Brussell, 30.3.2022

COM(2022) 143 final

2022/0092(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2022) 166 final} - {SWD(2022) 85 final} - {SWD(2022) 86 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Raġunijiet u objettivi tal-proposta

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 114 u 169 TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Artikolu 38) jirrikjedu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku. Din għandha l-għan li tagħmel ir-relazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi ġusti u trasparenti u fl-aħħar mill-aħħar tappoġġa l-benesseri tal-konsumaturi Ewropej u tal-ekonomija tal-UE.

Din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb id-drittijiet tal-konsumatur billi temenda żewġ direttivi li jipproteġu l-interess tal-konsumaturi fil-livell tal-Unjoni: id-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali 1 u d-Direttiva 2011/83/UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur 2 . B’mod aktar speċifiku, il-proposta għandha l-għan li tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari, nadifa u ekoloġika tal-UE billi tippermetti lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet informati dwar ix-xiri u għalhekk tikkontribwixxi għal konsum aktar sostenibbli. Hija timmira wkoll prattiki kummerċjali żleali li jiżgwidaw lill-konsumaturi lil hinn mill-għażliet ta’ konsum sostenibbli. Barra minn hekk, din tiżgura applikazzjoni aħjar u aktar konsistenti tar-regoli tal-UE dwar il-konsumatur.

Il-proposta kienet waħda mill-inizjattivi stabbiliti fl-Aġenda għall-Konsumatur Ġdida 3 u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 4 u ssegwi l-Patt Ekoloġiku Ewropew 5 . L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u ta’ opportunitajiet ta’ ffrankar tal-kostijiet huwa element importanti fil-bini tal-qafas ta’ politika sostenibbli dwar il-prodotti. Dan għandu jinkiseb permezz tal-parteċipazzjoni mtejba tal-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari billi tiġi pprovduta informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija ta’ ċerti prodotti lill-konsumaturi qabel ma jikkonkludu l-kuntratt u billi tiżdied il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali żleali li jipprevjenu xiri sostenibbli, bħal: 

·prattiki ta’ greenwashing (jiġifieri asserzjonijiet ambjentali qarrieqa),  

·prattiki ta’ obsolexxenza bikrija (jiġifieri ħsarat prematuri tal-oġġetti), u

·l-użu ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà u għodod ta’ informazzjoni li ma jkunux affidabbli u trasparenti.

B’mod aktar preċiż, il-proposta għandha l-għan li:

·Tipprovdi informazzjoni dwar l-eżistenza u d-durata ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur għat-tipi kollha ta’ oġġetti, jew in-nuqqas ta’ tali garanzija fil-każ ta’ oġġetti li jużaw l-enerġija.

·Tipprovdi informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ aġġornamenti ta’ software bla ħlas għall-oġġetti kollha b’elementi diġitali, għal kontenut diġitali u servizzi diġitali.

·Tipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti, permezz ta’ punteġġ ta’ tiswija jew informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija, fejn disponibbli, għat-tipi kollha ta’ oġġetti.

·Tiżgura li l-kummerċjanti ma jqarrqux bil-konsumaturi dwar l-impatti ambjentali u soċjali, id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti.

·Tiżgura li kummerċjant ikun jista’ jagħmel asserzjoni ambjentali relatata mal-prestazzjoni ambjentali futura biss meta dan ikun jinvolvi impenji ċari.

·Tiżgura li kummerċjant ma jkunx jista’ jirreklama benefiċċji għall-konsumaturi li huma meqjusa bħala prattika komuni fis-suq rilevanti.

·Tiżgura li kummerċjant ikun jista’ jqabbel biss il-prodotti, inkluż permezz ta’ għodda ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, jekk jipprovdi informazzjoni dwar il-metodu tat-tqabbil, il-prodotti u l-fornituri koperti, u l-miżuri biex l-informazzjoni tinżamm aġġornata.

·Tipprojbixxi l-wiri ta’ tikketta ta’ sostenibbiltà li ma tkunx ibbażata fuq skema ta’ ċertifikazzjoni jew li ma tkunx stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi.

·Tipprojbixxi asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi użati fil-kummerċjalizzazzjoni għall-konsumaturi, meta l-prestazzjoni ambjentali eċċellenti tal-prodott jew tal-kummerċjant ma tkunx tista’ tintwera f’konformità mar-Regolament (KE) 66/2010 (Ekotikketta tal-UE), ma’ skemi ta’ tikkettar ekoloġiku rikonoxxuti uffiċjalment fl-Istati Membri, jew liġijiet applikabbli oħra tal-Unjoni, kif rilevanti għall-asserzjoni.

·Tipprojbixxi li ssir asserzjoni ambjentali dwar il-prodott kollu, meta din tkun tikkonċerna biss ċertu aspett tal-prodott.

·Tipprojbixxi l-preżentazzjoni tar-rekwiżiti imposti bil-liġi fuq il-prodotti kollha fil-kategorija ta’ prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni bħala karatteristika distintiva tal-offerta tal-kummerċjant.

·Tipprojbixxi ċerti prattiki relatati mal-obsolexxenza bikrija tal-oġġetti.

Dawn il-miżuri huma meħtieġa biex tiġi aġġornata l-liġi eżistenti dwar il-konsumatur biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti u jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tranżizzjoni ekoloġika. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur attwalment tirrikjedi li l-kummerċjanti jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-prodotti jew tas-servizzi. Din tinkludi rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni dwar l-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità, kif ukoll garanziji kummerċjali addizzjonali. Madankollu, billi ma hemm l-ebda rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ garanziji kummerċjali ta’ durabbiltà, id-Direttiva ma tinċentivax biżżejjed lill-produtturi biex jipprovdu tali garanziji lill-konsumaturi. Ir-riċerka turi li meta l-prodotti għall-konsumatur jiġu offruti b’garanzija kummerċjali, l-informazzjoni dwar tali garanziji kummerċjali, u l-metodu ta’ ħlas mill-konsumaturi, spiss la jkunu ċari, preċiżi u lanqas kompluti, u dan jagħmilha diffiċli għall-konsumaturi biex iqabblu bejn il-prodotti u biex jiddistingwu l-garanzija kummerċjali mill-garanzija legali (obbligatorja) 6 . Din il-proposta se tindirizza din il-kwistjoni billi tiżgura li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà ta’ aktar minn sentejn, li tkopri l-oġġett kollu, kull meta din l-informazzjoni ssir disponibbli mill-produttur.

Barra minn hekk, id-Direttiva ma fihiex rekwiżiti speċifiċi biex tingħata informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti. Minflok, din tirrikjedi biss informazzjoni dwar “servizzi ta’ wara l-bejgħ” li għandhom jiġu pprovduti fuq bażi “fejn applikabbli”. Din l-informazzjoni, li tgħin fil-promozzjoni tat-tiswija tal-oġġetti u għalhekk tkun partikolarment siewja biex tgħin lill-konsumaturi jikkontribwixxu għal ekonomija ċirkolari, hija fil-biċċa l-kbira nieqsa fil-punt tal-bejgħ. Studji riċenti juru li sa 80 % tal-konsumaturi tal-UE jiddikjaraw li għandhom diffikultà biex isibu informazzjoni dwar kemm huwa faċli li jsewwu prodott 7 .

Ir-regoli ġenerali dwar prattiki qarrieqa fid-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali jistgħu jiġu applikati għall-prattiki ta’ greenwashing meta dawn jaffettwaw b’mod negattiv lill-konsumaturi, bl-użu ta’ valutazzjoni każ b’każ. Madankollu, ma hemm l-ebda regola speċifika fid-Direttiva jew fl-Anness I tagħha (il-lista sewda) li tiddefinixxi prattiki bħal dawn bħala żleali f’kull ċirkostanza. L-iskrinjar riċenti tas-siti web mill-awtoritajiet tan-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur biex jiġu identifikati asserzjonijiet ambjentali qarrieqa kkonferma li hemm bżonn li jissaħħu r-regoli biex jiġi ffaċilitat l-infurzar f’dan il-qasam. Barra minn hekk, studju riċenti tal-Kummissjoni vvaluta 150 asserzjoni ambjentali u sab li sehem konsiderevoli (53,3 %) minnhom jipprovdu informazzjoni vaga, qarrieqa jew bla bażi dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti madwar l-UE u f’firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ prodotti (kemm fir-reklami kif ukoll fuq il-prodott) 8 .

Teżisti l-istess sitwazzjoni fil-każijiet ta’ obsolexxenza bikrija. In-nuqqas ta’ regoli speċifiċi u l-ħtieġa li jiġu vvalutati l-effetti konkreti tal-prattika fuq il-konsumaturi jagħmluha diffiċli biex id-Direttiva tiġi infurzata f’dan il-qasam. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li, fit-tweġiba tagħhom għall-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa li saret bi tħejjija għal din il-proposta, 76 % tar-rispondenti semmew li kellhom ħsara mhux mistennija fi prodott f’dawn l-aħħar tliet snin 9 .

1.2.Konsistenza mar-regoli eżistenti

Id-Direttiva (UE) 2019/771 10 (id-Direttiva dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti) tippromwovi d-durabbiltà tal-oġġetti permezz tal-garanzija legali, li tipprovdi ċerti drittijiet lill-konsumaturi għal perjodu minimu ta’ sentejn, li jista’ jiġi estiż mill-Istati Membri taħt ċerti kundizzjonijiet. Din tipprevedi wkoll kundizzjonijiet li taħthom produttur jista’ joffri garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà lil konsumatur.

Din il-proposta se żżid it-trasparenza għall-konsumaturi fir-rigward tal-garanziji kummerċjali u għalhekk se tinċentiva wkoll lill-produtturi biex joffru garanziji kummerċjali ta’ durabbiltà itwal minn sentejn billi tobbliga lill-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni fil-punt tal-bejgħ dwar l-eżistenza (jew in-nuqqas, fil-każ ta’ oġġetti li jużaw l-enerġija) u t-tul tal-garanziji kummerċjali tad-durabbiltà pprovduti mill-produtturi.

Kemm id-Direttiva dwar il-Bejgħ tal-Oġġetti kif ukoll id-Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali 11 jiżguraw li l-konsumaturi jiġu fornuti b’aġġornamenti tas-software sabiex prodott jibqa’ konformi sakemm idum il-kuntratt, jew inkella għal perjodu ta’ żmien li l-konsumatur jista’ raġonevolment jippretendi.

Madankollu, il-komparabbiltà tal-prodotti fil-punt tal-bejgħ abbażi tad-disponibbiltà ta’ aġġornamenti tas-software ma hijiex indirizzata. Din il-proposta se tipprevedi obbligu li l-konsumaturi jiġu informati dwar l-eżistenza ta’ aġġornamenti tas-software u l-perjodu li għalih il-produttur jintrabat li jipprovdihom qabel ma jikkonkludu l-kuntratt, meta din l-informazzjoni tiġi pprovduta mill-produttur. Meta diġà jkun hemm garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà offruta għal aktar minn sentejn, l-obbligu ta’ informazzjoni għall-kummerċjanti jibqa’ biss għall-aġġornamenti tas-software meta t-tul ta’ żmien ikun itwal mit-tul ta’ żmien tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà, biex tiġi evitata informazzjoni mhux meħtieġa għall-konsumaturi.

Billi din il-proposta temenda d-direttivi eżistenti dwar il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur, id-dispożizzjonijiet tagħha se jkunu jistgħu jiddependu fuq l-ispettru sħiħ tal-mekkaniżmi ta’ infurzar fil-liġi eżistenti tal-UE dwar il-konsumatur, li dan l-aħħar ġew imsaħħa bid-Direttiva dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar 12 , id-Direttiva dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi 13 u r-Regolament rivedut dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur 14 .

1.3.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

Bl-eċċezzjoni ta’ ċerti derogi, iż-żewġ direttivi dwar il-liġi tal-konsumatur emendati b’din il-proposta, japplikaw fis-setturi ekonomiċi kollha. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tagħhom, dawn japplikaw għal ħafna aspetti tat-tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi li jistgħu jkunu koperti wkoll minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE aktar speċifika f’oqsma differenti. L-interazzjoni bejn l-istrumenti differenti tad-dritt tal-Unjoni hija regolata mill-prinċipju ta’ lex specialis. Skont dan il-prinċipju, id-direttivi ġenerali dwar il-liġi tal-konsumatur japplikaw kull meta l-aspetti rilevanti tat-tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi ma jkunux regolati minn dispożizzjonijiet aktar speċifiċi tad-dritt tal-UE. Għalhekk, id-direttivi ġenerali dwar il-liġi tal-konsumatur jaħdmu bħala “xibka ta’ sikurezza”, filwaqt li jiżguraw li jkun jista’ jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fis-setturi kollha, filwaqt li jikkomplementaw u jimlew il-lakuni fil-liġi tal-Unjoni speċifika għas-settur.

Żewġ inizjattivi oħra fil-livell tal-UE jikkomplementaw din il-proposta: l-inizjattiva dwar l-Asserzjonijiet Ekoloġiċi u l-inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli. L-objettiv tal-inizjattiva dwar l-Asserzjonijiet Ekoloġiċi se jkun li jiġu introdotti rekwiżiti ulterjuri fir-rigward tal-asserzjonijiet ambjentali li jsiru dwar il-prodotti u l-organizzazzjonijiet, kemm meta jsiru min-negozji lill-konsumaturi kif ukoll min-negozji lil negozji oħra.

L-inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli (SPI) tibni fuq id-Direttiva attwali dwar l-Ekodisinn 15 sabiex tintroduċi rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-prodotti mibjugħa fl-UE. It-tliet inizjattivi huma reċiprokament konsistenti u komplementari.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

·Bażi ġuridika

Il-protezzjoni tal-konsumatur taqa’ taħt il-mandat konġunt (“kompetenza kondiviża”) tal-UE u tal-pajjiżi membri tagħha. Kif stipulat fl-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), l-UE trid tgħin biex tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u tippromwovi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni u l-edukazzjoni, biex tissalvagwardja l-interessi tagħhom. Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 li skont l-Artikolu 169(2)(a) huwa l-bażi ġuridika għall-adozzjoni ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-Artikolu 169 fil-kuntest tal-ikkompletar tas-suq intern.

Minbarra li ssegwi l-objettivi tas-suq uniku u tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-proposta se tfittex ukoll livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali billi tiftaħ opportunitajiet għall-ekonomija ċirkolari, nadifa u ekoloġika. Billi dawn il-benefiċċji ambjentali huma komplementari għall-objettivi primarji tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikkompletar tas-suq uniku, l-Artikolu 114 TFUE dwar l-ikkompletar tas-suq intern, b’konsiderazzjoni xierqa tal-Artikolu 169 TFUE jibqa’ l-bażi ġuridika xierqa.

·Sussidjarjetà (għall-kompetenza kondiviża)

Din il-proposta temenda r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, li l-adozzjoni tagħhom tqieset neċessarja u konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Suq uniku li jiffunzjona aħjar ma jistax jinkiseb mil-liġijiet nazzjonali waħedhom. Aktar ma s-suq uniku qed jikber u l-għadd ta’ tranżazzjonijiet tal-konsumaturi tal-UE qed jiżdied bejn l-Istati Membri, aktar ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur qed isiru rilevanti. Il-problemi indirizzati minn dawn l-emendi proposti huma problemi madwar l-UE kollha bl-istess kawżi. Għalhekk, hija biss azzjoni meħuda fil-livell tal-UE li tkun effettiva.

Fi ħdan l-UE, il-volum u l-intensità tal-kummerċ transfruntier huma għoljin biżżejjed biex jagħmlu l-funzjonament effiċjenti tas-suq uniku vulnerabbli għal għażliet politiċi inkonsistenti, jew saħansitra sempliċiment diverġenti, mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-kummerċjanti jistgħu jilħqu lill-konsumaturi minn fruntiera għall-oħra tal-Istati Membri. Dan jista’ joħloq problemi li l-leġiżlaturi u r-regolaturi nazzjonali ma jkunux f’pożizzjoni li jindirizzaw b’mod adegwat billi jaġixxu waħedhom.

Fin-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE, l-inizjattivi nazzjonali, għalkemm iġibu ċerti benefiċċji lill-konsumaturi u lis-swieq nazzjonali, jistgħu jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq uniku, li min-naħa tagħha ġġib inċertezza legali u żżid il-kostijiet tal-konformità.

Id-Direttiva 2005/29/KE tiżgura armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli nazzjonali dwar prattiki kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. Id-Direttiva 2011/83/UE fil-prinċipju tipprovdi regoli kompletament armonizzati dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali.

Kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-Direttivi tmur kontra l-qafas legali kompletament armonizzat. Din il-proposta tgħin biex jittaffew id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-awtoritajiet nazzjonali fl-infurzar tar-regoli eżistenti bbażati fuq il-prinċipji fid-Direttiva 2005/29/KE f’oqsma kumplessi bħal asserzjonijiet ambjentali qarrieqa, prattiki ta’ obsolexxenza bikrija u tikketti ta’ sostenibbiltà u għodod ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mhux trasparenti. Billi tispeċifika aktar meta u kif tali prattiki jikkwalifikaw bħala żleali, din iżżid l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE.

Din il-proposta temenda wkoll id-Direttiva 2011/83/UE billi tirrikjedi li l-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti qabel ma jiġi konkluż kuntratt, biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet ta’ xiri informati aħjar. Dan se jiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tali informazzjoni meta jixtru prodotti fis-suq uniku.

·Proporzjonalità

Il-miżuri fil-proposta huma proporzjonati mal-objettivi li jippermettu deċiżjonijiet informati dwar ix-xiri mill-konsumaturi, li jippromwovu konsum sostenibbli, jeliminaw prattiki kummerċjali żleali mill-kummerċjanti li jikkawżaw ħsara lill-ekonomija sostenibbli u jbiegħdu lill-konsumaturi mill-għażliet ta’ konsum sostenibbli, u li jiżguraw applikazzjoni aħjar u aktar konsistenti tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

Ir-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-preżenza ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur ta’ aktar minn sentejn huwa meħtieġ biss meta produttur jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-kummerċjant. Barra minn hekk, għall-prodotti li jużaw l-enerġija, il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati wkoll dwar il-fatt li l-produttur ma għamilx din l-informazzjoni disponibbli. Il-kummerċjanti huma soġġetti biss għal dan ir-rekwiżit fir-rigward ta’ prodotti li jużaw l-enerġija li għalihom id-durabbiltà tista’ tiġi stmata b’mod affidabbli u li dwarhom il-konsumaturi huma l-aktar interessati li jirċievu din l-informazzjoni.

Għal oġġetti b’elementi diġitali, l-għoti ta’ informazzjoni dwar aġġornamenti tas-software disponibbli huwa meħtieġ biss meta l-aġġornamenti jiġu fornuti għal perjodu itwal mill-perjodu kopert mill-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur, u meta din l-informazzjoni tingħata lill-kummerċjant mill-produttur. Barra minn hekk, tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta biss f’każ ta’ att uniku ta’ provvista tal-elementi diġitali inkwistjoni.

Għas-servizzi diġitali u l-kontenut diġitali, l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-aġġornamenti tas-software disponibbli huwa meħtieġ biss meta tali informazzjoni tiġi pprovduta lill-kummerċjant mill-fornitur meta l-fornitur ikun differenti mill-kummerċjant. Barra minn hekk, tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta biss f’każ ta’ att uniku ta’ provvista tas-servizz jew tal-kontenut diġitali inkwistjoni.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti permezz ta’ punteġġ ta’ tiswija jew informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija huwa meħtieġ fil-punt tal-bejgħ biss jekk ikun diġà stabbilit punteġġ ta’ tiswija għal dak il-prodott skont id-dritt tal-UE, jew kull meta l-produttur jagħmel disponibbli informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija. Il-kummerċjanti ma humiex obbligati jinformaw lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ jekk tali informazzjoni ma tkunx disponibbli.

Il-projbizzjoni fuq l-asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi użati fil-kummerċjalizzazzjoni għall-konsumaturi hija mistennija li ġġib benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi filwaqt li tillimita l-piż fuq il-kummerċjanti. Il-kummerċjanti jistgħu jagħmlu asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi f’każijiet fejn il-prestazzjoni ambjentali eċċellenti mill-prodotti jew mill-kummerċjanti tista’ tintwera f’konformità mar-Regolament (KE) 66/2010 (Ekotikketta tal-UE), minn skemi ta’ ekotikkettar rikonoxxuti uffiċjalment fl-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 66/2010, jew f’konformità ma’ liġijiet applikabbli oħra tal-Unjoni.

Il-projbizzjoni li ssir asserzjoni ambjentali dwar il-prodott kollu meta din tkun tikkonċerna biss ċertu aspett tal-prodott hija mistennija wkoll li ġġib benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi filwaqt li tiċċara r-regoli għall-kummerċjanti, u b’hekk tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejniethom. Dan se jippermetti lill-kummerċjanti jkomplu jagħmlu asserzjonijiet ambjentali dwar ċertu aspett ta’ prodott sakemm ikun magħmul ċar lill-konsumatur li l-asserzjoni hija relatata ma’ ċertu aspett u mhux mal-prodott kollu.

Il-projbizzjoni fuq prattiki relatati mal-obsolexxenza bikrija tal-prodotti hija mmirata lejn prattiki eżistenti speċifiċi u definiti sew u għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali għall-kummerċjanti u tiffaċilita l-infurzar, billi l-awtoritajiet tal-infurzar mhux se jkunu meħtieġa juru li prodott ġie ddisinjat għal obsolexxenza bikrija bl-intenzjoni li jinkoraġġixxi x-xiri ta’ mudell ġdid.

·Għażla tal-istrument

Billi din il-proposta temenda żewġ Direttivi eżistenti, l-aktar strument xieraq huwa direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2017, il-Liġi tal-UE dwar il-Konsumatur u l-Kummerċjalizzazzjoni u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur għaddew, rispettivament, minn kontroll tal-idoneità u evalwazzjoni. Is-sejbiet minn dan l-eżerċizzju indikaw primarjament il-ħtieġa li jittejbu s-sensibilizzazzjoni u l-infurzar tar-regoli u l-opportunitajiet għall-konsumaturi biex ifittxu rimedju, biex jagħmlu l-aħjar mil-leġiżlazzjoni eżistenti, u enfasizzaw firxa limitata ta’ bidliet meħtieġa minħabba d-diġitalizzazzjoni.

Minħabba l-enfasi fuq l-infurzar u d-diġitalizzazzjoni, ma kien hemm l-ebda konklużjoni speċifika dwar il-kontribut tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur għall-konsum sostenibbli, kwistjoni li kisbet aktar prominenza politika xi snin wara bit-tħabbira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Madankollu, kull meta jkun possibbli u rilevanti, dan l-istrument jibbaża fuq is-sejbiet u l-konklużjonijiet miġbura fl-eżerċizzju tal-2017 16 .

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati permezz ta’:

mekkaniżmu ta’ feedback dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu;

konsultazzjoni pubblika online;

konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, li jikkonsistu f’madwar 150 intervista fil-fond mal-gruppi ewlenin ikkonċernati mill-inizjattiva: awtoritajiet nazzjonali, assoċjazzjonijiet tan-negozju Ewropej u nazzjonali u assoċjazzjonijiet tal-konsumatur Ewropej u nazzjonali;

intervisti bit-telefon assistiti bil-kompjuter ma’ aktar minn 100 kumpanija;

stħarriġ tal-konsumaturi online ta’ kważi 12 000 konsumatur fil-pajjiżi kollha tal-UE;

erba’ sessjonijiet ta’ ħidma ta’ esperti ma’ gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati.

Il-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa online

Din il-konsultazzjoni pubblika miftuħa sabet li l-verifika tal-affidabbiltà tal-asserzjonijiet ambjentali dwar il-prodotti kienet l-akbar ostaklu għat-titjib tal-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika u għal imġiba ta’ konsum aktar sostenibbli. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi kienu aktar probabbli li jidentifikaw dan bħala ostaklu milli l-assoċjazzjonijiet tan-negozju.

Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti esperjenzaw ħsara mhux mistennija ta’ prodott f’dawn l-aħħar tliet snin. Il-prodotti tal-ICT ġew identifikati bħala l-aktar problematiċi, segwiti minn apparat domestiku żgħir u ħwejjeġ u żraben.

“Informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodott” ġiet identifikata bħala l-għażla l-aktar probabbli li tippermetti lill-konsumaturi jagħżlu prodotti aktar sostenibbli u jipparteċipaw fl-ekonomija ċirkolari. Kemm l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll iċ-ċittadini kienu favuriha ferm, iżda mhux il-kumpaniji/l-organizzazzjonijiet tan-negozju, li minflok kienu favur l-għoti ta’ “informazzjoni dwar l-impronta ambjentali u klimatika taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott”. Din ġiet ikklassifikata wkoll bħala t-tieni l-aħjar għażla b’mod ġenerali.

L-għoti ta’ informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà/it-tul tal-ħajja tal-prodotti ġie identifikat bħala l-aħjar għażla biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa fit-tranżizzjoni ekoloġika. Kemm l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll iċ-ċittadini kienu ferm favur dan, iżda mhux il-kumpaniji/l-organizzazzjonijiet tan-negozju jew l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, li ffavorixxew “is-sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tal-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari u t-tranżizzjoni ekoloġika”.

Konsultazzjoni mmirata

F’din il-konsultazzjoni – li saret biex jitwessa’ l-feedback miġbur fil-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa online, l-partijiet ikkonċernati kważi kollha (ħlief dawk li jirrappreżentaw l-industrija) qablu mal-opinjoni li l-konsumaturi ma jingħatawx, jew ma għandhomx biżżejjed aċċess għal informazzjoni dwar (i) l-impatt ambjentali tal-prodotti, (ii) it-tul tal-ħajja tal-oġġetti, (iii) karatteristiċi speċifiċi għall-prodott li jistgħu jwasslu għal ħsara bikrija, u (iv) id-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ tiswija, spare parts u aġġornamenti/titjib ta’ software.

Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi qiesu li l-konsumaturi huma suġġetti għal “greenwashing” u li “l-obsolexxenza prematura” sseħħ sa ċertu punt. Ir-rappreżentanti tal-industrija ma tantx qablu ma’ dan. Il-proliferazzjoni ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà ġiet identifikata wkoll bħala problema mill-biċċa l-kbira tal-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati.

Stħarriġ b’intervisti bit-telefon assistiti mill-kompjuter

Il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut intalbu jindikaw l-iskala tal-impatt u l-kost tal-introduzzjoni ta’ diversi rekwiżiti legali fl-organizzazzjoni tagħhom. It-tweġibiet għal kull rekwiżit kienu kif ġej:

·“L-għoti ta’ informazzjoni dwar aspetti fid-disinn tal-prodott li jistgħu jikkawżaw il-ħsara bikrija tiegħu” ikollu l-akbar impatt u jkun l-aktar għali.

·“Protezzjoni tal-konsumatur aktar b’saħħitha kontra prattiki ta’ obsolexxenza ppjanata (intenzjonata)” ikollha l-inqas impatt

·“L-obbligu li tingħata informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-garanzija kummerċjali għall-prodotti kollha” u “L-obbligu li l-konsumatur jiġi informat b’mod espliċitu li l-ebda garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà ma hija pprovduta għall-prodott partikolari” ikunu l-inqas għaljin.

Stħarriġ online fost il-konsumaturi

L-istħarriġ sab li l-konsumaturi jidhru li huma miftuħa għall-parteċipazzjoni fit-tranżizzjoni ekoloġika. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti ma kinux lesti li jħallsu għall-informazzjoni (eż. permezz ta’ applikazzjoni) dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija ta’ “oġġetti li jservu għal żmien twil”. Madwar nofs ir-rispondenti qalu li kienu lesti jħallsu xi ħaġa aktar fuq il-prezz inizjali għal prodott li jservi aktar mingħajr ma jkollu bżonn jissewwa, u proporzjon simili qalu li kienu lesti jħallsu xi ħaġa aktar għal prodott identiku li jservi aktar b’tiswijiet żgħar/raġonevoli. Sehem saħansitra akbar qalu li kienu lesti jħallsu aktar għal prodott identiku kopert minn garanzija kummerċjali li tkopri l-kost tat-tiswijiet. Il-“Prezz ogħla perċepit ta’ prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent” ġie identifikat bħala l-ostaklu ewlieni li jimpedixxi lill-konsumaturi milli jadottaw imġiba aktar sostenibbli u “L-għoti ta’ informazzjoni mtejba dwar id-durabbiltà/il-ħajja tal-prodotti” u “L-għoti ta’ informazzjoni mtejba lill-konsumatur dwar l-impronta ambjentali u klimatika taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott” ġew identifikati bħala l-aktar għażliet effettivi biex jgħinu lill-konsumaturi jagħżlu prodotti aktar sostenibbli mil-lat ambjentali.

Sessjonijiet ta’ ħidma tal-esperti

L-ewwel sessjoni ta’ ħidma

Din ġabret il-fehmiet dwar il-firxa tal-problemi u eżempji ta’ azzjoni effettiva. Ivvalidat ħafna mis-sejbiet mill-oqsma l-oħra ta’ konsultazzjoni. Kien hemm qbil ġenerali li l-greenwashing iseħħ u li jista’ jkun diffiċli li tinkiseb l-informazzjoni dwar id-durabbiltà tal-prodott. Tqajmu dubji dwar il-fatt li l-prodotti jiġu ddisinjati apposta biex ikollhom ħsara wara ftit żmien biss.

It-tieni sessjoni ta’ ħidma

Din ġabret il-fehmiet tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija dwar kif jistgħu jintużaw mezzi diġitali biex jipprovdu informazzjoni dwar il-prodott. Din enfasizzat xi wħud mill-opportunitajiet li joffru l-għodod diġitali (eż. il-kodiċijiet QR, it-tikketti elettroniċi) għall-għoti ta’ informazzjoni obbligatorja dwar il-prodott u għas-simplifikazzjoni tat-tikketti tal-prodott.

Din enfasizzat ukoll xi wħud mill-isfidi, b’mod partikolari għall-SMEs li jistgħu jkunu jeħtieġu appoġġ finanzjarju biex jimplimentaw dawn l-għodod u għall-konsumaturi vulnerabbli li ma għandhomx aċċess għalihom jew li ma jistgħux jużawhom.

It-tielet sessjoni ta’ ħidma

Din ġabret feedback dwar għażliet possibbli biex jiġu indirizzati l-problemi varji. Il-parteċipanti fis-sessjoni ta’ ħidma tennew ħafna mill-istess punti li tqajmu fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni preċedenti u kkonfermaw l-appoġġ għal ċerti għażliet politiċi li qed jiġu eżaminati.

Ir-raba’ sessjoni ta’ ħidma

Din ġabret il-fehmiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur (l-awtoritajiet tas-CPC) dwar l-isfidi tal-infurzar. Il-parteċipanti enfasizzaw id-diffikultà biex tintwera l-intenzjoni fir-rigward tal-obsolexxenza ppjanata.

L-awtoritajiet pubbliċi nnutaw li huma ma għandhomx għarfien espert tekniku biex ikunu jistgħu jinfurzaw l-asserzjonijiet ambjentali, u ma qablux dwar jekk l-infurzar tar-regoli attwali fid-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali huwiex effettiv.

·Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt 17 . Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni (RSB) l-ewwel ħareġ opinjoni negattiva (b’kummenti komprensivi) fil-5 ta’ Frar 2021.

Wara reviżjoni sostanzjali tal-abbozz inizjali, l-RSB pprovda opinjoni pożittiva b’aktar kummenti fis-17 ta’ Settembru 2021 18 . L-Anness I tal-valutazzjoni tal-impatt jispjega kif ġew indirizzati l-kummenti tal-RSB.

Il-valutazzjoni tal-impatt tidentifika żewġ problemi maqsuma f’għadd ta’ problemi sekondarji. Iż-żewġ problemi identifikati huma:

(1)Il-konsumaturi ma għandhomx informazzjoni affidabbli fil-punt tal-bejgħ biex jagħmlu għażliet ta’ konsum sostenibbli mil-lat ambjentali.

(2)Il-konsumaturi jiffaċċjaw prattiki kummerċjali qarrieqa relatati mas-sostenibbiltà tal-prodotti.

Il-problema 1 tkompli tinqasam fil-problemi sekondarji:

1.1)    Nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti

1.2)    Nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar it-tul tal-ħajja tal-oġġetti

1.3)    Nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti

Il-problema 2 tkompli tinqasam fil-problemi sekondarji:

2.1)    Jinbiegħu prodotti lill-konsumaturi li ma jservux kemm jistgħu jew kemm jippretendu l-konsumaturi (“obsolexxenza bikrija”)

2.2)    Il-konsumaturi jiffaċċjaw asserzjonijiet ambjentali mhux ċari jew mhux sostanzjati biżżejjed (“greenwashing”) mill-kumpaniji

2.3)    Il-konsumaturi jiffaċċjaw tikketti ta’ sostenibbiltà u għodod ta’ informazzjoni diġitali li mhux dejjem ikunu trasparenti jew kredibbli.

Ġew ikkunsidrati għadd ta’ għażliet politiċi għal kull problema sekondarja individwali. Abbażi ta’ analiżi b’ħafna kriterji, ikkomplementata minn analiżi (parzjali) tal-kostijiet u l-benefiċċji, u valutazzjoni kwalitattiva tal-proporzjonalità tad-diversi għażliet ikkunsidrati, ġiet proposta taħlita ta’ ħames għażliet politiċi preferuti biex jiġu indirizzati dawn il-problemi:

(1)L-għoti ta’ informazzjoni jew in-nuqqas tagħha dwar l-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur u tal-perjodu ta’ żmien li matulu jiġu pprovduti aġġornamenti tas-software bla ħlas (biex tiġi indirizzata l-problema sekondarja 1.2)

(2)L-għoti ta’ punteġġ ta’ tiswija, jew informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija, fejn applikabbli/disponibbli (biex tiġi indirizzata l-problema sekondarja 1.3)

(3)Projbizzjoni fuq ċerti prattiki identifikati assoċjati mal-obsolexxenza bikrija (biex tiġi indirizzata l-problema sekondarja 2.1)

(4)Projbizzjoni fuq asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi jew vagi bla bażi u l-istabbiliment ta’ kriterji għall-valutazzjoni tal-korrettezza tal-asserzjonijiet ambjentali biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kredibbiltà tagħhom għall-konsumaturi (biex tiġi indirizzata l-problema sekondarja 2.2)

(5)L-istabbiliment ta’ kriterji għall-valutazzjoni tal-korrettezza tat-tikketti tas-sostenibbiltà u tal-għodod tal-informazzjoni diġitali, biex jiġi żgurat li dawn ikunu trasparenti u kredibbli għall-konsumaturi (biex tiġi indirizzata l-problema sekondarja 2.3)

Problema sekondarja 1.1 (nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti)

Tqies li l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti obbligatorji ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi ambjentali l-aħjar li ssir permezz ta’ leġiżlazzjoni settorjali, nilli l-karatteristiċi inkwistjoni jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-kategorija tal-prodott. Il-valutazzjoni tal-impatt għalhekk ma pproponietx għażla ta’ politika ppreferuta biex tiġi indirizzata din il-problema sekondarja.

Problema sekondarja 1.2 (nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar it-tul tal-ħajja tal-oġġetti)

L-għażla preferuta tiżgura li l-konsumaturi jkunu informati aħjar dwar id-durabbiltà tal-oġġetti li jixtru, billi l-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur hija indikatur eċċellenti tad-durabbiltà tal-oġġett.

Barra minn hekk, l-obbligu tal-kummerċjanti li jinformaw lill-konsumatur dwar it-tul tal-garanzija, jew in-nuqqas ta’ garanzija jekk dan ikun il-każ, jistimulaw lill-kummerċjanti biex jikkompetu fuq l-għoti u t-tul ta żmien ta’ tali garanziji, u b’hekk jistimulaw indirettament il-manifattura ta’ prodotti b’tul ta’ ħajja itwal.

Għażla oħra meqjusa biex tiġi indirizzata din il-problema sekondarja kienet obbligu li l-konsumaturi jiġu informati dwar it-tul tal-ħajja mistennija tal-oġġetti. Madankollu, din ma ntgħażlitx billi ma kienx meqjus fattibbli li jiġi kkalkolat tul ta’ ħajja mistenni b’mod standardizzat għat-tipi kollha ta’ prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni.

Problema sekondarja 1.3 (nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti)

L-għażla ta’ politika preferuta tiżgura li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni affidabbli fil-punt tal-bejgħ dwar il-possibbiltà ta’ tiswija ta’ oġġett fil-forma ta’ punteġġ ta’ tiswija, jekk ikun jeżisti wieħed għal dik il-kategorija ta’ prodott partikolari u jkun obbligatorju skont id-dritt tal-Unjoni.

Jekk l-ebda punteġġ ta’ tiswija bħal dan ma jkun applikabbli jew disponibbli, din l-għażla tiżgura li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija (fejn disponibbli), bħad-disponibbiltà ta’ spare parts (inkluża proċedura biex dawn jiġu ordnati) jew manwali tat-tiswija.

Problema sekondarja 2.1 (prodotti li ma jservux kemm suppost)

L-għażla preferuta tiżgura li l-konsumaturi jkunu protetti aħjar minn oġġetti jew servizzi li jkunu qed jiġu kkummerċjalizzati mingħajr ma jiġi żvelat li dawn ġew iddisinjati biex isiru obsoleti aktar kmieni minn kemm jista’ jippretendi l-konsumatur.

L-identifikazzjoni ta’ prattiki speċifiċi bħala li jikkostitwixxu “prattiki ta’ obsolexxenza bikrija” tiffaċilita l-ħidma ta’ infurzar tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur.

Għażla oħra meqjusa biex tiġi indirizzata din il-problema sekondarja kienet il-ġbir ta’ evidenza dwar il-ħsara bikrija ta’ prodotti identifikata minn korpi awtorizzati. Madankollu, din l-għażla ma ntgħażlitx billi ma tqiesx li setgħet iġġib benefiċċji konsiderevoli għall-konsumaturi.

Problema sekondarja 2.2 (asserzjonijiet ambjentali mhux ċari jew infondati)

L-għażla preferuta tiżgura li l-konsumaturi jkunu protetti mill-greenwashing, billi dawk li jagħmlu tali asserzjonijiet ikunu meħtieġa jissodisfaw ċertu standard. Din tiffaċilita wkoll l-infurzar mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur.

Problema sekondarja 2.3 (tikketti ta’ sostenibbiltà/għodod ta’ informazzjoni diġitali mhux ċari/infondati)

L-għażla preferuta tiżgura li l-konsumaturi jkunu protetti milli jiġu mqarrqa minn tikketti u għodod bħal dawn.

Għażla oħra meqjusa biex tiġi indirizzata din il-problema sekondarja kienet l-approvazzjoni minn qabel ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà u ta’ għodod ta’ informazzjoni diġitali minn korp tal-UE. Madankollu, din l-għażla ma ntgħażlitx billi l-piż fuq il-kummerċjanti tqies li kien sproporzjonat.

Il-kombinazzjoni tal-għażliet politiċi preferuti hija mistennija li żżid il-benesseri tal-konsumatur b’mill-inqas bejn EUR 12,5 u 19,4 biljun fuq perjodu ta’ 15-il sena (medja ta’ madwar EUR 1 biljun fis-sena). Dan se jġib ukoll benefiċċji għall-ambjent, bi stima parzjali tat-total ta’ CO2e  ffrankat ta’ bejn 5 u 7 MtCO2e fuq perjodu ta’ 15-il sena. Fl-istess ħin, in-negozji se jkollhom jagħmlu aġġustamenti, li huwa mistenni li jiswa bejn EUR 9,1 u 10,4 biljun. Dan jirrappreżenta kost medju ta’ darba għal kull kumpanija ta’ bejn EUR 556 u 568, segwit minn kost rikorrenti annwali ta’ bejn EUR 64 u 79 għall-perjodu kopert. Min-naħa l-oħra, in-negozji se jesperjenzaw ukoll benefiċċji importanti ħafna relatati ma’ kundizzjonijiet ekwi billi n-negozji li bħalissa qed iqarrqu bil-konsumaturi jkollhom jallinjaw il-prattiki tagħhom ma’ dawk li huma verament sostenibbli. L-infurzar tal-għażliet preferuti min-naħa tal-amministrazzjonijiet pubbliċi huwa mistenni li jiswa madwar EUR 440 000 u 500 000 fis-sena għal kull Stat Membru.

Sabiex tiġi żgurata koerenza sħiħa ma’ inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni li qegħdin jitħejjew, ġie deċiż li wħud mill-elementi tal-għażliet politiċi preferuti magħżula fil-valutazzjoni tal-impatt biex jindirizzaw il-problema sekondarja 2.2 (asserzjonijiet ambjentali mhux ċari jew bla bażi) u l-problema sekondarja 2.3 (tikketti ta’ sostenibbiltà/għodod ta’ informazzjoni diġitali mhux ċari/bla bażi) ma humiex se jiġu implimentati permezz ta’ din l-inizjattiva iżda permezz tal-inizjattivi l-oħrajn.

·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ir-rapport dwar il-kontroll tal-idoneità ppubblikat fl-2017 wera li l-leġiżlazzjoni ġenerali tal-UE dwar il-konsumatur ma hijiex partikolarment ta’ piż, kemm f’termini assoluti kif ukoll meta mqabbla ma’ oqsma oħra tar-regolamentazzjoni tal-UE 19 . Għalhekk, minħabba l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-protezzjoni tal-konsumaturi u l-iffaċilitar tas-suq uniku, dawn l-evalwazzjonijiet identifikaw biss kamp ta’ applikazzjoni limitat għat-tnaqqis tal-piżijiet.

Minħabba l-enfasi fuq l-infurzar u d-diġitalizzazzjoni, ma kien hemm l-ebda konklużjoni speċifika dwar il-kontribut li sar mil-liġi tal-UE dwar il-konsumatur għall-konsum sostenibbli. Madankollu, kull meta jkun possibbli u rilevanti, dan l-istrument jibbaża fuq is-sejbiet u l-konklużjonijiet miġbura f’dak l-eżerċizzju.

·Drittijiet fundamentali

Il-proposta hija konformi mal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li skontu l-UE jeħtiġilha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dan se jiġi żgurat permezz ta’

(a)it-titjib tal-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija pprovduta fil-punt tal-bejgħ, u

(b)l-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa relatati mal-greenwashing u l-użu ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà u għodod ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mhux affidabbli u mhux trasparenti, u l-obsolexxenza bikrija.

Il-kjarifika ta’ x’jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fir-rigward ta’ asserzjonijiet ambjentali u l-użu ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà u għodod ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, u l-obsolexxenza bikrija, se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta, li jiggarantixxi l-libertà ta’ intrapriża skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

Fl-aħħar nett, billi l-proposta tagħti lill-konsumaturi s-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri aktar sostenibbli mil-lat ambjentali, hija tirrispetta d-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent, stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta.



4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda konsegwenza għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn ħames (5) snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Dan ir-rapport se jivvaluta l-applikazzjoni tad-Direttiva.

·Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Billi l-proposta tintroduċi emendi speċifiċi għal żewġ direttivi eżistenti, l-Istati Membri għandhom jew jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test tal-emendi speċifiċi għar-regoli nazzjonali jew, fin-nuqqas ta’ tali emendi, jispjegaw liema dispożizzjoni speċifika tal-liġi nazzjonali diġà timplimenta l-emendi previsti fil-proposta.

·Spjegazzjoni dettaljata tar-regoli speċifiċi fil-proposta

Artikolu 1 – Emendi għad-Direttiva 2005/29/KE

L-Artikolu 1 tal-proposta jemenda d-Direttiva 2005/29/KE billi jaġġorna l-lista tal-karatteristiċi tal-prodott li jekk kummerċjant iqarraq bil-konsumatur dwarhom, dan jista’ jitqies bħala azzjoni qarrieqa. Żewġ prattiki kummerċjali ġodda huma inklużi wkoll fil-lista ta’ azzjonijiet li għandhom jitqiesu bħala qarrieqa jekk iwasslu jew x’aktarx iwasslu biex il-konsumaturi medji jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kinux jieħdu f’ċirkostanzi oħra. Żdied punt wieħed ġdid mal-lista ta’ tagħrif li għandu jitqies bħala importanti fil-każ ta’ prattiki kummerċjali speċifiċi, li jekk jitħalla barra jista’ jwassal biex il-prattika kummerċjali inkwistjoni titqies bħala qarrieqa. Barra minn hekk, il-lista ta’ prattiki kummerċjali li jitqiesu żleali f’kull ċirkostanza hija estiża għal prattiki assoċjati mal-obsolexxenza bikrija tal-prodotti u mal-greenwashing.

Il-lista tal-karatteristiċi tal-prodott li dwarhom kummerċjant ma għandux iqarraq b’konsumatur fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29/KE hija emendata biex tinkludi “impatt ambjentali jew soċjali, “durabbiltà” u “possibbiltà ta’ tiswija”. Fir-rigward tal-prattiki kummerċjali li għandhom jitqiesu bħala azzjonijiet qarrieqa jekk iwasslu jew x’aktarx iwasslu biex il-konsumaturi medji jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kinux jieħdu f’ċirkostanzi oħra, żdiedu żewġ prattiki addizzjonali fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2005/29/KE:

l-għemil ta’ asserzjoni ambjentali relatata mal-prestazzjoni ambjentali futura mingħajr impenji u miri ċari, oġġettivi u verifikabbli u sistema ta’ monitoraġġ indipendenti.

ir-reklamar ta’ benefiċċji għall-konsumaturi li huma meqjusa bħala prattika komuni fis-suq rilevanti.

Fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE, il-lista ta’ tagħrif li għandu jitqies bħala importanti fil-każ ta’ prattiki kummerċjali speċifiċi, li l-ommissjoni tiegħu tista’ twassal biex il-prattika kummerċjali inkwistjoni titqies bħala qarrieqa, hija estiża biex tinkludi l-punt li ġej:

meta kummerċjant jipprovdi servizz li jqabbel il-prodotti, inkluż permezz ta’ għodda ta’ tagħrif dwar is-sostenibbiltà, it-tagħrif dwar il-metodu tat-tqabbil, il-prodotti li huma l-oġġett tat-tqabbil u l-fornituri ta’ dawk il-prodotti, u l-miżuri biex it-tagħrif jinżamm aġġornat għandu jitqies bħala importanti.

L-10 prattiċi kummerċjali addizzjonali miżjuda mal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE li għandhom jitqiesu żleali fiċ-ċirkostanzi kollha huma:

Il-wiri ta’ tikketta ta’ sostenibbiltà li ma tkunx ibbażata fuq skema ta’ ċertifikazzjoni jew mhux stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi.

Il-presentazzjoni ta’ asserzjoni ambjentali ġenerika li għaliha l-kummerċjant ma jkunx jista’ juri prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta rilevanti għall-asserzjoni.

L-għemil ta’ asserzjoni ambjentali dwar il-prodott kollu, meta din tkun tikkonċerna biss ċertu aspett tal-prodott.

Il-preżentazzjoni ta’ rekwiżiti imposti mil-liġi fuq il-prodotti kollha fil-kategorija ta’ prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni bħala karatteristika distintiva tal-offerta tal-kummerċjant.

Il-fatt li l-konsumatur ma jiġix informat li aġġornament tas-software ikollu impatt negattiv fuq l-użu ta’ oġġetti b’elementi diġitali jew fuq ċerti karatteristiċi ta’ dawn l-oġġetti, anki jekk l-aġġornament tas-software itejjeb il-funzjonament ta’ karatteristiċi oħra.

Il-fatt li l-konsumatur ma jiġix informat dwar l-eżistenza ta’ karatteristika ta’ oġġett introdotta biex tillimita d-durabbiltà tiegħu.

L-affermazzjoni li oġġett għandu ċerta durabbiltà f’termini ta’ żmien għall-użu jew intensità meta ma jagħmilx dan.

Il-preżentazzjoni ta’ prodotti bħala li jistgħu jissewwew meta dan ma jkunx possibbli jew in-nuqqas ta’ tagħrif lill-konsumatur li l-oġġetti ma jistgħux jissewwew f’konformità mar-rekwiżiti legali.

Il-fatt li l-konsumatur jiħeġġeġ jissostitwixxi l-partijiet konsumabbli ta’ oġġett aktar kmieni milli jkun meħtieġ għajr għal raġunijiet tekniċi huwa neċessarju.

In-nuqqas ta’ informar li oġġett huwa ddisinjat biex tonqos il-funzjonalità tiegħu meta jintużaw partijiet konsumabbli, spare parts jew aċċessorji li ma jkunux ipprovduti mill-produttur oriġinali.

Artikolu 2 – Emendi għad-Direttiva 2011/83/UE

L-Artikolu 2 tal-proposta jemenda d-Direttiva 2011/83/UE fir-rigward tal-informazzjoni prekuntrattwali li trid tingħata lill-konsumaturi meta jikkonkludu kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju kif ukoll kuntratti għajr kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti.

Jemenda wkoll id-Direttiva fir-rigward tal-informazzjoni li l-konsumaturi għandhom jingħataw direttament qabel ma jagħmlu l-ordni tagħhom, fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod li għandhom jiġu konklużi b’mezzi elettroniċi.

Fir-rigward tal-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata lill-konsumaturi meta jikkonkludu kuntratti li ma jkunux kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, qed jiżdiedu sitt punti addizzjonali mal-lista taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/83/UE, li jinkludi l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur b’mod ċar u li jinftiehem.

Dawn is-sitt punti addizzjonali jikkonsistu minn:

informazzjoni dwar l-eżistenza u d-durata, ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur għat-tipi kollha ta’ oġġetti, meta din l-informazzjoni tkun magħmula disponibbli mill-produttur;

informazzjoni li ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni mill-produttur dwar l-eżistenza ta’ garanzija ta’ durabbiltà tal-produttur għal oġġetti li jużaw l-enerġija;

l-eżistenza u t-tul tal-perjodu li matulu l-produttur jintrabat li jipprovdi aġġornamenti tas-software għall-oġġetti b’elementi diġitali;

l-eżistenza u t-tul tal-perjodu li matulu l-fornitur jintrabat li jipprovdi aġġornamenti tas-software għall-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali;

il-punteġġ ta’ tiswija tal-oġġett kif applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni;

informazzjoni oħra dwar it-tiswija, jekk l-ebda punteġġ ta’ tiswija ma jkun disponibbli fil-livell tal-Unjoni, bħal informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ spare parts u manwal tat-tiswija.

Fir-rigward tal-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata lill-konsumaturi meta jikkonkludu kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju, l-istess sitt punti jiżdiedu mal-lista taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83/UE (informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur b’mod ċar u li jinftiehem).

Fir-rigward tal-informazzjoni li l-konsumaturi jridu jkunu jafu eżatt qabel ma jagħmlu l-ordni, fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod li jridu jiġu konklużi b’mezzi elettroniċi, l-informazzjoni dwar l-eżistenza u t-tul ta’ żmien (jew li l-ebda informazzjoni ma ngħatat, fil-każ ta’ oġġetti li jużaw l-enerġija) tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur qed tiżdied mal-lista ta’ tali informazzjoni li trid tingħata skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE.

2022/0092 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 20  

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Sabiex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali żleali li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jagħmlu għażliet ta’ konsum sostenibbli, bħal prattiki assoċjati mal-obsolexxenza bikrija tal-oġġetti, asserzjonijiet ambjentali qarrieqa (“greenwashing”), tikketti ta’ sostenibbiltà jew għodod ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mhux trasparenti u mhux kredibbli, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli speċifiċi fil-liġi tal-Unjoni dwar il-konsumaturi. Dan jippermetti lill-korpi kompetenti nazzjonali jindirizzaw dawn il-prattiki b’mod effettiv.  Billi jiżguraw li l-asserzjonijiet ambjentali jkunu ġusti, il-konsumaturi se jkunu jistgħu jagħżlu prodotti li huma ġenwinament aħjar għall-ambjent mill-prodotti li jikkompetu magħhom. Dan se jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni lejn prodotti ambjentalment aktar sostenibbli, u b’hekk jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

(2)Dawn ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li jiġu introdotti kemm permezz tal-emendar tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 dwar dawk il-prattiki kummerċjali li għandhom jitqiesu qarrieqa, u, għalhekk huma pprojbiti, abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ, u permezz tal-emendar tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE biż-żieda ta’ prattiki qarrieqa speċifiċi li huma meqjusa żleali f’kull ċirkostanza, u għalhekk huma pprojbiti.

(3)Sabiex il-kummerċjanti jiġu skoraġġuti milli jqarrqu bil-konsumaturi fir-rigward tal-impatt ambjentali jew soċjali, tad-durabbiltà jew tal-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti tagħhom, inkluż permezz tal-preżentazzjoni ġenerali tal-prodotti, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jiġi emendat billi jiżdiedu l-impatt ambjentali jew soċjali, id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodott mal-lista tal-karatteristiċi ewlenin tal-prodott li fir-rigward tagħhom l-azzjonijiet tal-kummerċjant jistgħu jitqiesu qarrieqa, wara valutazzjoni każ b’każ. L-informazzjoni pprovduta dwar is-sostenibbiltà soċjali tal-prodotti, bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kontribuzzjonijiet għall-karità jew il-benessri tal-annimali, jenħtieġ li ma tqarraqx bil-konsumaturi lanqas.

(4)L-asserzjonijiet ambjentali, b’mod partikolari l-asserzjonijiet relatati mal-klima, qegħdin ikunu wkoll dejjem aktar relatati mal-prestazzjoni futura fil-forma ta’ tranżizzjoni lejn in-newtralità tal-karbonju jew tal-klima, jew objettiv simili, sa ċerta data. Permezz ta’ tali asserzjonijiet, il-kummerċjanti joħolqu l-impressjoni li l-konsumaturi jikkontribwixxu għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju billi jixtru l-prodotti tagħhom. Sabiex jiġu żgurati l-korrettezza u l-kredibbiltà ta’ tali asserzjonijiet, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jiġi emendat biex jipprojbixxi tali asserzjonijiet wara valutazzjoni każ b’każ, meta ma jkunux appoġġati minn impenji u miri ċari, oġġettivi u verifikabbli, mogħtija mill-kummerċjant. Tali asserzjonijiet jenħtieġ li jiġu appoġġati wkoll minn sistema ta’ monitoraġġ indipendenti biex jiġi mmonitorjat il-progress tal-kummerċjant fir-rigward tal-impenji u l-miri.

(5)Prattika oħra potenzjalment qarrieqa li jenħtieġ li tiżdied mal-prattiki speċifiċi fil-mira tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2005/29/KE hija r-reklamar ta’ benefiċċji għall-konsumaturi li effettivament huma prattika komuni fis-suq rilevanti. Pereżempju, jekk in-nuqqas ta’ sustanza kimika jkun prattika komuni f’suq tal-prodotti speċifiku, il-promozzjoni tiegħu bħala karatteristika distintiva tal-prodott tista’ tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali.

(6)It-tqabbil ta’ prodotti abbażi tal-aspetti ambjentali jew soċjali tagħhom, inkluż permezz tal-użu ta’ għodod ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, huwa teknika ta’ kummerċjalizzazzjoni dejjem aktar komuni. Biex jiġi żgurat li tqabbil bħal dan ma jqarraqx bil-konsumaturi, jenħtieġ li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE jiġi emendat biex jirrikjedi li l-konsumatur jingħata l-informazzjoni dwar il-metodu ta’ tqabbil, il-prodotti li jkunu l-oġġett ta’ tqabbil u l-fornituri ta’ dawn il-prodotti, u l-miżuri biex l-informazzjoni tinżamm aġġornata. Dan għandu jiżgura li l-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet tranżazzjonali informati aħjar meta jużaw tali servizzi. It-tqabbil jenħtieġ li jkun oġġettiv billi, b’mod partikolari, jitqabblu prodotti li jaqdu l-istess funzjoni, bl-użu ta’ metodu komuni u suppożizzjonijiet komuni, u jitqabblu l-karatteristiċi materjali u verifikabbli tal-prodotti mqabbla.

(7)Il-wiri ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà li ma jkunux ibbażati fuq skema ta’ ċertifikazzjoni jew li ma jkunux stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jkun ipprojbit billi tali prattiki jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE. Jenħtieġ li l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi ta’ trasparenza u kredibbiltà. Il-wiri tat-tikketti dwar is-sostenibbiltà jibqa’ possibbli mingħajr skema ta’ ċertifikazzjoni fejn tali tikketti jkunu stabbiliti minn awtorità pubblika, jew fil-każ ta’ forom addizzjonali ta’ espressjoni u preżentazzjoni tal-ikel skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Din ir-regola tikkomplementa l-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE li jipprojbixxi li jiġi ddikjarat li kummerċjant, il-prattiki kummerċjali ta’ kummerċjant, jew prodott ikun ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat meta ma jkunx, jew li ssir asserzjoni bħal din mingħajr konformità mat-termini tal-approvazzjoni, l-appoġġ jew l-awtorizzazzjoni.

(8)F’każijiet fejn il-wiri ta’ tikketta ta’ sostenibbiltà jinvolvi komunikazzjoni kummerċjali li tissuġġerixxi jew toħloq l-impressjoni li prodott għandu impatt pożittiv jew li ma għandu l-ebda impatt fuq l-ambjent, jew li huwa inqas ta’ ħsara għall-ambjent minn prodotti kompetituri, din it-tikketta ta’ sostenibbiltà wkoll tikkostitwixxi asserzjoni ambjentali.

(9)L-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġu pprojbiti asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi mingħajr prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta li tkun rilevanti għall-asserzjoni. Eżempji ta’ asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi bħal dawn huma dikjarazzjonijiet bħal “favur l-ambjent”, “eko”, “ambjentali”, “ħbieb tan-natura”, “ekoloġiċi”, “ambjentalment korretti”, “favur il-klima”, “favur l-ambjent”, “favur il-karbonju”, “newtrali f’termini ta’ karbonju”, “pożittivi għall-karbonju”, “newtrali għall-klima”, “effiċjenti fl-użu tal-enerġija”, “bijodegradabbli”, “b’bażi bijoloġika” jew dikjarazzjonijiet simili, kif ukoll dikjarazzjonijiet usa’ bħal “konxji” jew “responsabbli” li jissuġġerixxu jew joħolqu l-impressjoni ta’ prestazzjoni ambjentali eċċellenti. Tali asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi jenħtieġ li jiġu pprojbiti kull meta ma tintwera l-ebda prestazzjoni ambjentali eċċellenti jew kull meta l-ispeċifikazzjoni tal-affermazzjoni ma tingħatax f’termini ċari u prominenti fuq l-istess mezz, bħall-istess post tar-reklamar, l-imballaġġ tal-prodott jew l-interfaċċa tal-bejgħ online. Pereżempju, l-asserzjoni “bijodegradabbli”, li tirreferi għal prodott, tkun asserzjoni ġenerika, filwaqt li jekk tiddikjara li “l-imballaġġ huwa bijodegradabbli permezz tal-kompostaġġ fid-dar fi żmien xahar” tkun asserzjoni speċifika, li ma taqax taħt din il-projbizzjoni.

(10)Prestazzjoni ambjentali eċċellenti tista’ tintwera permezz ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 , jew skemi ta’ ekotikkettar rikonoxxuti uffiċjalment fl-Istati Membri, jew konformità mal-ogħla prestazzjoni ambjentali għal aspett ambjentali speċifiku skont liġijiet applikabbli oħra tal-Unjoni, bħal klassi A skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 . Il-prestazzjoni ambjentali eċċellenti inkwistjoni jenħtieġ li tkun rilevanti għall-asserzjoni. Pereżempju, dikjarazzjoni ġenerika “effiċjenza fl-enerġija” tista’ ssir abbażi ta’ prestazzjoni ambjentali eċċellenti skont ir-Regolament (UE) 2017/1369. B’kuntrast ma’ dan, asserzjoni ġenerika “bijodegradabbli” ma tistax issir abbażi ta’ prestazzjoni ambjentali eċċellenti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 66/2010, sakemm ma jkunx hemm rekwiżiti għall-bijodegradabbiltà fil-kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE relatati mal-prodott inkwistjoni.

(11)Prattika kummerċjali qarrieqa oħra li jenħtieġ li tiġi pprojbita fiċ-ċirkostanzi kollha u li għalhekk żdiedet mal-lista tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE hija li ssir asserzjoni ambjentali dwar il-prodott kollu meta din tkun tikkonċerna biss ċertu aspett tal-prodott. Dan huwa l-każ pereżempju meta prodott jiġi kkummerċjalizzat bħala “materjal riċiklat” li jagħti l-impressjoni li l-prodott sħiħ huwa magħmul minn materjal riċiklat, meta jkun biss l-ippakkjar li jkun magħmul minn materjal riċiklat.

(12)Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari 24  jipprevedi l-ħtieġa li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-asserzjonijiet ambjentali bl-użu ta’ metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjonijiet. Rekwiżiti addizzjonali dwar l-asserzjonijiet ambjentali se jkollhom jiġu stabbiliti f’leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni. Dawn ir-rekwiżiti l-ġodda se jikkontribwixxu għall-objettiv tal-Patt Ekoloġiku 25 li jippermetti lix-xerrejja jieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli u jnaqqsu r-riskju ta’ greenwashing permezz ta’ informazzjoni affidabbli, komparabbli u verifikabbli.

(13)Il-preżentazzjoni tar-rekwiżiti imposti mil-liġi fuq il-prodotti kollha fil-kategorija ta’ prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni, inklużi l-prodotti importati, bħala karatteristika distintiva tal-offerta tal-kummerċjant, jenħtieġ li tiġi pprojbita wkoll f’kull ċirkostanza u miżjuda mal-lista fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE. Din il-projbizzjoni tista’ tapplika, pereżempju, meta kummerċjant ikun qed jirreklama li prodott partikolari ma jkunx fih x sustanza kimika speċifika meta din is-sustanza tkun diġà pprojbita mil-liġi għall-prodotti kollha f’dik il-kategorija ta’ prodotti fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ma għandhiex tkopri prattiki kummerċjali li jippromwovu l-konformità tal-kummerċjanti jew tal-prodotti ma’ rekwiżiti legali li japplikaw biss għal xi prodotti iżda mhux għal prodotti kompetituri oħra tal-istess kategorija fis-suq tal-Unjoni, bħal prodotti ta’ oriġini mhux mill-UE.

(14)Sabiex jittejjeb il-benessri tal-konsumaturi, l-emendi għall-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jindirizzaw ukoll diversi prattiki assoċjati mal-obsolexxenza bikrija, inklużi prattiki ta’ obsolexxenza ppjanata, mifhuma bħala politika kummerċjali li tinvolvi l-ippjanar jew it-tfassil deliberat ta’ prodott b’ħajja utli limitata sabiex qabel iż-żmien isir obsolet jew mhux funzjonali wara ċertu perjodu ta’ żmien. Ix-xiri ta’ prodotti li l-konsumaturi jippretendu li jdumu jservu aktar milli jservu, jikkawża detriment lill-konsumatur. Barra minn hekk, il-prattiki ta’ obsolexxenza bikrija għandhom impatt negattiv ġenerali fuq l-ambjent fil-forma ta’ żieda ta’ skart materjali. Għalhekk, l-indirizzar ta’ dawn il-prattiki x’aktarx li jnaqqas ukoll l-ammont ta’ skart, u b’hekk jikkontribwixxi għal konsum aktar sostenibbli.

(15)L-ewwel nett, jenħtieġ li jkun ipprojbit li l-konsumatur ma jiġix informat li aġġornament tas-software, inkluż aġġornament tas-sigurtà, ikollu impatt negattiv fuq l-użu ta’ oġġetti b’elementi diġitali jew fuq ċerti karatteristiċi ta’ dawn l-oġġetti, anki jekk l-aġġornament itejjeb il-funzjonament ta’ karatteristiċi oħra. Pereżempju, meta jistieden lill-konsumaturi jaġġornaw is-sistema operattiva fuq l-ismartphone tagħhom, il-kummerċjant ikollu jinforma lill-konsumatur jekk tali aġġornament ikollu impatt negattiv fuq il-funzjonament ta’ kwalunkwe waħda mill-karatteristiċi tal-ismartphone.

(16)Il-fatt li l-konsumatur ma jiġix informat dwar l-eżistenza ta’ karatteristika ta’ oġġett introdotta biex tillimita d-durabbiltà tiegħu. Pereżempju, karatteristika bħal din tista’ tkun software li jwaqqaf jew li jbaxxi l-livell tal-funzjonalità tal-oġġett wara perjodu ta’ żmien partikolari, jew tista’ tkun biċċa hardware li tkun iddisinjata biex tieqaf taħdem wara perjodu ta’ żmien partikolari. Il-projbizzjoni li l-konsumaturi ma jiġux informati b’dawn il-karatteristiċi tal-oġġetti tikkomplementa d-drittijiet tal-konsumatur u hija mingħajr preġudizzju għalihom meta dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ konformità skont id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 . Sabiex prattika kummerċjali bħal din titqies żleali, jenħtieġ li ma jkunx neċessarju jintwera li l-għan tal-karatteristika jkun l-inkoraġġiment tas-sostituzzjoni tal-oġġett rispettiv. Jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-użu ta’ karatteristiċi li jillimitaw id-durabbiltà tal-oġġetti u l-prattiki tal-manifattura li jużaw materjali jew proċessi ta’ kwalità ġenerali baxxa li jirriżultaw f’durabbiltà limitata tal-oġġetti. In-nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett li jirriżulta mill-użu ta’ materjali jew proċessi ta’ kwalità baxxa jenħtieġ li jibqa’ jiġi rregolat mir-regoli dwar il-konformità tal-oġġetti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/771.

(17)Prattika oħra li jenħtieġ li tiġi pprojbita skont l-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE hija l-prattika li jiġi ddikjarat li oġġett għandu ċerta durabbiltà meta ma jkollux. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta kummerċjant jinforma lill-konsumaturi li magna tal-ħasil mistennija li sservi ċertu numru ta’ ċikli tal-ħasil, meta l-użu attwali tal-magna tal-ħasil juri li dan ma jkunx il-każ.

(18)Bl-istess mod, jenħtieġ li l-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE jiġi emendat ukoll biex jipprojbixxi li l-prodotti jiġu ppreżentati bħala li jistgħu jissewwew meta dan ma jkunx possibbli, kif ukoll li l-konsumaturi ma jiġux informati li l-oġġetti ma jistgħux jissewwew skont ir-rekwiżiti legali.

(19)Il-projbizzjoni ta’ dawn il-prattiki fir-rigward tad-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija fid-Direttiva 2005/29/KE tipprovdi lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-Istati Membri b’għodda ta’ infurzar addizzjonali għal protezzjoni aħjar tal-interessi tal-konsumaturi fil-każijiet li fihom il-kummerċjanti jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti.

(20)Prattika oħra assoċjata mal-obsolexxenza bikrija li jenħtieġ li tiġi pprojbita u li tiżdied mal-lista fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE hija li l-konsumatur jiġi mħeġġeġ jissostitwixxi l-partijiet konsumabbli ta’ prodott aktar kmieni milli jkun altrimenti meħtieġ għal raġunijiet tekniċi. Prattiki bħal dawn iqarrqu bil-konsumatur biex jemmen li l-oġġetti mhux se jibqgħu jiffunzjonaw sakemm l-oġġetti konsumabbli tagħhom ma jiġux sostitwiti, u b’hekk iwassluh biex jixtri aktar oġġetti konsumabbli milli meħtieġ. Pereżempju, il-prattika li l-konsumatur jiġi mħeġġeġ, permezz tas-settings tal-istampatur, biex jissostitwixxi l-cartridges tal-linka tal-istampatur qabel ma jkunu effettivament vojta biex jiġi stimulat ix-xiri ta’ cartridges tal-linka addizzjonali, tkun ipprojbita.

(21)L-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jiġi emendat ukoll biex ikun ipprojbit li l-konsumatur ma jiġix informat li l-oġġett huwa ddisinjat biex tonqos il-funzjonalità tiegħu meta jintużaw partijiet konsumabbli, spare parts jew aċċessorji li ma jkunux ipprovduti mill-produttur oriġinali. Pereżempju, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ stampaturi ddisinjati biex jiffunzjonaw b’mod limitat meta jintużaw cartridges tal-linka mhux ipprovduti mill-produttur oriġinali tal-istampatur mingħajr ma tiġi żvelata din l-informazzjoni lill-konsumatur, tkun ipprojbita. Din il-prattika tal-aħħar tista’ tqarraq bil-konsumaturi b’tali mod li jixtru cartridge tal-linka alternattiv li ma jkunx jista’ jintuża għal dak l-istampatur, u b’hekk jinħolqu spejjeż ta’ tiswija mhux meħtieġa, flussi tal-iskart jew spejjeż addizzjonali minħabba l-obbligu li jintużaw il-partijiet konsumabbli oriġinali tal-produttur, li l-konsumatur ma setax jipprevedi fil-waqt tax-xiri. Bl-istess mod, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparat intelliġenti ddisinjat biex jiffunzjona b’mod limitat meta jintużaw ċarġers jew spare parts li ma jkunux ipprovduti mill-produttur oriġinali, mingħajr ma tiġi żvelata din l-informazzjoni lill-konsumatur, tkun ipprojbita wkoll.

(22)Sabiex il-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet informati aħjar u jħeġġu d-domanda għal oġġetti li jservu aktar kif ukoll il-provvista tagħhom, jenħtieġ li tingħata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija ta’ prodott għat-tipi kollha ta’ oġġetti qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali, kontenut diġitali u servizzi diġitali, il-konsumaturi jenħtieġ li jiġu informati dwar il-perjodu ta’ żmien li matulu jkunu disponibbli aġġornamenti tas-software mingħajr ħlas. Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 jenħtieġ li tiġi emendata biex tipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni prekuntrattwali dwar id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija u d-disponibbiltà ta’ aġġornamenti. Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata lill-konsumaturi b’mod ċar u li jinftiehem u f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva 2019/882 28 . L-obbligu li tingħata din l-informazzjoni lill-konsumaturi jikkomplementa u ma jaffettwax id-drittijiet tal-konsumaturi previsti fid-Direttivi (UE) 2019/770 29 u (UE) 2019/771 30 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(23)Indikatur tajjeb tad-durabbiltà ta’ oġġett huwa l-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/771. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/83/UE tiġi emendata biex tirrikjedi speċifikament li l-kummerċjanti li jbigħu l-oġġetti jinformaw lill-konsumaturi dwar l-eżistenza tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur għat-tipi kollha ta’ oġġetti, meta l-produttur jagħmel din l-informazzjoni disponibbli.

(24)Il-problema ta’ durabbiltà limitata li tmur kontra l-aspettattivi tal-konsumaturi hija l-aktar rilevanti għall-oġġetti li jużaw l-enerġija, li huma oġġetti li jiffunzjonaw minn sors estern tal-enerġija. Il-konsumaturi huma interessati ferm ukoll li jirċievu informazzjoni dwar id-durabbiltà mistennija ta’ din il-kategorija ta’ prodotti. Għal dawn ir-raġunijiet, għal din il-kategorija ta’ oġġetti biss, il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu konxji li l-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur ta’ aktar minn sentejn ma ġietx ipprovduta mill-produttur.

(25)Oġġetti li jkun fihom komponenti li jużaw l-enerġija, fejn dawn il-komponenti jkunu sempliċiment aċċessorji u ma jikkontribwixxux għall-funzjoni ewlenija ta’ dawn l-oġġetti, bħal d-dawl dekorattiv għall-ħwejjeġ jew għaż-żraben jew id-dawl elettriku għal rota, ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala oġġetti li jużaw l-enerġija.

(26)Fid-dawl tad-durata minima stabbilita ta’ sentejn tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għan-nuqqas ta’ konformità f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/771 u l-fatt li ħafna ħsarat fil-prodotti jseħħu wara sentejn, l-obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumaturi dwar l-eżistenza u d-durata tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur jenħtieġ li tapplika għal garanziji li jkunu ta’ aktar minn sentejn.

(27)Sabiex ikun aktar faċli għall-konsumaturi li jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali informata meta jqabblu l-oġġetti qabel ma jikkonkludu kuntratt, il-kummerċjanti jenħtieġ li jinformaw lill-konsumaturi dwar l-eżistenza u d-durata, tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur għall-oġġett kollu u mhux għal komponenti speċifiċi tal-oġġett.

(28)Il-produttur u l-bejjiegħ jenħtieġ li jibqgħu liberi li joffru tipi oħra ta’ garanziji kummerċjali u servizzi ta’ wara l-bejgħ ta’ kwalunkwe tul ta’ żmien. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur dwar tali garanziji jew servizzi kummerċjali oħra jenħtieġ li ma tfixkilx lill-konsumatur fir-rigward tal-eżistenza u d-durata tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur li tkopri l-oġġett kollu u li jkollha durata ta’ aktar minn sentejn.

(29)Sabiex tiġi promossa l-kompetizzjoni bejn il-produtturi fir-rigward tad-durabbiltà tal-oġġetti b’elementi diġitali, il-kummerċjanti li jbigħu dawn l-oġġetti jenħtieġ li jinformaw lill-konsumaturi dwar il-perjodu minimu ta’ żmien li matulu l-produttur jintrabat li jipprovdi aġġornamenti tas-software għal tali oġġetti. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jitgħabbew b’informazzjoni żejda, tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta biss meta dan il-perjodu jkun itwal mill-perjodu tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur, billi din il-garanzija tinvolvi l-għoti ta’ aġġornamenti, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà li jkunu neċessarji biex jinżammu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tal-oġġetti b’elementi diġitali. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar l-impenn tal-produttur li jipprovdi aġġornamenti tas-software hija rilevanti biss meta l-kuntratt tal-bejgħ rigward oġġetti b’elementi diġitali jipprevedi att uniku ta’ provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li fir-rigward tiegħu japplika l-punt (a) tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva (UE) 2019/771. B’kuntrast ma’ dan, ma għandux ikun hemm obbligu ġdid li tiġi pprovduta din l-informazzjoni meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali matul perjodu ta’ żmien, billi għal dawn il-kuntratti, l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva (UE) 2019/771 jispeċifika, b’referenza għall-Artikolu 10 (2) jew (5), il-perjodu ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ irid jiżgura li l-konsumatur ikun fornut bl-aġġornamenti u informat dwarhom.

(30)Bl-istess mod, il-kummerċjanti li joffru kontenut diġitali u servizzi diġitali jenħtieġ li jinformaw ukoll lill-konsumaturi dwar il-perjodu minimu li matulu l-fornitur tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, meta l-fornitur ikun differenti mill-kummerċjant, jintrabat li jipprovdi aġġornamenti tas-software, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, li jkunu meħtieġa biex il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali jinżammu f’konformità. L-informazzjoni dwar l-impenn tal-fornitur li jipprovdi aġġornamenti tas-software hija rilevanti biss meta l-kuntratt jipprevedi att uniku ta’ provvista jew sensiela ta’ atti individwali ta’ provvista li fir-rigward tagħhom japplika l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2019/770. B’kuntrast ma’ dan, ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu ġdid li tiġi pprovduta din l-informazzjoni meta l-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa fuq perjodu ta’ żmien, billi għal dawn il-kuntratti l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva (UE) 2019/770 jispeċifika l-perjodu ta’ żmien li matulu l-kummerċjant irid jiżgura li l-konsumatur ikun fornut bl-aġġornamenti u informat dwarhom.

(31)Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni tranżazzjonali informata u jagħżlu oġġetti li jkunu aktar faċli biex jissewwew, jenħtieġ li l-kummerċjanti jipprovdu, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, u għat-tipi kollha ta’ oġġetti fejn applikabbli, il-punteġġ ta’ tiswija tal-oġġett kif ipprovdut mill-produttur f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(32)Skont l-Artikolu 5(1)(e) u l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83/UE, il-kummerċjanti huma obbligati, qabel ma l-konsumatur jintrabat bil-kuntratt, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ, inklużi servizzi ta’ tiswija, meta tali servizzi jkunu provduti. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu informati tajjeb dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti li jixtru, fejn punteġġ ta’ tiswija ma jkunx stabbilit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-kummerċjanti jipprovdu, għat-tipi kollha ta’ oġġetti, informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija li tkun magħmula disponibbli mill-produttur, bħal informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-ispare parts, u manwal għall-utent u għat-tiswija.

(33)Il-kummerċjanti jenħtieġ li jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar l-eżistenza u t-tul tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur, il-perjodu minimu għall-aġġornamenti u l-informazzjoni dwar it-tiswija għajr il-punteġġ ta’ tiswija, meta l-produttur jew il-fornitur tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jagħmel l-informazzjoni rilevanti disponibbli, meta jkun differenti mill-kummerċjant. B’mod partikolari, fir-rigward tal-oġġetti, il-kummerċjant jenħtieġ li jgħaddi lill-konsumaturi l-informazzjoni li l-produttur ikun ipprovda lill-kummerċjant jew li b’xi mod ieħor kellu l-ħsieb li jagħmel disponibbli għall-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, billi jindikaha fuq il-prodott innifsu, fuq l-ippakkjar jew it-tikketti tiegħu li l-konsumatur normalment jikkonsulta qabel ma jikkonkludi l-kuntratt. Il-kummerċjant jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ ifittex b’mod attiv tali informazzjoni mill-produttur, pereżempju, fuq is-siti web speċifiċi għall-prodott.

(34)Id-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE jkomplu jaħdmu bħala “xibka ta’ sikurezza” li tiżgura li jkun jista’ jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fis-setturi kollha, billi tikkomplementa l-liġi tal-Unjoni speċifika għas-settur u għall-prodott li tipprevali f’każ ta’ kunflitt.

(35)Billi l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri, li tippermetti deċiżjonijiet tranżazzjonali informati aħjar mill-konsumaturi biex tippromwovi konsum sostenibbli, li telimina prattiki li jikkawżaw ħsara lill-ekonomija sostenibbli u jbiegħdu lill-konsumaturi mill-għażliet ta’ konsum sostenibbli, u li tiżgura applikazzjoni aħjar u konsistenti tal-qafas legali tal-Unjoni għall-konsumatur, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment iżda, minħabba li l-problema tinsab fl-Unjoni kollha, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(36)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 31 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2005/29/KE

Id-Direttiva 2005/29/KE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (o) sa (x) li ġejjin:

“(o) ‘asserzjoni ambjentali’ tfisser kwalunkwe messaġġ jew rappreżentazzjoni, li ma tkunx obbligatorja skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, inkluża rappreżentazzjoni b’test, bi stampi, bi grafika jew b’simbolu, fi kwalunkwe forma, inklużi tikketti, ismijiet ta’ ditti, ismijiet ta’ kumpaniji jew ismijiet ta’ prodotti, fil-kuntest ta’ komunikazzjoni kummerċjali, li tiddikjara jew timplika li prodott jew kummerċjant għandu impatt pożittiv jew l-ebda impatt fuq l-ambjent jew huwa anqas ta’ ħsara għall-ambjent minn prodotti jew kummerċjanti oħra, rispettivament, jew li tejjeb l-impatt tiegħu maż-żmien;

(p) ‘asserzjoni ambjentali espliċita’ tfisser asserzjoni ambjentali li tkun f’forma testwali jew li tinsab fuq tikketta;

(q) ‘asserzjoni ambjentali ġenerika’ tfisser kwalunkwe asserzjoni ambjentali espliċita fejn l-ispeċifikazzjoni tal-asserzjoni ma tkunx ipprovduta f’termini ċari u prominenti fuq l-istess mezz;

(r) ‘tikketta tas-sostenibbiltà’ tfisser kwalunkwe marka ta’ fiduċja volontarja, marka ta’ kwalità jew ekwivalenti, pubblika jew privata, li għandha l-għan li tiddistingwi u tippromwovi prodott, proċess jew negozju b’referenza għall-aspetti ambjentali jew soċjali jew it-tnejn li huma. Din ma tkoprix kwalunkwe tikketta obbligatorja meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali;

(s) ‘skema ta’ ċertifikazzjoni’ tfisser skema ta’ verifika ta’ parti terza li tkun miftuħa taħt termini trasparenti, ġusti u nondiskriminatorji għall-kummerċjanti kollha li jkunu lesti u kapaċi jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iskema, li tiċċertifika li prodott jikkonforma ma’ ċerti rekwiżiti, u li għalihom il-monitoraġġ tal-konformità jkun oġġettiv, ibbażat fuq standards u proċeduri internazzjonali, Ewropej jew nazzjonali u magħmul minn parti indipendenti kemm mis-sid tal-iskema kif ukoll mill-kummerċjant;

(t) ‘għodda ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà’ tfisser software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, imħaddma minn jew f’isem kummerċjant, li tipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi dwar l-aspetti ambjentali jew soċjali tal-prodotti, jew tqabbel il-prodotti fuq dawk l-aspetti;

(u) ‘prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta’ tfisser prestazzjoni ambjentali eċċellenti ta’ prodotti jew kummerċjanti li tista’ tintwera f’konformità mar-Regolament (KE) 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, ma’ skemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ekotikkettar EN ISO 14024 tat-tip I rikonoxxuti uffiċjalment f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 66/2010, jew ma’ liġi applikabbli oħra tal-Unjoni;

(v) ‘durabbiltà’ tfisser durabbiltà kif definita fl-Artikolu 2(13), tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**;

(w) ‘aġġornament tas-software’ tfisser aġġornament bla ħlas, inkluż aġġornament tas-sigurtà, li jkun meħtieġ biex l-oġġetti b’elementi diġitali, kontenut diġitali u servizzi diġitali jinżammu konformi f’konformità mad-Direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771;

(x) ‘parti konsumabbli’ tfisser kwalunkwe komponent ta’ oġġett li jintuża b’mod rikorrenti u li jeħtieġ li jiġi sostitwit biex l-oġġett jiffunzjona kif maħsub;”;

“funzjonaità” tfisser funzjonalità kif definita fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE)2019/771;

________

* Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1).

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).”;

(2)L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-impatt ambjentali jew soċjali, l-aċċessorji, id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament tal-ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-għan, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula fuq il-prodott.”;

(b)fil-paragrafu 2, jiżdiedu l-punti (d) u (e) kif ġej:

“(d) l-għemil ta’ asserzjoni ambjentali relatata mal-prestazzjoni ambjentali futura mingħajr impenji u miri ċari, oġġettivi u verifikabbli u referenza għal sistema ta’ monitoraġġ

(e) ir-reklamar ta’ benefiċċji għall-konsumaturi li huma meqjusa bħala prattika komuni fis-suq rilevanti.”

(3)fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu (7) li ġej:

“7.  Meta kummerċjant jipprovdi servizz li jqabbel il-prodotti, inkluż permezz ta’ għodda ta’ tagħrif dwar is-sostenibbiltà, it-tagħrif dwar il-metodu tat-tqabbil, il-prodotti li huma l-oġġett tat-tqabbil u l-fornituri ta’ dawk il-prodotti, u l-miżuri biex it-tagħrif jinżamm aġġornat għandu jitqies bħala importanti.”;

(4)L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2011/83/UE

Id-Direttiva 2011/83/UE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħal il-punt (3a) li ġej:

“(3a) ‘oġġett li juża l-enerġija’ tfisser kwalunkwe oġġett li jiddependi fuq l-input tal-enerġija (l-elettriku, il-fjuwils fossili u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli) biex jaħdem kif maħsub;”;

(b)jiddaħħlu l-punti minn (14a) sa (14e) li ġejjin:

“(14a) ‘garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà’ tfisser garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà ta’ produttur imsemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/771, li taħtha l-produttur ikun direttament responsabbli lejn il-konsumatur matul il-perjodu kollu ta’ dik il-garanzija għat-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-oġġetti;

(14b) ‘durabbiltà’ tfisser durabbiltà kif definit fl-Artikolu 2(13) tad-Direttiva (UE) 2019/771;

(14c) ‘produttur’ tfisser produttur kif definit fl-Artikolu 2(4), tad-Direttiva (UE) 2019/771;

(14d) ‘punteġġ ta’ tiswija’ tfisser punteġġ li jesprimi l-kapaċità ta’ oġġett li jissewwa, abbażi ta’ metodu stabbilit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni;

(14e) ‘aġġornament tas-software’ tfisser aġġornament bla ħlas, inkluż aġġornament tas-sigurtà, li jum meħtieġ biex l-oġġetti b’elementi diġitali, kontenut diġitali u servizzi diġitali jinżammu konformi f’konformità mad-Direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771;”;

(2)fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħlu l-punti (ea) sa (ed) li ġejjin:

“(ea) għall-oġġetti kollha, meta l-produttur jagħmilha disponibbli, informazzjoni li l-oġġetti jibbenefikaw minn garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà u t-tul ta’ żmien tagħha f’unitajiet ta’ żmien, sakemm il-garanzija ta’ durabbiltà tkun tkopri l-oġġett kollu u sservi għal aktar minn sentejn;

(eb) għal prodotti li jużaw l-enerġija, meta l-produttur ma jagħmilx disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-punt (ea), informazzjoni li l-produttur ma pprovdiex informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà ta’ aktar minn sentejn. Din l-informazzjoni għandha tkun mill-inqas evidenti daqs kwalunkwe informazzjoni oħra dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali pprovduti f’konformità mal-punt (e);

(ec) għall-oġġetti b’elementi diġitali, meta l-produttur jagħmel tali informazzjoni disponibbli, il-perjodu minimu f’unitajiet ta’ żmien li matulu l-produttur jipprovdi aġġornamenti tas-software, sakemm il-kuntratt ma jkunx jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali għal perjodu ta’ żmien. Meta tingħata informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà f’konformità mal-punt (ea), l-informazzjoni dwar l-aġġornamenti għandha tiġi pprovduta jekk dawk l-aġġornamenti jiġu pprovduti għal perjodu itwal mill-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà;

(ed) għall-kontenut diġitali u għas-servizzi diġitali, meta l-fornitur tagħhom ikun differenti mill-kummerċjant u jagħmel tali informazzjoni disponibbli, il-perjodu minimu f’unitajiet ta’ żmien li matulu l-fornitur jipprovdi aġġornamenti tas-software, sakemm il-kuntratt ma jkunx jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali għal perjodu ta’ żmien;”

(b)jiżdiedu l-punti (i) u (j) li ġejjin:

“(i) fejn applikabbli, il-punteġġ ta’ tiswija għall-oġġetti;

(j) meta l-punt (i) ma jkunx applikabbli, l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-produttur dwar id-disponibbiltà ta’ spare parts, inkluża l-proċedura biex dawn jiġu ordnati, u dwar id-disponibbiltà ta’ manwal tal-utent u tat-tiswija.”;

(3) fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħlu l-punti (ma) sa (md) li ġejjin:

“(ma) għall-oġġetti kollha, meta l-produttur jagħmilha disponibbli, informazzjoni li l-oġġetti jibbenefikaw minn garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà u t-tul ta’ żmien tagħha f’unitajiet ta’ żmien, sakemm il-garanzija ta’ durabbiltà tkopri l-oġġett kollu u sservi għal aktar minn sentejn;

(mb) għal prodotti li jużaw l-enerġija, meta l-produttur ma jagħmilx disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-punt (ma), informazzjoni li l-produttur ma pprovdiex informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà ta’ aktar minn sentejn. Din l-informazzjoni għandha tkun mill-inqas evidenti daqs kwalunkwe informazzjoni oħra dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali pprovduti f’konformità mal-punt (m);

(mc) għall-oġġetti b’elementi diġitali, meta l-produttur jagħmel tali informazzjoni disponibbli, il-perjodu minimu f’unitajiet ta’ żmien li matulu l-produttur jipprovdi aġġornamenti tas-software, sakemm il-kuntratt ma jkunx jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali għal perjodu ta’ żmien. Meta tingħata informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà f’konformità mal-punt (ma), l-informazzjoni dwar l-aġġornamenti għandha tiġi pprovduta jekk dawk l-aġġornamenti jiġu pprovduti għal perjodu itwal mill-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà;

(md) għall-kontenut diġitali u għas-servizzi diġitali, meta l-fornitur tagħhom ikun differenti mill-kummerċjant u jagħmel tali informazzjoni disponibbli, il-perjodu minimu f’unitajiet ta’ żmien li matulu l-fornitur jipprovdi aġġornamenti tas-software, sakemm il-kuntratt ma jkunx jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali għal perjodu ta’ żmien;”

(b)jiżdiedu l-punti (u) u (v) li ġejjin:

“(u) fejn applikabbli, il-punteġġ ta’ tiswija għall-oġġetti;

(v) meta l-punt (u) ma jkunx applikabbli, l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-produttur dwar id-disponibbiltà ta’ spare parts, inkluża l-proċedura biex dawn jiġu ordnati, u dwar id-disponibbiltà ta’ manwal tal-utent u tat-tiswija.”;

(4)fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Jekk kuntratt mill-bogħod li għandu jiġi konkluż b’mezzi elettroniċi jimponi lill-konsumatur l-obbligu li jħallas, il-kummerċjant għandu jgħarrfu b’mod ċar u evidenti bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(a), (e), (ma), (mb), (o) u (p), immedjatament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni.”.

Artikolu 3

Rapportar mill-Kummissjoni u rieżami

Sa [ħames (5) snin mill-adozzjoni],, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard minn [18-il xahar mill-adozzjoni], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mhux aktar tard minn [24 xahar mill-adozzjoni].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).
(2)    Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).
(3)    COM(2020)696 final, 13 ta’ Novembru 2020.
(4)    COM(2020)98 final, 11 ta’ Marzu 2020.
(5)    COM(2019)640 final, 11 ta’ Dicembru 2019. 
(6)

   Il-Kummissjoni Ewropea, Consumer market study on the functioning of legal and commercial guarantees for consumers in the EU, 2015. Il-Kummissjoni Ewropea, Studju ta’ sostenn għall-Valutazzjoni tal-Impatt: Study on Empowering Consumers Towards the Green Transition, Lulju 2021. Commercial warranties: are they worth the money? ECC-Net, April 2019.

(7)

   Il-Kummissjoni Ewropea, Behavioural Study on Consumers’ engagement in the circular economy, 2018, p. 81.

(8)    Il-Kummissjoni Ewropea, Environmental claims in the EU – inventory and reliability assessment, 2020.
(9)    Il-Kummissjoni Ewropea, A New Consumer Agenda Factual summary report – public consultation, 2020, p. 20.
(10)    Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28)
(11)    Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1)
(12)    Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7)
(13)    Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1)
(14)    Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1)
(15)    Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10)
(16)

   Ir-riżultati tal-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni u tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur 
https://ec.europa.eu/newsroom/just/items/59332

(17)    SWD(2022) 82
(18)    SEC(2022) 165
(19)    Għal aktar informazzjoni, ara l-Kapitolu 6.2.4. tar-Rapport dwar il-Kontroll tal-Idoneità https://ec.europa.eu/newsroom/just/items/59332  
(20)        ĠU C , , p. .
(21)    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).
(22)    Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1).
(23)    Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017).
(24)    COM(2020) 98 final, 11 ta’ Marzu 2020.
(25)    COM(2019) 640 final, 11 ta’ Dicembru 2019.
(26)    Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE ( ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28 ).
(27)    Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).
(28)    Id-Direttiva (UE) 2019/882/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
(29)    Id-Direttiva (UE)2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1).
(30)    Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).
(31)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

Brussell, 30.3.2022

COM(2022) 143 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE rigward l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar

{SEC(2022) 166 final} - {SWD(2022) 85 final} - {SWD(2022) 86 final}


ANNESS

L-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE huwa emendat kif ġej:

(1)jiddaħħal il-punt 2a li ġej:

“2a. Il-wiri ta’ tikketta ta’ sostenibbiltà li mhijiex ibbażata fuq skema ta’ ċertifikazzjoni jew li mhijiex stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi.”;

(2)jiddaħħlu l-punti 4 a u 4b li ġejjin:

“4a. Tagħmel asserzjoni ambjentali ġenerika li għaliha l-kummerċjant ma jkunx jista’ juri prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta li tkun rilevanti għall-asserzjoni.

4b. Tagħmel asserzjoni ambjentali dwar il-prodott kollu meta effettivament tikkonċerna biss ċertu aspett tal-prodott.”;

(3)jiddaħħal il-punt 10a li ġej:

“10a. Il-preżentazzjoni tar-rekwiżiti imposti bil-liġi fuq il-prodotti kollha fil-kategorija ta’ prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni bħala karatteristika distintiva tal-offerta tal-kummerċjant.”;

(4)jiddaħħlu l-punti minn 23d sa 23i li ġejjin:

“23d. Il-fatt li l-konsumatur ma jiġix informat li aġġornament tas-software se jkollu impatt negattiv fuq l-użu ta’ oġġetti b’elementi diġitali jew ċerti karatteristiċi ta’ dawn l-oġġetti anki jekk l-aġġornament tas-software itejjeb il-funzjonament ta’ karatteristiċi oħra.

23e. Il-fatt li l-konsumatur ma jiġix informat dwar l-eżistenza ta’ karatteristika ta’ oġġett introdott biex jillimita d-durabbiltà tiegħu.

23f. L-affermazzjoni li oġġett għandu ċerta durabbiltà f’termini ta’ żmien għall-użu jew intensità meta ma jagħmilx dan.

23g. Il-preżentazzjoni ta’ oġġetti bħala li jippermettu t-tiswija meta ma jkunux jagħmlu dan jew li l-konsumatur ma jiġix informat li l-oġġetti ma jippermettux tiswija f’konformità mar-rekwiżiti legali.

23h. Il-fatt li l-konsumatur jiġi mħajjar jissostitwixxi l-konsumabbli ta’ oġġett aktar kmieni milli meħtieġ għal raġunijiet tekniċi.

23i. Il-fatt li l-konsumatur ma jiġix informat li oġġett huwa ddisinjat li jillimita l-funzjonalità tiegħu meta juża oġġetti konsumabbli, spare parts jew aċċessorji li ma jkunux ipprovduti mill-produttur oriġinali.”;