European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/414

29.1.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/414

tal-21 ta’ Diċembru 2023

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fis-7 ta’ Diċembru 2022

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(2), il-punti (b) u (c), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar konvenzjoni dwar l-effetti internazzjonali tal-bejgħ ġudizzjarju ta’ bastimenti. Dawn in-negozjati ġew konklużi bl-adozzjoni tat-test tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti (“il-Konvenzjoni”) mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fis-7 ta’ Diċembru 2022.

(2)

Il-Konvenzjoni ssaħħaħ il-qafas legali internazzjonali eżistenti dwar it-tbaħħir u n-navigazzjoni u tagħti kontribut utli għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali armonjużi. Għalhekk huwa preferibbli li l-Konvenzjoni tiġi applikata mill-aktar fis possibbli.

(3)

L-Unjoni qed tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transfruntiera abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet f’każijiet extraġudizzjarji. F’dak il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, fost l-oħrajn, ir-Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 (1) u (UE) 2020/1784 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-Unjoni għalhekk għandha kompetenza esklużiva fuq il-materji koperti minn dawk ir-Regolamenti, filwaqt li l-materji l-oħra koperti mill-Konvenzjoni ma jaqgħux taħt dik il-kompetenza.

(4)

L-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni jipprevedi li l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li għandhom kompetenza fuq ċerti materji rregolati mill-Konvenzjoni jistgħu jiffirmaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni.

(5)

L-Artikolu 18(2) tal-Konvenzjoni jipprevedi li l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika trid tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika l-materji regolati minn dik il-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom l-Istati membri tagħha jkunu ttrasferew il-kompetenza lil dik l-organizzazzjoni. L-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni jipprevedi li dik id-dikjarazzjoni ssir fil-mument tal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni tagħmel tali dikjarazzjoni fil-mument tal-iffirmar tal-Konvenzjoni.

(6)

Jenħtieġ lil-Konvenzjoni tiġi ffirmata f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard u jenħtieġ li d-Dikjarazzjoni mehmuża tiġi approvata.

(7)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(8)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti , adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fis-7 ta’ Diċembru 2022, huwa b’dan awtorizzat , soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Konvenzjoni (3).

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni. Meta tiffirma l-Konvenzjoni , l-Unjoni għandha tagħmel dik id-Dikjarazzjoni, f’konformità mal-Artikoli 18(2) u 20(1) u (2) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 405, 2.12.2020, p. 40).

(3)  It-test tal-Konvenzjoni ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħha.


DIKJARAZZJONI SKONT L-ARTIKOLU 18(2) TAL-KONVENZJONI TA’ BEIJING DWAR IL-BEJGĦ ĠUDIZZJARJU TA’ BASTIMENTI, ADOTTATA MILL-ASSEMBLEA ĠENERALI TAN-NAZZJONIJIET UNITI FIS-7 TA’ DIĊEMBRU 2022 FI NEW YORK, DWAR IL-KOMPETENZA TAL-UNJONI EWROPEA FUQ DAWK IL-MATERJI RREGOLATI MINN DIK IL-KONVENZJONI LI FIR-RIGWARD TAGĦHA L-ISTATI MEMBRI TTRASFEREW IL-KOMPETENZA TAGĦHOM LILL-UNJONI EWROPEA

L-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Beijing dwar il-bejgħ ġudizzjarju ta’ bastimenti (“il-Konvenzjoni”) jipprevedi li Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li hija kostitwita minn Stati sovrani u li għandha kompetenza fuq ċerti materji rregolati mill-Konvenzjoni tista’ tiffirma l-Konvenzjoni. L-Artikolu 18(2) tal-Konvenzjoni jipprevedi li l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika l-materji rregolati mill-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza ġiet trasferita lil dik l-organizzazzjoni mill-Istati membri tagħha. L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tiffirma l-Konvenzjoni u b’dan qed tagħmel dik id-dikjarazzjoni.

Sal-punt li jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti legali msemmija fil-punti a u b, il-materji rregolati minn dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ttrasferixxew il-kompetenza u li fir-rigward tagħhom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklussiva fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE huma dawn li ġejjin:

(a)

l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni (“Jurisdiction to avoid and suspend judicial sale” (Ġuriżdizzjoni biex jiġi evitat u sospiż il-bejgħ ġudizzjarju)) fir-rigward tar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1); u

(b)

l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni (“Notice of judicial sale” (Avviż ta’ bejgħ ġudizzjarju)) fir-rigward tar-regoli dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f‘materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) fir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali, (ĠU L 405, 2.12.2020, p. 40).

Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) hi, minnha nnifisha, soġġetta għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas tat-Trattati, l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-firxa tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea għaldaqstant tirriserva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni kif ikun meħtieġ, mingħajr ma ebda tali emenda tikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ materji rregolati mill-Konvenzjoni.

L-Unjoni b’dan tispeċifika li l-Konvenzjoni għandha tapplika, fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni, għat-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati -TUE u TFUE skont l-Artikolu 52 TUE u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti, fost oħrajn, fl-Artikolu 355 TFUE.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/414/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)