2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Marzu 2018

dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi

(2018/C 153/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 166(4) u l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 153(2) u l-Artikolu 153(1)(b), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea

Billi:

(1)

Apprendistati ta’ kwalità u effettivi li jwasslu għal taħlita ta’ ħiliet relatati max-xogħol, esperjenza u tagħlim imsejsa fuq ix-xogħol u kompetenzi ewlenin li jiffaċilitaw id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-progressjoni tal-karrieri tal-adulti u t-transizzjoni fl-impjiegi. Huma jagħmlu parti tas-sistemi formali ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (EVT) u jeżistu b’mod parallel ma’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u/jew perkorsi vokazzjonali oħra.

(2)

Skemi ta’ apprendistati mfassla sew huma ta’ benefiċċju kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-istudenti kif ukoll għar-rinfurzar tal-ħolqa bejn id-dinja tax-xogħol u d-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Standards ta’ kwalità għolja jevitaw li l-apprendistati jkunu mmirati lejn impjiegi b’ħiliet baxxi u taħriġ inadegwat li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tagħhom. Minbarra li jipprovdu mogħdija għall-eċċellenza, l-apprendistati ta’ kwalità jistgħu ukoll jikkontribwixxu għat-trawwim ta’ ċittadinanza attiva u inklużjoni soċjali permezz tal-integrazzjoni ta’ individwi ta’ sfondi soċjali u personali differenti fis-suq tax-xogħol.

(3)

Apprendistati ta’ kwalità u effettivi huma stabbiliti permezz ta’ sħubijiet strutturati li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari lis-sħab soċjali, lin-negozji, lill-korpi intermedji bħall-kmamar tal-industrija, tal-kummerċ u tas-snajja”, lill-organizzazzjonijiet professjonali u settorjali, lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-ġenituri, kif ukoll lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Mill-2013 ’l hawn, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, ppromwoviet il-provvista, il-kwalità u l-immaġni tal-apprendistati permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, li s’issa mmobilizzat iktar minn 700 000 offerta għal apprendistati, għal taħriġiet prattiċi jew offerti għall-ewwel xogħol. Inizjattivi mmexxija min-negozji bħall-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ immobilizzaw iktar offerti u għenu biex jippromwovu s-sħubijiet bejn in-negozji u l-edukazzjoni madwar l-Unjoni.

(4)

Is-sħab soċjali transindustrijali Ewropej ġabru evidenza li tibni fuq il-kwalità u l-kosteffettività tal-apprendistati permezz tal-ħidma parallela tagħhom u permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom Favur Viżjoni Komuni tal-Apprendistati minn Ġunju 2016 li kienet il-bażi għall-opinjoni dwar Viżjoni Komuni għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi u għal Tagħlim Imsejjes fuq ix-Xogħol adottata fit-2 ta’ Diċembru 2016 mill-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT).

(5)

Sabiex jiġi żgurat involviment saħansitra aktar profond u ġenerali tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni organizzat smigħ f’żewġ stadji, fit-30 ta’ Marzu u fis-7 ta’ Ġunju 2017, ma’ sħab soċjali transindustrijali u settorjali Ewropej, u l-kmamar tal-kummerċ, tal-industrija u tas-snajja’.

(6)

Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) li ġie stabbilit għall-ewwel darba fl-2008 u ġie rivedut fl-2017 (1), itejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabilità tal-kwalifiki taċ-ċittadini, inkluż l-apprendisti.

(7)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) (2) stabbilixxiet strument ta’ referenza biex jgħin lill-Istati Membri jippromwovu u jissorveljaw it-titjib kontinwu fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom.

(8)

Permezz tal-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-2012 dwar l-Internships u l-Apprendistati, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej, lill-istituzzjonijiet Ewropej u lis-sħab soċjali jistabbilixxu jew isaħħu oqfsa legali ta’ kwalità għall-apprendistati.

(9)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (3) tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha ta’ età taħt il-25 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jispiċċaw bla xogħol jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali.

(10)

Is-sħab soċjali Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Litwana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea impenjaw ruħhom biex jikkontribwixxu għall-provvista, għall-kwalità u għall-attraenza tal-apprendistati f’Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati fit-2 ta’ Lulju 2013.

(11)

Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati mill-15 ta’ Ottubru 2013 innotat li l-effikaċja u l-attraenza tal-apprendistati jenħtieġ li titħeġġeġ bl-aderenza ta’ dawn għal diversi prinċipji ta’ gwida komuni.

(12)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships (4) adottata fl-10 ta’ Marzu 2014 stabbilixxiet għadd ta’ prinċipji biex titjieb il-kwalità tat-traineeships barra mill-edukazzjoni u mit-taħriġ formali.

(13)

Taħt il-proċess ta’ Kopenħagen għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-Konklużjonijiet ta’ Riga tat-22 ta’ Ġunju 2015, approvati mill-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni u mit-taħriġ vokazzjonali, għamlu t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu, b’attenzjoni speċjali għall-apprendistati, u l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ garanzija tal-kwalità, tnejn mill-ħames prijoritajiet Ewropej għall-perijodu 2015-2020.

(14)

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-2020 tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali żviluppa 20 prinċipju ta’ gwida dwar apprendistati u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol b’rendiment għoli matul il-mandat tiegħu tal-2014-2015.

(15)

Fir-rapport tiegħu dwar Erasmus+ u għodod oħra għat-trawwim tal-mobilità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali – approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja tal-4 ta’ Marzu 2016, il-Parlament Ewropew sejjaħ għal miżuri li jiżguraw standards ta’ kwalità għall-apprendistati.

(16)

Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistipula li minn Mejju 2018 l-apprendistati bbażati fuq kuntratt ta’ impjieg jistgħu jiġu rreklamati fuq il-EURES - Il-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol.

(17)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2016 dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni tenniet is-sostenn tagħha għas-sħab soċjali biex javvanzaw ir-riżultati tal-proġetti konġunti tagħhom, pereżempju billi jistabbilixxu qafas tal-kwalità għall-apprendistati.

(18)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa tas-7 ta’ Diċembru 2016 (6), sejħet għal sforz imġedded biex iż-żgħażagħ jiġu sostnuti biex jiksbu l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja billi jsir investiment fl-għarfien, fil-ħiliet u fl-esperjenzi tagħhom, biex jiġu megħjuna jsibu l-ewwel impjieg tagħhom jew jitħarrġu għalih. L-għan kien li ż-żgħażagħ jingħataw għajnuna biex jaħtfu opportunitajiet, jintegraw sew fis-soċjetà, isiru ċittadini attivi u jkollhom karriera professjonali ta’ suċċess, inkluż permezz ta’ qafas tal-kwalità li jispjega l-prinċipji ewlenin għall-iskemi tal-apprendistati.

(19)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017 tinkludi l-wegħda ta’ ħidma favur Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu.

(20)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat fis-17 ta’ Novembru 2017 jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji għas-sostenn ta’ swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb, inkluż id-dritt għal edukazzjoni u għal taħriġ ta’ kwalità u inklużivi, biex jiġu żgurati ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà.

(21)

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-traċċar tal-gradwati adottata fit-30 ta’ Mejju 2017 għandha l-għan li ttejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar x’jagħmlu l-gradwati, inklużi l-apprendisti, wara li jlestu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.

(22)

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (2014-2020), jiġifieri l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), kif ukoll Erasmus+, il-programm tal-Unjoni għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), il-Programm tal-Unjoni għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), jipprovdu sostenn għall-apprendistati.

(23)

Dan l-aħħar, il-Parlament Ewropew u l-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-mobilità fit-tul tal-apprendisti madwar l-UE, biex iż-żgħażagħ jiġu pprovduti bl-opportunità li jiżviluppaw kemm ħiliet speċifiċi għall-impjiegi kif ukoll kompetenzi importanti. Il-Kummissjoni wieġbet billi fil-programm Erasmus+ introduċiet attività ġdida msejħa Erasmus Pro li b’mod speċifiku ssostni internships itwal barra mill-pajjiż.

(24)

Fir-rapporti tagħha dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-2015 u mill-2017, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ta’ kwalità għall-apprendistati u offerti oħra sostnuti permezz ta’ din l-inizjattiva.

(25)

Fehim komuni fost l-Istati Membri dwar apprendistati ta’ kwalità u effettivi jsostni l-isforzi tagħhom għar-riforma u għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ apprendistati li jipprovdu tagħlim eċċellenti u perkors tal-karriera. Fehim komuni jikkontribwixxi għal fiduċja reċiproka akbar u b’hekk tiġi ffaċilitata l-mobilità transfruntiera tal-apprendisti.

(26)

L-objettiv ġenerali ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu li tiżdied l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali tal-apprendisti u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u kkwalifikata, responsiva għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

(27)

L-objettiv speċifiku hu li jiġi pprovdut qafas koerenti għall-apprendistati fuq il-bażi ta’ fehim komuni ta’ x’jiddefinixxi kwalità u effettività b’kont meħud tad-diversità u t-tradizzjonijiet tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u l-prijoritajiet ta’ politika fid-diversi Stati Membri.

(28)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma taffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar avvanzati għall-apprendistati minn dawk rakkomandati hawnhekk, lanqas li jżommu jew li jiżviluppaw forom oħra ta’ tagħlim bbażat fuq ix-xogħol u/jew edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali barra l-ambitu tar-Rakkomandazzjoni u li japplikaw għalihom, b’mod totali jew parzjali, il-kriterji stabbiliti hawn taħt.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI,

Jenħtieġ li f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, l-Istati Membri jiżguraw li l-iskemi tal-apprendistati jkunu responsivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu benefiċċji kemm għall-istudenti kif ukoll għall-impjegaturi, billi jibnu fuq il-kriterji għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi stabbiliti hawn taħt.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mingħajr ħsara għat-terminoloġija nazzjonali, l-apprendistati jinftehmu bħala skemi ta’ edukazzjoni u taħriġ formali li

(a)

jikkombinaw it-tagħlim fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ b’tagħlim sostanzjali bbażat fuq xogħol f’kumpanniji jew postijiet tax-xogħol oħra,

(b)

iwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti f’livell nazzjonali,

(c)

huma bbażati fuq ftehim li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-apprendist, l-impjegatur u, fejn adatt, l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u

(d)

bl-apprendist li jkun imħallas jew b’xi mod jirċievi kumpens għall-komponent ibbażat fuq ix-xogħol.

Il-kriterji għall-kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol

Ftehim bil-miktub

1.

Qabel ma jibda l-apprendistat, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim bil-miktub li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-apprendist, l-impjegatur, u fejn adatt l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, relatati mal-kundizzjonijiet tat-tagħlim u x-xogħol.

Eżiti tat-tagħlim

2.

It-twettiq ta’ sett ta’ eżiti ta’ tagħlim komprensiv definit f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali għandu jintlaħaq qbil dwaru mill-impjegaturi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fejn adatt, it-trade unions. Dan għandu jiżgura bilanċ bejn ħiliet speċifiċi għall-impjieg, l-għarfien u l-kompetenzi prinċipali għat-tagħlim tul il-ħajja b’sostenn kemm għall-iżvilupp personali u l-opportunitajiet ta’ karriera tul il-ħajja tal-apprendisti bil-ħsieb li jaddattaw għax-xejriet tal-karrieri li dejjem jinbidlu.

Sostenn pedagoġiku

3.

Jenħtieġ li jinħatru ħarrieġa fi ħdan il-kumpanniji u dawn jingħataw il-kompitu li jikkooperaw mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u għalliema biex jipprovdu gwida lill-apprendisti u biex jiżguraw feedback reċiproku u regolari. Jenħtieġ li l-għalliema, il-ħarrieġa u l-gwidi, speċjalment f’kumpanniji mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jirċievu sostenn biex jaġġornaw il-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi tagħhom bl-għan li jħarrġu lill-apprendisti skont il-metodi ta’ tagħlim u taħriġ l-aktar aġġornati u skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Komponent tal-post tax-xogħol

4.

Parti sostanzjali tal-apprendistat, li jfisser tal-anqas nofsu, għandu jitwettaq fuq il-post tax-xogħol bl-opportunità fejn possibbli, li parti mill-esperjenza fuq il-post tax-xogħol tinkiseb f’pajjiż barrani. B’kont meħud tad-diversità tal-iskemi nazzjonali, l-għan hu li jsir progress gradwali lejn sitwazzjoni fejn dik il-parti tal-apprendistat tkun tikkonsisti f’tagħlim fuq il-post tax-xogħol.

Paga u/jew kumpens

5.

Jenħtieġ li l-apprendisti jitħallsu u/jew jirċievu kumpens, f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali jew settorjali jew mal-ftehimiet kollettivi fejn dawn ikunu jeżistu, u b’kont meħud tal-arranġamenti ta’ qsim tal-ispejjeż bejn l-impjegaturi u l-awtoritajiet pubbliċi.

Protezzjoni soċjali

6.

Jenħtieġ li l-apprendisti jkunu intitolati għal protezzjoni soċjali, inkluża l-assigurazzjoni neċessarja f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali.

Kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza

7.

Jenħtieġ li l-post tax-xogħol ospitanti jikkonforma mar-regoli u mar-regolamenti rilevanti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari l-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza.

Il-kriterji għall-kundizzjonijiet ta’ qafas

Qafas regolatorju

8.

Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ qafas regolatorju ċar u konsistenti bbażat fuq approċċ ta’ sħubija ġust u ekwitabbli, inkluż djalogu strutturat u trasparenti bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Dan jista’ jinkludi proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal kumpanniji u għal postijiet tax-xogħol li joffru apprendistati u/jew miżuri oħra ta’ garanzija tal-kwalità.

Involviment tas-sħab soċjali

9.

Is-sħab soċjali, inkluż, fejn rilevanti, fil-livell settorjali, u/jew l-korpi intermedjarji, jenħtieġ li jkunu involuti fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-apprendistati, f’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u mal-prattiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Sostenn għall-kumpanniji

10.

Sostenn finanzjarju u/jew mhux finanzjarju għandu jiġi previst, partikolarment għall-kumpanniji mikro, żgħar u ta’ daqs medju li jippermettu apprendistati kosteffettivi għall-kumpanniji, b’kont meħud, fejn adatt, ta’ arranġament ta’ qsim ta’ spejjeż bejn l-impjegaturi u l-awtoritajiet pubbliċi.

Perkorsi u mobilità flessibbli

11.

Biex jiġi faċilitat l-aċċess, ir-rekwiżiti tad-dħul għall-apprendistati għandhom jieħdu kont tat-tagħlim formali u mhux formali rilevanti u/jew, jekk rilevanti, it-twettiq ta’ programmi preparatorji. Il-kwalifiki miksuba permezz tal-apprendistati għandhom jiġu inklużi fl-oqfsa ta’ kwalifiki rikonoxxuti f’livell nazzjonali b’referenza għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (7). L-apprendistati għandhom jippermettu aċċess għal opportunitajiet oħra ta’ tagħlim, inkluż f’livelli ta’ edukazzjoni u taħriġ ogħla, perkorsi ta’ karriera u/jew, fejn rilevanti, l-akkumulazzjoni ta’ unitajiet ta’ eżiti ta’ tagħlim. Il-mobilità transnazzjonali tal-apprendisti, jew fuq il-post tax-xogħol jew fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, għandha tiġi promossa progressivament bħala komponent tal-kwalifiki tal-apprendistat.

Gwida għall-karrieri u sensibilizzazzjoni

12.

Il-gwida għall-karrieri, il-mentoring u s-sostenn għall-istudent għandhom jiġu provduti qabel u matul l-apprendistat biex jiġu żgurati eżiti b’suċċess, biex jiġu evitati u jonqsu dawk li ma jkomplux kif ukoll jiġu sostnuti dawk l-istudenti biex jerġgħu jibdew il-perkorsi rilevanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-apprendistati għandhom jiġu promossi bħala perkors attraenti ta’ tagħlim permezz ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni b’udjenza wiesgħa.

Trasparenza

13.

Jenħtieġ li t-trasparenza tal-offerti ta’ apprendistati u l-aċċess għal dawn fi ħdan u bejn l-Istati Membri jiġu żgurati, inkluż bis-sostenn ta’ servizzi għall-impjiegi pubbliċi u privati kif ukoll korpi rilevanti oħra, u meta adatt, bl-użu tal-għodod tal-Unjoni bħall-EURES kif previst fir-regolament EURES.

Garanzija ta’ kwalità u traċċar tal-apprendisti

14.

Jenħtieġ li jkun hemm approċċi ta’ garanzija tal-kwalità fis-seħħ b’kont meħud tal-Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) (8), inkluż proċess li jippermetti valutazzjoni valida u affidabbli tal-eżiti tat-tagħlim. L-intraċċar tal-progressjoni tal-impjieg u l-karriera tal-apprendisti għandu jkun segwit, f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u dik Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data.

L-implimentazzjoni f’livell nazzjonali

Fl-ambitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għall-implimentazzjoni tagħha l-Istat Membri jenħtieġ li:

15.

Jippromwovu l-involviment attiv tas-sħab soċjali fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-apprendistati, f’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u mal-prattiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

16.

Jiżguraw aċċess ugwali, jippromwovu bilanċ bejn is-sessi u jindirizzaw id-diskriminazzjoni fl-iskemi tal-apprendistati;

17.

Jinkludu l-miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma taħt is-Semestru Ewropew;

18.

Jieħdu kont ta’ dan il-qafas meta jużaw fondi u strumenti tal-Unjoni Ewropea li jsostnu lill-apprendistati.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi s-sostenn neċessarju, inkluż bl-azzjonijiet li ġejjin:

Servizzi ta’ sostenn

19.

L-iżvilupp ta’ sett ta’ servizzi ta’ sostenn għall-qsim tal-għarfien, għall-bini ta’ netwerks u għat-tagħlim reċiproku biex jassistu lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-implimentazzjoni ta’ skemi tal-apprendistati f’konformità ma’ dan il-Qafas. Dan għandu jinkludi l-ħtiġijiet ta’ aktar taħriġ tal-għalliema u l-ħarrieġa ETV rigward l-innovazzjonijiet diġitali fl-apprendistati.

Sensibilizzazzjoni

20.

Il-promozzjoni tal-eċċellenza u l-attrazzjoni tal-apprendistati, kif ukoll immaġni pożittiva fost iż-żgħażagħ, il-familji tagħhom u l-impjegaturi, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali;

Finanzjament

21.

L-għoti ta’ sostenn għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz tal-finanzjament rilevanti tal-Unjoni, f’konformità mal-qafas legali rilevanti;

Segwitu

22.

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni bis-sostenn tal-Kumitat Konsultattiv tripartitiku dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, billi jibnu fuq l-istrumenti ta’ monitoraġġ eżistenti li jintużaw fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

23.

Rapportar lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Qafas fi żmien tliet snin mid-data tal-adozzjoni tiegħu.


(1)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.

(2)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.

(3)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(4)  ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.

(5)  ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.

(6)  COM(2016) 940 final.

(7)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.

(8)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.