalenti għal, jew tkun inqas mir-rati tal-frodi ta' referenza applikabbli għal dik it-tip ta' tranżazzjoni ta' pagament f'dik il-firxa tal-livell limitu tal-eżenzjoni għal perjodu wieħed ta' tliet xhur.
4.  
Meta l-fornituri ta' servizzi ta' pagament ikunu beħsiebhom jerġgħu jużaw l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 18, dawn għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien raġonevoli u qabel ma jerġgħu jużaw l-eżenzjoni, għandhom jipprovdu evidenza tar-restawr tal-konformità tar-rata tal-frodi ssorveljata tagħhom mar-rata tal-frodi ta' referenza applikabbli għal dik il-firxa tal-livell limitu tal-eżenzjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 21

Monitoraġġ

1.  

Sabiex jużaw l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 18, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jirreġistraw u jissorveljaw id-data li ġejja għal kull tip ta' tranżazzjoni ta' pagament, b'analiżi tat-tranżazzjonijiet ta' pagament mill-bogħod kif ukoll dawk mhux mill-bogħod, tal-inqas fuq bażi ta' kull tliet xhur:

(a) 

il-valur totali ta' tranżazzjonijiet ta' pagament mhux awtorizzati jew frodulenti skont l-Artikolu 64(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet kollha ta' pagament u r-rata tal-frodi li tirriżulta, inkluż tqassim tat-tranżazzjonijiet ta' pagament mibdija permezz tal-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur u skont kull waħda mill-eżenzjonijiet;

(b) 

il-valur medju tat-tranżazzjoni, inkluż tqassim ta' tranżazzjonijiet ta' pagament mibdija permezz ta' awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur u skont kull waħda mill-eżenzjonijiet;

(c) 

l-għadd ta' tranżazzjonijiet ta' pagament meta tkun ġiet applikata kull waħda mill-eżenzjonijiet u l-perċentwal tagħhom fir-rigward tal-għadd totali ta' tranżazzjonijiet ta' pagament.

2.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jagħmlu r-riżultati tal-monitoraġġ skont il-paragarafu 1 disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-EBA, b'notifika minn qabel lill-awtorità(awtoritajiet) kompetenti rilevanti, fuq talba tagħhom.

KAPITOLU IV

Il-KUNFIDENZJALITÀ U L-INTEGRITÀ TAL-KREDENZJALI PERSONALIZZATI TA' SIGURTÀ TAL-UTENTI TA' SERVIZZI TA' PAGAMENT

Artikolu 22

Rekwiżiti ġenerali

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà tal-utent ta' servizzi ta' pagament, inklużi kodiċijiet tal-awtentikazzjoni, matul il-fażijiet kollha tal-awtentikazzjoni.
2.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li jiġi ssodisfat kull wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

il-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà jiġu moħbija meta dawn jintwerew u ma jkunux jistgħu jinqraw għalkollox, meta jiddaħħlu mill-utent ta' servizzi ta' pagament matul l-awtentikazzjoni;

(b) 

il-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà fil-format tad-data, kif ukoll materjali kriptografiċi relatati mal-kriptaġġ tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà ma jinħażnux f'data mhux iċċifrata;

(c) 

il-materjal kriptografiku sigriet jiġi protett minn żvelar mhux awtorizzat.

3.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiddokumentaw kompletament il-proċess relatat mal-ġestjoni tal-materjal kriptografiku użat biex isir kriptaġġ jew inkella biex jinbidlu l-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà b'mod li ma jkunux jistgħu jinqraw.
4.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-ipproċessar u d-direzzjonar tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà u tal-kodiċijiet tal-awtentikazzjoni ġġenerati skont il-Kapitolu II isiru f'ambjenti sikuri skont standards tal-industrija b'saħħithom u rikonoxxuti b'mod wiesa'.

Artikolu 23

Ħolqien u trażmissjoni tal-kredenzjali

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-ħolqien ta' kredenzjali personalizzati ta' sigurtà jitwettaq f'ambjent sikur.

Dawn għandhom inaqqsu r-riskji ta' użu mhux awtorizzat tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà u tal-apparat u s-softwer tal-awtentikazzjoni wara t-telf, is-serq jew l-ikkupjar tagħhom qabel il-kunsinna tagħhom lill-pagatur.

Artikolu 24

Assoċjazzjoni mal-utent ta' servizzi ta' pagament

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-utent ta' servizzi ta' pagament biss jiġi assoċjat, b'mod sikur, mal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà, l-apparat u s-softwer ta' awtentikazzjoni.
2.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li jiġi ssodisfat kull wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

l-assoċjazzjoni tal-identità tal-utent ta' servizzi ta' pagament mal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà, l-apparat u s-softwer tal-awtentikazzjoni titwettaq f'ambjenti sikuri taħt ir-responsabbiltà tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament li tinkludi tal-inqas il-bini tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament, l-ambjent tal-Internet ipprovdut mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament jew siti web sikuri oħrajn simili użati mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament u s-servizzi tal-magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus tiegħu u b'kunsiderazzjoni tar-riskji assoċjati mal-apparat u l-komponenti sottostanti użati matul il-proċess tal-assoċjazzjoni li mhumiex taħt r-responsabbiltà tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament;

(b) 

l-assoċjazzjoni permezz ta' mezz mill-bogħod tal-identità tal-utent ta' servizzi ta' pagament mal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà u mal-apparat jew is-softwer tal-awtentikazzjoni titwettaq bl-użu ta' awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur.

Artikolu 25

Forniment ta' kredenzjali, apparat u softwer tal-awtentikazzjoni

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-forniment ta' kredenzjali personalizzati ta' sigurtà, apparat u softwer tal-awtentikazzjoni lill-utent ta' servizzi ta' pagament jitwettaq b'mod sikur, imfassal biex jindirizza r-riskji marbuta mal-użu tagħhom mhux awtorizzat minħabba t-telf, is-serq jew l-ikkupjar tagħhom.
2.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom tal-inqas japplikaw il-miżuri kollha li ġejjin:

(a) 

mekkaniżmi ta' forniment effettivi u sikuri li jiżguraw li l-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà, l-apparat u s-softwer ta' awtentikazzjoni jiġu fornuti lill-utent ta' servizzi ta' pagament leġittimu;

(b) 

mekkaniżmi li jippermettu lill-fornitur ta' servizzi ta' pagament jivverifika l-awtentiċità tas-softwer ta' awtentikazzjoni li jkun ġie fornut lill-utent ta' servizzi ta' pagament permezz tal-Internet;

(c) 

ftehimiet li jiżguraw li, meta l-forniment tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà jiġi eżegwit barra l-bini tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament jew b'mezz mill-bogħod:

(i) 

l-ebda parti mhux awtorizzata ma tista' tikseb aktar minn karatteristika waħda tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà, l-apparat jew is-softwer ta' awtentikazzjoni meta jiġu fornuti bl-istess mezz;

(ii) 

il-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà, l-apparat jew is-softwer tal-awtentikazzjoni fornuti, jesieġu attivazzjoni qabel l-użu;

(d) 

ftehimiet li jiżguraw li, f'każijiet meta l-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà, l-apparat jew is-softwer ta' awtentikazzjoni jridu jiġu attivati qabel l-ewwel użu tagħhom, l-attivazzjoni għandha ssir f'ambjent sikur skont il-proċeduri ta' assoċjazzjoni msemmija fl-Artikolu 24.

Artikolu 26

Tiġdid ta' kredenzjali personalizzati ta' sigurtà

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li t-tiġdid jew l-attivazzjoni mill-ġdid tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà jikkonformaw mal-proċeduri għall-ħolqien, l-assoċjazzjoni u l-forniment tal-kredenzjali u tal-apparat ta' awtentikazzjoni skont l-Artikoli 23, 24 u 25.

Artikolu 27

Qerda, diżattivazzjoni u revoka

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li dawn ikollhom proċessi effettivi fis-seħħ biex japplikaw il-miżuri tas-sigurtà kollha li ġejjin:

(a) 

il-qerda, id-diżattivazzjoni u r-revoka sikuri tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà, l-apparat u s-softwer ta' awtentikazzjoni;

(b) 

meta l-fornitur ta' servizzi ta' pagament iqassam apparat u softwer ta' awtentikazzjoni li jistgħu jerġgħu jintużaw mill-ġdid, l-użu mill-ġdid sikur ta' apparat jew softwer jiġi stabbilit, iddokumentat u implimentat qabel ma dan isir disponibbli għal utent ta' servizzi ta' pagament ieħor;

(c) 

id-diżattivazzjoni jew ir-revoka tal-informazzjoni marbuta mal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà maħżuna fis-sistemi u fil-bażijiet tad-data tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament u, fejn rilevanti, f'repożitorji pubbliċi.

KAPITOLU V

STANDARDS MIFTUĦIN TA' KOMUNIKAZZJONI LI JKUNU KOMUNI U SIKURI

Taqsima 1

Rekwiżiti ġenerali għall-komunikazzjoni

Artikolu 28

Rekwiżiti għall-identifikazzjoni

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw identifikazzjoni sikura meta jikkomunikaw bejn l-apparat tal-pagatur u l-apparat ta' aċċettazzjoni tal-benefiċjarju għal pagamenti elettroniċi, inklużi iżda mhux limitati għal terminals tal-pagament.
2.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li r-riskji ta' direzzjonar ħażin tal-komunikazzjoni lil partijiet mhux awtorizzati f'applikazzjonijiet mobbli u interfaċċji oħra ta' utenti ta' servizzi ta' pagament li joffru servizzi ta' pagament elettroniku jiġu mitigati b'mod effettiv.

Artikolu 29

Traċċabbiltà

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandu jkollhom fis-seħħ proċessi li jiżguraw li t-tranżazzjonijiet kollha ta' pagament u interazzjonijiet oħrajn ma' utent ta' servizzi ta' pagament, ma' fornituri ta' servizzi ta' pagament oħrajn u ma' entitajiet oħrajn, inklużi n-negozjanti, fil-kuntest tal-għoti tas-servizzi ta' pagament ikunu traċċabbli, filwaqt li jiżguraw għarfien ex-post tal-avvenimenti kollha rilevanti għat-tranżazzjoni elettronika fid-diversi stadji kollha.
2.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li kwalunkwe sessjoni ta' komunikazzjoni stabbilita mal-utent ta' servizzi ta' pagament, fornituri ta' servizzi ta' pagament oħrajn u entitajiet oħrajn, inklużi n-negozjanti, tkun tiddependi fuq dawn kollha li ġejjin:

(a) 

identifikatur uniku tas-sessjoni.

(b) 

mekkaniżmi ta' sigurtà għall-illoggjar dettaljat tat-tranżazzjoni, inklużi n-numru tat-tranżazzjoni, it-timbri tal-ħin (timestamps) u d-data kollha rilevanti tat-tranżazzjoni;

(c) 

timbri tal-ħin li għandhom ikunu bbażati fuq sistema ta' referenza tal-ħin unifikata u li għandhom jiġu sinkronizzati skont sinjal tal-ħin uffiċjali.

Taqsima 2

Rekwiżiti speċifiċi għall-istandards miftuħin ta' komunikazzjoni li jkunu komuni u sikuri

Artikolu 30

Obbligi ġenerali għall-interfaċċji tal-aċċess

1.  

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont li joffru lil pagatur kont ta' pagament li jkun aċċessibbli onlajn, għandu jkollhom fis-seħħ tal-inqas interfaċċja waħda li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) 

il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, il-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta' pagament li joħorġu strumenti ta' pagament b'kard jistgħu jidentifikaw lilhom infushom quddiem il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont;

(b) 

il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet jistgħu jikkomunikaw b'mod sikur biex jitolbu u jirċievu informazzjoni dwar wieħed mill-kontijiet ta' pagament magħżula u tranżazzjonijiet ta' pagament assoċjati jew aktar;

(c) 

il-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament jistgħu jikkomunikaw b'mod sikur biex jibdew ordni ta' pagament mill-kont tal-pagament tal-pagatur u jirċievu l-informazzjoni kollha dwar il-bidu tat-tranżazzjoni ta' pagament u l-informazzjoni kollha aċċessibbli għall-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont fir-rigward tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament.

2.  
Għall-finijiet tal-awtentikazzjoni tal-utent ta' servizzi ta' pagament, l-interfaċċja msemmija fil-paragrafu 1, għandha tippermetti lill-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u lill-fornitur ta' servizzi ta' bidu ta' pagament jibbażaw fuq il-proċeduri kollha tal-awtentikazzjoni pprovduti mingħand il-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont lill-utent ta' servizzi ta' pagament.

L-interfaċċja għandha mill-inqas tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) 

fornitur ta' servizzi ta' bidu ta' pagament jew fornitur ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet għandu jkun kapaċi jagħti istruzzjonijiet lill-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont biex jibda l-awtentikazzjoni abbażi tal-kunsens tal-utent ta' servizzi ta' pagament;

(b) 

is-sessjonijiet ta' komunikazzjoni bejn il-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont, il-fornitur ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, il-fornitur ta' servizzi ta' bidu ta' pagament u kwalunkwe utent ta' servizzi ta' pagament ikkonċernat għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma tul l-awtentikazzjoni;

(c) 

l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà u tal-kodiċijiet tal-awtentikazzjoni trażmessi mill-fornitur ta' servizzi ta' bidu ta' pagament jew mill-fornitur ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet jew permezz tagħhom għandhom jiġu żgurati.

3.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jiżguraw li l-interfaċċji tagħhom isegwu standards ta' komunikazzjoni li jinħarġu minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jiżguraw ukoll li l-ispeċifikazzjoni teknika ta' kwalunkwe interfaċċja tiġi ddokumentata billi jiġi speċifikat sett ta' rutini, protokolli u għodod meħtieġa mill-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament, mill-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li joħorġu strumenti ta' pagament b'kard biex jippermettu lis-softwer u l-applikazzjonijiet tagħhom joperaw flimkien mas-sistemi tal-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont.

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom bħala minimu u mhux inqas minn sitt xhur qabel id-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(2), jew qabel id-data mmirata għat-tnedija tas-suq tal-interfaċċja tal-aċċess meta t-tnedija ssir wara d-data msemmija fl-Artikolu 38(2), jagħmlu d-dokumentazzjoni disponibbli, mingħajr ħlas, fuq talba tal-fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' bidu ta' pagament, tal-fornituri awtorizzati ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u tal-fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' pagament li joħorġu strumenti ta' pagament b'kard jew fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' pagament li applikaw mal-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-awtorizzazzjoni rilevanti u għandhom jagħmlu sommarju tad-dokumentazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħhom.

4.  
Flimkien mal-paragrafu 3, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jiżguraw li, minbarra f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, kwalunkwe bidla fl-ispeċifikazzjoni teknika tal-interfaċċja tagħhom issir disponibbli għall-fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' bidu ta' pagament, il-fornituri awtorizzati ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u l-fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' pagament li joħorġu strumenti ta' pagament b'kard jew il-fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' pagament li jkunu applikaw mal-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-awtorizzazzjoni rilevanti, bil-quddiem mill-aktar fis possibbli u mhux inqas minn tliet (3) xhur qabel ma tiġi implimentata l-bidla.

Il-fornituri ta' servizz ta' pagament għandhom jiddokumentaw sitwazzjonijiet ta' emerġenza meta jkunu ġew implimentati bidliet u jagħmlu d-dokumentazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

▼M1

4a.  
Bħala deroga mill-paragrafu 4, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jamministraw il-kont għandhom iqiegħdu l-bidliet magħmula fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interfaċċi tagħhom għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament imsemmija f’dan l-Artikolu sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 10a mhux inqas minn xahrejn qabel ma jiġu implimentati tali bidliet.

▼B

5.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jagħmlu disponibbli faċilità tal-ittestjar, inkluż l-appoġġ, għall-ittestjar tal-konnessjoni u dak funzjonali sabiex jippermettu lill-fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' bidu ta' pagament, il-fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' pagament li joħorġu għodod ta' pagament b'kard u l-fornituri awtorizzati ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet jew il-fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' pagament li jkunu applikaw għall-awtorizzazzjoni rilevanti biex jittestjaw is-softwer u l-applikazzjonijiet tagħhom użati biex joffru servizz ta' pagament lill-utenti. Il-faċilità tal-ittestjar jenħtieġ li ssir disponibbli sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel id-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(2) jew qabel id-data fil-mira għat-tnedija tas-suq tal-interfaċċja tal-aċċess meta t-tnedija ssir wara d-data msemmija fl-Artikolu 38(2).

Madankollu, ma għandha tiġi kondiviża l-ebda informazzjoni sensittiva permezz tal-faċilità tal-ittestjar.

6.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont jikkonformaw il-ħin kollu mal-obbligi inklużi f'dawn l-istandards fir-rigward tal-interfaċċja(i) li huma daħħlu fis-seħħ. F'każ li fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti għall-interfaċċji stipulati f'dawn l-istandards, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-għoti tas-servizzi ta' bidu ta' pagament u s-servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet ma jitwaqqafx jew jiġi mxekkel sal-punt li l-fornituri rispettivi ta' tali servizzi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ddefiniti skont l-Artikolu 33(5).

Artikolu 31

Għażliet tal-interfaċċja tal-aċċess

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jistabbilixxu l-interfaċċja(i) msemmija fl-Artikolu 30 permezz ta' interfaċċja ddedikata jew billi jippermettu l-użu mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament imsemmija fl-Artikolu 30(1) tal-interfaċċji użati għall-awtentikazzjoni u l-komunikazzjoni mal-utenti ta' servizzi ta' pagament tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont.

Artikolu 32

Obbligi għal interfaċċja ddedikata

1.  
Soġġett għall-konformità mal-Artikoli 30 u 31, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont li jkunu implimentaw interfaċċja ddedikata għandhom jiżguraw li l-interfaċċja ddedikata toffri l-ħin kollu l-istess livell ta' disponibbiltà u prestazzjoni, inkluż l-appoġġ, bħall-interfaċċji magħmulin disponibbli għall-utent ta' servizzi ta' pagament għall-aċċess dirett għall-kont ta' pagament tiegħu onlajn.
2.  
Fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont li jkunu implimentaw interfaċċja ddedikata għandhom jiddefinixxu indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin trasparenti u miri tal-livell tas-servizz, tal-inqas stretti daqs dawk stabbiliti għall-interfaċċja użata mill-utenti ta' servizzi ta' pagament tagħhom kemm f'termini ta' disponibbiltà kif ukoll f'termini ta' data mogħtija skont l-Artikolu 36. Dawn l-interfaċċji, l-indikaturi u l-miri għandhom jiġu ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti u ttestjati għall-istress.
3.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont li jkunu implimentaw interfaċċja ddedikata għandhom jiżguraw li din l-interfaċċja ma toħloqx ostakoli għall-għoti ta' servizzi ta' bidu ta' pagament u servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet. Tali ostakoli, jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-prevenzjoni tal-użu mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament imsemmija fl-Artikolu 30(1) tal-kredenzjali maħruġa mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont lill-konsumaturi tagħhom, l-impożizzjoni tar-ridirezzjonar għall-awtentikazzjoni jew funzjonijiet oħrajn tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont, jintalbu awtorizzazzjonijiet u reġistrazzjonijiet addizzjonali apparti dawk previsti fl-Artikoli 11, 14 u 15 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, jew jintalbu verifiki addizzjonali tal-kunsens mogħti mill-utenti ta' servizzi ta' pagament lil fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament u servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet.
4.  
Għall-finijiet tal-paragarafi 1 u 2, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jissorveljaw id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tal-interfaċċja ddedikata. Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom statistika trimestrali dwar id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tal-interfaċċja ddedikata u tal-interfaċċja użata mill-utenti ta' servizzi ta' pagament tagħha.

Artikolu 33

Miżuri ta' kontinġenza għal interfaċċja ddedikata

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jinkludu, fit-tfassil ta' interfaċċja ddedikata, strateġija u pjan għal miżuri ta' kontinġenza f'każ li l-interfaċċja ma taħdimx f'konformità mal-Artikolu 32, li jkun hemm nuqqas ta' disponibbiltà mhux ippjanat tal-interfaċċja u f'każ li s-sistema tieqaf taħdem. Jista' jiġi preżunt li n-nuqqas ta' disponibbiltà mhux ippjanat jew il-waqfien tas-sistema rriżultaw meta ħames talbiet konsekuttivi għall-aċċess għall-informazzjoni għall-għoti ta' servizzi ta' bidu ta' pagament jew servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet ma jintwiġbux fi żmien 30 sekonda.
2.  
Il-miżuri ta' kontinġenza għandhom jinkludu pjanijiet ta' komunikazzjoni sabiex il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jużaw interfaċċja ddedikata tal-miżuri jiġu infurmati biex jirrestawraw is-sistema u deskrizzjoni tal-għażliet alternattivi immedjati disponibbli li l-fornituri ta' servizzi ta' pagament jista' jkollhom matul dan iż-żmien.
3.  
Kemm il-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont kif ukoll il-fornituri ta' servizzi ta' pagament imsemmija fl-Artikolu 30(1) għandhom jirrappurtaw il-problemi bl-interfaċċji ddedikati kif deskritt fil-paragrafu 1 lill-aworitajiet nazzjonali kompetenti rispettivi tagħhom mingħajr dewmien.
4.  
Bħala parti mill-mekkaniżmu ta' kontinġenza, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament imsemmija fl-Artikolu 30(1) għandhom jitħallew jużaw l-interfaċċji li jkunu saru disponibbli għall-utenti ta' servizzi ta' pagament għall-awtentikazzjoni jew il-komunikazzjoni mal-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont tagħhom, sakemm l-interfaċċja ddedikata ma tiġix restawrata sal-livell tad-disponibbiltà u l-prestazzjoni previst fl-Artikolu 32.
5.  

Għal dan il-għan, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi ta' pagament imsemmija fl-Artikolu 30(1) ikunu jistgħu jiġu identifikati u jkunu jistgħu jiddependu fuq il-proċeduri ta' awtentikazzjoni pprovduti mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont għall-utent ta' servizzi ta' pagament. Meta l-fornituri ta' servizzi ta' pagament imsemmija fl-Artikolu 30(1) jużaw l-interfaċċja msemmija fil-paragrafu 4, dawn għandhom:

(a) 

jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawn ma jaċċessawx, jaħżnu jew jipproċessaw data għal finijiet oħrajn għajr għall-għoti tas-servizz mitlub mill-utent ta' servizzi ta' pagament;

(b) 

ikomplu jikkonformaw mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 66(3) u l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 rispettivament;

(c) 

jirreġistraw id-data li tiġi aċċessata permezz tal-interfaċċja operata mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont għall-utenti ta' servizzi ta' pagament tiegħu, u jipprovdu, fuq talba u mingħajr dewmien żejjed, il-log fajl lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom;

(d) 

jiġġustifikaw kif xieraq lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom, fuq talba u mingħajr dewmien żejjed, l-użu tal-interfaċċja li tkun saret disponibbli għall-utenti ta' servizzi ta' pagament biex jaċċessaw direttament il-kontijiet tal-pagament tagħhom onlajn;

(e) 

jinfurmaw kif xieraq lill-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jġestixxi l-kont.

6.  

L-awtoritajiet kompetenti, wara li jikkonsultaw mal-EBA biex jiżguraw applikazzjoni konsistenti tal-kundizzjonijiet li ġejjin, għandhom jeżentaw lill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont li jkunu għażlu interfaċċja ddedikata, mill-obbligu li jistabbilixxu mekkaniżmu ta' kontinġenza deskritt fil-paragarafu 4 meta l-interfaċċja ddedikata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

din tikkonforma mal-obbligi kollha għall-interfaċċji ddedikati kif stipulat fl-Artikolu 32;

(b) 

din tkun ġiet imfassla u ttestjata skont l-Artikolu 30(5) għas-sodisfazzjon tal-fornituri ta' servizzi ta' pagament imsemmija fih;

(c) 

din tkun intużat b'mod wiesa' għal mill-inqas tliet xhur mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament biex joffru servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, servizzi ta' bidu ta' pagament u biex jipprovdu konferma dwar id-disponibbiltà tal-fondi għal pagamenti b'kard;

(d) 

kwalunkwe problema marbuta mal-interfaċċja ddedikata tkun ġiet solvuta mingħajr dewmien żejjed.

7.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrevokaw l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 6 meta l-kundizzjonijiet (a) u (d) ma jiġux issodisfati mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għal aktar minn gimagħtejn kalendarji konsekuttivi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-EBA b'din ir-revoka u għandhom jiżguraw li l-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont jistabbilixxi, fl-inqas żmien possibbli u sa mhux aktar tard minn xahrejn, il-mekkaniżmu ta' kontinġenza msemmi fil-paragrafu 4.

Artikolu 34

Ċertifikati

1.  
Għall-finijiet tal-identifikazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 30(1)(a), il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jibbażaw fuq ċertifikati kkwalifikati għal siġilli elettroniċi kif imsemmi fl-Aritkolu 3(30) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jew għall-awtentikazzjoni tas-sit web kif imsemmi fl-Artikolu 3(39) ta' dak ir-Regolament.
2.  
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, in-numru tar-reġistrazzjoni kif imsemmi fir-reġistri uffiċjali skont l-Anness III (c) jew l-Anness IV (c) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 għandu jkun in-numru tal-awtorizzazzjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament li joħroġ strumenti ta' pagament b'kard, tal-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u tal-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament, inklużi l-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont li jipprovdu tali servizzi, disponibbli fir-reġistru pubbliku tal-Istati Membri tad-domiċilju skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 jew li jirriżulta min-notifiki ta' kull awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) f'konformità mal-Artikolu 20 ta' dik id-Direttiva.
3.  

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, iċ-ċertifikati kkwalifikati għas-siġilli elettroniċi jew għall-awtentikazzjoni tas-sit web imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, b'lingwaġġ użat fil-qasam finanzjarju internazzjonali, attributi speċifiċi addizzjonali fir-rigward ta' dawn kollha li ġejjin:

(a) 

ir-rwol tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament, li jista' jkun wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i) 

il-ġestjoni ta' kontijiet;

(ii) 

il-bidu ta' pagament;

(iii) 

l-informazzjoni dwar il-kontijiet;

(iv) 

il-ħruġ ta' strumenti ta' pagament b'kard;

(b) 

l-isem tal-awtoritajiet kompetenti meta jiġi rreġistrat il-fornitur ta' servizzi ta' pagament.

4.  
L-attributi msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhomx jaffettwaw l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent taċ-ċertifikati kkwalifikati għas-siġilli elettroniċi jew għall-awtentikazzjoni tas-sit web.

Artikolu 35

Sigurtà tas-sessjoni ta' komunikazzjoni

1.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li joħorġu strumenti ta' pagament b'kard, il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u l-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament għandhom jiżguraw li, meta jiskambjaw data permezz tal-Internet, jiġi applikat kriptaġġ sikur bejn il-partijiet ta' komunikazzjoni tul is-sessjoni ta' komunikazzjoni rispettiva sabiex jiġu ssalvagwardjati l-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data, bl-użu ta' tekniki ta' kriptaġġ qawwija u ġeneralment rikonoxxuti.
2.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li joħorġu strumenti ta' pagament b'kard, il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u l-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament għandhom iżommu s-sessjonijiet ta' aċċess offruti mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont kemm jista' jkun qosra u dawn għandhom attivament itemmu kwalunkwe sessjoni bħal din malli titlesta l-azzjoni mitluba.
3.  
Meta jsiru sessjonijiet ta' netwerk paralleli mal-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont, il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u l-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament għandhom jiżguraw li dawk is-sessjonijiet ikunu konnessi b'mod sikur mas-sessjonijiet rilevanti stabbiliti mal-utent(i) tas-servizzi ta' pagament sabiex tiġi evitata l-possibblità li kwalunkwe messaġġ jew informazzjoni kkomunikati bejniethom jiġu direzzjonati ħażin.
4.  

Il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, il-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta' pagament li joħorġu strumenti ta' pagament b'kard mal-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont, għandhom jinkludu referenzi mingħajr ambigwità f'kull waħda mill-entrati li ġejjin:

(a) 

l-utent jew l-utenti ta' servizzi ta' pagament u s-sessjoni ta' komunikazzjoni korrispondenti sabiex issir distinzjoni bejn diversi talbiet mill-istess utent jew utenti ta' servizzi ta' pagament;

(b) 

għal servizzi ta' bidu ta' pagament, it-tranżazzjoni ta' pagament identifikata b'mod uniku mibdija;

(c) 

għal konferma dwar id-disponibbiltà tal-fondi, it-talba identifikata b'mod adegwat marbuta mal-ammont meħtieġ għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament b'kard.

5.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont, il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, il-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta' pagament li joħorġu strumenti ta' pagament b'kard għandhom jiżguraw li meta dawn jikkomunikaw kredenzjali personalizzati ta' sigurtà u kodiċijiet tal-awtentikazzjoni, dawn fl-ebda ħin ma jkunu jistgħu jinqraw, direttament jew indirettament, minn xi membru tal-persunal.

F'każ ta' nuqqas ta' kunfidenzjalità ta' kredenzjali personalizzati ta' sigurtà fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, dawn il-fornituri għandhom jinfurmaw bla telf ta' żmien lill-utent ta' servizzi ta' pagament assoċjati magħhom u lill-emittent tal-kredenzjali personalizzati ta' sigurtà.

Artikolu 36

Skambju ta' data

1.  

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) 

dawn għandhom jipprovdu lill-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet bl-istess informazzjoni mill-kontijiet tal-pagament magħżula u tranżazzjonijiet ta' pagament assoċjati li jkunu saru disponibbli għall-utent ta' servizz ta' pagament meta jitlob direttament l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kontijiet, diment li din l-informazzjoni ma tkunx tinkludi data sensittiva dwar pagamenti;

(b) 

dawn għandhom, immedjatament wara l-wasla tal-ordni ta' pagament, jipprovdu lill-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament bl-istess informazzjoni dwar il-bidu u t-twettiq tat-tranżazzjoni ta' pagament li tkun ingħatat jew saret disponibbli lill-utent ta' servizzi ta' pagament meta t-tranżazzjoni tinbeda direttament minn dan tal-aħħar;

(c) 

dawn għandhom, fuq talba, immedjatament jipprovdu lill-fornituri ta' servizzi ta' pagament konferma f'format sempliċi ta' “iva” jew “le”, jekk l-ammont neċessarju għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament huwiex disponibbli fuq il-kont ta' pagament tal-pagatur.

2.  
F'każ li matul il-proċess tal-identifikazzjoni, l-awtentikazzjoni jew l-iskambju tal-elementi tad-data jseħħ avveniment jew żball mhux mistenni, il-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont għandu jibgħat messaġġ ta' notifika lill-fornitur ta' servizzi ta' bidu ta' pagament jew lill-fornitur ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u lill-fornitur ta' servizzi ta' pagament li joħroġ strument ta' pagament b'kard li fih jispjega r-raġuni għall-avveniment jew l-iżball mhux mistenni.

Meta fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont joffri interfaċċja ddedikata skont l-Artikolu 32, l-interfaċċja għandha tipprovdi messaġġi ta' notifika li jikkonċernaw l-avvenimenti jew l-iżbalji mhux mistennija li għandhom jiġu kkomunikati minn kull fornitur ta' servizzi ta' pagament li jsib l-avveniment jew l-iżball, lill-fornituri l-oħrajn ta' servizzi ta' pagament li jieħdu sehem fis-sessjoni ta' komunikazzjoni.

3.  
Il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet għandhom jimplimentaw mekkaniżmi xierqa u effettivi li jipprevjenu l-aċċess għall-informazzjoni għajr minn kontijiet ta' pagament magħżula u tranżazzjonijiet ta' pagament assoċjati, skont il-kunsens espliċitu tal-utent.
4.  
Il-fornituri ta' servizzi ta' bidu ta' pagament għandhom jipprovdu lill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont bl-istess informazzjoni bħal dik mitluba mill-utent ta' servizzi ta' pagament meta jibdew it-tranżazzjoni ta' pagament b'mod dirett.
5.  

Il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni minn kontijiet ta' pagament magħżula u tranżazzjonijiet ta' pagament assoċjati miżmuma mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxu l-kont bl-għan li jwettqu servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet f'waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) 

kull meta l-utent ta' servizzi ta' pagament jitlob b'mod attiv tali informazzjoni;

(b) 

meta l-utent ta' servizzi ta' pagament ma jitlobx b'mod attiv tali informazzjoni, sa mhux aktar tard minn erba' darbiet f'perjodu ta' 24 siegħa, sakemm ma tiġix miftiehma frekwenza ogħla bejn il-fornitur ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u l-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jiġġestixxi l-kont, bil-kunsens tal-utent ta' servizzi ta' pagament.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 37

Rieżami

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 98(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, l-EBA għandha tagħmel rieżami sa mill-14 ta' Marzu 2021 ir-rati tal-frodi msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament kif ukoll l-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 33(6) fir-rigward tal-interfaċċji ddedikati u, jekk xieraq, ippreżenta abbozz ta' aġġornamenti tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

1.  
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.  
Dan ir-Regolament għandu japplika minn mill-14 ta' Settembru 2019.
3.  
Madankollu, il-paragrafi 3 u 5 tal-Artikolu 30 għandhom japplikaw mill-14 ta' Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS



 

Rata tal-frodi ta' referenza (%) għal:

Valur ta' Limitu tal-Eżenzjoni

Pagamenti elettroniċi mill-bogħod b'kard

Trasferimenti ta' kreditu elettroniċi mill-bogħod

EUR 500

0,01

0,005

EUR 250

0,06

0,01

EUR 100

0,13

0,015



( 1 ) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).