IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2020
SWD(2020) 311 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt
Kapitolu għall-Pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Italja
Li jakkumpanja d-dokument
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUN
Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt
Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea
{COM(2020) 580 final} - {SWD(2020) 300 final} - {SWD(2020) 301 final} - {SWD(2020) 302 final} - {SWD(2020) 303 final} - {SWD(2020) 304 final} - {SWD(2020) 305 final} - {SWD(2020) 306 final} - {SWD(2020) 307 final} - {SWD(2020) 308 final} - {SWD(2020) 309 final} - {SWD(2020) 310 final} - {SWD(2020) 312 final} - {SWD(2020) 313 final} - {SWD(2020) 314 final} - {SWD(2020) 315 final} - {SWD(2020) 316 final} - {SWD(2020) 317 final} - {SWD(2020) 318 final} - {SWD(2020) 319 final} - {SWD(2020) 320 final} - {SWD(2020) 321 final} - {SWD(2020) 322 final} - {SWD(2020) 323 final} - {SWD(2020) 324 final} - {SWD(2020) 325 final} - {SWD(2020) 326 final}
Riassunt
Is-sistema ġudizzjarja Taljana għandha qafas leġiżlattiv solidu biex tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja, inkluża l-indipendenza tal-prosekuturi. F'Awwissu 2020, il-Gvern ippropona riforma rigward il-Kunsill Għoli għall-Ġudikatura u aspetti oħra tas-sistema tal-ġustizzja. Huwa importanti li riforma bħal din tiggarantixxi l-indipendenza ġudizzjarja, filwaqt li ssaħħaħ it-trasparenza u l-integrità. F'dak li jirrigwarda l-effiċjenza, is-sistema ġudizzjarja għadha qed tiffaċċja sfidi kbar. Il-Parlament qed jiddiskuti riformi ġodda ntiżi biex jissimplifikaw il-proċeduri ċivili u kriminali. Dawn ir-riformi, flimkien ma’ żieda fir-riżorsi umani u aktar diġitalizzazzjoni, għandhom l-għan li jindirizzaw ix-xogħol b'lura.
Fl-2019 l-Italja kompliet issaħħaħ il-qafas istituzzjonali u leġiżlattiv tagħha kontra l-korruzzjoni. Wara sforzi preċedenti, il-liġi kontra l-korruzzjoni adottata f'Jannar 2019 saħħet aktar is-sanzjonar għal reati ta' korruzzjoni u ssospendiet il-perjodi ta' preskrizzjoni wara sentenza fil-prim'istanza. Barra minn hekk, l-għodod investigattivi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ġew estiżi għar-reati ta' korruzzjoni. L-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni saħħet ir-rwol tagħha fit-trawwim ta' kultura ta' prevenzjoni tal-korruzzjoni, filwaqt li ssoktat ir-rwol superviżorju u regolatorju tagħha għall-kuntratti pubbliċi. Ġie adottat qafas għall-protezzjoni tal-informaturi. L-Italja għadha ma adottatx liġi komprensiva li tirregola l-lobbjar u r-reġim tal-kunflitt ta' interess huwa frammentat. Il-kapaċità ta' detezzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-korruzzjoni hija effettiva ħafna u tibbenefika mill-għarfien espert tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Madankollu, l-effikaċja ta' miżuri ripressivi hija mxekkla mit-tul eċċessiv tal-proċedimenti kriminali. Il-Parlament qed jiddiskuti riforma komprensiva biex tiġi ssimplifikata l-proċedura kriminali.
Il-Kostituzzjoni Taljana tiġbor fiha l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif ukoll il-prinċipju tat-trasparenza tas-sjieda tal-media. L-awtorità regolatorja Taljana għall-media awdjoviżiva hija meqjusa indipendenti u effettiva. L-indipendenza politika tal-media Taljana tibqa’ problema minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet effettivi dwar il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess b’mod partikolari fis-settur tal-media awdjoviżiva. L-Italja waqqfet Ċentru bil-għan li jissorvelja t-theddid lill-ġurnalisti u jiżviluppa l-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa biex iwieġbu għat-tħassib rigward is-sikurezza tal-ġurnalisti. Is-sentenzi ta’ ħabs għall-malafama ġew ikkontestati fil-qrati, fuq il-bażi tal-Kostituzzjoni u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà tal-espressjoni. Il-kwistjoni bħalissa hija pendenti quddiem il-Parlament.
Fir-rigward tal-kontrokontrollii, il-Qorti Kostituzzjonali għad għandha rwol importanti, u dan l-aħħar ħeġġet parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili u tal-pubbliku ġenerali fil-proċedimenti tagħha. Il-valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tjiebu, iżda jistgħu jiġu żviluppati aktar. Ir-riformi li għandhom l-għan li jistabbilixxu istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, li għadha nieqsa, qed jiġu diskussi fil-Parlament. Hemm soċjetà ċivili vibranti, għalkemm xi NGOs huma soġġetti għal kampanji ta’ malafama, b’mod partikolari f'ċerti kwistjonijiet bħall-migrazzjoni.
I.Is-Sistema Ġudizzjarja
Is-sistema ġudizzjarja hija stipulata fil-Kostituzzjoni
, li tħaddan l-indipendenza u l-awtonomija tagħha.
Il-qrati ordinarji għandhom ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kriminali u huma organizzati f'sistema strutturata fi tliet livelli ta' istanzi. Il-prim'istanza hija magħmula mill-qrati konċiljatorji, il-qrati ordinarji u l-qrati tal-minorenni. Il-Qrati tal-appell huma t-tieni istanza, u l-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni hija l-ogħla istanza. Il-ġustizzja amministrattiva hija organizzata fil-qrati tal-prim'istanza (Tribunali Amministrativi Regionali) u fil-qrati tat-tieni istanza (Consiglio di Stato u Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione Sicilia). Il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ kontabilità hija eżerċitata mill-Qorti tal-Awdituri (Corte dei Conti, l-Awli Reġjonali u Ċentrali). Rigward il-kwistjonijiet fiskali, il-qrati responsabbli huma qrati fiskali fil-prim'istanza u t-tieni istanza (Commissioni Tributarie Provinciali and Regionali) u l-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni fl-ogħla livell. L-istruttura tas-servizz tal-prosekuzzjoni tirrifletti dik tal-qrati. Fir-rigward tal-kriminalità organizzata u reati kriminali serji oħra, il-funzjonijiet tal-prosekuzzjoni jitwettqu mid-Direttorati Distrettwali kontra l-Mafja. Skont il-prinċipju tal-unità tal-ġudikatura, l-imħallfin ordinarji u l-prosekuturi pubbliċi huma kollha maġistrati, għandhom struttura komuni tal-karriera, u huma rregolati mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (Consiglio Superiore della Magistratura).
Il-maġistrati amministrattivi, kontabilistiċi u fiskali għandhom il-korpi awtonomi proprji (rispettivament, , Consiglio di Presidenza della giustizia amministrativa, Consiglio di Presidenza della Corte dei Conti u Consiglio di Presidenza della giustizia tributaria). Il-Kunsill Nazzjonali tal-Kamra tal-Avukati huwa korp indipendenti u awtonomu stabbilit bil-liġi.
Indipendenza
Hemm fis-seħħ qafas leġiżlattiv sod biex jissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja kemm tal-imħallfin kif ukoll tal-prosekuturi. Il-ġudikatura hija kompletament separata minn setgħat kostituzzjonali oħra. Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għandu l-kompitu li jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura. Kull deċiżjoni dwar reklutaġġi, trasferimenti, promozzjonijiet, valutazzjonijiet professjonali u miżuri dixxiplinarji hija soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Il-prosekuturi, bħala membri tal-ġudikatura, huma indipendenti u jgawdu l-istess garanziji bħall-imħallfin. Dan huwa konformi ma' tendenza mifruxa fl-Ewropa li tippermetti li jkun hemm uffiċċju tal-prosekutur aktar indipendenti, kif osservat mill-Kummissjoni ta' Venezja. Il-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Kassazzjoni, li huwa maħtur mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, ma għandu l-ebda setgħa ġerarkika fuq id-diversi uffiċċji tal-prosekuzzjoni.
Il-livell tal-perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja fl-Italja huwa baxx. Fost il-pubbliku ġenerali, 31 % biss iqisu li hija “pjuttost tajba jew tajba ħafna” u minn fost il-kumpaniji huma 36 % biss li jaħsbu hekk, u dawn il-perċentwali naqsu bejn l-2019 u l-2020. Ir-raġunijiet ewlenin fost il-pubbliku ġenerali u l-kumpaniji għan-nuqqas perċepit ta’ indipendenza huma interferenza jew pressjoni mill-Gvern u l-politiċi u minn interessi ekonomiċi jew interessi speċifiċi oħra.
Il-Gvern ippropona riforma tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u ta' aspetti oħra tas-sistema tal-ġustizzja. Il-Kostituzzjoni stabbiliet il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (Consiglio Superiore della Magistratura — CSM) bħala korp indipendenti u awtonomu, li żewġ terzi tal-membri tiegħu huma maġistrati eletti mill-pari tagħhom mil-livelli kollha tal-ġudikatura. Il-membri l-oħra huma membri ċivili eletti mill-Parlament fost il-professuri tal-università f'materji legali u avukati b'mill-inqas 15-il sena esperjenza. Il-President tar-Repubblika (li jippresjedi wkoll is-CSM), l-Ewwel President tal-Qorti tal-Kassazzjoni, u l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Kassazzjoni huma membri ex officio. L-elezzjoni tal-maġistrati membri tal-kunsill issir fi tliet kulleġġi nazzjonali. Fl-2019, is-CSM kien iffaċċjat bi sfidi ta’ integrità b'rabta ma’ allegazzjonijiet serji dwar il-ħatra ta’ prosekuturi ta’ livell għoli, kif żvelat minn investigazzjoni kriminali. Din l-investigazzjoni wasslet għar-riżenja ta’ ħames membri tas-CSM. Saru elezzjonijiet ġodda biex uħud minn dawn il-membri jiġu ssostitwiti. Inbdew 10 proċedimenti dixxiplinarji u ġew adottati ċerti miżuri kawtelatorji. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Maġistrati keċċiet wieħed mill-maġistrati mill-Assoċjazzjoni. Fis-7 ta' Awwissu 2020 il-Gvern ippropona abbozz ta' liġi li tirriforma l-Kunsill Superjuri biex jindirizza t-tħassib imsemmi mill-investigazzjoni kriminali msemmija hawn fuq. Din ir-riforma tinkludi żieda fin-numru tal-membri tal-Kunsill, il-provvediment ta' 19-il kulleġġ territorjali ta' maġistrati, u t-twaqqif ta' bord dixxiplinarju ġdid. Barra minn hekk, l-abbozz tar-riforma jinkludi wkoll regoli ġodda biex tiżdied it-trasparenza fil-ħatra ta' mħallfin u prosekuturi ta' livell għoli. Ir-riforma tinkludi l-possibbiltà li l-għażla tal-kandidati għas-CSM issir bil-polza. Huwa importanti li kull riforma tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa relatati mal-Kunsilli għall-ġudikatura, inkluż fir-rigward tal-għażla tal-membri tagħhom.
Barra minn hekk, l-abbozz tar-riforma għandu l-għan li jissikka r-rekwiżiti tal-maġistrati biex ikunu involuti f'attività politika. F'dan ir-rigward, dan l-aħħar ġew imsaħħa l-obbligi tal-iżvelar tal-assi, u ġew stabbiliti inizjattivi mmirati biex jiżdied l-għarfien dwar l-etika ġudizzjarja u l-indipendenza ġudizzjarja, għalkemm il-GRECO nnota nuqqas ta’ regolamentazzjoni xierqa tal-attività politika tal-maġistrati.
Kwalità
Ġew allokati riżorsi għal maġistrati u persunal amministrattiv addizzjonali. Il-Liġi tal-Baġit 2019 ipprovdiet għar-reklutaġġ ta' 600 maġistrat ġdid għall-qrati tal-ġustizzja ċivili u kriminali, maqsuma bejn il-Qorti tal-Kassazzjoni u l-qrati inferjuri, kif ukoll is-servizz tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. Huwa previst li sa tmiem l-2021 jitlestew reklutaġġi ġodda u dawn huma previsti li joħolqu kisbiet fl-effiċjenza fiż-żmien għat-tlestija. Il-Liġi tal-Baġit 2020 tintroduċi aktar flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-imħallfin u tippermetti lill-imħallfin jivvolontarjaw għal "task forces flessibbli" biex jittrattaw xogħol b’lura partikolari. Reċentement, sa 850 imħallef awżiljarju ġew inkarigati biex jindirizzaw proċedimenti twal anki fil-qrati tal-appell kriminali. Għadd kbir ta’ postijiet tax-xogħol battala għall-persunal amministrattiv huma mistennija li jkunu koperti fl-2020, filwaqt li fl-2021 se jsiru kompetizzjonijiet ġodda. Barra minn hekk, miżuri straordinarji li għandhom l-għan li jħaffu l-każijiet pendenti u li jtejbu d-diġitalizzazzjoni fi proċedimenti kriminali ppermettew l-impjieg ta' 1 000 unità għal perjodu ta' sentejn. Fir-rigward tal-ġustizzja amministrattiva, il-Liġi tal-Baġit 2018 żiedet in-numru ta’ maġistrati amministrattivi b’20 u, fi Frar 2020, ġew stabbiliti taqsima ġdida tal-Kunsill tal-Istat u żewġ taqsimiet ġodda f’waħda mill-qrati tal-prim'istanza (Tar Lazio). Madankollu, għad fadal sfidi fir-rigward tan-numru konsiderevoli ta’ postijiet vakanti tal-maġistrati, speċjalment fil-prim'istanza.
Ir-riformi li għaddejjin għandhom l-għan li jtejbu aktar id-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja. Id-diġitalizzazzjoni tal-proċedimenti fil-qrati ċivili tal-prim'istanza u tat-tieni istanza hija avvanzata, filwaqt li qed tiġi ttestjata fil-Qorti tal-Kassazzjoni (is-sezzjoni ċivili). Attwalment, kull att fil-proċedimenti tal-prim'istanza u t-tieni istanza jiġi abbozzat, iffirmat, mibgħut u arkivjat, għall-estrazzjoni u l-konsultazzjoni, f’format diġitali. L-abbozz ta' riforma li qed jiġi diskuss fil-Parlament dwar il-proċedura ċivili għandu jkompli jtejjeb id-diġitalizzazzjoni billi jipprovdi għal reġistrazzjoni online esklużiva u firxa usa' ta' mezzi elettroniċi flimkien mal-ħlas online tat-tariffi tal-qorti u estensjoni tad-diġitalizzazzjoni għall-qrati konċiljatorji. Fi proċedimenti kriminali, id-diġitalizzazzjoni hija parzjali u tkopri notifiki u komunikazzjonijiet, reġistri elettroniċi u konnessjoni elettronika mal-Kamra tal-Avukati li tagħti aċċess għad-difensuri pubbliċi. L-abbozz ta' riforma li qed jiġi diskuss fil-Parlament dwar il-proċedura kriminali jipprevedi l-possibbiltà ta’ preżentazzjonijiet u notifiki online permezz ta' firxa usa' ta' mezzi elettroniċi. Għall-qrati amministrattivi, id-diġitalizzazzjoni hija avvanzata. Emenda reċenti
neħħiet ir-rekwiżit tal-kopja stampata minbarra dik elettronika.
Is-soluzzjonijiet diġitali preeżistenti u l-qafas legali ppermettew li xi wħud mill-attivitajiet tal-qorti jibqgħu għaddejjin matul il-pandemija tal-COVID-19. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, il-Gvern adotta miżuri organizzazzjonali, li għandhom jiġu implimentati b'kooperazzjoni mal-Kapijiet tal-Uffiċċji Ġudizzjarji u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, li jippermettu seduti ċivili u kriminali remoti. Il-kriżi wasslet għal aċċelerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni fil-proċessi kriminali, fejn is-servizz tal-Prosekuzzjoni ngħata l-possibbiltà li jisma' x-xhieda u jeżamina lis-suspettati permezz ta' konferenza bil-vidjo, u jaħtar esperti wkoll. Barra minn hekk, il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Kamra Nazzjonali tal-Avukati (Consiglio Nazionale Forense) iffirmaw memorandum ta’ qbil dwar l-atti diġitalizzati. Għall-ewwel is-seduti ta' smigħ fil-qrati amministrattivi ġew sospiżi u mbagħad organizzati mill-bogħod. Il-Kunsill tal-Istat u l-Kmamar tal-Avukati wkoll iffirmaw memorandum ta’ qbil dwar is-seduti ta' smigħ mill-bogħod.
L-aċċess online għas-sentenzi qed jitjieb. L-aċċess online għas-sentenzi kemm ċivili kif ukoll kriminali huwa disponibbli bis-sħiħ għad-deċiżjonijiet tal-ogħla qrati, filwaqt li għal qrati tal-prim'istanza u tat-tieni istanza, qed jiġu implimentati riżoluzzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni tas-sentenzi adottati mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura.
Ir-riformi għar-ristrutturar u ż-żieda tal-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati tat-taxxa tal-prim'istanza u tat-tieni istanza għadhom pendenti fil-Parlament. Żieda kbira fil-kawżi li qed jidħlu fil-qasam tat-tilwim dwar it-taxxa fl-ogħla istanza tqajjem tħassib dwar il-kwalità tas-sistema tal-ġustizzja fiskali tal-Italja fil-prim'istanza u t-tieni istanza.
Il-kwistjoni tqajmet mill-GRECO, li nnota xi titjib, iżda enfasizza l-assenza ta' taħriġ regolari u superviżjoni sistematika wkoll permezz ta' evalwazzjonijiet perjodiċi, kif ukoll ta' Kodiċi ta' Kondotta Professjonali.
Ġew introdotti standards biex itejbu l-kwalità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Ġew stabbiliti standards permezz tal-kooperazzjoni bejn il-ġudikatura u l-avukati, b'appoġġ mill-Ministeru tal-Ġustizzja.
Dawn l-istandards għandhom l-għan li jtejbu ċ-ċarezza u l-konċiżjoni tal-atti fil-proċedimenti. Dan witta wkoll it-triq għal proċess sħiħ ta’ diġitalizzazzjoni sal-Qorti tal-Kassazzjoni f’materji ċivili. Il-kontrolli fuq il-kwalità tad-deċiżjonijiet jikkontribwixxu għall-iżgurar ta' livell għoli ta' kwalità.
Ġew stabbiliti uffiċċji ta’ prossimità biex itejbu l-aċċessibbiltà tal-qrati. Il-proġett qed isir mill-Ministeru tal-Ġustizzja fil-Governanza tal-Programm Nazzjonali Operazzjonali u l-Kapaċità Istituzzjonali 2014-2020. Dan għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għall-Qrati billi jtejjeb servizz ta' ġustizzja eqreb għaċ-ċittadini, inklużi l-gruppi vulnerabbli. Barra minn hekk, jistabbilixxi network ta’ uffiċċji li jipprovdu servizzi omoġenji fil-qasam tal-ġurisdizzjoni volontarja. L-għan huwa li jittejjeb l-aċċess għall-Qrati bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u l-użu tal-proċess ċivili diġitali.
Effiċjenza
Is-sistema ġudizzjarja tkompli tesperjenza sfidi serji relatati mat-tul tal-proċedimenti. Minkejja rata ta' kklirjar kostanti ta' 'l fuq minn 100 % fis-settur ċivili, iż-żmien stmat meħtieġ biex jiġu riżolti kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi jibqa' fost l-ogħla fl-UE.
Fl-2019, iż-żmien għat-tlestija kompla jonqos fil-prim'istanza u t-tieni istanza.
Fil-Qorti tal-Kassazzjoni, it-tendenza pożittiva osservata fl-2018 treġġgħet lura minħabba żieda kbira fil-kawżi li deħlin fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali u numru konsiderevoli ta' kawżi li għadhom deħlin dwar tilwim fiskali, b'rati għolja ta' inammissibbiltà.
Fl-2019, il-qrati amministrattivi reġġgħu lura tendenza negattiva u bdew inaqqsu ż-żmien għat-tlestija fl-istanzi kollha, filwaqt li baqgħu ogħla mill-medja. Barra minn hekk, ġew osservati riżultati pożittivi fil-qasam tal-akkwist pubbliku. L-Italja tibqa’ taħt superviżjoni msaħħa tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tat-tul tal-proċedimenti f’kawżi amministrattivi. Fil-proċedimenti kriminali, ġie osservat żmien għat-tlestija 'l fuq mill-medja fil-livell tal-appell, minkejja tnaqqis ulterjuri matul l-2018-2019. Madankollu, ir-riżultati pożittivi fit-trażżin tat-tul tal-proċess qegħdin ikomplu fil-qrati tal-prim'istanza istanza u fil-Qorti tal-Kassazzjoni, minkejja żieda żgħira meta mqabbla mas-sena ta 'qabel. L-Italja tibqa’ taħt superviżjoni msaħħa tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa anki fir-rigward tat-tul tal-proċedimenti f’kawżi kriminali. Riforma li twaqqaf l-istatut ta' preskrizzjoni wara deċiżjoni tal-prim'istanza, li hija konformi ma' rakkomandazzjoni speċifika li ilha ssir lill-pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, daħlet fis-seħħ f'Jannar 2020. B’riżultat ta’ dan, hemm ħtieġa qawwija għal miżuri biex tiżdied l-effiċjenza, speċjalment fil-livell tal-appell.
Fil-Parlament qed jiġu diskussi riformi biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-effiċjenza fil-proċedimenti ċivili u kriminali. Bħalissa l-Parlament qed jiddiskuti abbozz komprensiv
ta' riforma biex tiġi ssimplifikata l-proċedura ċivili, li ilha rakkomandata mill-2013 fil-kuntest tas-Semestru Ewropew
. L-għan tagħha huwa li tikseb effiċjenza permezz ta’ proċeduri simplifikati, ħeffa u diġitalizzazzjoni msaħħa. Il-proposta testendi l-użu ta’ proċeduri simplifikati u l-firxa ta’ kawżi fejn imħallef wieħed huwa kompetenti li jiddeċiedi. Tnaqqas ukoll iż-żmien għall-proċeduri u tobbliga lill-imħallef biex iħejji skeda ta' żmien għall-ġbir tal-evidenza, u biex il-partijiet jippreżentaw elettronikament kwalunkwe att u dokument rilevanti. Hija tirrevedi l-proċedura ta’ appell u r-regoli dwar ir-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, u tintroduċi b’mod esklużiv talbiet elettroniċi bil-miktub. Barra minn hekk, tħaffef l-eżekuzzjoni tal-proċedimenti billi tirriforma l-proċedura għall-eżekuzzjoni furzata. Bħalissa fil-Parlament qed tiġi diskussa wkoll riforma komprensiva tal-proċedura kriminali li għandha l-għan li ssaħħaħ l-effiċjenza tal-proċessi kriminali u li tħaffef il-proċedimenti fil-qrati tal-appell. Ir-riforma tinkludi reviżjoni tal-elementi li ġejjin: is-sistema ta' notifika, użu usa' ta' proċeduri simplifikati, l-introduzzjoni ta' mħallef uniku fit-tieni istanza għal taħrika diretta, użu usa' ta' arkivjar elettroniku ta' dokumenti, regoli simplifikati dwar l-evidenza, id-definizzjoni tal-limiti ta’ żmien għat-tul tal-investigazzjoni preliminari u miżuri biex jiġi evitat l-istaġnar fil-fażi investigattiva. Ir-riforma tipprevedi li s-sospensjoni tal-istatut tal-preskrizzjonijiet mid-data tal-għoti tas-sentenza fil-prim'istanza (bħala riżultat ta' riforma riċenti) hija applikabbli biss għall-kundanni u mhux għall-ħelsien mill-ħtija. L-adozzjoni rapida ta’ dawn ir-riformi tista’ tikkontribwixxi għal żieda fl-effiċjenza. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jintroduċu reati dixxiplinarji ġodda għall-maġistrati f’każ ta’ tul eċċessiv tal-proċedimenti. F'dak ir-rigward, huwa importanti li kwalunkwe dispożizzjoni prevista bħal din tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja.
II.Qafas kontra l-korruzzjoni
Il-qafas legali u istituzzjonali kontra l-korruzzjoni huwa ġeneralment fis-seħħ. Daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni ġdida li żżid il-pieni għal reati ta' korruzzjoni. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma kondiviżi bejn diversi awtoritajiet. L-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (ANAC) hija l-awtorità li hija prinċipalment responsabbli għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll għad-definizzjoni tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni u s-superviżjoni tal-adozzjoni tal-pjanijiet ta' tliet snin. L-Unità Kontra l-Korruzzjoni tal-Pulizija Finanzjarja (Guardia di Finanza) hija responsabbli għall-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni bħala korp speċjalizzat tal-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, is-servizzi tal-pulizija speċjalizzata u tal-prosekuzzjoni jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw l-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata fl-amministrazzjoni pubblika. L-Unità tal-Intelligence Finanzjarja għall-Italja (Unita’ di informazione finanziaria per l’Italia), awtorità indipendenti fil-Bank tal-Italja, tipprovdi appoġġ lill-uffiċċju tal-prosekutur kompetenti u tikkoopera mal-Guardia di Finanza bħala l-awtorità kompetenti li tirċievi rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi.
L -Italja għandha punteġġ ta' 53/100 fl-aħħar Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta’ Transparency International u tikklassifika fil-ħmistax-il post fl-UE u fil-wieħed u ħamsin post globalment.
Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali tal-2020, 88 % tar-rispondenti jqisu l-korruzzjoni bħala mifruxa (medja tal-UE ta' 71 %) u 35 % tar-rispondenti jħossu li huma affettwati personalment mill-korruzzjoni fil-ħajja tagħhom ta' kuljum (medja tal-UE ta' 26 %).
Fir-rigward tan-negozji, 91 % tal-kumpaniji jqisu li l-korruzzjoni hija mifruxa (medja tal-UE ta' 63 %), filwaqt li 54 % tal-kumpaniji jqisu li l-korruzzjoni hija problema meta jsir in-negozju (medja tal-UE ta' 37 %). Daqs 42 % tar-rispondenti jsibu li hemm biżżejjed prosekuzzjonijiet b'suċċess biex jiskoraġġixxu lin-nies minn prattiki korrotti (medja tal-UE ta' 36 %) filwaqt li 25 % tal-kumpaniji jqisu li n-nies u n-negozji li jinqabdu għat-tixħim ta' uffiċjal anzjan jiġu kkastigati b'mod xieraq (medja tal-UE ta' 31 %).
Dan l-aħħar saret reviżjoni tal-livell tas-sanzjonijiet għal reati relatati mal-korruzzjoni. Livelli ogħla ta’ pieni ġew previsti fil-leġiżlazzjoni għal kważi r-reati kollha ta’ korruzzjoni bil-għan li tiżdied l-effettività u d-dissważività tagħhom. Il-pieni żdiedu sostanzjalment f'każijiet ta' korruzzjoni attiva u passiva kemm ta' uffiċjali domestiċi kif ukoll barranin. Fil-bidu tal-2019, ir-reġim tas-sanzjonar għal tixħim mhux xieraq kien sar aktar strett. Il-liġi saħħet ukoll ir-reġim tal-pieni aċċessorji billi estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-iskwalifika u l-projbizzjoni tul il-ħajja minn karigi pubbliċi għal firxa wiesgħa ta' reati ta' korruzzjoni. F'Mejju 2019, ġew emendati d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar is-suġġett tal-votazzjoni tal-iskambju politiku-mafjuż, bil-għan li jiġu mmirati networks possibbli ta' organizzazzjonijiet kriminali, politiċi, intraprendituri u amministrazzjonijiet. L-Italja għandha sistema effettiva ta' rkupru tal-assi, li hija kruċjali biex tikkumplimenta r-reġim tas-sanzjonar għall-korruzzjoni. Is-sistema Taljana ta’ rkupru ta’ assi, li tinkludi kemm konfiska bbażata fuq kundanna kif ukoll konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna, hija fil-biċċa l-kbira rikonoxxuta bħala prattika tajba fil-livell internazzjonali.
Is-setgħat u l-kapaċità tal-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni ġew imsaħħa fir-rigward tar-rwol preventiv tagħha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Fir-rigward tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni, l-approċċ tal-Italja nbidel bil-ħolqien tal-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (ANAC) fl-2012, li r-rwol u s-setgħat tagħha, l-aktar dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, issaħħew f’dawn l-aħħar snin. L-ANAC hija awtorità indipendenti. Il-bord huwa magħmul minn ħames membri maħtura għal mandat ta’ sitt snin li ma jistax jiġġedded. In-nominazzjonijiet, proposti mill-Ministru għall-Amministrazzjoni Pubblika u s-Simplifikazzjoni, bi qbil mal-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ministru tal-Intern, huma approvati mill-Kunsill tal-Ministri u l-kandidati huma maħtura mill-President tar-Repubblika. L-ANAC għandha 350 impjegat. Ġiet identifikata wkoll bħala l-entità responsabbli għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tal-kuntratti pubbliċi. Din il-kompetenza hija kkumplimentata mill-ġbir ta’ data dwar is-sejħiet għall-offerti u dwar kumpaniji li joperaw fis-settur pubbliku. Għal dan il-għan, l-ANAC tmexxi l-Osservatorju għall-kuntratti pubbliċi. L-ANAC tirċievi wkoll rapporti ta' żvelar ta' informazzjoni protetta mill-amministrazzjonijiet pubbliċi skont id-Digriet Leġiżlattiv 90/2014. Barra minn hekk, l-ANAC għandha l-kompitu li tiddefinixxi l-Istrateġija kontra l-korruzzjoni u tissorvelja l-adozzjoni tal-pjanijiet ta' tliet snin. L-Istrateġija kontra l-korruzzjoni tibni fuq pjan nazzjonali kontra l-korruzzjoni (PNA) u pjanijiet ta' tliet snin kontra l-korruzzjoni u kodiċijiet ta' kondotta li għandhom jiġu adottati mill-amministrazzjoni pubblika u mill-intrapriżi kkontrollati mill-istat. Filwaqt li l-ANAC tista' timponi sanzjonijiet f'każ li ma tadottax il-pjanijiet ta' tliet snin u/jew il-kodiċijiet ta' kondotta, l-awtorità fil-biċċa l-kbira investiet fit-trawwim ta' kultura preventiva billi tipprovdi pariri u gwida lill-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll billi tistabbilixxi linji gwida u standards għal kodiċijiet ta' kondotta f'oqsma amministrattivi speċifiċi. L-awtonomija u l-indipendenza tal-ANAC huma garantiti aktar mis-sistema tar-riżorsi finanzjarji proprji. Ir-riżorsi proprji jammontaw għal madwar 87 % tal-baġit tal-awtorità.
L-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni jikkooperaw biex jiġġieldu kontra l-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata fl-amministrazzjoni pubblika. Id-direttorat distrettwali kontra l-mafja (DDA), il-komponent tal-maġistrati li jiffurmaw "il-prosekutur distrettwali speċjalizzat kontra l-mafja", huwa responsabbli għall-mafja u għal reati serji oħra. Huwa l-uniku uffiċċju speċjalizzat tal-prosekuzzjoni fid-dritt Taljan. F'dak li jirrigwarda r-reati kriminali kontra l-amministrazzjoni pubblika, inkluża l-korruzzjoni, l-uffiċċji tal-prosekutur nazzjonali, speċjalment dawk ta’ daqs medju u kbir, jiddependu fuq gruppi ta’ ħidma speċjalizzati biex jinvestigaw reati kontra l-amministrazzjoni pubblika, inkluża l-kompetenza f'reati ekonomiċi li jistgħu jkunu marbuta mal-korruzzjoni. L-użu ta' skemi investigattivi u protokolli li joħorġu mill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huwa partikolarment importanti biex jiġu miġġielda r-reati ta' korruzzjoni, b'mod partikolari t-twaqqif ta' intergrupp ta' forzi tal-pulizija ġudizzjarji (Pulizija tal-Istat, Carabinieri, Pulizija Finanzjarja u sezzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali), u l-istabbiliment ta' gruppi tal-pulizija ġudizzjarja dedikati speċifikament għal dawn ir-reati. F’Novembru 2017, id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Mafja u Kontra t-Terroriżmu (DNA) u l-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni ffirmaw ftehim li jippermetti lid-DNA li jkollha aċċess għall-informazzjoni disponibbli mir-Reġistru tal-Kumpaniji u mill-Bażi tad-Data Nazzjonali tal-Kuntratti Pubbliċi, immexxija mill-ANAC.
L-organizzazzjonijiet kriminali qegħdin dejjem aktar jirrikorru għal prattiki ta’ korruzzjoni biex jiksbu l-għanijiet tagħhom. L-ANAC u s-servizz tal-prosekuzzjoni skoprew li l-gruppi kriminali organizzati tat-tip mafjuż jużaw sistematikament il-korruzzjoni u l-metodi kollużivi fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika, speċjalment fil-kuntest tal-akkwist pubbliku. Kif enfasizzat l-ANAC fir-rapport annwali tagħha tal-2020 lill-Parlament
, ix-xejra qed tiżdied b’mod kostanti. Fl-2019, ittieħdu 633 miżura ta’ interdizzjoni kontra l-Mafja, meta mqabbla ma' 573 fl-2018 (żieda annwali ta' 10 %), u total ta’ 2 600 mill-2015.
Il-Pulizija speċjalizzata, il-Guardia di Finanza, għandha l-kompitu speċifiku li tiġġieled kontra l-korruzzjoni. Il-Guardia di Finanza (GdF) huwa korp tal-pulizija militari li jipprovdi appoġġ lill-uffiċċju kompetenti tal-prosekutur u jikkoopera mal-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni. Il-GdF hija l-awtorità kompetenti biex tirċievi rapporti ta' tranżazzjonijiet suspettużi u flimkien mad-Direttorat kontra l-mafja, twettaq l-investigazzjonijiet li jirriżultaw, u tista' taċċessa informazzjoni bankarja. Skont il-GdF, bejn Awwissu 2016 u Awwissu 2019, tnedew 339 azzjoni legali li jikkonċernaw il-korruzzjoni b'117-il ordni ta' detenzjoni qabel il-proċess għall-korruzzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji u relatati biss mas-settur tal-akkwist. Daqs 74 % tal-avvenimenti (113-il każ) kienu jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-muniċipalitajiet jirrappreżentaw l-entitajiet l-aktar fir-riskju ta’ infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata u ta' użu ta’ metodi korrotti u kollużivi biex imexxu l-akkwist pubbliku. Il-GdF tista' tappoġġa lill-ANAC fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha kemm fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll fis-settur wiesa' tal-miżuri ta' prevenzjoni tal-korruzzjoni. Il-GdF tikkoopera wkoll mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), li miegħu dan l-aħħar nediet azzjoni ta’ monitoraġġ biex jiġi identifikat il-bejgħ onlajn ta’ apparat mediku u tas-saħħa.
Il-leġiżlazzjoni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fis-settur privat hija bbażata fuq programmi ta' konformità volontarja. Wara r-reviżjoni tal-qafas legali fl-2017 dwar l-informaturi, kien hemm żieda fir-rappurtar fis-settur pubbliku. Madankollu, il-protezzjoni tal-informaturi fis-settur privat tibqa' inqas effettiva minħabba n-natura volontarja tal-programm ta' konformità. Skont l-aktar rapport annwali riċenti tal-ANAC, l-użu tal-istrument ta' żvelar ta' informazzjoni protetta ra żieda b'mod esponenzjali f'dawn l-aħħar snin, u żdied minn 125 rapport fl-2015 għal 873 fl-2019, b'total ta' 2 330 rapport fil-perjodu 2015-2019.
Ir-reġim tal-kunflitt ta’ interess huwa frammentat. L-Italja tirregola l-kunflitti ta’ interess fl-amministrazzjoni pubblika u fil-Gvern billi tistabbilixxi każijiet ta’ ineliġibbiltà u inkompatibbiltà skont id-dritt. L-ANAC għandha l-kompitu li tinterpreta l-qafas legali dwar “l-ineliġibbiltà u l-inkompatibbiltà tal-pożizzjonijiet fl-amministrazzjoni pubblika”, kif ukoll li tissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni. Dispożizzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess hija inkluża fil-Kodiċi ta’ kondotta ċentrali. Għal xi uffiċjali pubbliċi, hemm restrizzjonijiet fuq attivitajiet jew kompiti esterni mwettqa wara li jkunu temmew is-servizz pubbliku tagħhom. L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u s-Suq hija responsabbli biex tiċċekkja l-inkompatibbiltajiet wara l-ħatra ta' pożizzjoni politika fil-Gvern, kif ukoll matul u wara t-tmiem tal-mandat. Id-Digriet Presidenzjali 2013 jinkludi wkoll regoli għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Fl-2019, l-ANAC ħarġet linji gwida biex tirregola l-kunflitt ta’ interess. Madankollu, ir-reġim ta' ineliġibbiltà u inkompatibbiltà li japplika għall-uffiċjali pubbliċi eletti huwa frammentat, mingħajr l-ebda sistema sħiħa ta' eżekuzzjoni tar-reġim. Fir-rigward tal-iżvelar tal-assi, il-membri tal-Gvern u l-impjegati taċ-ċivil anzjani huma meħtieġa bil-liġi li jimlew il-formoli li jindikaw is-sorsi tagħhom ta’ dħul, assi u pożizzjonijiet esterni, flimkien ma’ kopja tad-dikjarazzjoni tat-taxxa. Il-membri tal-Kamra tad-Deputati u tas-Senat huma mitluba jippreżentaw rapport dwar il-proprjetajiet tagħhom, l-assi reġistrati f'reġistri pubbliċi, l-azzjonijiet soċjali, il-parteċipazzjonijiet azzjonarji f'kumpaniji u kopja tal-aktar dikjarazzjoni tat-taxxa riċenti tagħhom. Parti minn din l-informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tal-Parlament u fuq il-paġna tal-profil ta' kull Membru. Il-maġistrati huma meħtieġa li jippreżentaw lill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura dikjarazzjonijiet li fihom l-istess tip ta' informazzjoni bħall-membri tal-Parlament.
Il-lobbying u r-"revolving doors" jeħtieġu attenzjoni. Id-Deċiżjoni Nru 208/2017 dwar il-Lobbying fil-Kamra tad-Deputati tistabbilixxi reġistru pubbliku obbligatorju ta' lobbyists għal kwalunkwe entità individwali jew legali li tirrappreżenta interessi kollettivi. Dan japplika wkoll għal dawk li darba kienu Membri tal-Parlament jew membri tal-Gvern, li biħsiebhom iwettqu attivitajiet ta’ lobbying. Obbligu simili għar-rappurtar ta’ laqgħat ma’ terzi ma japplikax għall-membri tal-Gvern. Fir-rigward tar-"revolving doors", hemm dispożizzjonijiet speċifiċi fis-seħħ. F’Ottubru 2019, il-Kunsill Nazzjonali ħatar lill-Awtorità Taljana Kontra l-Korruzzjoni kemm bħala l-awtorità li tissorvelja kif ukoll dik li tissanzjona r-"revolving doors". L-awtorità ġiet fdata bis-setgħat li tivvaluta l-ksur, tħassar kuntratti, u tistabbilixxi sanzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet dwar ir-"revolving doors" huma attwalment ipprovduti biss għall-uffiċjali pubbliċi, u mhux għal dawk li għandhom karigi politiċi. L-Awtorità Kontra l-Korruzzjoni talbet lill-Gvern biex itejjeb il-leġiżlazzjoni dwar ir-"revolving doors".
III.Il-Pluraliżmu tal-Media
Il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa huma mnaqqxa fl-Artikolu 21 tal-Kostituzzjoni. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tistabbilixxi qafas b'saħħtu immirat biex jiżgura l-pluraliżmu tal-media fil-pajjiż. Regolatur indipendenti, l-Awtorità li tiggarantixxi l-Komunikazzjonijiet (AGCOM), huwa stabbilit bid-dritt u fdat b'setgħat regolatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ eżekuzzjoni u ta’ sanzjonar fis-settur tal-media. Il-piena kriminali għall-malafama, li hija sa sena ħabs, bħalissa qed tiġi eżaminata mill-Qorti Kostituzzjonali. Il-ġurnalisti għandhom ikunu rreġistrati fl-Ordni tal-Ġurnalisti, li tipprovdi għall-awtogovernanza mill-professjoni. Barra minn hekk, huma marbuta b'regoli etiċi li jirregolaw is-settur, jiġifieri t-test konsolidat dwar id-dmirijiet tal-ġurnalisti. L-AGCOM għandha rwol superviżorju fis-settur tal-media u twettaq monitoraġġ fuq il-professjoni permezz tal-Osservatorju tagħha għall-Ġurnaliżmu, li jiddedika rapport speċifiku għat-theddid kontra l-ġurnalisti.
Ir-regolatur għas-servizzi tal-media awdjoviżiva huwa indipendenti. Skont il-liġi, l-AGCOM “topera b’awtonomija sħiħa u hija indipendenti fil-ġudizzju u l-valutazzjoni tagħha”. Mil-Liġi tal-Baġit Taljana tal-2006, l-AGCOM tamministra l-baġit tagħha b’mod awtonomu u hija ffinanzjata kompletament minn kumpaniji li joperaw f’setturi taħt il-mandat tagħha, li jikkontribwixxu b’perċentwali tad-dħul annwali tagħhom u fuq il-bażi ta’ regoli stretti tal-kontabilità. Il-proċeduri għan-nomina u l-ħatra tal-President u l-membri tal-Bord tal-AGCOM huma stabbiliti bid-dritt u hemm stabbiliti regoli stretti għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Il-mandati tal-membri tal-Bord huma diżakkoppjati intenzjonalment u espressament miċ-ċikli elettorali, filwaqt li t-tkeċċija tal-President u tal-membri tal-Bord tal-AGCOM mhijiex prevista. L-AGCOM tapplika regoli stretti f’termini ta’ reklutaġġ ta’ riżorsi umani, filwaqt li tipprovdi għal perjodu ta' preklużjoni ta’ sentejn li matulu l-maniġers preċedenti ma jista’ jkollhom l-ebda relazzjoni diretta jew indiretta ma’ kwalunkwe impriża li topera fis-setturi regolati. L-indipendenza tal-AGCOM hija għalhekk garantita.
L-Ordine dei giornalisti tal-Italja huwa korp bla skop ta’ qligħ irregolat bil-liġi pubblika stabbilit fl-1963 u jirrappreżenta l-professjoni ġurnalistika. Huwa jamministra l-Albo dei giornalisti (Reġistru tal-ġurnalisti) - fejn ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja għall-eżerċizzju tal-professjoni - u jissorvelja u jipproteġi x-xogħol tal-membri tiegħu. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ordine jista’ joħroġ twissijiet, jiċċensura, jissospendi u jkeċċi lill-membri tiegħu. L-Ordine jopera skont it-“Testo unico dei doveri del giornalista” (Kodiċi ta' Kondotta Konsolidat) integrat li ġie adottat fl-2016. L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media (Media Pluralism Monitor, MPM) tal-2020 tirreferi għall-fatt li din is-sistema, b’mod partikolari għall-Italja, tfisser li l-aċċess għall-professjoni mhuwiex miftuħ għalkollox “anke jekk dan ir-rekwiżit qed ikun dejjem inqas irrispettat fil-prattika”.
Il-prinċipju tat-trasparenza tas-sjieda tal-media huwa mnaqqax fil-Kostituzzjoni. Il-limiti ta’ kontra l-konċentrazzjoni li ġejjin huma stabbiliti bil-liġi: l-għadd limitat ta’ liċenzji li fornitur wieħed tal-kontenut jista’ jkollu, limiti għad-dħul totali li operatur wieħed jista’ jagħmel, skrutinju mill-AGCOM ta’ kwalunkwe fużjoni u akkwiżizzjoni fis-settur, restrizzjonijiet fuq is-sjieda bejn il-media u projbizzjonijiet ta’ pożizzjonijiet dominanti fi kwalunkwe wieħed mis-swieq rilevanti. Fl-1997 ġie stabbilit Reġistru tal-Operaturi tal-Komunikazzjoni (ROC) u l-operaturi fis-settur Taljan tal-komunikazzjoni huma obbligati jirreġistraw billi jimlew għadd ta' formoli dwar l-istruttura tas-sjieda tagħhom u l-persuni b'responsabbiltà editorjali fuq il-mezz tal-media. Ir-ROC jista’’ jikseb b’mod semiawtomatiku katini ta’ sjieda tas-soġġetti rreġistarti mill-Kamra tal-Kummerċ nazzjonali. L-Informazzjoni dwar is-sjieda tal-kumpaniji tal-media rreġistrati fir-ROC hija aċċessibbli fuq is-sit web tal-Kamra tal-Kummerċ jew billi issir talba motivata lil AGCOM biex jingħata aċċess għal dik l-informazzjoni. Madankollu, l-MPM 2020 tindika ċerti limitazzjonijiet fl-applikazzjoni effettiva tas-sistema u l-fatt li mhux l-informazzjoni kollha msemmija qabel hija direttament aċċessibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tas-sjieda aħħarija. Konsegwentement, l-MPM tivvaluta dan l-indikatur bħala wieħed li juri riskju medju.
Hemm fis-seħħ regoli sodi dwar ir-reklamar tal-istat. L-awtoritajiet pubbliċi li jixtru spazju ta’ reklamar fil-media tal-massa jridu jinfurmaw lill-AGCOM dwar l-infiq fir-reklamar tas-sena finanzjarja preċedenti permezz ta’ għodda elettronika adottata mill-AGCOM u l-kriterji tal-infiq huma stabbiliti, filwaqt li multi kbar huma previsti f’każ ta’ ksur. Barra minn hekk, id-data rilevanti kollha relatata mal-ispejjeż għall-komunikazzjoni istituzzjonali hija ppubblikata fit-taqsima tas-sit web tal-Gvern iddedikata għat-trasparenza. F’dan il-kuntest, l-MPM 2020 tqis li dan il-qasam huwa f’riskju baxx.
L-indipendenza politika tal-media Taljana għadha problema. Dan jibqa' l-każ 15-il sena wara li l-qafas regolatorju tqajjem bħala kwistjoni ta' tħassib mill-Kummissjoni ta' Venezja fir-rigward tal-indipendenza politika tal-media, minħabba n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet effettivi dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess. L-MPM 2020 jikklassifika lill-Italja f'riskju medju f'dan ir-rigward u tikkonkludi li l-influwenza politika għadha tinħass b'mod sinifikanti fis-settur awdjoviżiv. Din il-valutazzjoni tapplika wkoll għas-settur tal-gazzetti, sa ċertu punt, minħabba r-relazzjonijiet indiretti bejn l-interessi tal-pubblikaturi u l-Gvern, fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell lokali.
Il-liġijiet dwar il-malafama bħalissa qegħdin taħt skrutinju. L-Artikolu 595 tal-Kodiċi Kriminali li jikkastiga l-malafama b'massimu ta' sena ħabs kien is-suġġett ta' deċiżjonijiet importanti reċenti. Fl-2019, il-Qorti tal-Kassazzjoni, waqt li kkwotat sentenzi tal-QEDB kontra l-Italja, iddeċidiet li ċ-ċaħda tal-libertà fil-każ ta' reati tal-kelma jenħtieġ li tkun ikkontemplata biss f'każijiet eċċezzjonali bħall-inċitament għall-mibegħda u li, għalhekk, il-pieni tal-ħabs għall-malafama jmorru kontra d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. F'Ġunju 2020, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li huwa l-Parlament li għandu jiddeċiedi dwar il-bilanċ preċiż li għandu jintlaħaq bejn il-libertà tal-kelma u l-liġi kriminali eżistenti dwar il-malafama. Hija pposponiet is-seduta għall-21 ta' Ġunju 2021 biex il-Parlament ikun jista' jirrifletti dwar il-konformità mal-prinċipju kostituzzjonali kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB).
Ir-regoli dwar it-trasparenza amministrattiva u l-aċċess għall-informazzjoni pubblika huma fis-seħħ. Il-qafas legali jiżgura t-trasparenza amministrattiva u l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, kemm fuq talba kif ukoll permezz ta’ obbligi ta’ pubblikazzjoni li jikkonċernaw l-attività amministrattiva. L-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Freedom of Information Act, FOIA) jirrikonoxxi l-libertà tal-aċċess għall-informazzjoni li għandha l-amministrazzjoni pubblika bħala dritt fundamentali u jistabbilixxi l-prinċipju li l-amministrazzjonijiet għandhom jagħtu preċedenza lid-dritt ta' kwalunkwe persuna li tkun taf u li jkollha aċċess għall-informazzjoni li tkun proprjetà tal-amministrazzjoni pubblika mingħajr ma jkollha għalfejn tipprova xi interess kwalifikat fil-kwistjoni. Madankollu, skont rapporti indipendenti, l-amministrazzjoni pubblika mhux dejjem tissodisfa d-dmir tagħha li twieġeb għat-talbiet tal-FOIA.
L-attakki fiżiċi u t-theddid ta’ mewt kontra l-ġurnalisti huma kwistjoni ta’ tħassib. Fl-2019 u l-2020, il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u għas-sikurezza tal-ġurnalisti ppubblikat 12-il allert mill-Italja (sebgħa fl-2019 u ħamsa fl-2020), inklużi diversi każijiet ta' attakki fiżiċi, theddid ta' mewt minn gruppi mafjużi u attakki verbali minn uffiċjali u membri tal-persunal tal-Gvern. Dan iwassal biex l-MPM 2020 tagħti punteġġ lil dan l-indikatur dwar il-professjoni, l-istandards u l-protezzjoni tal-ġurnaliżmu bħala riskju medju. Il-partijiet ikkonċernati kkonfermaw dan il-fenomenu u rrappurtaw każijiet addizzjonali ta’ theddid.
Twaqqaf Ċentru ta’ Koordinazzjoni li jittratta l-atti kontra l-ġurnalisti. Fl-2017, il-Ministeru tal-Intern stabbilixxa ċ-Ċentru bil-għan li jissorvelja t-theddid lill-ġurnalisti u jiżviluppa l-miżuri ta' protezzjoni meħtieġa. Iċ-Ċentru jirrappreżenta l-ewwel inizjattiva biex jitwaqqaf tali mekkaniżmu ta’ sikurezza fl-Ewropa. Kumitat Parlamentari ad hoc dedikat għall-“Mafja, Ġurnalisti u Informazzjoni” ġie fdat bil-kompitu li jifhem, jimmonitorja u jevalwa r-relazzjoni bejn il-mafja u l-informazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati
faħħru liċ-Ċentru filwaqt li qajmu tħassib li ħafna drabi ma jkunx hemm segwitu għal theddid inqas serju.
IV.Kwistjonijiet Istituzzjonali oħra relatati mal-Kontrokontrolli
L-Italja hija repubblika parlamentari unitarja bi President elett indirettament.
Il-Parlament huwa bikamerali: huwa magħmul mill-Kamra tad-Deputati u s-Senat, li t-tnejn għandhom l-istess poteri. Id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva huwa vestit fil-Gvern, il-membri tal-Parlament, 50 000 ċittadin, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ekonomija u x-Xogħol, u l-Kunsill Reġjonali. Il-Qorti Kostituzzjonali twettaq rieżami kostituzzjonali tal-liġijiet. Bosta ombudsmen reġjonali huma responsabbli biex iħarsu l-libertajiet u d-drittijiet tal-persuni. Il-Kumitat Interministerjali għad-Drittijiet tal-Bniedem (CIDU) jinteraġixxi mas-soċjetà ċivili, l-akkademji u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem. Il-Garanti Nazzjonali għad-drittijiet tal-persuni detenuti huwa korp indipendenti inkarigat li jissorvelja l-postijiet għal persuni mċaħħda mil-libertà personali.
Il-Gvern iddikjara l-istat ta' emerġenza tas-saħħa u għamel użu minn digrieti-liġijiet biex jindirizza l-pandemija tal-COVID-19. Miżuri biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 ġew adottati taħt stat ta' emerġenza tas-saħħa li ġie ddikjarat mill-Gvern fil-31 ta' Jannar 2020. F’dan il-kuntest, ġew adottati digrieti-liġijiet li jipprovdu l-bażi għal għadd ta’ miżuri amministrattivi. Digrieti-liġijiet huma atti tal-Gvern li għandhom il-valur ta’ liġijiet adottati f’każ ta’ urġenza, li jeħtieġ li jinbidlu f’liġi mill-Parlament fi żmien 60 jum jew inkella jitilfu l-effett tagħhom. Id-digrieti-liġijiet kollha dwar il-pandemija kienu kkonvertiti f’liġi u setgħu jiġu kkontestati quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Sa mill-bidu tal-perjodu leġiżlattiv attwali fl-2018, ġew adottati 121 liġi u 45 digriet-liġi ġew approvati mill-Parlament u kkonvertiti f’liġi filwaqt li tmienja tilfu l-effett tagħhom. Fid-29 ta’ Lulju 2020, il-Gvern estenda s-sitwazzjoni ta’ emerġenza sal-15 ta’ Ottubru 2020.
Il-valutazzjonijiet tal-impatt regolatorju u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tjiebu, iżda jeħtieġ li jkunu aktar sistematiċi. F’Settembru 2017, il-Gvern Taljan introduċa sett ġdid ta’ proċeduri għall-valutazzjoni tal-impatt regolatorju (RIA), l-evalwazzjoni ex post, l-impenn tal-partijiet ikkonċernati u l-ippjanar regolatorju. Madankollu, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati għadha mhijiex kompletament inkorporata fil-proċessi ta' definizzjoni tal-politika. L-analiżi tal-impatt tal-liġijiet attwali u alternattivi qed tiżdied iżda għadha mhix frekwenti u tiffoka l-aktar fuq l-aspetti ekonomiċi aktar milli fuq l-aspetti soċjali u ambjentali. L-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet ex post għadhom mhux qed jintużaw b’mod sistematiku u b’mod konsistenti fil-ministeri differenti.
Qed jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' istituzzjoni indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem. Żewġ abbozzi ta' liġijiet li jipproponu l-ħolqien ta' Awtorità Nazzjonali Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI) kienu ppreżentati l-Parlament fl-2018 u bħalissa qed jiġu eżaminati mill-Kamra tad-Deputati.
Iż-żewġ abbozzi tal-liġijiet jipprevedu l-awtonomija tal-NHRI. It-twaqqif rapidu ta' NHRI f'konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi jissodisfaw ir-rakkomandazzjonijiet min-Nazzjonijiet Uniti. Ġie rrakkomandat ukoll li l-Awtorità għat-Tfal u l-Adolexxenti tkun indipendenti u awtonoma għalkollox u li r-riżorsi tagħha jiżdiedu.
Il-Qorti Kostituzzjonali adottat regoli interni biex tinkoraġġixxi parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili u tal-pubbliku ġenerali fil-proċedimenti tagħha. Id-deliberazzjoni ta' Jannar 2020 introduċiet l-istitut ta' amicus curiae, il-possibbiltà li jinstemgħu l-esperti, u kkodifikat il-każistika dwar l-intervent ta' terzi fil-proċedimenti. Ġew adottati wkoll miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament kontinwu tal-Qorti matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tiġi limitata l-preżenza fiżika. Il-proċedura tal-ħatra tal-membri tal-Qorti Kostituzzjonali għandha l-għan li tiżgura kompożizzjoni diversa, inklużi membri nominati minn imħallfin, mill-Parlament, u mill-President tar-Repubblika fi proporzjonijiet ugwali.
L-Italja għandha soċjetà ċivili vibranti u diversa. Madankollu, tqajjem tħassib fir-rigward tal-kumplessità tal-proċess ta’ reġistrazzjoni għall-NGOs
u d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-liġi li tarmonizza r-regoli dwar is-settur mingħajr skop ta’ qligħ.
Narrattiva negattiva taffettwa wkoll l-ambjent li fih joperaw l-NGOs li huma attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil u l-ispazju ċiviku jitqies bħala wieħed ristrett.
Il-Kunsill tal-Ewropa
rrakkomanda li jitħassru l-liġijiet u l-politiki li jimpedixxu lill-NGOs milli jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom, filwaqt li n-NU rrakkomandaw li jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-libertà tal-azzjoni tas-soċjetà ċivili, u qajmu tħassib dwar il-kampanji ta’ malafama kontra l-NGOs attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil.
Anness I: Lista ta’ sorsi f’ordni alfabetiku*
* Il-lista tal-kontribuzzjonijiet li waslu waqt il-konsultazzjoni għar-rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020 tinsab fuq (is-sit web tal-Kummissjoni).
L-Awtorità Kontra l-Korruzzjoni (2019), “Il-verdett tal-Kunsill Nazzjonali dwar l-awtorità tal-ANAC fil-kwistjoni tar-revolving doors (<<Sentenza del Consiglio di Stato sulle competenze dell’ANAC in materia di pantouflage>>).
http://www.anticorruzione.it/portal/public/classic/Comunicazione/News/_news?id=1cf74b9f0a77804237e6dc1369ece3ce
.
L-Awtorità Kontra l-Korruzzjoni (2020), l-Att dwar ir-Rappurtar Nru 6, is-27 ta’ Mejju 2020 dwar ir-revolving doors (Atto di segnalazione n. 6 del 27 maggio 2020 concernente proposte di modifica alla disciplina del pantouflage di cui all'art. 53, comma 16-ter, del decreto legislativo 30 marzo 2001, n. 165.
https://www.anticorruzione.it/portal/rest/jcr/repository/collaboration/Digital%20Assets/anacdocs/Attivita/Atti/attiDiSegnalazione/2020/AttoSegnalazione.n.6.2020.del.448.2020.pdf
.
Iċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Media (2020), Għodda għall-Monitoraġġ tal-pluraliżmu tal-Media tal-2020.
https://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/mpm-2020
.
Il-Kamra tad-Deputati, Attivitajiet tal-Assemblea: Abbozzi ta' liġijiet approvati mill-Assemblea.
CIVICUS, Monitor tat-traċċar tal-ispazju ċiviku: l-Italja.
https://monitor.civicus.org/country/italy/
.
Il-Qorti Kostituzzjonali (2020), Regoli addizzjonali għal sentenzi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
Il-Qorti Kostituzzjonali, Id-Digriet Nru 132/2020.
Il-Kunsill tal-Ewropa, Pjattaforma għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u għas-sikurezza tal-ġurnalisti: l-Italja.
https://www.coe.int/en/web/media-freedom/italy
.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kumitat tal-Ministri (2010), ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar l-imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kumitat tal-Ministri (2016), ir-Riżoluzzjoni CM/ResDH(2016)358 tal-Kumitat tal-Ministri dwar it-tul tal-proċedimenti f'kawżi amministrattivi.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kumitat tal-Ministri (2018), ir-Riżoluzzjoni CM/ResDH(2018)353 tal-Kumitat tal-Ministri dwar it-tul tal-proċedimenti f'kawżi kriminali.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Konferenza tal-INGOs tal-Kunsill tal-Ewropa (2019), Parteċipazzjoni ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet: żjara ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Italja.
CEPEJ (2020), Studju dwar il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri tal-UE: l-Italja.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni ta' Venezja (2005), Opinjoni dwar il-kompatibbiltà tal-liġijiet "Gasparri" u "Frattini" tal-Italja mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-media adottati mill-Kummissjoni ta' Venezja fit-63 Sessjoni Plenarja tagħha.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni ta' Venezja (2010), Report on European Standards as regards the Independence of the Judicial System: Part II - the Prosecution Service - Adopted by the Venice Commission - at its 85th plenary session.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni ta’ Venezja (2017), Opinion on the act on the public prosecutor’s office [of Poland] as amended, Adopted by the Venice Commission at its 113th Plenary Session.
Il-Kunsill tal-Istat u l-Kmamar tal-Avukati (2020), Memorandum ta’ qbil dwar seduti remoti.
https://www.giustizia-amministrativa.it/documents/20142/1869446/PROTOCOLLO+INTESA+-+UDIENZA+DA+REMOTO+EX+ART.+4+D.L.+28_2020_signed.pdf/d9a07203-3281-3b24-49ed-54fecc6b64f7
.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2013), Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2013 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2014), Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja 2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2015), Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja tal-2015.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2016), Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2016 il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2016 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2016 tal-Italja.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2017), Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2017 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2017.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2018), Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tal-Italja.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2019), Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2019.
Il-Qorti tal-Kassazzjoni (2019), Annwarju Statistiku tal-2019.
Il-Qorti tal-Kassazzjoni (2020), Annwarju Statistiku tal-2020.
Il-Qorti tal-Kassazzjoni, sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Nru 38721.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (2019), Ewrobarometru Flash 482: l-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (2020), Ewrobarometru Speċjali 502: il-korruzzjoni.
Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (2019), Rapport dwar il-kejl tal-prestazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (EUPACK).
Il-Kummissjoni Ewropea (2020), It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE.
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tat-2 ta’ Settembru 1997, Abenavoli, ir-Rikors Nru 22461/93.
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tat-12 ta' Mejju 1999, Ledonne, ir-Rikors Nru 35742/97.
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, ir-Rikors Nru 28957/95.
In-Network Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (ENCJ) (2019): L-Indipendenza u Responsabbiltà tal-Ġudikatura – Stħarriġ tal-ENCJ dwar l-indipendenza tal-imħallfin, 2019.
https://pgwrk-websitemedia.s3.eu-west-1.amazonaws.com/production/pwk-web-encj2017-p/Reports/Data%20ENCJ%202019%20Survey%20on%20the%20Independence%20of%20judges.pdf
.
L-Ewwel President tal-Qorti tal-Kassazzjoni (2020), Rapport dwar l-istat tal-ġustizzja fis-sena 2019.
L-Att dwar il-libertà tal-informazzjoni (FOIA), 2019.
GRECO (2017), Fourth evaluation round – evaluation report on Italy on corruption prevention in respect of members of parliament, judges and prosecutors.
GRECO (2018), Fourth evaluation round – compliance report on Italy on corruption prevention in respect of members of parliament, judges and prosecutors.
Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (2017, 2018), Linji gwida għall-abbozzar ta' atti proċedurali.
Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (2019), Riżoluzzjoni dwar l-obbligi ta' żvelar tal-assi għall-maġistrati ordinarji.
https://www.csm.it/documents/21768/87331/circolare+anagrafe+patrimoniale+%28delibera+13+novembre+2019%29/546a7348-e1d2-3c87-c13e-4db105cae7a1
.
Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u l-Kunsill Nazzjonali Forensiku (2018), Memorandum ta’ qbil rigward l-eżami preliminari ta’ appelli, l-organizzazzjoni ta’ xogħlijiet, iċ-ċarezza u l-konċiżjoni ta’ atti fi proċedimenti ta’ appell.
Il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, l-Uffiċċju Ġenerali tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Kamra Nazzjonali tal-Avukati (2020), Memorandum ta’ qbil dwar id-diġitalizzazzjoni tal-atti proċedurali fil-Qorti tal-Kassazzjoni.
http://www.cortedicassazione.it/cassazione-resources/resources/cms/documents/protocollo_Cassazione_CNF_Procura_Generale-con_firma_digitale.pdf
.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (2020) dwar l-Arkivju ItalgiureWeb ta' Deċiżjonijiet dwar il-Mertu - Indikazzjonijiet operattivi tad-19 ta' Ġunju, 2019.
L-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (2020), Rapport annwali dwar l-attività 2019.
http://www.anticorruzione.it/portal/public/classic/Attivitadocumentazione/Pubblicazioni/RelazioneParlamento/_relazioni?id=ebd7f2f20a7780421a927869bf5987c8
.
Il-Kunsill Nazzjonali (2019), Verdett 7411, 29 ta' Ottubru 2019.
https://www.giustizia-amministrativa.it/portale/pages/istituzionale/visualizza/?nodeRef=&schema=cds&nrg=201900038&nomeFile=201907411_11.html&subDir=Provvedimenti
.
L-Osservatorju għall-Ġurnaliżmu.
OECD, Indikaturi tal-Politika u l-governanza regolatorji.
http://www.oecd.org/gov/regulatory-policy/indicators-of-regulatory-policy-and-governance-2019-italy.pdf
.
Forum Miftuħ tal-Gvern (2017), Il-Linji Gwida għall-konsultazzjoni pubblika fl-Italja.
http://open.gov.it/linee-guida-sulla-consultazione-pubblica/
.
Openpolis 2019.
Il-Karatteristiċi tal-Amministrazzjoni Pubblika fl-Italja, 2019, L-Amministrazzjoni Pubblika fl-UE 27: Ħarsa lejn il-karatteristċi, il-kapaċità u l-prestazzjoni tal-Amministrazzjoni Pubbliċi tal-UE, 2019.
L-Ombudsman Reġjonali għat-Toscana, sit web tal-Ombudsman Reġjonali għat-Toscana.
http://www.difensorecivicotoscana.it/default?nome=chi-e&idc=67
.
ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura dwar l-organizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tas-16 ta' Novembru 2017, emendata fit-18 ta' Ġunju 2018 u ċċarata ulterjorment fir-rigward tal-programmi organizzattivi bir-riżoluzzjoni tal-4 ta' Diċembru 2019.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura dwar ir-reġistru tal-proprjetà tal-maġistrati tat-13 ta’ Novembru 2019.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Maġistrati ta’ Mejju 2018.
Il-Linji gwida tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura tat-13 ta' Mejju 2020 għall-kunsill ġudizzjarju lokali, inkluż fir-rigward tat-trasparenza, u s-setgħat ta' inkjesta relatati mal-evalwazzjonijiet professjonali, kif ukoll għall-promozzjonijiet.
L-Att tas-Senat Nru 1662.
http://www.senato.it/leg/18/BGT/Schede/Ddliter/52664.html
.
Is-Senat tar-Repubblika (2018), Statistika tal-attività leġiżlattiva.
Spampinato (2020), Ossiġenu għall-informazzjoni.
Transparency International, Country profile: l-Italja.
https://www.transparency.org/en/countries/italy
.
Il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2019), Kummenti konklużivi dwar il-ħames u s-sitt rapporti perjodiċi kkombinati tal-Italja.
Il-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni II Ċiklu ta’ Reviżjoni tar-Rapport dwar il-Pajjiż dwar l-Italja.
https://www.unodc.org/documents/treaties/UNCAC/CountryVisitFinalReports/2019_11_22_Italy_FinalCountry_Report.pdf
.
Il-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni Riżoluzzjoni Nru 10 tat-8 CoSP.
https://www.unodc.org/UNCAC/COSP/session8/Advance_unedited_resolutions
.
L-Uffiċċju tan-NU dwar id-Drogi u l-Kriminalità (2019), ir-Rapport ta’ Rieżami tal-Pajjiż tal-Italja: Ir-Rieżami mill-Istati Uniti tal-Amerka u mis-Sierra Leone tal-implimentazzjoni mill-Italja tal-Kapitolu II (l-Artikoli 5-14) u l-Kapitolu V (l-Artikoli 51-59) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni għaċ-ċiklu ta’ rieżami 2016-2021.
L-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, Rapport tal-Missjoni l-Italja 2019.
https://www.ohchr.org/Documents/Countries/IT/ItalyMissionReport.pdf
.
Żjara virtwali tal-pajjiż fl-Italja fil-kuntest tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020.
Anness II: Żjara tal-pajjiż fl-Italja
F'Ġunju 2020, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħat virtwali ma’:
·L-Unità kontra l-Korruzzjoni tal-Pulizija Finanzjarja
·L-Assoċjazzjoni Artikolu 21
·L-Assoċjazzjoni Ossiġenu għall-informazzjoni
·L-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Ewropej
·L-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjoni
·Il-Kunsill tal-Istat
·Il-Kunsill għoli tal-Ġudikatura
·Il-Qorti għolja tal-Kassazzjoni
·Il-Ministeru tal-Ġustizzja
·L-Awtorità Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni
·Id-Direttorat Nazzjonali Antimafja u kontra t-Terroriżmu
·L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Ġurnalisti
·Il-Federazzjoni Nazzjonali tal-Istampa Taljana
·L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni
* Il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll mal-organizzazzjonijiet segwenti f’għadd ta’ laqgħat orizzontali:
·Amnesty International
·L-Unjoni għal-Libertajiet Ċivili għall-Ewropa
·Civil Society Europe
·Il-Konferenza tal-Knejjes Ewropej
·EuroCommerce
·Iċ-Ċentru Ewropew għal-Liġi mhux għall-Profitt
·iċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Media
·Il-Forum Ċiviku Ewropew
·Free Press Unlimited
·Front Line Defenders
·ILGA-Europe
·Il-Kummissjoni Internazzjonali ta' Ġuristi
·Il-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem
·L-Istitut Internazzjonali għall-Istampa
·Il-Pjattaforma għat-Tagħlim tul il-Ħajja
·Open Society Justice Initiative/Open Society European Policy Institute
·Reporters without Borders
·Transparency International EU