|
8.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 48/52 |
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2015 – Frank vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-603/15)
(2016/C 048/60)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Regine Frank (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: W. Trautner, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
|
— |
tannulla d-deċiżjoni, innotifikata permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ġunju 2015, li ma evalwatx b’mod pożittiv il-proġett tar-rikorrenti Nru 680151 – QUASIMODO fl-ewwel fażi u li ma ħallitux jgħaddi għall-evalwazzjoni tat-tieni fażi; |
|
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li ċaħdet l-appell amministrattiv li hija ressqet kontra d-deċiżjoni tal-ERCEA (Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka) tal-5 ta’ Ġunju 2015, li ma evalwatx b’mod pożittiv il-proġett tar-rikorrenti Nru 680151 – QUASIMODO ippreżentat fl-ambitu tas-sejħa għal proposti u attivitajiet relatati taħt il-Programm ta’ Ħidma ERC 2015 tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) – “Orizzont 2020”, u li ma ħallietx lil dan il-proġett jgħaddi għall-evalwazzjoni tat-tieni fażi.
Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi:
|
1. |
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trasparenza Ir-rikorrenti ssostni li l-ERCEA aġixxiet b’mod li jikser f’diversi aspetti l-prinċipju ta’ trasparenza. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni la huma esposti fil-“Guidelines for Applicants” u lanqas ma huma spjegati b’mod koerenti fid-deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2015. |
|
2. |
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, permezz ta’ evalwazzjonijiet indifferenzjati u attakki kontra r-reputazzjoni xjentifika tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza. |