|
27.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 329/20 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/2060
tal-20 ta' Diċembru 2018
li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE li tawtorizza lill-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-merkanzija u s-servizzi fornuti lilhom għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Il-Ġermanja kienet awtorizzata li tintroduċi miżura ta' deroga maħsuba biex teskludi mid-dritt ta' tnaqqis il-VAT fuq il-merkanzija u s-servizzi meta l-persuna taxxabbli tuża l-merkanzija u s-servizzi, f'iktar minn 90 % tal-każijiet, għal skopijiet privati jew għall-iskopijiet tal-impjegati tagħha, jew b'mod ġenerali għal skopijiet mhux kummerċjali jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi. |
|
(2) |
Inizjalment, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE (2) awtorizzat lill-Ġermanja tintroduċi u tapplika miżuri speċjali li jidderogaw mill-Artikoli 6 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE (3) sal-31 ta' Diċembru 2002. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/354/KE (4) awtorizzat lill-Ġermanja tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 77/388/KEE sat-30 ta' Ġunju 2004. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE (5) estendiet l-awtorizzazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2009. |
|
(3) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE (6) l-Ġermanja kienet awtorizzata li tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE sal-31 ta' Diċembru 2012. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/705/UE (7) awtorizzat lill-Ġermanja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a sal-31 ta' Diċembru 2015, u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2428 (8) sal-31 ta' Diċembru 2018. |
|
(4) |
Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-10 ta' Settembru 2018, il-Ġermanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta' deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex teskludi kompletament mid-dritt ta' tnaqqis il-VAT imposta fuq merkanzija u servizzi li jintużaw minn persuna taxxabbli, f'iktar minn 90 % tal-każijiet, għal skopijiet privati jew mhux kummerċjali, inklużi l-attivitajiet mhux ekonomiċi. Din it-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż analiżi tar-rata ta' tqassim applikata għad-dritt ta' tnaqqis tal-VAT kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/791/KE. |
|
(5) |
B'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba mressqa mill-Ġermanja lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta' ittri datati l-14 ta' Settembru 2018. Permezz ta' ittra datata s-17 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |
|
(6) |
Skont il-Ġermanja, il-miżura speċjali kienet effettiva ħafna biex tissimplifika l-ġbir tal-VAT u biex tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Il-miżura tnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, billi ma jkun hemm bżonn l-ebda monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-merkanzija u s-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis fid-data tal-akkwist tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ġermanja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ulterjuri sal-31 ta' Diċembru 2021. |
|
(7) |
F'każ li l-Ġermanja tikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni lil hinn mill-2021, jenħtieġ li, sal-31 ta' Marzu 2021, tippreżenta lill-Kummissjoni talba għal estensjoni flimkien ma' rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali li jinkludi reviżjoni tar-rata ta' tqassim applikata. |
|
(8) |
Il-miżura speċjali mhux ser ikollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/791/KE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/791/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021.
Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-miżura ta' deroga prevista f'din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2021.
Flimkien mat-tali talba għandu jintbagħat rapport dwar l-applikazzjoni ta' din il-miżura li jinkludi analiżi tar-rata ta' tqassim applikata għad-dritt ta' tnaqqis tal-VAT abbażi ta' din id-Deċiżjoni.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
E. KÖSTINGER
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p.1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE tat-28 ta' Frar 2000 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 6 u 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 59, 4.3.2000, p. 12).
(3) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2003 2003/354/KE li tawtorizza lill-Ġermanja sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 47).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE tad-19 ta' Novembru 2004 li tawtorizza lill-Ġermanja sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 357, 2.12.2004, p. 33).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta' Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 55).
(7) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/705/UE tat-13 ta' Novembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1013/UE li jawtorizzaw lill-Ġermanja u lill-Awstrija rispettivament li jkomplu japplikaw miżura ta' deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 319, 16.11.2012, p. 8).
(8) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2428 tal-10 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1013/UE li jawtorizzaw lill-Ġermanja u lill-Awstrija rispettivament ikomplu japplikaw miżura ta' deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 334, 22.12.2015, p. 12).