27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/26


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Ġunju 2022

dwar kontijiet individwali tal-apprendiment

(2022/C 243/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin hija kruċjali għat-tisħiħ tal-kompetittività sostenibbli tal-Unjoni, għall-appoġġ għal irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 rikk fl-impjiegi u għall-iżgurar ta’ tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi soċjalment ġusti. Hekk kif is-swieq tax-xogħol jevolvu, il-persuni jeħtieġ li jżommu l-pass billi jtejbu l-ħiliet tagħhom. Ħiliet ġodda u aħjar joħolqu aktar opportunitajiet u jgħammru lill-persuni biex ikollhom rwol attiv fil-ġestjoni tat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà, fl-isfond tat-tibdil demografiku. Barra minn hekk, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti jistgħu jkunu għodda b’saħħithom fil-promozzjoni tal-ekwità soċjali u l-inklużjoni għal tranżizzjoni ġusta.

(2)

L-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (1) jsostni li kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għal taħriġ professjonali u kontinwu. L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pilastru”), ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017 (2), isostni li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxu b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Ir-raba’ prinċipju tal-Pilastru jittratta l-appoġġ attiv għall-impjiegi, biex jiġi sostnut id-dritt ta’ kull persuna għal assistenza f’waqtha u mfassal apposta biex itejjeb il-prospetti ta’ impjieg jew impjieg indipendenti. Il-ħames prinċipju tal-Pilastru, dwar l-impjieg sigur u adattabbli, jenfasizza li, irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-ħaddiema għandhom id-dritt igawdu minn trattament ġust u ugwali rigward il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ.

(3)

Fil-25 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew laqa’ b’sodisfazzjon il-miri ewlenin tal-Unjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021, u b’hekk appoġġa l-ambizzjoni li jiġi żgurat li, sal-2030, mill-anqas 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw f’taħriġ kull sena. Madankollu, il-parteċipazzjoni f’apprendiment għall-adulti fl-Unjoni staġnat matul l-aħħar għaxar snin u 21 Stat Membru ma laħqux il-mira fil-livell tal-Unjoni għall-2020. B’kont meħud ta’ dan, il-Kunsill adotta r-Riżoluzzjoni dwar aġenda Ewropea ġdida għat-tagħlim tal-adulti 2021-2030 (3) biex jappoġġa l-progress lejn il-mira ewlenija tal-Unjoni għall-apprendiment għall-adulti. Ħafna adulti, bħal dawk f’forom atipiċi ta’ xogħol, l-impjegati ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs), il-persuni qiegħda, dawk inattivi u bi kwalifiki baxxi spiss ma jkunux jistgħu jilħqu l-opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet.

(4)

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, adottata mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Lulju 2020, tappella għal rivoluzzjoni fil-ħiliet biex it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jinbidlu f’opportunitajiet għal irkupru ġust u fil-pront. Fost l-oħrajn, hija tħabbar li l-Kummissjoni ser tesplora l-kontijiet individwali tal-apprendiment bħala għodda biex tappoġġa t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti fl-età tax-xogħol, filwaqt li tikkomplementa azzjonijiet oħra mmirati lejn l-impjegaturi u dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ.

(5)

Il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol ser ikunu meħtieġa fil-kuntest tal-bidla għal ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, kif stipulat skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew li l-għan tiegħu hija in-newtralità klimatika sal-2050. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021“Lesti għall-Mira ta’ 55 %” tirrikonoxxi li t-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tirnexxi biss jekk l-Unjoni jkollha l-ħaddiema bi kwalifiki għoljin li teħtieġ biex tibqa’ kompetittiva u tindika l-azzjonijiet ewlenin tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet biex il-persuni jingħataw il-ħiliet li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2021 dwar id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa tagħraf in-nuqqas ta’ persunal b’ħiliet diġitali adegwati, kif ukoll l-iżbilanċ bejn il-ġeneri fost l-ispeċjalisti fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u l-gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM). Hija ttenni l-objettiv li jiġi żgurat li mill-anqas 80 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkollha mill-anqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2030, u tipproponi l-mira ta’ 20 miljun speċjalista tal-ICT impjegati, b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel ukoll sal-2030. Il-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2021 dwar il-perkors għad-Deċennju Diġitali tissuġġerixxi li jiġi stabbilit qafas biex jitmexxew ’il quddiem dawn l-objettivi. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 tat-30 ta’ Settembru 2020 jenfasizza li jenħtieġ li jintużaw mezzi teknoloġiċi biex tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà u tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-opportunitajiet ta’ apprendiment, inkluż it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titlu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” tappella għal azzjoni deċiżiva sabiex l-apprendiment tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd u jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ iżommu l-pass u jgħinu fit-twettiq tat-tranżizzjonijiet doppji.

(8)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 (4) jistiednu lill-Istati Membri, filwaqt li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali u filwaqt li jirrispettaw ir-rwol u l-awtonomija tas-sħab soċjali, biex jesploraw mudelli possibbli għal finanzjament pubbliku u privat tat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp ta’ ħiliet fuq livell individwali, peress li l-finanzjament sostenibbli huwa speċjalment importanti fil-kuntest tan-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet, u jagħtu attenzjoni partikolari lil gruppi vulnerabbli u ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, u jappellaw lill-Kummissjoni biex, skont il-kompetenzi tagħha, tappoġġa lill-Istati Membri f’dawk l-isforzi.

(9)

L-appoġġ finanzjarju insuffiċjenti għall-individwi huwa wieħed mill-ostakli ewlenin li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni fl-apprendiment. B’mod ġenerali, l-investimenti pubbliċi u privati ma humiex suffiċjenti. Il-biċċa l-kbira tat-taħriġ relatat mal-impjiegi fl-UE huwa sponsorjat mill-impjegatur. Madankollu, ħafna kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, ma jipprovdux jew ma jiffinanzjawx taħriġ għall-persunal tagħhom, u individwi f’xogħol atipiku għandhom anqas jew ma għandhom ebda aċċess għal taħriġ sponsorjat mill-impjegatur. Tali inugwaljanzi jistgħu jimminaw il-benesseri u s-saħħa tal-individwi, inaqqsu l-kompetittività ekonomika, jirriżultaw f’opportunitajiet mitlufa u f’ostakli għall-innovazzjoni u hemm ir-riskju li jħallu lill-persuni lura fit-tranżizzjoni lejn attivitajiet ekonomiċi aktar sostenibbli.

(10)

Minbarra l-kostijiet diretti, ir-restrizzjonijiet taż-żmien huma fattur importanti li jipprevjeni lill-adulti milli jfittxu t-taħriġ. Filwaqt li fil-maġġoranza tal-Istati Membri jeżistu arranġamenti għal leave mħallas għal taħriġ (5), l-għarfien dwar il-leave għal taħriġ u l-użu tiegħu minn adulti f’età tax-xogħol huma spiss baxxi, u l-arranġamenti ħafna drabi ma jkoprux lill-ħaddiema atipiċi jew ma jippermettux lill-adulti jfittxu edukazzjoni u taħriġ matul perjodi ta’ qgħad jew ta’ attività ekonomika baxxa.

(11)

Ħafna adulti, speċjalment fost dawk bi kwalifiki baxxi u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, ma humiex motivati biex jieħdu t-taħriġ. Dawn jistgħu ma jkunux konxji tal-ħtiġijiet tagħhom b’rabta mal-ħiliet, u jistgħu ma jkunux jafu jekk ikunux disponibbli appoġġ u taħriġ, jew ikunux ta’ kwalità tajba u rikonoxxuti fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-persuni jistgħu ma jkunux motivati biex jinvolvu ruħhom f’taħriġ li jkun intgħażel mingħajr ma ġew ikkonsultati u li ma jkunx imfassal skont il-ħtiġijiet tagħhom.

(12)

Huwa meħtieġ approċċ ġdid fir-rigward tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid fl-Unjoni. Dan jenħtieġ li jikkomplementa l-istrumenti eżistenti u jsegwi l-impenji politiċi billi jawtonomizza lill-individwi u jagħtihom l-appoġġ u l-għodod li jeħtieġu biex itejbu l-ħiliet jew jitħarrġu mill-ġdid, fil-livelli kollha tal-ħiliet.

(13)

Fl-opinjoni tiegħu tas-16 ta’ Awwissu 2021 dwar l-inizjattiva tal-Unjoni dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment u t-tisħiħ tal-għoti tat-taħriġ fl-Ewropa, il-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT) jargumenta li inizjattiva bħal din jenħtieġ li tikkontribwixxi għal aktar involviment, motivazzjoni u parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-isfida ewlenija hija li jittejjeb it-tqabbil tal-ħiliet u l-impjiegi u li jiġi żgurat l-aċċess għal għażliet diversifikati ta’ taħriġ ta’ kwalità permezz tal-għoti ta’ taħriġ aktar rilevanti u mmirat aħjar. L-ACVT jenfasizza fl-opinjoni tiegħu li l-għażla ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament u inċentivi mfassla apposta skont il-grupp fil-mira fil-livell nazzjonali għandha ssegwi l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet nazzjonali.

(14)

Approċċ wieħed possibbli biex jiġu indirizzati l-problemi deskritti hawn fuq huwa li n-nies jingħataw appoġġ dirett permezz ta’ intitolamenti għat-taħriġ fil-kontijiet individwali tal-apprendiment. Dan jinvolvi wkoll l-istabbiliment ta’ qafas ġenerali ta’ abilitazzjoni li jagħti lill-individwi aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ, informazzjoni, gwida, leave mħallas għal taħriġ u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-taħriġ. Dan l-approċċ jista’ jikkomplementa inizjattivi eżistenti fil-livell nazzjonali.

(15)

Huwa rrakkomandat li jiġi definit intitolament individwali għat-taħriġ fil-livell nazzjonali, f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tan-nies (6), u b’kont meħud ta’ strumenti eżistenti oħra. Il-modulazzjoni tal-finanzjament skont il-ħtiġijiet tista’ żżid l-effiċjenza tal-inizjattiva. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu intitolamenti addizzjonali għat-taħriġ għall-individwi l-aktar fil-bżonn, skont il-kuntest nazzjonali u s-suq tax-xogħol li qed jinbidel. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-kontijiet individwali tal-apprendiment f’setturi strateġiċi (7), biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Minbarra l-intitolamenti finanzjarji, ir-rilevanza, l-utilità u r-rikonoxximent tat-taħriġ huma fatturi ewlenin li jaffettwaw il-parteċipazzjoni fit-titjib tal-kompetenzi u t-taħriġ mill-ġdid. Huwa wkoll rrakkomandat li s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati dwar dawn il-kwistjonijiet.

(16)

Jenħtieġ li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jippermettu lill-persuni jakkumulaw u jużaw l-intitolamenti għat-taħriġ fuq perjodu stabbilit, li għandu jiġi definit fil-livell nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jieħdu taħriġ aktar fit-tul jew aktar għali jew jitħarrġu matul tnaqqis fir-ritmu ekonomiku b’reazzjoni għall-ħtiġijiet ta’ ħiliet emerġenti. Jenħtieġ li l-individwi jkunu jistgħu jżommu l-intitolamenti tagħhom għal taħriġ individwali indipendentement mis-sitwazzjoni tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom u matul bidliet fil-karriera. L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu regoli għall-iskadenza tal-intitolamenti li jagħtu inċentiv lill-istudenti biex jagħmlu użu sħiħ mill-intitolamenti tagħhom.

(17)

Jenħtieġ li tiġi promossa l-possibbiltà li tiġi permessa l-preservazzjoni tal-intitolamenti individwali għat-taħriġ matul perjodi li fihom l-individwu jgħix fi Stat Membru ieħor, jew l-użu ta’ intitolamenti individwali għat-taħriġ għall-aċċess għal taħriġ rikonoxxut u ta’ kwalità assigurata mir-reġistru nazzjonali tal-kont tal-apprendiment tagħhom minn barra l-pajjiż. It-trasferibbiltà tal-intitolamenti bejn l-Istati Membri hija karatteristika mixtieqa fuq perjodu fit-tul, li jeħtieġ li tiġi eżaminata aktar, b’kont meħud tal-impatti possibbli fuq is-swieq nazzjonali tax-xogħol.

(18)

Biex l-individwi jiġu megħjuna jidentifikaw perkors ta’ taħriġ xieraq u b’hekk tiżdied il-motivazzjoni tagħhom biex jitgħallmu, jeħtieġ li jkun disponibbli aċċess għall-opportunitajiet ta’ gwida professjonali u l-validazzjoni tal-karriera. Hemm ukoll il-ħtieġa għal reġistri pubbliċi aġġornati ta’ taħriġ rikonoxxut permezz ta’ portali diġitali nazzjonali uniċi apposta aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għall-persuni b’diżabilità, u, preferibbilment, b’interkonnessjoni xierqa mal-pjattaforma Europass.

(19)

Huwa rrakkomandat li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jintużaw biex tiġi aċċessata l-validazzjoni, inkluż l-opportunitajiet ta’ valutazzjoni tal-ħiliet. L-evalwazzjoni reċenti mill-Kummissjoni tal-ħidma mwettqa skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali (8) tindika progress sostanzjali, iżda tidentifika wkoll sfidi persistenti u tinnota r-risposti proposti. B’mod partikolari, huwa neċessarju li l-individwi jingħataw appoġġ imfassal apposta, u li tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib mas-servizzi ta’ gwida u tfassil effettiv ta’ inizjattivi ta’ validazzjoni għall-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli. L-Istati Membri huma mistiedna jinkoraġġixxu l-għoti ta’ mikrokredenzjali fejn rilevanti, abbażi tal-ħtiġijiet identifikati, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ 16 ta’ Ġunju 2022 dwar il-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (9).

(20)

Din ir-Rakkomandazzjoni tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ leave mħallas għal taħriġ. L-għoti xieraq ta’ leave mħallas għal taħriġ jippermetti lill-ħaddiema jżommu s-salarju tagħhom jew dħul sostituttiv matul perjodi ta’ taħriġ. L-Istati Membri huma mistiedna jidħlu fi djalogu mas-sħab soċjali dwar arranġamenti li jippermettu lill-impjegati jipparteċipaw f’taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol bl-użu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment tagħhom, b’kont meħud tal-possibiltajiet u l-iskemi nazzjonali tat-taħriġ. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li titqies ukoll is-sitwazzjoni tal-SMEs u l-mikrointrapriżi.

(21)

Attivitajiet u kampanji usa’ ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies huma kruċjali biex jittejbu b’mod sinifikanti r-rati ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fl-opportunitajiet ta’ apprendiment, b’mod partikolari fost gruppi b’għarfien baxx dwar it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, bħal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, ibbażata fuq il-fehim komuni li t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid huma mezz ta’ investiment, tista’ żżid l-effettività tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies. L-attenzjoni għall-aċċessibbiltà għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-adulti b’diżabilità.

(22)

Il-monitoraġġ fil-livell nazzjonali, u t-titjib kontinwu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u tal-qafas ta’ abilitazzjoni, huma kruċjali biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. L-aġġustamenti sussegwenti jistgħu jikkonċernaw l-ammont ta’ intitolamenti għat-taħriġ individwali, il-gruppi ta’ prijorità jew l-integrazzjoni faċli għall-utent tad-diversi elementi tal-qafas ta’ abilitazzjoni.

(23)

Finanzjament adegwat huwa karatteristika ewlenija ta’ skemi ta’ suċċess għall-kontijiet individwali tal-apprendiment. Skema nazzjonali ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment tista’ tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn diversi sorsi ta’ finanzjament, bħall-awtoritajiet pubbliċi, l-impjegaturi u l-fondi ġestiti mis-sħab soċjali, billi tippermetti li diversi sorsi ta’ finanzjament jikkontribwixxu għall-konti individwali tal-apprendiment. Taħlita ta’ sorsi pubbliċi u privati ta’ finanzjament għandha tiżgura s-sostenibbiltà tal-inizjattiva fl-Istati Membri, li hija fundamentali għas-suċċess tagħha. Tali taħlita ta’ sorsi ta’ finanzjament tiffaċilita l-modulazzjoni tal-appoġġ u ż-żidiet mill-impjegaturi għall-impjegati tagħhom, jew b’mod volontarju jew bħala riżultat ta’ ftehimiet ta’ negozjar kollettiv.

(24)

Fondi tal-Unjoni li jappoġġaw skemi ta’ apprendiment għall-adulti, bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus (10), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (11) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (12) kif ukoll, fejn rilevanti, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (13) taħt Next Generation EU u l-għarfien espert imfassal apposta permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (14) , jistgħu jappoġġaw l-istabbiliment tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta’ abilitazzjoni tagħhom. L-apprendiment reċiproku, iffaċilitat mill-Kummissjoni, jista’ jappoġġa wkoll il-proċess.

(25)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u għad-distribuzzjoni tal-kompetenzi f’kull Stat Membru fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fir-rigward tal-finanzjament, kif ukoll għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi tagħhom ta’ apprendiment u taħriġ għall-adulti. Hija ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet oħra jew aktar avvanzati dwar l-apprendiment u t-taħriġ għall-adulti minn dawk rakkomandati f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(26)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-tfassil tar-riformi. Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta b’mod sħiħ l-awtonomija tas-sħab soċjali, inkluż fejn dawn ikunu responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ skemi ta’ taħriġ.

(27)

Il-miżuri deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni ma jissostitwixxux l-għoti ta’ taħriġ mill-impjegaturi, is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi jew fornituri oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u mhumiex maħsuba biex jinterferixxu fih, u lanqas ma għandhom jissostitwixxu l-appoġġ pubbliku għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew tipi oħra ta’ appoġġ. Jenħtieġ li l-piż amministrattiv addizzjonali jiġi minimizzat.

B’DAN JIRRAKKOMANDA:

Objettivi

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tappoġġa l-inizjattivi tal-Istati Membri biex aktar adulti fl-età tax-xogħol ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fit-taħriġ sabiex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet. B’hekk hija tikkontribwixxi għall-objettiv tal-Unjoni li tippromwovi ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira għal impjieg sħiħ u progress soċjali. B’mod speċifiku, hija għandha l-għan li:

(a)

tappoġġa lill-adulti kollha fl-età tax-xogħol biex ikollhom aċċess għat-taħriġ, inkluż għat-tranżizzjonijiet professjonali u irrispettivament mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom;

(b)

iżżid l-inċentivi u l-motivazzjoni tal-individwi biex ifittxu taħriġ.

2.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jikkunsidraw li jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment bħala mezz possibbli biex l-individwi jkunu jistgħu jieħdu sehem f’taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol. Sa fejn jiddeċiedu li jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas ta’ abilitazzjoni, inkluż opportunitajiet ta’ gwida u ta’ validazzjoni, biex jippromwovu l-adozzjoni effettiva ta’ dak it-taħriġ, kif stipulat f’din ir-Rakkomandazzjoni.

Kamp ta’ applikazzjoni

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-adulti fl-età tax-xogħol li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, indipendentement mil-livell ta’ edukazzjoni u mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali attwali tagħhom. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu kont individwali tal-apprendiment għal kull persuna li tappartjeni għal dan il-grupp, f’konformità mal-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

Huwa rrakkomandat li l-ħaddiema tal-fruntiera u l-persuni li jaħdmu għal rashom li jaħdmu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn jirrisjedu legalment ikunu koperti fl-Istat Membru fejn jaħdmu.

Definizzjonijiet

4.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“intitolament ta’ taħriġ individwali” tfisser id-dritt ta’ aċċess għal baġit personali għad-dispożizzjoni ta’ individwu biex ikopri l-kostijiet diretti ta’ taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol, ta’ gwida u konsulenza, u ta’ valutazzjoni jew validazzjoni tal-ħiliet, li huma eliġibbli għall-finanzjament;

(b)

“kont individwali tal-apprendiment” huwa mod għall-għoti ta’ intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Dan huwa kont personali li jippermetti lill-individwi jakkumulaw u jippreżervaw l-intitolamenti tagħhom maż-żmien, sabiex jużawhom għal kwalunkwe opportunità eliġibbli ta’ taħriġ, gwida jew validazzjoni li huma jqisu l-aktar utli u kull meta jkunu jridu, f’konformità mar-regoli nazzjonali. Huwa jagħti lill-individwu sjieda sħiħa tal-intitolamenti, irrispettivament mis-sors ta’ finanzjament;

(c)

“trasferibbiltà” tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali tfisser li, ladarba jingħataw, dawn l-intitolamenti jibqgħu fil-pussess tal-individwu kkonċernat, inkluż matul tranżizzjonijiet bejn impjiegi, minn impjieg għall-apprendiment, minn impjieg għall-qgħad, u bejn attività u inattività;

(d)

“qafas ta’ abilitazzjoni” jinkludi l-appoġġ li jippromwovi l-użu effettiv tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Dan jinkludi opportunitajiet ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni, reġistru nazzjonali tal-opportunitajiet li huma eliġibbli għal finanzjament mill-intitolamenti ta’ taħriġ individwali, portal diġitali nazzjonali uniku biex jiġi aċċessat il-kont individwali tal-apprendiment u r-reġistru nazzjonali, u leave mħallas għal taħriġ.

Kont individwali tal-apprendiment

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, f’konformità mal-prattiki u l-ħtiġijiet nazzjonali:

5.

jistabbilixxu kont individwali tal-apprendiment, li jista’ jikkomplementa miżuri oħra li jkunu diġà fis-seħħ, għal kull individwu kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni wara li jkunu kkonsultaw lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti;

6.

jiżguraw għoti annwali adegwat għal kull kont individwali tal-apprendiment li jista’ jiġi akkumulat u użat matul perjodu stabbilit, biex jippermettu taħriġ aktar sostanzjali;

7.

jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, abbażi tal-ħtiġijiet nazzjonali jew settorjali, l-istatus tal-forza tax-xogħol jew tal-kuntratt jew tal-livell ta’ kwalifika tal-individwu, u abbażi ta’ kwalunkwe ċirkostanza rilevanti oħra, u f’konformità ma’ kriterji ċari u trasparenti, wara li jkunu kkonsultaw lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti;

8.

jistiednu lill-impjegaturi biex jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet individwali tal-apprendiment tal-ħaddiema tagħhom u ta’ persuni oħra li jaħdmu fil-katina tal-valur tagħhom, b’mod partikolari dawk li jaħdmu f’SMEs, mingħajr ma jinterferixxu fit-taħriġ mogħti fuq il-post tax-xogħol;

9.

jistiednu lis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi biex jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet individwali tal-apprendiment tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid;

10.

jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li bihom l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali jistgħu jiġu akkumulati u maħżuna, bil-għan li jinstab bilanċ bejn li l-individwi jitħallew jakkumulaw l-intitolamenti tagħhom biex jiffinanzjaw korsijiet ta’ taħriġ itwal u li l-individwi jiġu mħeġġa jagħmlu użu regolari mill-intitolamenti tagħhom matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom; pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu ta’ żmien u ammont massimu għall-akkumulazzjoni u l-ħżin;

11.

jippromwovu l-possibbiltà li l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali li jinsabu f’kont fi Stat Membru jkunu jistgħu jintużaw għal opportunitajiet eliġibbli ta’ taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni f’dak l-Istat Membru, anke matul perjodi li fihom l-individwu jkun qed jirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor.

Qafas ta’ abilitazzjoni

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri li jintroduċu l-kontijiet individwali tal-apprendiment jinkorporawhom f’qafas ta’ abilitazzjoni li jinkludi:

Gwida għall-karriera u validazzjoni

12.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi ta’ gwida għall-karriera u l-opportunitajiet ta’ validazzjoni, inkluż l-opportunitajiet ta’ valutazzjoni tal-ħiliet, b’mod fiżiku jew online, ikunu disponibbli u aċċessibbli għal kull sid ta’ kont individwali tal-apprendiment, mingħajr ħlas jew bl-użu tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali tagħhom, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (15).

Reġistru nazzjonali ta’ opportunitajiet ta’ kwalità u eliġibbli għal taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni

13.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu aġġornat reġistru pubbliku ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni li jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-intitolamenti ta’ taħriġ individwali (16). Dan ir-reġistru għandu jinkludi wkoll is-servizzi ta’ gwida għall-karriera u l-opportunitajiet ta’ validazzjoni pprovduti mill-Istati Membri mingħajr ħlas għall-individwi.

14.

L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu u jippubblikaw regoli ċari biex fir-reġistru jiġu inklużi diversi forom ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol, ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni, abbażi ta’ rekwiżiti trasparenti ta’ kwalità u informazzjoni dwar il-ħiliet u f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Huma għandhom jirrieżaminaw ir-regoli b’mod regolari biex jippromwovu r-rispons għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

15.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri jħeġġu lill-fornituri tal-opportunitajiet ta’ apprendiment formali u mhux formali biex jiżviluppaw u jwessgħu l-offerta tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet identifikati, inkluż pereżempju billi jipprovdu mikrokredenzjali, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar il-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà, u bl-użu ta’ oqfsa ta’ kompetenza tal-Unjoni u nazzjonali.

16.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistiednu lis-sħab soċjali, lis-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jipparteċipaw fil-proċess tad-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-taħriġ inkluż fir-reġistru.

17.

Huwa rrakkomandat li, fejn rilevanti, l-Istati Membri jiftħu r-reġistru nazzjonali tagħhom b’mod trasparenti għall-opportunitajiet ta’ taħriġ offruti minn fornituri f’pajjiżi oħra.

Portal diġitali nazzjonali uniku li jappoġġa l-kontijiet individwali tal-apprendiment

18.

L-Istati Membri huma mistiedna jippermettu u jgħinu lill-individwi biex jaċċessaw il-kont individwali tal-apprendiment tagħhom u jinnavigaw faċilment fir-reġistru permezz ta’ awtentikazzjoni elettronika sigura fuq portal diġitali nazzjonali uniku (17) aċċessibbli (18) li jkun jista’ jiġi aċċessat faċilment minn apparati mobbli u li, preferibbilment, ikun interkonness mal-pjattaforma tal-Europass.

Leave mħallas għal taħriġ

19.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jidħlu fi djalogu mas-sħab soċjali dwar arranġamenti li jippermettu lill-impjegati jipparteċipaw f’taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol bl-użu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment tagħhom.

20.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jintroduċu dispożizzjonijiet dwar leave mħallas għal taħriġ jew dwar sostituzzjoni tal-introjtu jew jirrevedu l-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet eżistenti, filwaqt li jqisu:

(a)

l-applikazzjoni tagħhom għal kull tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg, u għal dawk li jaħdmu għal rashom;

(b)

l-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għall-impjegaturi (b’mod partikolari l-SMEs) li l-impjegati tagħhom jagħmlu użu mil-leave mħallas għal taħriġ;

(c)

il-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Ħidma biex jintlaħqu n-nies u sensibilizzazzjoni

21.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jwettqu, b’mod konġunt mas-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali u atturi rilevanti oħra, attivitajiet u kampanji ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u sensibilizzazzjoni b’mod mifrux, imfassla skont il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji potenzjali tal-iskema għall-kontijiet individwali tal-apprendiment. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid kif definit fil-livell nazzjonali, biex l-individwi eliġibbli jiġu infurmati u motivati rigward id-drittijiet u l-benefiċċji tagħhom li jikkonċernaw il-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta’ abilitazzjoni. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għandhom jindirizzaw ukoll, fost l-oħrajn, lill-ħaddiema fl-SMEs.

Monitoraġġ u titjib kontinwu

22.

L-Istati Membri li jintroduċu kontijiet individwali tal-apprendiment huma mħeġġa jimmonitorjaw u jevalwaw it-tħaddim ta’ tali kontijiet u tal-qafas ta’ abilitazzjoni, u jagħmlu aġġustamenti kif meħtieġ sabiex l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jintlaħqu bl-aktar mod effiċjenti, pereżempju fir-rigward tal-ammont ta’ intitolamenti ta’ taħriġ, tad-definizzjoni tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid u tal-integrazzjoni faċli tad-diversi elementi tal-qafas ta’ abilitazzjoni. Is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti għandhom jiġu kkonsultati f’dak il-proċess.

Finanzjament

23.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw il-finanzjament adegwat u sostenibbli tal-kontijiet individwali tal-apprendiment, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u miżuri oħra diġà fis-seħħ, b’attenzjoni partikolari għall-SMEs.

24.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw it-taħlita ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament pubbliċi u privati sabiex jikkontribwixxu għall-intitolamenti ta’ taħriġ individwali, inkluż bħala eżitu ta’ negozjar kollettiv.

25.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw finanzjament sostenibbli għall-qafas ta’ abilitazzjoni u għall-attivitajiet ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta’ sensibilizzazzjoni msemmija f’din ir-Rakkomandazzjoni.

26.

L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu l-użu massimu u l-aktar effiċjenti mill-fondi u mill-istrumenti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, sabiex:

(a)

jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment nazzjonali, inkorporati f’qafas ta’ abilitazzjoni, inkluż billi jiżviluppaw portal diġitali nazzjonali uniku għall-kontijiet individwali tal-apprendiment u għas-servizzi rikonoxxuti relatati, u joħolqu reġistri nazzjonali ta’ taħriġ rikonoxxut;

(b)

jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, li jirriflettu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-prijoritajiet tal-Unjoni inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali;

(c)

jistabbilixxu u jipprovdu opportunitajiet ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni;

(d)

jorganizzaw attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni.

Appoġġ tal-Unjoni

27.

Il-Kunsill jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni, f’konformità mal-kompetenza tal-Kummissjoni u bir-rispett dovut għas-sussidjarjetà, li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), billi:

(a)

tiffaċilita t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri b’appoġġ għat-tfassil u t-twettiq ta’ miżuri xierqa għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(b)

tespandi l-bażi tal-għarfien dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment u kwistjonijiet relatati u tiżviluppa materjal ta’ gwida rilevanti;

(c)

tesplora, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, aktar żviluppi fil-pjattaforma tal-Europass, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà mal-portali diġitali nazzjonali uniċi għall-kontijiet individwali tal-apprendiment, u tagħti viżibilità lill-opportunitajiet ta’ apprendiment, ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni li fir-rigward tagħhom jistgħu jintużaw id-diversi intitolamenti ta’ taħriġ individwali nazzjonali.

Rappurtar u evalwazzjoni

28.

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu passi biex jilħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 1 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Il-progress lejn dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat fil-kuntest tas-sorveljanza multilaterali bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-monitoraġġ juża l-informazzjoni diġà miġbura permezz ta’ oqfsa oħra ta’ monitoraġġ u tevita d-duplikazzjonijiet, sabiex tillimita l-piż amministrattiv.

29.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati u wara li tikkonsulta lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, u tirrapporta lill-Kunsill sa 17 ta’ Ġunju 2027.

Magħmul fil-Lussemburgu, 16 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

O. DUSSOPT


(1)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(2)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(3)  ĠU C 504, 14.12.2021, p. 9.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 dwar it-Taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-impjegabbiltà, fil-kuntest ta’ appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali (ST 8682/20).

(5)  24 Stat Membru għandhom arranġamenti ta’ leave għal taħriġ u 12-il Stat Membru huma firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Leave Bi Ħlas għall-Edukazzjoni (sitwazzjoni f’Marzu 2022).

(6)  L-intitolamenti għat-taħriġ jistgħu, pereżempju, jippermettu attivitajiet ta’ taħriġ rikonoxxuti b’valur ta’ 30 siegħa fis-sena għall-individwi kollha u ta’ 50 siegħa għall-individwi l-aktar fil-bżonn.

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 intitolata –“Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” tirreferi għal 14-il ekosistema industrijali għal appoġġ speċifiku, inkluż dwar l-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol attwali u futura tagħhom.

(8)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(9)  Ara l-paġna 10 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(11)  Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231 30.6.2021, p. 60).

(12)  Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231 30.6.2021, p. 1).

(13)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57 18.2.2021, p. 17).

(14)  Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

(15)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(16)  L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu dan ir-reġistru kompatibbli mal-Mudell ta’ Apprendiment Ewropew, mudell ta’ data li għandu l-għan li jistandardizza l-mod li bih id-data dwar l-apprendiment tiġi kondiviża u ppreżentata. Il-Mudell ta’ Apprendiment Ewropew jista’ jintuża f’kuntesti ta’ apprendiment differenti bħal pereżempju għad-deskrizzjoni tal-opportunitajiet ta’ apprendiment, il-kwalifiki, il-kredenzjali u l-akkreditazzjoni. Huwa jibni fuq l-oqsma ta’ data deskritti fl-Anness VI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15).

(17)  Tali portali jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2017 dwar Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

(18)  F’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).