14.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Diċembru 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2009/980/UE dwar il-kondizzjonijiet ta’ użu ta’ indikazzjoni tas-saħħa awtorizzata dwar l-effett ta’ konċentrat tad-tadam li jinħall fl-ilma fl-aggregazzjoni tal-plejtlets

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 8828)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/770/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 18(4) u 19 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel,

Wara li kkonsultat lill-Istati Membri:

Billi:

(1)

Wara l-opinjoni tal-Awtorità dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA), minn issa ‘l quddiem imsemmija bħala l-Awtorità, dwar l-effetti tal-Konċentrat tat-Tadam li jinħall fl-Ilma (KTJI) I u II fuq l-attività tal-plajtlet tad-demm f’min huwa f’saħħtu (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2009-00229) (2), l-indikazzjoni tas-saħħa li tistqarr li l-Konċentrat tat-Tadam li jinħall fl-Ilma (KTJI) I u II “jgħin biex tinżamm b’mod normali l-aggregazzjoni tal-plejtlets, li tikkontribwixxi għall-fluss tad-demm tajjeb għas-saħħa” ġiet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/980/UE (3). Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, id-Deċiżjoni 2009/980/UE kienet tinkludi l-kondizzjoni ta’ użu ta’ din l-indikazzjoni tas-saħħa li ġejja: “Informazzjoni lill-konsumatur li l-effett ta’ benefiċċju huwa akkwistat bil-konsum ta’ kuljum ta’ 3 g ta’ KTJI I jew 150mg ta’ KTJI II sa 250ml taż-żewġ tipi tal-meraq tal-frott jew, ta’ xarbiet bit-togħma jew ta’ xarbiet tal-jogurt (sakemm dan ma jkunx pasturizzat ħafna)”.

(2)

F’dan il-kuntest, l-applikant, Provexis Natural Products Ltd., ressaq applikazzjoni fil-31 ta’ Marzu 2010 għal modifika tal-awtorizzazzjoni tal-indikazzjoni tas-saħħa rilevanti skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. Il-modifika tikkonċerna estensjoni tal-kondizzjonijiet ta’ użu li jakkompanjaw l-indikazzjoni tas-saħħa awtorizzata, li jippermettu b’mod partikolari l-użu tagħha fis-supplementi tal-ikel.

(3)

L-Awtorità ntalbet twassal opinjoni dwar il-modifika tal-kondizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni tas-saħħa kif propost mill-applikant. Fit-23 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew opinjoni xjentifika mill-Awtorità (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2010-00809) (4) li kkonkludiet li fuq il-bażi tad-dejta ppreżentata, ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum ta’ WSTC I u II fis-supplementi tal-ikel, bħall-pakketti żgħar tat-trab, pilloli u kapsoli, u l-effett mistqarr.

(4)

Meqjusa l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità, u sabiex jiġi estiż l-użu tal-indikazzjoni tas-saħħa għall-oġġetti tal-ikel għajr dawk li diġà huma awtorizzati, jeħtieġ għalhekk li jiġu emendati l-kondizzjonijiet ta’ użu tagħha.

(5)

Id-Deċiżjoni 2009/980/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/980/UE, it-test fir-raba’ kolonna (Kondizzjonijiet ta’ użu tal-indikazzjoni tas-saħħa), jinbidel b’dan li ġej:

“Informazzjoni lill-konsumatur li l-effett ta’ benefiċċju jinkiseb bil-konsum ta’ kuljum ta’ 3g WSTC I jew 150mg WSTC II f’massimu ta’ 250ml jew tal-meraq tal-frott jew, ta’ xarbiet bit-togħma jew ta’ xarbiet tal-jogurt (sakemm dan ma jkunx pasturizzat ħafna) jew bil-konsum ta’ kuljum ta’ 3g WSTC I jew 150mg WSTC II fis-supplementi tal-ikel meta jittieħdu ma’ tazza ilma jew ma’ likwidu ieħor”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill Provexis Natural Products Ltd., Thames Court, 1 Victoria Street, Windsor, Berkshire, SL4 1YB, ir-Renju Unit.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  The EFSA Journal (2009) 1101, 1-15.

(3)  ĠU L 336, 18.12.2009, p. 55.

(4)  The EFSA Journal (2010); 8(7):1689.