RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2012 /* COM/2013/0257 final */
INTRODUZZJONI L-Unjoni Ewropea (UE)
hija l-akbar żona ekonomika u kummerċjali tad-dinja. L-assi uniku u
l-vantaġġ komparattiv distint tal-UE fix-xena globali huwa s-Suq
Uniku tagħha, li jinkludi aktar minn nofs biljun konsumatur u aktar minn
20 miljun ditta. Sa mill-bidu
tiegħu, il-proċess li jinsab għaddej tat-titjib u l-espansjoni
tas-Suq Uniku mexa id f’id mal-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni
tal-UE.
L-ewwel
każijiet tal-antitrust ta’ importanza ewlenija li mmiraw lejn
l-impedimenti għall-kummerċ fis-suq uniku jmorru lura
sas-sittinijiet, notevolment id-deċiżjoni pijuniera fl-1964 kontra
Grundig-Consten.
Dak
il-każ kien dwar ftehim biex jinqasam is-suq, li kien wassal għal
differenzi sostanzjali fil-prezzijiet bejn Franza u l-Ġermanja. Il-Qorti tal-Ġustizzja
kkonfermat id-Deċiżjoni Grundig-Consten u kkonfermat
il-pożizzjoni tagħha rigward impedimenti privati
għall-kummerċ transkonfinali u l-kompetizzjoni f’sentenzi sussegwenti[1]. L-adozzjoni
tar-Regolament dwar il-kontroll tal-fużjonijiet fl-1989 kien
jirrappreżenta qabża kwalitattiva fil-politika tal-kompetizzjoni
tal-UE li tirrifletti l-iżvilupp tas-suq intern wara d-dħul
fis-seħħ tal-Att Uniku Ewropew fl-1987. Il-politika tal-kompetizzjoni
tal-UE qieset ir-realtajiet ġodda tas-suq ta’ żieda fl-opportunitajiet
għall-kumpaniji Ewropej biex jingħaqdu u jakkwistaw assi bejn
il-fruntieri nazzjonali. Bl-istess mod, il-kontroll tal-għajnuna
mill-Istat gradwalment sar pilastru essenzjali tas-Suq Uniku, li jiżgura
li l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ugwali
indipendentement minn fejn ikunu jinsabu u li jipprovdi salvagwardji kontra
l-Istati Membri involuti f’kompetizzjonijiet reċiproċi ta’ sussidji
għad-detriment ta’ xulxin u tal-interess ġenerali Ewropew. Fl-aħħar
nett, l-adozzjoni tar-Regolament 1/2003 għaxar snin ilu fissret era
ġdida fl-infurzar tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, li fihom
l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) saru atturi attivi
ħafna. L-infurzar tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust issa huwa mwettaq minn
multipliċità ta’ infurzaturi fis-Suq Uniku skont l-istess standard ta’
valutazzjoni. Dak ir-reġim kien imsaħħaħ b’mod sinifikanti
fil-livell tal-infurzar tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust u jifforma
l-bażi tal-kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji li joperaw b’mod
transfruntier fl-Ewropa. Mingħajr politika
effettiva tal-kompetizzjoni fl-UE, is-Suq Uniku ma jistax jilħaq
il-potenzjal sħiħ tiegħu. Ma jkun hemm xejn li jipprevjeni
ostakoli privati għall-kummerċ u l-kompetizzjoni milli jieħdu
post l-ostakli pubbliċi li r-regoli tal-moviment ħieles
żmantellaw fuq aktar minn nofs seklu. Lanqas ma jinżammu lura
l-Istati Membri milli joħolqu distorsjoni fil-kummerċ u
l-kompetizzjoni permezz ta’ ħafna sussidji, xenarju li naturalment jiffavorixxi
lil dawk li huma fiskalment aktar b’saħħithom. Jekk tiddgħajjef
il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE jitnawwar is-Suq Uniku għad-detriment
tal-potenzjal tat-tkabbir tal-UE, li l-ekonomiji individwali tiegħu- b’mod
partikolari fiż-żona tal-euro - huma dejjem aktar interdipendenti. Fl-istess
ħin, il-politika tal-kompetizzjoni hija wkoll kruċjali biex l-UE tkun
tista’ tikkontrolla l-abbużi tal-pożizzjoni dominanti, il-kartelli u
l-prattiki miftiehma li jkunu ta’ ħsara għall-konsumaturi. Fl-2012 il-Kummissjoni
Ewropea kompliet tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku, minkejja
sejħiet li jkun hemm minn żmien għal żmien favur
pożizzjoni anqas iebsa fir-rigward ta’ mġiba antikompetittiva minn
ditti jew Stati Membri fid-dawl tal-kriżi ekonomika. Mhux iż-żmien li nillaxkaw l-infurzar
tar-regoli tal-kompetizzjoni Il-kartelli
madwar id-dinja li damu għal għaxar snin għal skrins tal-kulur
bit-tubu u għal tubi li juru stampa bil-kulur li wrew l-agħar tipi
ta’ mġiba antikompetittiva fis-Suq Uniku, huma eżempju ċar. Skrins
tal-kulur bit-tubu u tubi li juru stampa bil-kulur huma komponenti ewlenin li
jidħlu fil-produzzjoni tal-iskrins tat-televiżjoni u tal-kompjuter, u
jirrappreżentaw 50 sa 70% tal-prezz. Fil-5 ta’ Diċembru 2012,
il-Kummissjoni Ewropea mmultat lil seba’ gruppi internazzjonali ta’ kumpaniji
total ta’ EUR 1 470 515 000 għaż-żewġ
kartelli. Matul l-2012,
l-għodod kollha dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE - antitrust u
l-infurzar tal-fużjonijiet kif ukoll il-kontroll tal-għajnuna
mill-Istat - komplew jiġu użati bħala xprun f’partijiet
sinifikanti tas-suq uniku. Is-sena 2012 wkoll immarkat l-20 anniversarju
tat-tnedija mill-ġdid fl-1992 tas-Suq Uniku Ewropew. Dan ir-rapport dwar
il-politika tal-kompetizzjoni b’hekk jiffoka fuq ir-rwol tal-politika
tal-kompetizzjoni sabiex tisfrutta l-potenzjal tas-Suq Uniku favur it-tkabbir. Fl-2012,
il-Kummissjoni kompliet ukoll taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali
tal-kompetizzjoni (NCAs) biex tiżgura applikazzjoni koerenti tar-regoli
tal-UE dwar l-antitrust. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet involuta
f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fi
ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN), inklużi sforzi biex
tippromwovi l-konverġenza ta’ proċeduri nazzjonali
għall-infurzar tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust li mhumiex
ġeneralment regolati mil-liġi tal-UE. Din l-aħħar
sena, l-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE ffoka b’mod partikolari fuq setturi
ta’ importanza trasversali sistemiċi għall-ekonomija tal-UE: servizzi
finanzjarji; industriji ta’ netwerk ewlenin bħall-enerġija,
it-telekomunikazzjoni u s-servizzi postali; kif ukoll swieq intensivi
fl-għarfien bħall-ismartfowns, il-kotba elettroniċi u
l-farmaċewtiċi. F’dawk is-setturi, l-infurzar tal-kompetizzjoni
tal-UE (li prinċipalment jopera ex post) jikkumplimenta
r-regolamentazzjoni tas-Suq Uniku. Ħafna
mill-kwistjonijiet indirizzati f’dan ir-rapport diġà kienu eżaminati
matul id-djalogu strutturat kontinwu tal-Kummissjoni mal-Parlament Ewropew
matul is-sena (ara t-taqsima 5 dwar id-Djalogu tal-Kompetizzjoni ma’
Istituzzjonijiet Oħrajn u, għal aktar dettall, id-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) li jakkumpanja dan ir-rapport). 1. Politika tal-kompetizzjoni li
tappoġġa settur finanzjarju iktar ġust u iktar trasparenti
Sistema bankarja vijabbli,
trasparenti u kompetittiva li tipprovdi finanzi lill-ekonomija reali hija
prekundizzjoni meħtieġa biex jerġa’ jiġi stabbilit
it-tkabbir sostenibbli. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali
għandha l-oriġini tagħha fis-settur finanzjarju u kwalunkwe strateġija
ta’ ħruġ neċessarjament tirrikjedi li jkunu indirizzati
l-kawżi minn fejn qed toriġina l-kriżi. B’dan il-ħsieb,
fl-2012 il-Kummissjoni Ewropea kompliet tapplika r-regoli dwar l-għajnuna
mill-Istat biex tikkontrolla l-partijiet tas-settur bankarju tal-UE
kkonċernati. Il-biċċa l-kbira tal-attività kienet tinvolvi
r-ristrutturar tal-banek, sabiex ma jkunx meħtieġ aktar finanzjament
mill-kontribwenti tat-taxxa għall-ġejjieni prevedibbli. F’każijiet
fejn il-banek ma setgħux jiġu ristrutturati, il-kontroll
tal-għajnuna mill-Istat kompla jintuża bħala mekkaniżmu ta'
riżoluzzjoni de facto sakemm ikun hemm leġiżlazzjoni
tas-Suq Uniku aktar eżawrjenti[2].
Regoli ta’ fużjonijiet u antitrust ġew impjegati wkoll biex
jiżguraw li s-Suq Uniku jkun mirfud minn settur finanzjarju trasparenti u
kompetittiv[3].
Ir-reġim
temporanju ta’ emerġenza bħala għodda għar-ristrutturar
tal-banek u r-riżoluzzjoni de facto Meta faqqgħet
il-kriżi finanzjarja fl-2008 u l-2009, il-kontroll tal-għajnuna
mill-Istat sar - aktar b'mod awtomatiku milli bi ħsieb – l-għodda
prinċipali fil-livell tal-UE li tindirizza s-sitwazzjoni bla
preċedent li nħolqot. Il-Kummissjoni minnufih implimentat reġim
speċjali ta' għajnuna mill-Istat biex tikkontrolla
s-salvataġġi ta' banek f’diffikultà mill-gvernijiet biex tiġi
salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja usa’[4]
Ir-reġim speċjali kien imfassal ukoll sabiex jiżgura
l-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku. It-theddida eżistenzjali fis-suq
uniku kienet evidenti mill-iskala enormi ta’ interventi mill-gvern. Bejn l-1 ta’ Ottubru 2008
u tmiem l-2011, bejn wieħed u ieħor EUR 1,6 triljun ġew
trasferiti lill-banek. L-ammont impenjat mill-gvernijiet tal-UE kien fil-fatt tliet
darbiet akbar.
Il-parti
l-kbira ta’ dak l-ammont ħa l-forma ta’ garanziji tal-gvern tal-obbligazzjonijiet
tal-banek u forom oħra ta’ sostenn ta’ likwidità, li jirrappreżentaw’
il fuq minn 9% tal-PDG tal-UE, filwaqt li r-rikapitalizzazzjonijiet u
l-appoġġ għal assi danneġġati kienu jammontaw
għal aktar minn 3% tal-PDG tal-UE. Ir-reġim temporanju speċjali
kompla jiżgura li l-banek ikkonċernati kienu appoġġati
bl-istess kundizzjonijiet madwar is-suq uniku. Skont dawn regoli
temporanji, li jibqgħu fis-seħħ sakemm ikunu jeħtieġu
dan il-kundizzjonijiet tas-suq u ekonomiċi, il-banek tal-UE f’diffikultà
jistgħu jirċievu l-appoġġ tal-gvern bil-kundizzjoni li
jwettqu ristrutturazzjoni. Tiswija
tas-settur finanzjarju sabiex tiġi appoġġata l-ekonomija reali
filwaqt li jiġu mħarsa l-kontribwenti tat-taxxa
Ir-ristrutturar ta’
banek individwali kompla jkun iggwidat mill-ħtieġa assoluta li
jiġu żgurati mudelli ta’ negozju vijabbli li jappoġġaw
l-ekonomija reali. Deċiżjonijiet li jinvolvu t-tnaqqis tal-infiq,
iċ-ċessjonijiet u li jiffokaw l-attenzjoni fuq l-attivitajiet ewlenin
ittieħdu inter alia fir-rigward ta' xi wħud mil-Landesbanken
Ġermaniżi (NordLB u BayernLB), il-banek Spanjoli CAM u UNNIM u l-bank
tas-self ipotekarju Latvjan[5]. Ingħatat
attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li l-flus tal-kontribwenti
jintużaw biex il-banek jitreġġgħu lura għall-vijabbiltà
fit-tul u li fuq tul ta' żmien medju l-kontribwenti jitħallsu lura
mingħajr telf; tabilħaqq, ċerti benefiċjarji
tal-għajnuna diġà bdew iħallsu lura l-għajnuna li
rċevew lill-gvernijiet tagħhom[6]. Bħala parti
mill-programmi ta’ aġġustament ekonomiku għall-Irlanda,
il-Portugall u l-Greċja, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat kompla
jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għar-ristrutturar[7]
tas-setturi bankarji kollha ta' dawk il-pajjiżi bħala parti minn
sforz aktar wiesa' li jinvolvi mhux biss lill-Kummissjoni iżda wkoll
lill-BĊE u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-Fond Monetarju
Internazzjonali (FMI). Għal darb’ oħra, punt ewlieni ta’ tħassib
kien li tiġi żgurata l-integrità tas-Suq Uniku f’kuntest ta’
appoġġ pubbliku finanzjarju qawwi. Ir-ristrutturar tas-settur bankarju Spanjol F’Lulju
2012 il-Grupp tal-euro laħaq qbil dwar Memorandum ta’ Ftehim (MoU) dwar
programm settorjali għas-settur finanzjarju Spanjol. Skont il-MoU, sar
ittestjar tal-istress rigoruż li kien ikopri perjodu ta’ tliet snin
sal-2014.
It-test
tal-istress identifika nuqqas ta' kapital ta’ madwar EUR 60 biljun
f’għaxar banek. Tnejn minn dawk il-banek, Banco Popular u Ibercaja,
akkwistaw il-kapital neċessarju fis-suq jew permezz ta' azzjonijiet
tal-maniġment. It-tmien banek l-oħra li ma setgħux jissodisfaw
il-limiti permezz ta’ riżorsi privati ġew rikapitalizzati b’fondi
tal-programm u qegħdin jiġu ristrutturati jew riżolti
f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-ewwel grupp kien
jinvolvi banek li huma diġà kkontrollati mill-awtoritajiet Spanjoli:
BFA/Bankia, Catalunya Caixa, Nova Caixa Galicia u Banco de Valencia.
Il-pjanijiet ta’ ristrutturar għal dawk il-banek ġew approvati fit-28 ta’ Novembru 2012.
Għal grupp ieħor, li kien jinkludi lil Banco Mare Nostrum, Banco
CEISS, Caja3 u Liberbank, id-deċiżjonijiet tar-ristrutturar ġew
adottati fl-20 ta’ Diċembru 2012. Bħala riżultat,
sa tmiem l-2012 is-sistema finanzjarja Spanjola kollha kienet kompletament
kapitalizzata. Il-pjanijiet ta’ ristrutturar għal dawk il-banek
għandhom l-għan li terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà
tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jipprovdu l-kreditu
lill-ekonomija reali, filwaqt li tiġi mminimizzata l-ispiża
għall-kontribwenti u jitnaqqsu għall-minimu d-distorsjonijiet
tal-kompetizzjoni. Mill-ħtieġa ta' kapital ta' EUR 57 biljun
għat-tmien banek l-oħra, EUR 37 biljun se jiġu
mill-programm tal-UE għas-settur finanzjarju Spanjol. Fir-rigward tal-EUR 18-il
biljun li jibqa', EUR 12-il biljun huma fil-forma ta’ qsim
tal-piżijiet minn detenturi ta’ dejn subordinat, EUR 5 biljun
minn disponimenti tal-assi mill-banek u EUR 1 biljun fil-forma ta’
trasferiment ta’ self ta' proprjetà immobbli lil SAREB, il-bank ħażin
stabbilit mill-awtoritajiet Spanjoli. Il-politika
tal-kompetizzjoni takkumpanja l-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku tal-UE
bl-għan li tiżdied it-trasparenza, l-imparzjalità u s-solidità
tas-swieq finanzjarji Qiegħed jiġi
stabbilit pakkett ta’ regolamentazzjoni tas-suq uniku ambizzjuż biex
is-swieq finanzjarji jkunu iktar trasparenti biex jiġu indirizzati
l-għeruq tal-kriżi finanzjarja f’oqsma bħalma huma
d-derivattivi. Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE naturalment
tappoġġa dak l-isforz leġiżlattiv. It-trasparenza hija
essenzjali għas-swieq kompetittivi. Fl-2012, il-Kummissjoni
kompliet tinvestiga għadd ta’ każijiet antitrust relatati mar-rati
ta' riferiment tal-Libor, il-Euribor u t-Tibor. Għadd ta’ banek u brokers
huma soġġetti għall-investigazzjoni. L-importanza ta’ prodotti
derivattivi finanzjarji marbuta ma’ dawn il-punti ta' riferiment ma tistax
tiġi esaġerata. Skont il-Bank għall-Ħlasijiet
Internazzjonali (BĦI) il-valur tas-suq gross pendenti tad-derivattivi
tar-rata tal-imgħax fil-muniti kollha kien ta’ USD 19-il triljun
f’Ġunju 2012[8].
Dawk il-prodotti għandhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tar-riskju
fis-Suq Uniku. L-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-antitrust tnedew
qabel l-iskandlu Libor li faqqa' minħabba r-rivelazzjonijiet li saru dwar
il-manipulazzjoni tar-rati ta' riferiment tal-Libor/Tibor u aktar tard dwar
dawk tal-Euribor, li wassal ukoll għal investigazzjonijiet kriminali u
investigazzjonijiet skont ir-regolament finanzjarju f'bosta
ġuriżdizzjonijiet. F’Lulju 2012 il-Kummissjoni emendat proposta
leġiżlattiva preċedenti sabiex tkopri din ix-xorta ta’
manipulazzjoni li issa qed tirriżulta mill-iskandlu tal-Libor, u
għamlitha reat kriminali. Il-Kummissjoni wettqet
ukoll żewġ investigazzjonijiet tal-antitrust fis-suq tal-iswaps
tal-inadempjenza tal-kreditu (CDS) li nfetħu fl-2011. Il-Kummissjoni
kompliet tanalizza, b’mod partikolari, il-kooperazzjoni bejn għadd ta’
banek tal-investiment ewlenin u fornitur ta' servizz tal-informazzjoni. L-iskop
tal-investigazzjoni huwa li jiġi stabbilit jekk dawk l-atturi
aġixxewx sabiex iħarsu l-pożizzjoni b'saħħitha
tagħhom fis-suq profitabbli tas-CDS ta' Barra l-Borża (OTC) billi
jxekklu l-iżvilupp ta’ derivattivi tas-CDS negozjati fil-borża b’mod
li seta’ jikser il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. L-isforzi koordinati
mill-Kummissjoni u l-leġiżlatura tal-UE biex tiżdied
it-trasparenza fis-swieq finanzjarji permezz ta’ leġiżlazzjoni
tas-Suq Uniku tista’ tiġi sovvertita b’kollużjoni u abbużi
antikompetittivi. Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tista’ tiġi
applikata, u hija applikata, bħala parti minn taħlita usa’ ta’
rimedji[9].
Il-Kummissjoni użat
ukoll fl-2012 l-għodod tagħha tal-kontroll tal-fużjonijiet
sabiex jiġu żgurati prezzijiet kompetittivi għal kumpaniji li
jiġġestixxu r-riskji tagħhom billi jinvestu f’derivattivi fl-UE.
Fl-1 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni pprojbiet il-fużjoni
proposta bejn Deutsche Börse u New York Stock Exchange Euronext. Il-Kummissjoni
waslet għall-konklużjoni li l-fużjoni telimina l-kompetizzjoni u
twassal għal kważi monopolju f’xi swieq tad-derivattivi, b’mod
partikolari fis-swieq globali għal derivattivi Ewropej ta’ ishma
individwali u ta’ indiċi tal-ekwità u derivattivi Ewropej tar-rati
tal-imgħax. F’dawk l-oqsma, iż-żewġ boroż kienu de
facto l-uniċi atturi globali kredibbli. Il-Kummissjoni kienet
tal-fehma li l-fużjoni kienet aktarx twassal għal prezzijiet
ogħla u inqas innovazzjoni għall-klijenti tad-derivattivi u li
r-rimedji proposti mill-partijiet ma kinux biżżejjed biex jiġu
indirizzati dawn il-problemi. Iffaċilitar
tat-tranżazzjonijiet madwar is-Suq Uniku permezz ta’ funzjonament
aħjar tas-sistemi ta’ pagament Fl-2012, il-Kummissjoni segwiet
l-azzjoni tagħha ta’ infurzar tal-antitrust kontra l-imġiba
antikompetittiva dwar tariffi multilaterali tal-interkambju (TMI) mitluba minn
kumpaniji tal-kards ta’ kreditu, b’mod partikolari Visa u MasterCard. It-TMI
jagħmlu parti sinifikanti mill-ispiża totali li l-bejjiegħa
jridu jħallsu biex jaċċettaw ħlasijiet bil-kards. Fl-2010,
35 biljun pagament bil-card saru fiż-Żona Ekonomika Ewropea
(ŻEE), jiġifieri total ta’ EUR 1,8 triljun. Karti ta’ kreditu u ta’
debitu tal-viża jirrappreżentaw madwar 41 % tat-total tal-kards
tal-ħlas maħruġa fiż-ŻEE. Aktar minn ħames miljun
negozjant jaċċettaw il-kards tal-ħlas tal-Visa. Fl-2012,
il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni supplimentari ta’
oġġezzjonijiet lil Visa dwar it-TMI li din tiċċarġja
għal tranżazzjonijiet b’karti tal-kreditu tal-konsumatur
fiż-ŻEE[10].
Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li dawn it-TMI
inaqqsu l-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn il-banek akkwirenti, jgħollu
l-kost ta’ aċċettazzjoni ta’ kards ta’ kreditu għan-negozjanti u
fl-aħħar mill-aħħar jgħollu l-prezzijiet
tal-konsumatur. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-obbligu fuq l-akkwirenti
transfruntieri sabiex iħallsu it-TMI applikabbli fil-pajjiż ta’
tranżazzjoni kien qed kien ixekkel l-akkwisti transfruntieri u jsostni
s-segmentazzjoni tas-Suq Uniku fi swieq nazzjonali, b'mod li n-negozjanti
jitwaqqfu milli jibbenefikaw minn TMI aktar baxxi fi Stati Membri oħra. L-analiżi
tal-Kummissjoni fil-każ tal-viża segwiet mill-qrib is-sentenza
tal-Qorti Ġenerali tal-UE f’Mejju fil-każ MasterCard, li sostniet
għal kollox is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar in-natura antikompetittiva
tal-MIFs[11]. 2. Ir-riforma tal-għajnuna mill-Istat sabiex
ikompli jiġi żviluppat is-suq uniku u jiġi appoġġat
it-tkabbir f’kuntest ta’ riżorsi pubbliċi skarsi Is-sena li
għaddiet, kien hemm l-ewwel deċiżjonijiet li japplikaw il-qafas
il-ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess
Ekonomiku Ġenerali (SGEIs) adottat fl-2011. F’Mejju 2012, il-Kummissjoni
nediet aġenda ta’ riforma saħansitra aktar ambizzjuża:
Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat. Dħul
fis-seħħ tar-regoli l-ġodda dwar is-SIEĠ: nieħdu l-massimu
minn baġits pubbliċi skarsi b’appoġġ għall-mudell
soċjali u ekonomiku Ewropew Is-SIEĠ huma
servizzi pubbliċi li ma jkunux ipprovduti mill-forzi tas-suq waħidhom
jew tal-inqas mhux f’forma li tkun disponibbli għal kulħadd.
Is-SIEĠ huma parti integrali mill-mudell Ewropew tal-ekonomija soċjali
tas-suq. Ir-regoli tas-SIEĠ
il-ġodda (effettivi mill-31 ta’ Jannar 2012) jgħinu
lill-awtoritajiet pubbliċi fit-tfassil ta' servizzi iktar
intelliġenti, iktar effiċjenti u aktar effettivi f’oqsma
bħall-enerġija, it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u s-servizzi
postali. L-approċċ il-ġdid ifisser li l-Kummissjoni se tiffoka
fuq is-SIEĠ li jirċievu fondi kbar tal-gvern u, għalhekk, huwa
aktar probabbli li jfixklu l-kompetizzjoni fis-Suq Uniku. L-ewwel
deċiżjonijiet (pereżempju Post Office Ltd)[12]
juru kif ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jiggarantixxu
t-tkomplija tat-tqassim ta’ oġġetti postali u oħrajn li jkunu
servizzi pubbliċi essenzjali filwaqt li tiġi żgurata
l-kompetizzjoni ġusta fis-Suq Uniku[13] (ara wkoll
it-taqsima 3.3 hawn taħt). Modernizzazzjoni
tal-Għajnuna mill-Istat: Nindirizzaw l-isfidi doppji tat-tkabbir u
restrizzjonijiet baġitarji filwaqt li nħarsu s-Suq Uniku Fit-8 ta’ Mejju 2012
il-Kummissjoni nediet il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (SAM),
riforma tal-politika dwar l-Għajnuna mill-Istat kollha kemm hi. Il-prijoritizzazzjoni
tal-infurzar fuq il-każijiet li għandhom impatt sinifikanti fuq
is-Suq Uniku huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-SAM.
Għan ewlieni ieħor hu li jiġi żgurat li l-baġits
pubbliċi skarsi jiġu mmirati lejn fallimenti reali tas-suq,
jiġifieri li ma jinħlewx fuq proġetti li kienu se jsiru xorta
waħda. Fi kliem ieħor, l-SAM għandha l-għan li
tiffaċilita t-trattament ta’ għajnuna li tkun imfassla tajjeb,
immirata lejn nuqqasijiet identifikati tas-suq u għanijiet ta’ interess
komuni, u li twassal għall-inqas tfixkil possibbli tas-suq. Għajnuna li
ma tipprovdix inċentivi reali għall-kumpaniji tgerrex l-investiment
privat u żżomm artifiċjalment ħajjin kumpaniji
ineffiċjenti u mhux vijabbli (“għajnuna ħażina”)[14].
Għajnuna tajba ssaħħaħ is-Suq Uniku filwaqt li għajnuna
ħażina ddgħajfu. L-għajnuna mill-Istat hija għodda orizzontali
li testendi l-firxa tagħha fuq is-Suq Uniku kollu kemm hu, mhux l-inqas
l-industriji tan-netwerk li ġew liberalizzati reċentement.
Għalhekk, hija tista’ u trid tkun imfassla u sostnuta sabiex tgħin
lill-Istati Membri jerġgħu jiksbu t-tkabbir filwaqt li tiġi
żgurata s-sostenibilità fiskali. Il-proċess
tat-traduzzjoni ta’ SAM f’realtà bdew permezz ta' reviżjonijiet ta’
għadd ta’ linji gwida u oqfsa ewlenin ta’ għajnuna mill-Istat.
L-objettiv huwa li dawn kollha jikkonformaw ma' filosofija u metodoloġija
ġenerali koerenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni nediet
konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ir-regoli attwali dwar l-għajnuna
mill-Istat għall-infrastruttura tal-broadband, il-ħarsien tal-ambjent
u l-iżvilupp reġjonali. Sar ukoll progress fix-xogħol dwar
reviżjonijiet imnedija qabel dwar għajnuna għar-riċerka,
l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-kapital tar-riskju u s-salvataġġ
u r-ristrutturar. L-intenzjoni hi li l-biċċa l-kbira tar-regoli
relatati mal-SAM ikunu fis-seħħ sa tmiem it-terminu tal-Parlament Ewropew
kurrenti[15].
3. Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni fl-industriji
tan-netwerks: is-sinsla tas-suq
uniku 3.1
L-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija f'appoġġ
għas-sostenibilità It-tneħħija
tal-ostakli li għad hemm fis-swieq tal-gass u l-elettriku teħtieġ
leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku appoġġata minn politika dwar
il-kompetizzjoni Fl-2005, il-Kummissjoni
wettqet inkjesta settorjali fil-fond tas-swieq tal-gass u l-elettriku li
żvelat li - minkejja l-isforzi biex jiġi integrat is-Suq Uniku minn
tmiem is-snin disgħin permezz ta' regolamentazzjoni settorjali tal-UE -
għad hemm ostakoli serji għall-kompetizzjoni, fi swieq partikolari
kkonċentrati b’ostakli ogħla għad-dħul, ħafna drabi
ddominati minn operaturi eżistenti integrati vertikalment. Il-problemi
ġew aggravati minn kapaċitajiet limitati ta’ interkonnessjoni bejn
l-Istati Membri. Dik is-sitwazzjoni kienet wasslet għal prezzijiet u
kundizzjonijiet ta’ provvista diverġenti fis-Suq Uniku. Il-Kummissjoni
segwiet l-inkjesta tagħha permezz ta’ infurzar tal-antitrust spiss
bl-użu ta' deċiżjonijiet li jaċċettaw impenji offruti
minn atturi dominanti tal-gass u l-elettriku f’diversi pajjiżi[16]. Il-politika tal-UE dwar
il-kompetizzjoni ma tistax waħedha tintegra s-swieq tal-elettriku u
tal-gass tal-UE, tiżgura prezzijiet kompettitivi u s-sigurtà
tal-provvista. It-tielet pakkett leġiżlattiv dwar il-gass u
l-elettriku ġie għalhekk adottat fl-2011 u bħalissa qiegħed
fil-proċess ta’ implimentazzjoni bil-ħsieb tal-ħolqien ta’ suq uniku
tal-enerġija tal-UE sal-2014. Bdil tal-enfasi
tal-infurzar tal-antitrust fis-settur tal-enerġija lejn il-Lvant Il-biċċa
l-kbira tal-investigazzjonijiet tal-antitrust u deċiżjonijiet f’dan
il-qasam, sa mill-pubblikazzjoni tal-inkjesta settorjali tal-gass u
tal-elettriku fl-2005, iffukaw fuq is-swieq tal-Ewropa tal-Punent.
Reċentement, u b’mod partikolari matul l-2012, l-enfasi mexa lejn
il-Lvant. Netwerks tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom
tendenza li jkunu inqas interkonnessi bejn il-fruntieri minn netwerks tal-Ewropa
tal-Punent. Fil-każ tas-CEZ, li
jikkonċerna allegazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti
mill-operatur eżistenti Ċek tal-elettriku, il-Kummissjoni
eżaminat fl-isfond tas-suq fl-2012 impenji strutturali li għandhom
l-għan li jirrimedjaw esklużjoni fis-suq Ċek tal-elettriku.
Fil-Bulgarija, il-Kummissjoni qed tinvestiga esklużjoni potenzjali
mill-kumpanija nazzjonali BEH gas, kif ukoll ostakli għall-kummerċ
transfruntiera fl-elettriku. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Diċembru 2012
il-Kummissjoni fetħet proċedimenti formali dwar l-antitrust kontra
OPCOM, li tippermetti lill-produtturi u lix-xerrejja jinnegozjaw l-elettriku
fir-Rumanija, u l-kumpanija parent tagħha Transelectrica, intrapriża
tal-gvern li tikkontrolla l-grilja tal-elettriku f’dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni
għandha tħassib li jista' jkun li OPCOM qegħda tabbuża
mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi tiddiskrimina kontra kumpaniji
abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post tal-istabbiliment tagħhom.
Is-swieq tal-elettriku huma kruċjali għall-formazzjoni trasparenti u
affidabbli tal-prezzijiet tal-elettriku. Fl-2012, il-Kummissjoni
fetħet ukoll proċeduri tal-antitrust kontra Gazprom fir-rigward
tal-allegata mġiba tagħha f’għadd ta’ swieq tal-gass tal-Ewropa
Ċentrali u tal-Lvant. Il-ftuħ tal-proċedimenti kien dovut għat-tħassib
tal-Kummissjoni li Gazprom jista' jkun li għandha, u li qed tabbuża
minn, pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-provvista tal-gass lejn il-bidu
tal-katina, fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li f'partijiet minnha Gazprom
hi prattikament l-uniku fornitur. Il-proċedimenti jiffokaw fuq jekk
Gazprom qasmitx is-swieq tal-gass billi impediet il-fluss liberu tal-gass bejn
il-pajjiżi tal-UE u jekk hix qed timponi kundizzjonijiet li għandhom
x’jaqsmu mal-użu tal-infrastruttura li jimpedixxu d-diversifikazzjoni ta’
sorsi ta’ provvista tal-gass. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti jkopri
wkoll l-impożizzjoni possibbli ta’ prezzijiet inġusti fuq
il-klijenti. Kunsiderazzjoni
għad-ditti li jużaw ħafna enerġija fil-kuntest tas-Sistema
tal-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-UE Nipproteġu
l-industrija li tuża l-enerġija b’mod intensiv kontra t-tnixxija
tal-karbonju filwaqt li nħarsu l-integrità tas-Suq Uniku Il-Kummissjoni
adottat ukoll regoli importanti dwar l-għajnuna mill-Istat relatati
mas-swieq tal-elettriku. Ir-riforma tas-sistema tal-UE għall-Iskambju
tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) maqbula fl-2009 li tidħol
fis-seħħ mill-2013 ’il quddiem kienet tfisser li l-produzzjoni
tal-elettriku ma kenitx se tibqa' tirċievi kwoti bla ħlas għal
emissjonijiet ta’ CO2, li jista' jwassal għal kontijiet tal-elettriku
ogħla għall-kumpaniji fl-UE. Ir-regoli adottati jippermettu
lill-Istati Membri biex jikkumpensaw stallazzjonijiet fl-aktar setturi
intensivi fl-użu tal-elettriku għal parti minn xi spejjeż
tal-elettriku aktar għoljin li jirriżultaw mill-ETS, mill-2013 ’il
quddiem[17].
Ir-regoli ġew imfassla sabiex jimminimizzaw id-distorsjonijiet
tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku fil-forma ta’ tlielaq ta’ sussidji fi
żmien ta’ inċertezza ekonomika u ta' ħtieġa ta’ dixxiplina
baġitarja; pereżempju, billi ma jippermettux kumpens sħiħ
għall-prezzijiet ogħla tal-elettriku u billi jnaqqsu l-kumpens matul
iż-żmien. Fl-istess ħin kienu mfassla biex jipproteġu
l-għan tal-UE tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea. Is-setturi
eliġibbli għal kumpens jinkludu l-produtturi tal-aluminju, ir-ram, il-fertilizzanti,
l-azzar, il-karta, il-qoton, il-kimiċi u xi tipi ta’ plastik. Is-sistema l-ġdida
tal-għajnuna tippermetti lill-Istati Membri biex jevitaw iċ-ċaqliq
tal-produzzjoni mill-UE lejn pajjiżi terzi b’inqas regolamentazzjoni
ambjentali, li jista' jimmina l-objettiv ta’ tnaqqis globali tal-emissjonijiet
tal-gassijiet b’effett serra. 3.2
Akkumpanjament tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku
fit-telekomunikazzjonijiet Matul dawn
l-aħħar 15-il sena, il-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku tal-UE
għamlet passi kbar fl-injezzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq
tat-telekomunikazzjoni. Illum, l-operaturi ma għadx għandhom
monopolji u jridu jipprovdu servizzi bl-ingrossa u aċċess
għan-netwerk lil operaturi alternattivi. Madankollu, ħafna
eks-monopolisti xorta għad għandhom pożizzjonijiet
b’saħħithom fis-suq bis-saħħa tas-sjieda tagħhom ta'
networks fissi li huma kienu varaw fl-era tal-monopolju. Barra minn hekk,
fir-rigward tan-netwerks mobbli, erbgħa minn kull ħames ċittadini
tal-UE għandhom abbonamenti għat-telefonija mobbli ma' wieħed
minn erba’ gruppi ewlenin. Fl-istess ħin, bosta fatturi tas-swieq
tat-telekomunikazzjonijiet jibqgħu fil-biċċa l-kbira nazzjonali
bħal-liċenzjar tal-operaturi u l-ispettru għas-servizzi mobbli.
Għadna ‘l bogħod mit-twettiq tas-Suq Uniku tal-UE
għat-telekomunikazzjonijiet; minflok għandna quddiemna bosta
operaturi attivi f’27 suq separat. Barra minn hekk, għad hemm ostakli
persistenti li jillimitaw l-abbiltà tal-konsumaturi sabiex jieħdu vantaġġ
sħiħ mil-liberalizzazzjoni tas-suq. Studju riċenti dwar il-provvista
tas-servizz tal-Internet[18] juri li n-nuqqas ta’
informazzjoni trasparenti u komparabbli flimkien mal-ostakli kuntrattwali
(bħat-tul kbir tal-kuntratt u ħlasijiet għat-terminazzjoni bikrija
tal-kuntratt) jiskoraġġixxu lill-konsumanturi milli jaqilbu. L-indirizzar
tas-setgħa fis-suq u l-frammentazzjoni fis-swieq tat-telekomunikazzjoni
b’mod parallel mal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku Fuq dan l-isfond, huwa
meħtieġ infurzar ex post tal-liġi tal-kompetizzjoni
tal-UE sabiex jakkumpanja r-regolamentazzjoni ex ante tas-suq uniku, b’mod
partikolari sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ aċċess
ugwali għal min irid jidħol ġdid fis-suq. Fl-2012, il-Qrati
tal-Unjoni kkonfermaw[19]
deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2007 dwar l-immultar ta' Telefónica
għal abbuż tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq
tal-broadband Spanjol. Il-prezzijiet li Telefónica żammet lill-klijenti
bl-ingrossa tagħha - li fl-istess ħin kienu kompetituri fil-livell
tal-bejgħ bl-imnut - ġegħluhom jagħmlu t-telf jekk dawn
riedu jkomplu joperaw fis-suq. Il-Kummissjoni segwiet
każ tal-antitrust relatat mal-kondotta potenzjalment antikompetittiva ta'
Slovak Telecom fuq diversi swieq tal-broadband bl-ingrossa fis-Slovakkja u
investigat jekk il-kumpanija parent tagħha, Deutsche Telekom tistax
tinżamm responsabbli għall-kondotta ta' Slovak Telekom. Il-Kummissjoni segwiet
ukoll każ tal-antitrust kontra Telefónica u Portugal Telecom dwar il-qbil
tagħhom li ma jikkompetux ma’ xulxin fis-swieq tat-telekomunikazzjoni
tal-Iberja. Dan huwa l-ewwel każ tal-antitrust fis-settur
tat-telekomunikazzjonijiet li jirrigwarda ftehim ta' qsim tas-suq
transfruntiera. Huwa ta’ importanza partikolari għall-Kummissjoni li
tinvestiga din il-kwistjoni sabiex jiġi evitat li s-Suq Uniku jiġi
artifiċjalment kompartimentalizzat skont il-fruntieri nazzjonali. Il-Kummissjoni
investigat ukoll il-mod kif ħames operaturi kbar
tat-telekomunikazzjonijiet (l-"E5": Deutsche Telecom, France Télécom,
Telefónica, Vodafone u Telecom Italia) flimkien mal-assoċjazzjoni
tas-settur mobbli GSMA żviluppaw standards għas-servizzi futuri
tal-komunikazzjonijiet mobbli. L-azzjoni tal-Kummissjoni kienet maħsuba
sabiex tiżgura li l-proċess ta’ standardizzazzjoni ma jintużax
biex jiġu preklużi l-kompetituri. Taħt ir-Regolament
tal-UE dwar l-Għaqdiet, il-Kummissjoni Ewropea mingħajr kundizzjoni
approvat il-ħolqien ta’ impriża konġunta bejn Vodafone,
Telefónica u Everything Everywhere fil-qasam tal-kummerċ mobbli fir-Renju
Unit. Il-kummerċ mobbli jew “kartieri mobbli” huwa settur li għadu
qed jitwieled u li qed jiżviluppa malajr ħafna. Il-motivazzjoni
ewlenija tal-Kummissjoni kienet li jiġi żgurat li dawn it-tipi ta’
swieq jibqgħu miftuħa sabiex ikunu jistgħu jitfaċċaw
għadd ta’ soluzzjonijiet kompetittivi mingħajr ostakoli żejda.
L-investigazzjoni żvelat li għadd ta’ alternattivi diġà kienu
jeżistu u ħafna aktar kienu aktarx jitfaċċaw fil-futur qrib
biex ikun żgurat li jkun hemm biżżejjed pressjoni kompetittiva
fuq il-pjattaforma tal-kartiera mobbli tal-impriża konġunta tar-Renju
Unit. F’Diċembru 2012,
il-Kummissjoni approvat ukoll l-akkwist minn Hutchison 3G Austria
tal-kompetitur tagħha Orange, biex b'hekk tnaqqas in-numru ta’ operaturi
minn erbgħa għal tlieta. L-approvazzjoni kienet suġġetta
għal għadd ta’ kundizzjonijiet. Hutchinson impenjat ruħha li
tagħmel l-ispettru disponibbli, kundizzjoni neċessarja
għad-dħul ta’ operaturi tan-netwerk tat-telefonija mobbli ġodda.
Hutchinson hija wkoll impenjata li tagħmel l-aċċess bl-ingrossa
disponibbli għas-16-il operatur virtwali mingħajr netwerk
sħiħ tagħhom stess. Qabel l-implimentazzjoni tal-fużjoni
l-partijiet kellhom jikkonkludu ftehim mal-operatur il-ġdid upfront. Appoġġ
għall-introduzzjoni ta’ infrastruttura broadband madwar is-Suq Uniku L-introduzzjoni
ta’ infrastruttura ġdida għan-netwerks tal-broadband madwar is-Suq
Uniku kienet fokus strateġiku ieħor tal-politika tal-kompetizzjoni
tal-UE fl-2012. Hawnhekk, l-isfida ewlenija kienet li filwaqt li l-operaturi
kummerċjali qed jerfgħu l-biċċa l-kbira tal-investiment,
huma ftit li xejn għandhom inċentiva biex jestendu l-medda
tan-netwerks tagħhom f’żoni remoti, b’popolazzjoni baxxa u
f'żoni rurali fejn is-suq waħdu ma jistax jerfa' l-ispejjeż
tagħhom. Fl-istess ħin l-aġenda diġitali - waħda
mill-Inizjattivi Ewlenin tal-Istrateġija ta' Ewropa 2020 - għandha
l-għan li twassal il-broadband bażiku lill-Ewropej kollha sal-2013 u
tfittex li tiżgura li, sal-2020, (i) l-Ewropej kollha jkollhom
aċċess għal internet ferm iktar veloċi (‘l fuq minn 30
Mbps) u (ii) 50% jew iktar tal-unitajiet domestiċi Ewropej jabbonaw
għal konnessjonijiet veloċi ħafna tal-internet (‘il fuq minn
100) Mbps. Huwa ċar li s-sussidji tal-gvern huma meħtieġa f’xi
każijiet biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq; tabilħaqq,
tul dawn l-aħħar sentejn il-Kummissjoni approvat għajnuna ta’
madwar EUR 4 biljun, u vverifikat inter alia li l-fondi
pubbliċi ma jimbuttawx 'il barra l-investiment privat. Matul
is-sena - bħala parti mill-proġett komprensiv ta’ Modernizzazzjoni
tal-Għajnuna mill-Istat - il-Kummissjoni lestiet l-aġġornament
tagħha tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat
għall-infrastruttura tal-broadband, jiġifieri l-Linji Gwida dwar
il-Broadband, sabiex iġġibhom aktar konformi mal-objettivi ambizzjużi
tal-Aġenda Diġitali tal-promozzjoni ta’ konnessjonijiet tal-broadband
veloċi ħafna madwar l-UE. Għal dan l-għan, il-Linji Gwida
l-ġodda jimmiraw li jiksbu t-taħlita t-tajba bejn l-investiment
pubbliku u privat waqt li jibnu ambjent favur il-kompetizzjoni (pereżempju
billi jiżguraw l-aċċess miftuħ għall-operaturi kollha
fis-Suq Uniku għall-infrastruttura ffinanzjata mill-Istat). L-operaturi
nazzjonali għadhom jiddominaw is-swieq tal-broadband, ħlief fil-ftit
pajjiżi fejn ġiet stabbilita infrastruttura nazzjonali tal-kejbil
mal-pajjiż kollu. Biex jgħinu sabiex jintlaħaq l-objettiv
tal-Aġenda Diġitali li jitwasslu konnessjonijiet veloċi
ħafna (ta’ aktar minn 100 Mbps) lil nofs id-djar Ewropej sal-2020,
il-linji gwida riveduti se jippermettu l-finanzjament pubbliku wkoll
f’żoni urbani iżda suġġetti għal kundizzjonijiet
stretti ħafna biex jiġi żgurat riżultat pro-kompetittiv. Il-Kummissjoni
Ewropea adottat ukoll proposta sabiex jiġi emendat ir-Regolament ta'
Abilitazzjoni tal-1998. Dan ikun jippermetti lill-Kummissjoni sabiex
teżenta ċerti kategoriji ta’ għajnuna għall-infrastruttura
tal-broadband min-notifika minn qabel lill-Kummissjoni u jissimplifika
l-approvazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ proġetti. Dan jikkonċerna
b’mod partikolari: għajnuna
li tkopri broadband bażiku f'reġjuni fejn ma hemm l-ebda infrastruttura
broadband u fejn x’aktarx mhi se tiġi żviluppata l-ebda
infrastruttura ta' dan it-tip fil-futur qrib (żoni “bojod”) u miżuri
ta’ għajnuna individwali żgħar li jkopru aċċess ta'
veloċità għolja ħafna tal-ġenerazzjoni li jmiss (“NGA”)
f’żoni b’“NGA bojod”. għajnuna
għal xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili relatati
mal-broadband u broadband passiv. 3.3 Promozzjoni
ta' servizzi postali transfruntiera effiċjenti filwaqt li jiġi
żgurat is-servizz pubbliku Is-servizzi postali huma
industrija oħra klassika tan-netwerks kruċjali
għall-funzjonament tas-Suq Uniku. Ħafna ditti Ewropej jiddependu
dejjem iktar fuq kunsinni eżatt fil-ħin sabiex iżommu
l-ispejjeż tal-inventarju fl-aħjar livell. Huma ta’ spiss jużaw
servizzi ta’ tqassim express bħala parti mill-katini loġistiċi
tagħhom, b'mod partikolari għal vjeġġi transfruntiera. Minn
perspettiva ta’ tkabbir, huwa essenzjali li kunsinni postali transfruntiera
joperaw bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Servizzi postali effiċjenti
huma wkoll għodda biex jiġi sfruttat il-potenzjal li qed jiżdied
tal-kummerċ elettroniku transfruntiera. Fl-istess ħin,
is-settur postali jikkostitwixxi servizz fundamentali ta’ interess ekonomiku
ġenerali (SGEI) li jista' jkun jeħtieġ għajnuna mill-Istat
f’sitwazzjonijiet fejn is-suq waħdu ma jiggarantix servizzi universali u
affordabbli. Ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u s-Suq Uniku
jirrikonċiljaw dawk iż-żewġ imperattivi. Introduzzjoni
gradwali tar-regoli l-ġodda li tiżgura l-vijabilità tas-SIEĠ u
kompetizzjoni ġusta madwar is-Suq Uniku Tabilħaqq, l-ewwel
applikazzjoni tal-qafas il-ġdid għall-għajnuna mill-Istat
għas-SIEĠ li daħal fis-seħħ fil-31 ta' Jannar 2012
kienet tirrigwarda s-settur postali. F’Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat
żewġ deċiżjonijiet rigward UK Post Office Limited
ibbażati fuq il-qafas il-ġdid tas-SIEĠ. Il-Kummissjoni sabet li
l-għajnuna ma kenitx tisboq il-kost nett tal-missjoni ta' servizz pubbliku
fdata lil Post Office Ltd u li l-għoti ta' din il-missjoni kien konformi
mar-regoli tal-akkwist pubbliku. Minbarra dan, l-ittra tal-għoti
tal-missjoni u l-ftehim tal-finanzjament li kienu jirregolaw il-ħlas
tal-kumpens kien fihom dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiġi
inċentivat forniment effiċjenti tas-servizz pubbliku, f'konformità mal-pjan
strateġiku ta' Post Office Ltd għall-perjodu 2012-2015 li għandu
l-għan li jimmodernizza u jtejjeb il-forniment tas-servizzi fuq in-netwerk
tiegħu skont miri annwali tal-effiċjenza. Bl-istess mod,
il-Kummissjoni approvat miżura ta’ ħelsien mit-taxxa ta’ EUR 764 miljun
mogħtija minn Franza lil La Poste, l-operatur Franċiż
eżistenti, biex tippermettilu jkopri l-ispejjeż relatati
maż-żamma ta' densità għolja tas-servizzi postali mill-2008
sal-2012. Hija awtorizzat ukoll kumpens ta’ EUR 1,2 biljun
għall-ispejjeż imġarrba minn La Poste fit-twettiq tal-ħidma
tagħha tat-trasport u t-twassil tal-istampa fuq dak l-istess perjodu ta’
żmien. Iż-żewġ miżuri ta’ għajnuna nstabu li
kienu kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat peress li
kienu jikkumpensaw biss parzjalment għall-ispejjeż netti tal-kompiti
tas-servizz pubbliku importanti li ġġorr fuqha La Poste u
għalhekk ma kienu jagħtuha l-ebda vantaġġ kompetittiv
inġust fis-Suq Uniku. Is-settur postali kien
jixraqlu skrutinju partikolari minħabba li dan is-settur ġie
liberalizzat kompletament madwar l-UE sa tmiem l-2012. Għal dak
l-għan, il-Kummissjoni adottat erba’ deċiżjonijiet ewlenin dwar
l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja, il-Belġju,
Franza u l-Greċja lill-operaturi postali eżistenti rispettivi
tagħhom. Għall-Ġermanja u l-Belġju, il-Kummissjoni ordnat
l-irkupru ta’ ammonti sostanzjali ta’ għajnuna inkompatibbli, filwaqt li
approvat l-appoġġ Franċiż u Grieg. Deutsche Post u Belgian
Post kienu rċevew ammont ta’ għajnuna li jaqbeż il-livell ta’
kumpens meħtieġ għall-forniment tas-SIEĠ li l-awtoritajiet
pubbliċi kienu fdawlhom. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni
ddeċidiet li aktar għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-Suq Uniku
peress li kienet tagħti lil dawn iż-żewġ kumpaniji
vantaġġ fuq il-kompetituri tagħhom f’attivitajiet
kummerċjali lil hinn mill-mandat tas-servizz pubbliku tagħhom. Skrutinju
tal-fużjonijiet biex tiġi żgurata t-tkomplija tal-kompetizzjoni
fis-swieq transfruntiera tal-pakketti L-iżviluppi
fis-settur postali kienu wkoll suġġetti għal skrutinju
tal-fużjonijiet. Il-fużjoni proposta li kienet tinvolvi l-akkwist
mill-UPS ta' TNT kienet tnaqqas l-għadd ta’ kumpaniji li jikkontrollaw
in-netwerks pan-Ewropej tat-trasport express tal-pakketti minn erbgħa
għal tlieta. Fl-20 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni
fetħet investigazzjoni fil-fond dwar il-fużjoni ppjanata u finalment
ipprojbiet l-akkwist propost fit-30 ta’ Jannar 2013.
It-tranżazzjoni kienet se tirrestrinġi l-kompetizjoni fi ħmistax-il
Stat Membru fil-kunsinna express ta’ pakketti żgħar għal
pajjiżi Ewropej oħra. F’dawk l-Istati Membri, l-akkwist kien inaqqas
l-għadd ta’ parteċipanti sinifikanti għal tlieta jew tnejn biss,
u xi drabi d-DHL kienet se tibqa' bħala l-unika alternattiva għal
UPS. Il-konċentrazzjoni għalhekk x’aktarx kien tkun ta' ħsara
għall-klijenti billi tikkawża żidiet fil-prezzijiet u billi
tneħħi r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn TNT.
Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni fil-fond tar-rimedji proposti inkluż
test tas-suq fejn ġew ikkonsultati l-klijenti u partijiet oħra
interessati. Madankollu, dawk ir-rimedji ma kinux adegwati
għat-tneħħija tal-elementi ta’ tħassib identifikati dwar
il-kompetizzjoni. 4. Għajnuna biex jiġi żblukkat il-potenzjal
tal-ekonomija tal-għarfien 4.1
Il-prevenzjoni ta' użu ħażin f'setturi diġitali li
għadhom jitwieldu u li jinbidlu malajr Fl-industriji
diġitali, l-effetti ta’ netwerk u ta' lock-in jistgħu joħolqu
pożizzjonijiet tas-suq radikati li jistgħu jintużaw biex
jeskludu lill-kompetituri jew lil min ikun irid jidħol fis-suq.
Il-Kummissjoni adottat preċedentement deċiżjonijiet fis-setturi
tat-teknoloġija avvanzata, fejn waqqfet lil kumpaniji dominanti milli
jabbużaw minn tekonoloġiji proprjetarji jew iwettqu forom oħra
ta’ mġiba antikompetittiva[20].
Sfida ċentrali f'każijiet tal-ekonomija diġitali hija li s-swieq
in kwistjoni s-soltu jimxu b’veloċità kbira, li jitlob intervent f’waqtu u
effikaċi[21].
Kif iddikjarat mill-QEĠ fis-sentenza Telia Sonera tagħha: “l-[…]
applikazzjoni ta’ [regoli tal-kompetizzjoni] ma tistax tiddependi fuq jekk
is-suq ikkonċernat laħaqx diġà ċertu livell ta’ maturità.
Partikolarment f’suq li qed jikber b’rata mgħaġġla,
l-Artikolu 102 tat-TFUE jirrikjedi azzjoni mill-aktar fis possibbli, biex
jimpedixxi l-formazzjoni u l-konsolidazzjoni f’dak is-suq ta’ struttura
kompetittiva imfixkla mill-istrateġija abbużiva ta’ impriża
[...]”[22]. L-għoti
tal-possibiltà għat-tkomplija tal-innovazzjoni f’setturi diġitali
mill-ismartfowns sal-mużika L-abbuż potenzjali
ta’ privattivi fl-hekk imsejħa gwerer tal-privattivi bejn il-manifatturi
tal-ismartfowns kien partikolarment taħt il-lenti matul is-sena.
Il-Kummissjoni qieset il-kwistjoni tal-privattivi essenzjali standard skont
ir-regolament tal-UE dwar l-għaqdiet fl-approvazzjoni tagħha
tal-akkwist ta’ Motorola minn Google[23].
Fetħet ukoll tliet proċedimenti[24]
dwar abbużi possibbli minn Samsung u Motorola tal-privattivi essenzjali
standard tagħhom, parzjalment sabiex tipprovdi aktar ċarezza f’dan
il-qasam fejn il-Kummissjoni rċeviet bosta lmenti matul is-sena. Fil-21 ta’ Diċembru 2012,
fir-rigward ta’ wieħed minn dawk it-tliet proċedimenti,
il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lil
Samsung, fejn infurmatha dwar l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni li
t-tiftix min-naħa ta' Samsung ta' mandati ta’ inibizzjoni kontra Apple
f’diversi Stati Membri fuq il-bażi tal-privattivi essenzjali standard
tagħha tat-telefonija mobbli jammonta għal abbuż ta’
pożizzjoni dominanti[25]. l-importanza
kritika ta’ privattivi essenzjali standard għall-innovazzjoni fis-settur
tal-ICT Il-privattivi
essenzjali standard huma rilevanti għall-innovazzjoni madwar setturi
sħaħ. Dawn il-privattivi, fihom infushom, huma parti minn standard u
d-detenturi ta’ dawn il-privattivi kkommettew ruħhom li
jilliċenzjawhom taħt termini ġusti, raġonevoli u mhux
diskriminatorji (FRAND). L-agħar xenarju possibbli huwa meta kumpanija li
tixtieq tieħu liċenzja għal privattivi essenzjali standard fuq
termini FRAND tissakkar barra mis-suq permezz ta’ inġunzjonijiet
mill-qorti. Tali litigazzjoni jew theddid ta' litigazzjoni jista' għalhekk
iwaqqaf l-innovazzjoni fl-industrija kollha. L-istandards jistgħu jkunu
ħafna ta’ benefiċċju għal għadd ta’ swieq
interkonnessi, irawmu l-interoperabbiltà u jippermettu ekonomiji tal-iskala u
tal-firxa fis-Suq Uniku u lil hinn minnu. Mil-lat
tal-fużjonijiet, il-Kummissjoni approvat l-akkwiżizzjoni minn
Universal – il-kumpanija ewlenija tad-dinja tar-rekords – tal-fergħa
tal-mużika rrekordjata ta' EMI wara li vverifikat li
l-konċentrazzjoni ma kenitx se toħloq effetti negattivi
għall-klijenti diġitali u għall-iżvilupp ta’ servizzi
diġitali ġodda. Dan huwa wieħed mill-bosta setturi li qed
jiġu trasformati permezz tad-diġitizzazzjoni. Il-Kummissjoni kellha
tħassib li t-tranżazzjoni, kif innotifikata inizjalment, kienet
tippermetti lil Universal sabiex tagħmel it-termini tal-liċenzjar li
toffri lil pjattaformi li jbigħu l-mużika lill-konsumaturi
sinifikantement agħar. Biex tindirizza dawn il-preokkupazzjonijiet,
Universal offriet impenji sostanzjali (li jikkonsistu essenzjalment
fid-divestitura ta’ porzjon sinifikanti tar-repertorju tal-EMI
fiż-ŻEE, inklużi artisti li għandhom l-ogħla livelli
ta’ bejgħ, kemm attivi kif ukoll li mhumiex, flimkien ma’ impenn minn
Universal li ma tinkludix l-hekk imsejħa klawsoli “tal-Aktar Nazzjon Favorit”
fil-ftehimiet ta’ liċenzjar mas-servizzi tal-mużika diġitali
fiż-ŻEE għal perjodu ta’ għaxar snin). Fid-dawl ta’ dawn
l-impenji, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni ma kenitx tqajjem
aktar tħassib dwar il-kompetizzjoni. Deċiżjonijiet
ta’ impenn bħala alternattiva flessibbli biex jiġi żgurat li
tiġi stabbilita mill-ġdid il-kompetizzjoni fis-swieq diġitali li
qed jinbidlu malajr Deċiżjonijiet
ta’ impenn bħal dik użata fil-każ tal-kotba elettroniċi
(ara hawn taħt) jistgħu jevitaw il-bżonn ta’ proċeduri twal
u jippermettu lill-Kummissjoni tikseb riżultati konkreti
għall-konsumaturi. Madankollu, approċċ bħal dan jaħdem
biss jekk l-impenji jkunu skrupolużament irrispettati. Jekk le,
il-Kummissjoni għandha l-poter li timponi multi. Fit-12 ta’ Diċembru 2012,
il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ impenn fis-settur tal-kotba
elettroniċi, parti oħra emerġenti u li tinbidel malajr
tal-ekonomija diġitali, li għamlet legalment vinkolanti impenji offruti
minn Apple u erba’ pubblikaturi internazzjonali tal-kotba elettroniċi:
Simon & Schuster (CBS corp.), Harper Collins (News Corp.), Hachette livre
(Lagardère Publishing) u Verlagsgruppe Georg von Holtzbrinck (fost
l-oħrajn is-sid ta’ Macmillan). Il-Kummissjoni
kienet fetħet proċedimenti f’Diċembru 2011 kontra dawn
il-kumpaniji, kif ukoll publikatur ieħor internazzjonali tal-kotba
elettroniċi, Penguin (Pearson Group). Filwaqt li d-deċiżjoni ta’
Diċembru 2012 ma kinitx indirizzata lil Penguin billi dak il-pubblikatur
għażel li ma joffrix impenji lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni
bħalissa tinsab f' diskussjonijiet kostruttivi ma’ Penguin dwar impenji li
jippermettu l-għeluq bikri tal-proċedimenti kontra dak il-pubblikatur
ukoll. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni
esprimiet tħassib li Apple u l-erba’ pubblikaturi internazzjonali
tal-kotba elettroniċi setgħu ssieħbu flimkien f’kollużjoni
sabiex jillimitaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet bl-imnut ta’ kotba
elettroniċi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bi ksur
tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Qabel Jannar 2010, il-kotba elettroniċi
kienu mibjugħa mill-pubblikaturi lill-bejjiegħa bl-imnut l-aktar
taħt l-hekk imsejjaħ “mudell bl-ingrossa”, fejn il-bejjiegħa
bl-imnut jixtru kotba elettroniċi mingħand il-pubblikaturi u
mbagħad jiddeterminaw liberament il-prezzijiet bl-imnut għal dawk
il-kotba elettroniċi meta jbigħuhom lill-konsumaturi. F’Jannar 2010,
Apple u l-erba’ pubblikaturi tal-kotba elettroniċi internazzjonali b’mod
konġunt qalbu għal kuntratti ta’ aġenzija li kollha kien fihom
l-istess termini ewlenin, bir-riżultat li l-bejjiegħa saru
aġenti tal-bejgħ għal pubblikaturi li xtaqu li jbigħu
direttament lill-konsumaturi. Taħt dan il-“mudell ta’ aġenzija”,
l-erba’ pubblikaturi kienu jistabbilixxu l-prezzijiet bl-imnut għall-kotba
elettroniċi skont ir-regoli tal-prezzijiet fil-kuntratti ta’ aġenzija.
Dawk ir-regoli tal-prezzijiet kienu mfassla b’mod li rriżultaw fi
prezzijiet bl-imnut ogħla minn dawk offruti minn ċerti bejjiegħa
bl-imnut ewlenin dak iż-żmien. F’xi pajjiżi fiż-ŻEE,
kienu ddisinjati b’tali mod li jeskludi kull possibbiltà li prezzijiet iktar
baxxi jiġu offruti lill-konsumaturi. Sabiex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni, Apple u
l-erba’ pubblikaturi internazzjonali tal-kotba elettroniċi qablu li jtemmu
l-ftehimiet ta’ aġenzija eżistenti kollha tagħhom li kienu
jinkludu restrizzjonijiet fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut u r-regoli
tal-ipprezzar li l-Kummissjoni kienet oġġezzjonat għalihom.
Apple u l-erba’ pubblikaturi internazzjonali tal-kotba elettroniċi
impenjaw ruħhom ukoll, għal perjodu ta’ ħames snin, li ma jidħlu
fl-ebda ftehim ġdid li jkun fih ir-regoli tal-ipprezzar li l-Kummissjoni
kienet oġġezzjonat għalihom. L-erba’ pubblikaturi tal-kotba
elettroniċi qablu wkoll, għal perjodu ta’ sentejn, li jippermettu
lill-bejjiegħa sabiex joffru roħs fil-prezzijiet bl-imnut ta’ kotba
elettroniċi sa ammont ugwali għall-miżata ta' kummissjoni li
l-bejjiegħ bl-imnut jirċievi mingħand il-pubblikatur fuq perjodu
ta’ sena. L-impenji temmew il-prattiki li kienu fl-oriġini
tat-tħassib tal-Kummissjoni u reġgħu stabbilixxew
il-kundizzjonijiet li jippermettu lis-suq tal-kotba elettroniċi
jerġa’ jsib il-bilanċ tiegħu. Fejn huwa permess mil-liġijiet
nazzjonali tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-kotba elettroniċi,
dan għandu l-potenzjal li jirriżulta fi prezzijiet inqas
għall-kotba elettroniċi għall-konsumaturi fiż-ŻEE. Każ li jinvolvi xi
abbuż allegat ta’ pożizzjoni dominanti jirrigwarda lil Google.
Il-Kummissjoni esprimiet tħassib li erba’ tipi ta’ prattiki tan-negozju
ta’ Google jistgħu jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti
skont it-tifsira tal-Artikolu 102 tat-TFUE, jiġifieri: (i) il-mod li
bih is-servizzi tat-tiftix vertikali ta’ Google jintwerew fir-riżultati
ġenerali tat-tiftix meta mqabbla ma’ servizzi ta’ kompetituri; (ii) il-mod
kif Google tista’ tuża u turi kontenut ta’ partijiet terzi fis-servizzi
ta’ tiftix vertikali tagħha; (iii) ftehimiet ta’ esklussività
għall-forniment ta’ riklami tat-tiftix ta’ Google fuq siti tal-internet
oħra; u (iv) restrizzjonijiet fil-portabilità ta’ kampanji ta’ reklamar
ta’ AdWords. Google ippreżentat test dettaljat ta’ impenn fi tmiem Jannar
2013. Is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin janalizzaw il-proposta ta’
Google bil-ħsieb li jiddeċiedu jekk din tippermettix lill-Kummissjoni
tibda l-proċess għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont
l-Artikolu 9 tar-Regolament 1/2003. Każ li kien
jikkonċerna lil Microsoft kien dwar nuqqas ta’ rispett ta’
deċiżjoni ta’ impenn preċedenti. F’Diċembru 2009,
il-Kummissjoni għamlet vinkolanti fuq Microsoft impenji offruti biex
jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni relatat mal-irbit tal-browser
tal-internet tal-Microsoft, Internet Explorer, mas-sistema operattiva
tal-klijent dominanti tal-PC, Windows. Speċifikament, Microsoft impenjat
ruħha li tagħmel disponibbli għal ħames snin
(jiġifieri sal-2014) fiż-Żona Ekonomika Ewropea “Skrin
tal-Għażla” li jippermetti lill-utenti tas-sistema operattiva Windows
li jagħżlu b’mod infurmat u imparzjali liema web browser(s) huma
jixtiequ jinstallaw flimkien mal-browser tal-web tal-Microsoft, jew minfloku,.
L-iskrin tal-għażla kellu jiġi pprovdut sa Marzu 2010 lill-utenti
tal-Windows Ewropej li jkollhom l-Internet Explorer issettjat bħala
l-browser awtomatiku tagħhom. Madankollu,
b’deċiżjoni adottata fis-6 ta’ Marzu 2013,
il-Kummissjoni sabet li Microsoft kienet naqset milli tinkludi l-iskrin
għall-għażla tal-browser mas-Service Pack 1 tal-Windows 7 minn
Mejju 2011 sa Lulju 2012, bir-riżultat li 15-il miljun utent tal-Windows
fl-UE ma kinux qed jaraw l-iskrin tal-għażla matul dan il-perjodu.
Microsoft pubblikament irrikonoxxiet li l-iskrin tal-għażla ma kienx
qed jintwera matul dak iż-żmien. 4.2 Prevenzjoni
tal-użu ħażin tal-IPRs fis-settur tal-farmaċewtiċi Il-farmaċewtiċi
huma settur ieħor fejn l-għarfien, l-invenzjonijiet u l-ideat u
d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPRs) li huma jirrappreżentaw
huma ta’ importanza fundamentali. Madankollu, f’dak is-settur, id-detenturi
tal-privattivi u l-kumpaniji ġeneriċi jista’ jkollhom it-tentazzjoni
li jidħlu fi ftehimiet antikompetittivi li jdewmu d-dħul ta’
mediċini ġeneriċi irħas, b’mod partikolari meta l-protezzjoni
bażika tal-privattiva madwar is-sustanza attiva toqrob lejn l-iskadenza
jew wara l-iskadenza. Fl-istess ħin, ħafna minn dawn il-ftehimiet ta’
privattivi jistgħu jkunu mod razzjonali u ta’ benefiċċju
għas-soċjetà biex titnaqqas l-inċertezza u jiġu evitati
spejjeż ta’ litigazzjoni. B’dan l-isfond,
il-Kummissjoni nediet inkjesta dwar is-settur farmaċewtiku fl-2008, li
r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati f’Lulju 2009[26].
Matul l-2012, is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ inkjesta avvanza fuq
diversi fronti. F’termini ta’ infurzar tal-antitrust, fil-25 ta’ Lulju
u t-30 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni bagħtet
dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet lil aktar minn erbatax-il
kumpanija f’żewġ każijiet kbar li jinvolvu ftehimiet
antikompetittivi u prattiki unilaterali possibbli. Id-dikjarazzjonijiet
ta’ oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ kondotta li potenzjalment iddewwem
id-dħul ta’ antidepressanti ġeneriċi u mediċini
kardjovaskolari fis-Suq Uniku Waħda
mid-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet kienet tikkonċerna
l-każ Citalopram fejn il-kumpanija oriġinatriċi Lundbeck u
diversi kompetituri ġeneriċi daħlu fi ftehimiet li setgħu
fixklu d-dħul ta’ citalopram ġeneriku fis-swieq fiż-ŻEE.
Citalopram huwa s-sustanza attiva ta’ klassi ta’ antidepressanti.
Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet kienet indirizzata wkoll li Merck
KGaA, Generics UK, Arrow, Resolution Chemicals, Xellia Pharmaceuticals,
Alpharma, A.L. Industrier u Ranbaxy, li kollha jappartjenu għall-gruppi
ġeneriċi li kkonkludew il-ftehimiet. Meta tintbagħat
dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, din ma tippreġudikax
l-eżitu finali tal-investigazzjoni. Il-kumpaniji
kkonkludew dawn il-ftehimiet meta d-dħul tal-ġeneriċi
fil-prinċipju sar possibbli minħabba l-iskadenza ta’ xi wħud
mill-privattivi taċ-citalopram ta’ Lundbeck. Skont is-sejbiet preliminari
fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, il-ftehimiet ipprevedew
trasferimenti sostanzjali ta’ valur minn Lundbeck għal erba’ kompetituri
ġeneriċi. Konsegwentement, il-kumpaniji ġeneriċi astjenew
milli jidħlu fis-Suq Uniku sabiex ibigħu ċ-citalopram
ġeneriku. It-trasferimenti ta’ valur ta’ Lundbeck favur il-kompetituri
ġeneriċi jinkludu, fost affarijiet oħra, pagamenti diretti għax-xiri
ta’ stokk ta’ citalopram ġeneriku għall-qerda kif ukoll profitt
garantit fi ftehimiet tad-distribuzzjoni offruti lill-kumpaniji
ġeneriċi. Il-Kummissjoni adottat il-fehma preliminari li dan
l-aġir, jekk jiġi ppruvat, seta’ kkawża ħsara sostanzjali
għall-konsumatur, billi d-dħul tal-ġeneriċi seta’ ddewwem u
l-prezzijiet setgħu nżammew ogħla bħala riżultat
tal-ftehimiet. It-tieni
dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet kienet tikkonċerna l-każ
Perindopril fejn Les Laboratoires Servier u diversi kompetituri
ġeneriċi daħlu fi ftehimiet li setgħu fixklu d-dħul
ta’ perindopril ġeneriku fis-Suq Uniku. Perindopril hija s-sustanza attiva
fi klassi ta’ mediċini kardjovaskolari. Skont il-fehma preliminari
stabbilita fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, fi skambju għal
pagamenti minn Servier, il-kumpaniji ġeneriċi qablu li ma
jidħlux fis-suq bil-prodotti ġeneriċi irħas tagħhom u/jew
ma jisfidawx aktar il-validità tal-privattivi li jipproteġu
l-mediċina aktar għalja ta’ Servier. Bl-istess mod, Servier
setgħet implimentat strateġija komprensiva biex timpedixxi
d-dħul fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi irħas
tal-perindopril fiż-żmien meta l-protezzjoni tal-privattiva
għall-perindopril ta’ Servier kienet qed toqrob lejn id-data
tal-iskadenza. Il-prattiki taħt analiżi jinkludu l-akkwisti ta’
privattivi li potenzjalment jistgħu jeskludu l-kompetituri mis-suq kif
ukoll il-ftehimiet ta’ privattivi ma’ kumpaniji oħra li kienu jinkludu
t-tip ta’ ħlasijiet lura in kwistjoni fil-każ Citalopram. Il-prattiki
inkwistjoni fil-każijiet Citalopram u Perindopril, jekk l-allegazzjonijiet
jiġu ppruvati, jistgħu jinvolvu ħsara sinifikanti billi
s-servizzi tas-saħħa u l-iskemi ta’ assikurazzjoni nazzjonali jkunu
sfurzati jkomplu jħallsu aktar fit-tul għal verżjonijiet ta’
mediċina aktar għaljin protetti bi privattiva. Is-sanzjonar
ta’ dawn il-prattiki antikompetittivi huwa meħtieġ sabiex
jinżammu l-inċentivi għall-innovazzjoni f’dan is-settur.
Imġiba antikompetittiva ma għandhiex tintuża sabiex tittawwal
artifiċjalment il-protezzjoni tal-privattivi li mid-definizzjoni
tagħha hija limitata biż-żmien. Din il-limitazzjoni hija
essenzjali sabiex jinżammu l-inċentivi għal innovazzjoni
kontinwa f’setturi intensivi fl-għarfien
bħall-farmaċewtiċi. Il-Kummissjoni
kompliet tissorvelja l-effetti potenzjalment ta’ ħsara tal-ftehimiet dwar
il-privattivi bejn il-kumpaniji oriġinaturi u dawk ġeneriċi F’Lulju 2012, il-Kummissjoni
ħarġet it-tielet rapport ta’ monitoraġġ tagħha dwar
il-ftehimiet dwar il-privattivi fis-settur farmaċewtiku[27].
Ir-rapport ikkonferma li, filwaqt li l-għadd totali ta’
tranżazzjonijiet konklużi żdied b’mod sinifikanti, il-proporzjon
ta’ ftehimiet li jistgħu jkunu problematiċi għall-kompetizzjoni
naqas bin-nofs meta mqabbel mal-livelli osservati fiż-żmien
tal-inkjesta settorjali. Il-proporzjon ta’ tranżazzjonijiet potenzjalment
problematiċi stabbilizza għal 11% meta mqabbel mal-21% identifikati
mill-inkjesta settorjali. Fl-istess ħin, l-għadd totali annwali ta’
ftehimiet konklużi żdied b’500% għal 120 meta mqabbel
mas-sejbiet tal-inkjesta settorjali. Il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet
jidhru li mhumiex problematiċi minn perspettiva ta’ antitrust.
Iċ-ċifri juru li l-iskrutinju tal-Kummissjoni ma fixkilx
lill-kumpaniji milli jikkonkludu ftehimiet fis-Suq Uniku, kuntrarju għal
xi biżgħat inizjali espressi minn ċerti partijiet interessati. Fis-sentenza
tagħha fil-każ AstraZeneca l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet
li l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE tikkomplementa r-regoli tas-Suq
Uniku F’Ġunju 2005,
il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tissanzjona lil AstraZeneca (AZ)
għal żewġ ksur tal-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim
taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Id-deċiżjoni sabet
li AZ kienet abbużat minn proċeduri u regolamenti pubbliċi
f’għadd ta’ Stati taż-ŻEE bil-għan li teskludi
lill-kumpaniji ġeneriċi u n-negozjanti tal-kummerċ parallel
milli jikkompetu kontra Losec, il-prodott ta’ kontra l-ulċeri ta’ AZ li
jgawdi bejgħ qawwi. F’sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012
(Każ C-457/10 P) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat is-sentenza
tal-Qorti Ġenerali tal-2010 li kienet, fil-biċċa l-kbira
tagħha, rrifjutat l-appell ta’ AstraZeneca kontra d-deċiżjoni
tal-Kummissjoni tal-2005, l-ewwel deċiżjoni li imponiet multi
għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-settur
farmaċewtiku. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat
li abbużi ta’ proċeduri regolatorji jistgħu f’ċerti
ċirkostanzi jikkostitwixxu abbużi ta’ pożizzjoni dominanti. Il-Qorti
tal-Ġustizzja sabet li fil-maġġoranza tal-każijiet,
l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti jikkonsistu f’komportament li
huwa skont il-liġi taħt fergħat tal-liġi barra l-liġi
tal-kompetizzjoni. Dan jikkonferma li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija
kumplimentari, u mhux subordinata, għal friegħi oħra
tal-liġi tal-UE, inklużi r-regoli tas-Suq Uniku. 5. DJALOGU DWAR
IL-KOMPETIZZJONI MAL-ISTITUZZJONIJIET L-OĦRA 5.1 Djalogu
strutturat mal-Parlament Ewropew Id-DĠ Kompetizzjoni
jimpenja ruħu fi djalogu strutturat kontinwu dwar kwistjonijiet ta’
kompetizzjoni mal-Parlament Ewropew, u b’mod partikolari l-Kumitat
tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON). Djalogu
strutturat mal-Kumitat ECON Bħala
parti mid-djalogu strutturat, il-Viċi President responsabbli
mill-Kompetizzjoni żar l-ECON darbtejn fl-2012. F’Ġunju, huwa
ppreżenta r-rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni u
f’Ottubru, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013.
Il-Viċi President iżomm ukoll kuntatti regolari mal-Parlament Ewropew
barra d-djalogu strutturat. Fit-22 ta’ Mejju 2012, attenda
laqgħa ta’ ħidma dwar ir-Rapport Ewropew dwar il-Kompetizzjoni
fis-settur tal-ikel[28].
Fl-24 ta’ Settembru 2012, huwa ħa sehem f’seduta ta’
smigħ dwar il-manipulazzjoni tas-suq tal-LIBOR-EURIBOR. Il-Viċi
President attenda wkoll workshop dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna
mill-Istat (il-25 ta’ Settembru 2012) u avveniment dwar
il-protezzjoni tad-dejta u r-regoli tal-kompetizzjoni (is-26 ta’ Novembru 2012).
Fil-kuntest tal-kooperazzjoni, fis-7 ta’ Ġunju 2012,
id-DĠ Kompetizzjoni organizza seminar għall-assistenti u
għall-konsulenti politiċi tal-membri tal-ECON li kien ikopri t-temi
prinċipali tal-Programm ta’ Ħidma tal-2011 dwar il-Kompetizzjoni[29].
Il-Viċi President skambja l-opinjonijiet mal-kumitat IMCO fit-28 ta’ Frar 2012
dwar il-kompetizzjoni u t-tkabbir. Id-DĠ Kompetizzjoni regolarment
jinforma lill-kumitati rilevanti b’konsultazzjonijiet pubbliċi u
bl-adozzjoni ta’ linji gwida ġodda. B’kollox, il-Viċi President deher
tmien darbiet quddiem il-Parlament Ewropew (ara t-tabella). Data || Laqgħa || Suġġett 28/02/2012 || Il-kumitat IMCO tal-PE || Skambju ta’ fehmiet dwar il-kompetizzjoni u t-tkabbir 22/05/2012 || Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tal-ECON tal-PE || Ir-Rapport tal-ECN, u r-riforma tal-PAK 19/06/2012 || Djalogu strutturat tal-ECON tal-PE || Preżentazzjoni tar-Rapport Annwali dwar il-Kompetizzjoni tal-2011 11/09/2012 || Plenarja tal-PE, Ħin għall-Mistoqsijiet || Il-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tal-acquis tas-suq tal-enerġija (it-tielet pakkett) – Gazprom 24/09/2012 || Seduta Pubblika tal-ECON tal-PE - Libor || Manipulazzjoni tas-suq – Libor 25/09/2012 || Workshop tal-ECON tal-PE - SAM || Il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat 08/10/2012 || Djalogu strutturat tal-ECON tal-PE || Il-preżentazzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2013 26/11/2012 || Avveniment tal-PE - Pjattaforma tal-Privatezza || Il-Kompetizzjoni u l-Privatezza fis-Swieq tad-Dejta Konsultazzjonijiet
pubbliċi u Stimi tal-impatt Id-DĠ
Kompetizzjoni jipprovdi informazzjoni dwar it-tnedija tal-konsultazzjonijiet
pubbliċi lis-segretarjat tal-ECON u, b’mod aktar ġenerali, japprezza
kontribuzzjonijiet f’waqthom mill-membri tal-PE. Is-servizzi tiegħu
huma disponibbli biex jinfurmaw lill-MEPs dwar aspetti ta’ interess
partikolari.
Konsultazzjonijiet
pubbliċi u r-risposti għalihom, studji relatati mal-politika
tal-kompetizzjoni, studji li huma kkummissjonati, Valutazzjonijiet tal-Impatt
fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni kif ukoll kwalunkwe Dokumenti ta’
Ħidma tal-Persunal huma ppubblikati fuq is-sit tal-internet tad-DĠ
Kompetizzjoni[30]. Bħala tweġiba
għall-interess espress mill-membri tal-kumitat ECON fil-komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat,
il-Viċi President u l-uffiċjali tad-DĠ Kompetizzjoni attendew
workshop dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat fil-Parlament
fit-8 ta’ Ottubru 2012. Bħala parti
mid-diskussjoni dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni, il-Membri
tal-Parlament Ewropew talbu lill-Kummissjoni tagħti ħarsa aktar mill-qrib
lejn il-kwistjoni tas-saħħa tan-negozjar tal-produtturi vis-à-vis
l-bejjiegħa bl-imnut fil-katina tal-provvista tal-ikel. Filwaqt li
l-Kummissjoni ma identifikatx problemi partikolari ta’ kompetizzjoni fis-settur
tal-bejgħ bl-imnut, kif espress fir-rapport ippubblikat min-Netwerk
Ewropew tal-Kompetizzjoni[31],
hija madankollu nediet studju biex jiġi vvalutat l-impatt tal-istruttura
tas-suq bl-imnut fuq l-innovazzjoni u l-għażla tal-prodotti
fis-settur tal-ikel f’Diċembru 2012. Il-Membri tal-Parlament
Ewropew spiss jistaqsu lill-Kummissjoni mistoqsijiet dwar każijiet
individwali tal-kompetizzjoni li jkunu għaddejjin. Il-Kummissjoni ma tkunx
tista’ twieġeb dwar ċerti aspetti ta’ dawk il-każijiet
minħabba l-obbligu tal-kunfidenzjalità tal-proċeduri investigattivi. Investigazzjonijiet
li għadhom għaddejjin u inkjesti settorjali Il-Persunal
tad-DĠ Kompetizzjoni jiltaqa’ regolarment mal-MEPs fuq talba tagħhom
sabiex jispjega l-passi proċedurali li jittieħdu f’investigazzjoni u
biex jidħol f’diskussjoni ġenerali dwar settur partikolari, sa fejn
ikun possibbli taħt l-obbligu tal-kunfidenzjalità fir-rigward
tal-partijiet.
Id-DĠ
Kompetizzjoni għandu għad-dispożizzjoni tiegħu firxa ta’
għodod għall-infurzar tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni u
sabiex jagħmel is-swieq aktar kompetittivi b’mezzi oħra,
bħall-investigazzjonijiet dwar każijiet individwali, l-inkjesti
settorjali u l-ħidma ma’ Direttorati Ġenerali oħrajn fuq
miżuri regolatorji li jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku. X’se
jsir wara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport dwar il-Politika
tal-Kompetizzjoni tal-2010 F’Jannar 2012,
il-Parlament adotta r-Riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport dwar
il-Politika tal-Kompetizzjoni[32]
tal-2010, u għamel sensiela ta’ talbiet lill-Kummissjoni. Minbarra
r-reazzjoni uffiċjali mill-Kummissjoni għar-Riżoluzzjoni
tal-Parlament, il-Kummissarju tal-Kompetizzjoni wieġeb f’April 2012
permezz ta’ ittra li bagħat lill-Presidenza tal-Kumitat ECON, u d-DĠ
Kompetizzjoni wkoll issottometta tweġiba ddettaljata għall-punti
kollha magħmula fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament. Is-suġġetti koperti fir-Riżoluzzjoni
tal-Parlament Ewropew Il-Parlament
kien interessat partikolarment fl-attivitajiet tad-DĠ
għall-Kompetizzjoni li huma marbuta mal-kriżi finanzjarja u
ekonomika u r-rwol tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat f’dak il-kuntest. Fit-tweġiba
tagħha, il-Kummissjoni saħqet dwar it-tipi ta’ kundizzjonijiet
normalment imposti bħala parti mill-applikazzjoni tar-regoli temporanji
dwar l-għajnuna mill-Istat li japplikaw għas-settur bankarju bħalissa. L-hekk
imsejħa kundizzjonalità tinkludi l-qsim tal-piżijiet u r-ristrutturar
imposti fuq il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiġi
żgurat li l-vijabilità tagħhom tkun restawrata fuq bażi fit-tul
filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tas-Suq Uniku. Fir-Riżoluzzjoni
tiegħu, il-Parlament fakkar ukoll it-talbiet preċedenti tiegħu[33]
sabiex il-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni biex jiġi
ffaċilitat il-kumpens effettiv għad-danni li
jirriżultaw minn ksur tal-liġi tal-antitrust. Il-programm ta’
Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 jinkludi proposta dwar azzjonijiet
privati għad-danni tal-antitrust. Il-Viċi President inkarigat
mill-kompetizzjoni kkonferma li tali proposta se titressaq fl-2013. Bi tweġiba
għat-talba tal-Parlament biex jinvestiga l-kompetizzjoni fis-settur
tal-ikel, id-DĠ COMP stabbilixxa task force interna dwar is-settur
tal-ikel li kkoordinat studju tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni dwar
is-settur tal-ikel. Barra minn hekk, f’Diċembru 2012 il-Kummissjoni nediet
studju dwar l-impatt tas-settur modern tal-bejgħ bl-imnut fuq
l-għażla u l-innovazzjoni tal-prodotti tal-ikel. 5.3 L-interazzjoni tad-DĠ Kompetizzjoni mal-KESE u l-KtR Il-Kummissjoni tinforma
wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u lill-Kumitat tar-Reġjuni
(KtR) dwar l-inizjattivi ta’ politika ewlenin. Tieħu sehem ukoll
fil-laqgħat tal-gruppi ta’ studju u settorjali. Fl-4 ta’ Settembru 2012,
il-Viċi President Almunia ltaqa’ mar-relatur tal-KESE dwar l-inizjattiva
tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat u, fis-7 ta’ Diċembru 2012,
mar-relatur tal-KtR dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-Għajnuna
reġjonali.
Fl-14 ta’ Novembru 2012,
il-KESE adotta opinjoni dwar l-inizjattiva ta’ modernizzazzjoni
tal-għajnuna mill-Istat[34]
u, fl-4 ta’ Diċembru 2012, it-taqsima INT tal-KESE adottat
opinjoni dwar ir-Rapport Annwali tal-Kompetizzjoni tal-2011[35]. Fid-29 ta’ Novembru 2012,
il-KtR adotta opinjoni dwar l-inizjattiva tal-Immodernizzar tal-Għajnuna
mill-Istat[36]
u, fis-7 ta’ Diċembru 2012, il-kummissjoni COTER tal-KtR
adottat opinjoni dwar il-linji gwida dwar l-Għajnuna reġjonali[37]. [1] Il-Kawżi Konġunti C-56/64 u
C-58/64 Grundig-Consten [1966] Ġabra 299, Sentenza
tat-13 ta’ Lulju 1966. Ara wkoll is-Sentenza
tal-4 ta’ Ottubru 2011 fil-Kawżi Konġunti C-403/08 u C-429/08
Football Association Premier League u Oħrajn, sentenza
tal-4 ta’ Ottubru 2011 [2] Il-Kummissjoni se tressaq proposta
għal mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku għall-banek. Il-Kunsill
Ewropew ta’ Diċembru 2012 qabel li din il-proposta “għandha tiġi
eżaminata mill-koleġiżlaturi bħala kwistjoni ta’ prijorità
bl-intenzjoni li tiġi adottata matul iċ-ċiklu parlamentari
attwali” [3] Li jingħata
rispons lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
jitlob li tittieħed azzjoni favur swieq finanzjarji ġusti, irregolati
tajjeb u trasparenti [4] Essenzjalment ir-regoli speċjali
jfissru li r-regoli normali għall-għajnuna
għas-salvataġġ u r-ristrutturar ma japplikawx għas-settur
finanzjarju (ara IP/11/1488) [5] Għal stampa komprensiva, ara
l-Anness 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan
ir-rapport [6] Ara, fost każijiet oħra,
SA.28487 (ara l-istqarrija għall-istampa IP/12/847) [7] Flimkien mar-riżoluzzjoni meta jkun
hemm bżonn, bħal fil-każ ta’ Agricultural Bank of Greece [8] Il-Bank for International Settlements,
Novembru 2012, disponibbli fuq http://www.bis.org/statistics/derstats.htm,
ċifri disponibbli fuq http://www.bis.org/statistics/otcder/dt21a21b.pdf [9] Kif mitlub
mill-Parlament Ewropew [10] Wara l-ftuħ tal-proċedimenti
f’Marzu 2008, il-Kummissjoni bagħtet lil Visa dikjarazzjoni ta’
oġġezzjonijiet f’April 2009 dwar tariffi tal-interskambju
multilaterali (MIFs”) għal tranżazzjonijiet tal-konsumaturi li jsiru
bil-kards ta’ debitu u ta’ kreditu (ara MEMO/09/151). Visa Europe offriet impenji li
tillimita l-MIFs tal-kards ta’ debitu tagħha għal 0,20 %, li
l-Kummissjoni għamlet vinkolanti f’Diċembru 2010 (ara IP/10/1684). Il-proċedimenti
dwar l-MIFs tal-kreditu tal-konsumatur ikomplu. [11] Il-Każ T-111/08, is-sentenza
tal-24 ta’ Mejju 2012, li għadha mhix ippubblikata. [12] Il-Każ COMP/SA.33054 Post Office Limited:
Kumpens għal kosti netti biex jinżamm netwerk mhux
kummerċjalment vijabbli għall-perjodu 2012-15 u l-kontinwazzjoni ta'
faċilità tal-kapital operattiv (ara IP/12/320). Il-każ ġie vvalutat taħt
l-Artikolu 106 TFUE [13] Bi tweġiba għal sejħiet
mill-PE u l-ECOSOC [14] Diskors tal-Viċi President Almunia
fit-8 ta’ Ottubru 2012 (ara SPEECH/12/701) fil-Parlament Ewropew
li Jippreżenta l-Programm ta’ Ħidma tal-Politika tal-Kompetizzjoni
għall-2013/2014. Disponibbli fuq: http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-12-701_en.htm [15] Idem [16] Pereżempju, bħala riżultat
ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-antitrust, E.On tal-Ġermanja
impenjat ruħha li tbigħ l-assi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku
tagħha u n-negozju tagħha tal-grid tat-trażmissjoni
b’vultaġġ għoli fl-2008, pass importanti fil-ftuħ tas-suq
fil-Ġermanja. Investigazzjonijiet oħra għenu biex
jitneħħew restrizzjonijiet fuq il-kummerċ transkonfinali
tal-gass u l-elettriku. Pereżempju, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni
rriżultat f’bidliet għas-sistema Svediża tat-trażmissjoni
tal-elettriku li kienet qed ixxekkel l-esportazzjonijiet billi tillimita
l-kapaċità ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiżi ġirien [17] Ir-regoli jippermettu sussidji sa 85%
taż-żieda ffaċċjata mill-iktar kumpaniji effiċjenti
f’kull settur mill-2013 sal-2015, limitu li jaqa’ gradwalment għal 75%
fl-2019-2020 [18] Il-funzjonament
tas-suq tal-aċċess għall-internet u l-forniment tal-internet
minn perspettiva tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea. Studju f’isem il-Kummissjoni
Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi
(mistenni jiġi ppubblikat f’April 2013) [19] Il-Każ T-336/07, sentenza
tad-29 ta’ Marzu 2012, li għadha mhix ippubblikata [20] B’mod
partikolari, il-każijiet tal-Artikolu 102 tat-TFUE li jinvolvu lil
Microsoft (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2004
fil-Każ COMP/C-3/case COMP/C-3/37.792) u Intel (ara d-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 fil-Każ
COMP/C-3/37.990) [21] Ara d-Diskors minn Joaquín Almunia,
il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea
tat-8 ta’ Ottubru 2012 (SPEECH/12/701) [22] C-52/09 TeliaSonera Sverige [2011]
Ġabra I-527 [23] Każ
COMP/M.6381, Google/Motorola Mobility (ara IP/12/129) [24] Bidu ta’ proċedimenti kontra Samsung
fit-30 ta’ Jannar 2012 (Każ COMP/C-3/39.939); Bidu ta’ proċedimenti kontra Motorola fit-2
ta’ April 2012 (Il-Każijiet COMP/C-3/39.985 u COMP/C-3/39.986) [25] Ara l-istqarrija għall-istampa fi
http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-1448_en.htm [26] Ara IP/09/1098 u MEMO/09/321 [27] Ara MEMO/12/593 [28] http://ec.europa.eu/competition/ecn/food_report_en.pdf [29] Il-kwistjonijiet koperti kienu jinkludu
għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju, fis-settur tal-ikel,
fis-settur tal-avjazzjoni, fis-settur finanzjarju u l-inizjattiva ta’
modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat [30] http://ec.europa.eu/competition/index_en.html [31] http://ec.europa.eu/competition/ecn/food_report_en.pdf [32] P7_TA(2012)0031 [33] Riżoluzzjonijiet mill-Parlament
Ewropew fl-2007, l-2009, l-2010 u l-2011 [34] Disponibbli hawn:
http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions.23584 [35] Disponibbli hawn: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions.24209 [36] Disponibbli hawn:
http://www.toad.cor.europa.eu/corwipdetail.aspx?folderpath=ECOS-V/035&id=21619 [37] Disponibbli hawn:
http://www.toad.cor.europa.eu/corwipdetail.aspx?folderpath=COTER-V/034&id=21792