14.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 504/9


Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea ġdida għat-tagħlim tal-adulti 2021-2030

(2021/C 504/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

BILLI:

Huwa kruċjali li l-futur jiġi indirizzat b’mod pożittiv billi naħdmu fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ta’ tagħlim tal-adulti u billi jkollna fis-seħħ opportunitajiet ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali li jkunu kapaċi jipprovdu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi kollha meħtieġa biex tinħoloq Ewropa inklużiva, sostenibbli, soċjalment ġusta u aktar reżiljenti. Hekk kif ngħaddu minn tranżizzjonijiet dejjem aktar kumplessi u frekwenti (b’mod partikolari t-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika), u nindirizzaw l-isfidi attwali u futuri (bħat-tibdil fil-klima, id-demografija, it-teknoloġija, is-saħħa, eċċ.), it-tagħlim għall-adulti, bħala parti importanti mit-tagħlim tul il-ħajja, jista’ jikkontribwixxi biex l-ekonomiji u s-soċjetajiet isiru aktar b’saħħithom u aktar reżiljenti. Huwa importanti wkoll li jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex in-nies ikunu aġenti tal-bidla permezz tal-għażliet li jagħmlu.

FILWAQT LI JFAKKAR LI:

1.

Fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir li sar f’Gothenburg fl-2017, il-mexxejja tal-UE pproklamaw b’mod konġunt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jistabbilixxi d-dritt għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u inklużivi u tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd bħala l-ewwel prinċipju tiegħu, u, bħala r-raba’ prinċipju tiegħu, id-dritt li wieħed jirċievi appoġġ meta jfittex impjieg, appoġġ għat-taħriġ u għar-rikwalifikazzjoni, kif ukoll id-dritt għat-trasferiment tal-intitolamenti tal-protezzjoni soċjali u t-taħriġ matul tranżizzjonijiet professjonali,

2.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 (1) identifikaw l-edukazzjoni bħala element ewlieni għall-bini ta’ soċjetajiet inklużivi u koeżivi u għas-sostenn tal-kompetittività Ewropea; għalhekk, l-edukazzjoni u t-taħriġ tqiegħdu fil-qalba tal-aġenda politika Ewropea għall-ewwel darba,

3.

Fl-Aġenda Strateġika tal-UE 2019-2024 il-mexxejja tal-UE qablu li jżidu l-investimenti fil-ħiliet u l-edukazzjoni tan-nies,

4.

Il-mexxejja tal-UE ltaqgħu fis-Summit Soċjali ta’ Porto fis-7 ta’ Mejju 2021 biex japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali billi jpoġġu l-edukazzjoni u l-ħiliet fiċ-ċentru tal-azzjoni politika,

5.

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021, il-mexxejja tal-UE laqgħu l-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto, inkluż il-mira fil-livell tal-UE ta’ mill-inqas 60 % tal-adulti jipparteċipaw fit-tagħlim kull sena sal-2030,

6.

Id-dokumenti ta’ sfond rilevanti, kif stabbiliti fl-Anness III għal din ir-Riżoluzzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati.

U FILWAQT LI JIEĦU NOTA TA’:

7.

L-Aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim tal-adulti (EAAL), li ġiet adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2011 sabiex tkompli, tikkomplementa u tikkonsolida l-ħidma fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti skont l-erba’ objettivi strateġiċi identifikati mill-Kunsill fil-qafas strateġiku “ET2020”,

8.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (2016), li tissottolinja l-ħtiġijiet speċifiċi tal-adulti, b’mod partikolari fost gruppi b’livell baxx ta’ kwalifiki, mingħajr impjieg u dawk vulnerabbli, li għandhom bżonn attenzjoni u appoġġ addizzjonali biex itejbu l-ħiliet bażiċi tagħhom u jkunu jistgħu jagħmlu progress,

9.

Ir-Rapport “Kisbiet taħt l-Aġenda Ewropea Mġedda għat-Tagħlim tal-Adulti” (2019), li jagħmel rendikont tal-kisbiet fil-perjodu 2011-2018. Huwa jidentifika wkoll suġġetti u prijoritajiet emerġenti li jistgħu jitqiesu fil-perijodu ta’ wara l-2020, inkluż il-ħidma kontinwa dwar il-governanza, il-provvista u l-adozzjoni, il-flessibbiltà u l-aċċess kif ukoll l-assigurazzjoni tal-kwalità,

10.

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (2020) tipproponi, fost oħrajn, l-Azzjoni 8 “Ħiliet għall-Ħajja”, li tipprevedi ħidma mill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar prijoritajiet ġodda għall-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti bl-għan li jinbnew sistemi ta’ tagħlim għall-adulti komprensivi, ta’ kwalità u inklużivi,

11.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (2020) u d-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (2020) jappellaw għall-iżvilupp ulterjuri tal-VET bħala perkors attraenti u ta’ kwalità għolja għall-impjiegi u l-ħajja, u jqajmu u jrawmu kuxjenza fost l-adulti għall-fatt li t-tagħlim huwa sforz għal tul il-ħajja,

12.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn minnha tipprevedi kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2030 (2021–2030), li għandha titwettaq f’perspettiva inklużiva, olistika u ta’ tagħlim tul il-ħajja, u tiddikjara wkoll li t-tagħlim tul il-ħajja jinkludi l-forom u l-livelli kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sat-tagħlim għall-adulti, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u l-edukazzjoni għolja.

JIKKUNSIDRA LI:

13.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom mudelli differenti ta’ tagħlim għall-adulti, skont il-ħtiġijiet, iċ-ċirkostanzi, il-politiki, l-istrateġiji u t-tradizzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom. Ir-Rapporti juru li minħabba l-aġġustamenti tal-pandemija tal-COVID-19, it-tagħlim għall-adulti u l-ambjenti tat-tagħlim komplew jiddiversifikaw il-prattiki tat-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa kollha (2),

14.

Il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 (3) jirrapporta li l-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti hija baxxa, b’medja tal-UE ta’ 10.8 % biss tal-adulti (nisa: 11.9 %, irġiel: 9.8 %) fl-età ta’ bejn il-25 u l-64 sena li pparteċipaw f’tagħlim għall-adulti fl-aħħar erba’ ġimgħat qabel l-istħarriġ tal-2019. Barra minn hekk, id-data tal-Eurostat tal-2020 turi li l-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti hija inqas minn dik ta’ qabel il-pandemija tal-COVID-19, b’medja tal-UE ta’ 9.2 % biss tal-adulti (nisa: 10.0 %, irġiel: 8.3 %) fl-età ta’ bejn il-25 u l-64 sena li pparteċipaw f’tagħlim għall-adulti fl-aħħar erba’ ġimgħat qabel l-istħarriġ,

15.

Ir-rapport Eurydice “Adult education and training in Europe: Building inclusive pathways to skills and qualifications” (L-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti fl-Ewropa: nibnu mogħdijiet inklużivi għall-ħiliet u l-kwalifiki) (2021) juri li madwar adult minn kull ħamsa fl-UE ma lestiex l-edukazzjoni sekondarja għolja u li proporzjon sostanzjali tal-adulti fl-Ewropa huwa affettwat minn livelli baxxi ta’ litteriżmu, numeriżmu u/jew ħiliet diġitali. Il-pajjiżi jvarjaw ukoll f’termini ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ; madankollu, karatteristika komuni hija li l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ta’ tagħlim li fihom jieħdu sehem l-adulti huma ta’ natura mhux formali.

JIRRIKONOXXI LI:

16.

Kultura ġdida ta’ tagħlim għandha tenfasizza r-rilevanza tal-ħiliet bażiċi għal kulħadd u tal-kisba kontinwa ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi rilevanti, fil-livelli kollha f’kuntesti ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali, matul il-ħajja kollha ta’ persuna. L-individwi b’mentalità żviluppata ta’ tagħlim tul il-ħajja huma mgħammra aħjar biex jadattaw għal ċirkostanzi ġodda u biex jiżviluppaw il-ħiliet li jeħtieġu għall-impjiegi kif ukoll għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u l-iżvilupp personali,

17.

It-tagħlim għall-adulti għandu pożizzjoni speċjali fil-prijorità strateġika tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni – “It-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà għal kulħadd”, li bħalissa huwa meħtieġ b’mod aktar urġenti minn qatt qabel, minħabba l-isfidi tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 u l-ħtieġa għar-reżiljenza, il-bidla fil-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, l-ispariġġ fil-ħiliet, it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u l-proporzjon kbir b’mod persistenti ta’ adulti fl-Ewropa li għandhom livell baxx ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi bażiċi,

18.

Il-frammentazzjoni tat-tagħlim għall-adulti bejn is-setturi, l-oqsma ta’ politika u l-oqfsa legali jeħtieġ li tiġi indirizzata. Hemm bżonn ta’ djalogu bejn il-partijiet kollha biex jiġi żgurat li jkun hemm viżjoni kondiviża għall-għoti msaħħaħ ta’ tagħlim għall-adulti, fejn jitqiesu d-dimensjoni soċjali tat-tagħlim għall-adulti, kif ukoll l-impjegabbiltà. Peress li l-individwi, l-impjegaturi u l-istat jibbenefikaw mit-tagħlim għall-adulti, għandhom jiġu rikonoxxuti r-responsabbiltà u l-kontribut ta’ kull parti,

19.

Huwa ferm importanti li titrawwem kuxjenza akbar fost l-impjegaturi dwar il-fatt li t-tagħlim għall-adulti jikkontribwixxi għall-kwalità tal-proċessi u l-eżiti tax-xogħol, kif ukoll għall-kwalità tal-involviment tal-ħaddiema fix-xogħol tagħhom. It-tagħlim għall-adulti jista’ jikkontribwixxi għall-produttività, il-kompetittività, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Huwa fattur importanti li l-impjegaturi jkunu inċentivati biex jieħdu rwol aktar attiv fl-appoġġ tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol tal-impjegati tagħhom fuq bażi kontinwa. Għaldaqstant, huwa importanti li tinħoloq kultura ta’ tagħlim fil-postijiet tax-xogħol kollha, li l-opportunitajiet tat-tagħlim jkunu ppjanati u organizzati fil-post tax-xogħol, u għandhom ikunu promossi u appoġġati mill-partijiet ikkonċernati kollha,

20.

Madankollu, it-tagħlim għall-adulti jeħtieġ li jmur lil hinn mill-iżvilupp ta’ ħiliet relatati max-xogħol. Huwa importanti wkoll li titrawwem kuxjenza akbar fost il-popolazzjoni ġenerali dwar l-importanza u l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. It-tagħlim għall-adulti għandu jkun interkonness mat-tipi u l-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-edukazzjoni għolja, permezz ta’ perkorsi flessibbli formali, mhux formali u informali,

21.

It-tagħlim għall-adulti għandu s-setgħa li jtejjeb l-opportunitajiet tal-ħajja u tax-xogħol għall-adulti, irrispettivament miċ-ċirkostanzi soċjodemografiċi u personali tagħhom. Ir-responsabbiltà individwali għall-iżvilupp tal-karriera għandha titqies bħala parti mill-gwida u appoġġ professjonali tul il-ħajja. Barra minn hekk, it-tagħlim għall-adulti jista’ jikkontribwixxi għaċ-ċittadinanza attiva u għat-tagħlim komunitarju. Huwa jappoġġa wkoll l-iżvilupp u s-sodisfazzjon personali, soċjali u professjonali, is-saħħa u l-benesseri, f’konformità mal-ħtiġijiet, it-talenti u l-aspirazzjonijiet attwali u futuri tal-individwu. It-tagħlim għall-adulti għandu rwol kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi u l-opportunitajiet attwali u futuri fil-ħajja u fuq ix-xogħol, li jwasslu għal komunitajiet sostenibbli,

22.

L-impatti tal-bidla demografika, kif ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, jeħtieġu approċċi ġodda biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-adulti, inkluż dawk li mhumiex inklinati biex jattendu attivitajiet ta’ tagħlim u l-grupp ta’ età 65+, fit-tagħlim għall-adulti sabiex jiġu appoġġati l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà.

JISSOTTOLINJA LI:

23.

It-tagħlim għall-adulti jeħtieġ approċċ olistiku li jinkludi kollaborazzjoni intersettorjali u bejn diversi partijiet ikkonċernati, u koordinazzjoni effettiva fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, li jirrispetta l-mudelli differenti tat-tagħlim għall-adulti fl-Unjoni Ewropea u li jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi speċifiċi tal-livelli differenti ta’ politika.

GĦALDAQSTANT JAQBEL LI:

24.

Fil-perijodu sal-2030 u inkluż, l-objettiv ġenerali tal-aġenda Ewropea l-ġdida għat-tagħlim għall-adulti 2021-2030 (NEAAL 2030) ser ikun li jiżdiedu u jittejbu l-għoti, il-promozzjoni u l-adozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali għal kulħadd,

25.

L-oqsma prijoritarji ewlenin tan-NEAAL 2030 jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma u l-iżvilupp ulterjuri tat-tagħlim għall-adulti, kif deskritt hawn taħt u deskritt fid-dettall fl-Anness I għal dan id-dokument:

il-governanza,

il-provvista u l-adozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja,

l-aċċessibbiltà u l-flessibbiltà,

il-kwalità, l-ekwità, l-inklużjoni u s-suċċess fit-tagħlim għall-adulti,

it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

JAQBEL UKOLL, B’KONT MEĦUD TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U Ċ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI TAL-ISTATI MEMBRI, DWAR L-ISTRUMENTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI LI ĠEJJIN:

26.

Metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK): Fil-perijodu sal-2030, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser jaħdmu flimkien mill-qrib biex jieħdu kont tal-ħidma li saret fil-livell tekniku, filwaqt li jevalwaw il-proċess u r-riżultati tiegħu permezz tal-MMK u billi jassumu responsabbiltà għall-proċess fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza rispettiv tagħhom, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew Ewropew. Dan għandu jsir f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tagħlim għall-Adulti stabbilit bħala parti mill-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) u n-network tal-koordinaturi nazzjonali għat-tagħlim għall-adulti.

27.

Tagħlim reċiproku: It-tagħlim reċiproku huwa element ewlieni tan-NEAAL 2030 peress li jipprovdi l-opportunità li wieħed jidentifika u jitgħallem minn prattiki tajbin fi Stati Membri differenti. It-tagħlim reċiproku, bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti, ser jitwettaq b’mezzi bħal attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari, konsulenza bejn il-pari u skambji tal-aħjar politiki u prattiki, konferenzi, seminars, fora ta’ livell għoli u gruppi ta’ esperti, kif ukoll permezz ta’ studji u analiżi, networks (inkluż dawk ibbażati fuq l-internet) u forom oħra ta’ disseminazzjoni u permezz ta’ viżibbiltà ċara tar-riżultati.

28.

Governanza effettiva: In-NEAAL 2030 hija parti integrali mill-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030).

29.

Monitoraġġ tal-proċess: Il-monitoraġġ perjodiku tal-progress lejn il-miri fil-livell tal-UE (4) permezz ta’ indikaturi fil-livell tal-UE (deskritti fl-Anness II għal dan) applikati fil-ġbir u l-analiżi sistematiċi ta’ data komparabbli internazzjonalment, jipprovdi kontribut essenzjali għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza mingħajr ma jinħoloq piż addizzjonali għall-Istati Membri. Il-monitoraġġ annwali ser isir permezz tal-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u l-proċess tas-Semestru Ewropew (permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta), li jsegwi l-progress lejn il-kisba tal-miri kollha maqbula fil-livell tal-UE fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miri u l-indikaturi fil-livell tal-UE għandhom isiru f’kooperazzjoni mal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta’ Riferiment (SGIB) u jiġu rieżaminati fl-2023.

30.

Bini tal-għarfien u politika dwar it-tagħlim għall-adulti mibnija fuq l-evidenza: Huwa meħtieġ li jiġu żviluppati aktar analiżi tad-data u riċerka fil-fond, fejn possibbli, fil-livell internazzjonali, Ewropew u dak nazzjonali permezz ta’ firxa ta’ għodod, u li jittieħed vantaġġ mill-ħidma tal-Eurostat, Eurydice, is-CEDEFOP, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ - ETF, il-Eurofound, l-OECD u organizzazzjonijiet oħra. L-analiżi għandha tinkludi wkoll il-monitoraġġ ta’ gruppi vulnerabbli ta’ adulti u data dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jekk possibbli anke fil-livell tal-impjegaturi u l-komunitajiet lokali, fost oħrajn. It-trasformazzjoni tal-impjiegi u l-isforzi enormi għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet jeħtieġu informazzjoni affidabbli u mmirata dwar il-ħiliet biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol f’dan ir-rigward. Dan ser jappoġġa lill-adulti fl-iżvilupp tal-karriera tul il-ħajja tagħhom u jiffaċilita kemm it-tranżizzjoni tas-suq tax-xogħol kif ukoll dik tas-soċjetà.

31.

Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali: Huwa importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet bħall-OECD (b’mod partikolari billi jsir użu mir-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC)), in-NU (b’mod partikolari l-UNESCO u l-ILO) u l-Kunsill tal-Ewropa , kif ukoll fi ħdan inizjattivi reġjonali jew globali rilevanti.

32.

Finanzjament: It-tagħlim għall-adulti huwa ffinanzjat permezz ta’ firxa ta’ strumenti differenti alimentati minn diversi sorsi. Preferibbilment u fejn adegwat, u f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, it-tagħlim għall-adulti għandu jiddependi fuq finanzjament kontinwu u regolari pjuttost milli fuq sussidji relatati ma’ proġetti jew programmi. L-approċċi ta’ finanzjament ibbażati fuq responsabbiltà kondiviża tal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati jistgħu jgħinu biex jiżdiedu u jiġu intensifikati r-riżorsi.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B’KONT MEĦUD TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U F’KONFORMITÀ MAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

33.

Matul il-perijodu 2021–2030, jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-oqsma ta’ prijorità deskritti fl-Anness I, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), fejn rilevanti, u f’konformità mal-kuntesti, iċ-ċirkostanzi u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom,

34.

Itejbu komunikazzjoni effettiva bejn il-ministeri rilevanti, kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati, bħas-sħab soċjali, in-negozji, l-organizzizzazjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bil-ħsieb li tittejjeb il-koerenza bejn il-linji ta’ politika dwar it-tagħlim għall-adulti u linji ta’ politika soċjoekonomiċi usa’. Dan l-approċċ ta’ gvern sħiħ u ta’ diversi partijiet ikkonċernati jista’ jissaħħaħ aktar permezz ta’ koordinazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali effettiva li torbot il-politika u l-prattika,

35.

Jappoġġaw it-tagħlim għall-adulti bi gwida tul il-ħajja u żvilupp tal-karriera billi jibnu sħubiji fil-livelli kollha. F’konformità mal-prinċipji tal-assigurazzjoni tal-kwalità, din il-gwida għandha tkun marbuta ma’ attivitajiet ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies, validazzjoni u sensibilizzazzjoni, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet. Dan ser jiżgura li l-adulti kollha jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi u l-kompetenzi ewlenin tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom u jiksbu l-livell ta’ ħiliet meħtieġ fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol tal-lum,

36.

Meta jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali, jagħmlu progress fl-iżgurar li l-opportunitajiet ta’ validazzjoni jkunu disponibbli għall-adulti kollha, biex b’hekk jiżguraw ukoll opportunitajiet għal ċans ieħor, li possibbilment iwasslu għal kwalifiki sħaħ jew parzjali,

37.

Jappoġġaw l-espansjoni tat-tagħlim għall-adulti fil-livell sekondarju u terzjarju, kemm ġenerali kif ukoll vokazzjonali permezz ta’ perkorsi ta’ tagħlim flessibbli, pereżempju klassijiet ta’ filgħaxija, edukazzjoni part-time, tagħlim mill-bogħod u tagħlim imħallat, u jippermettu lill-istudenti adulti (a) jiksbu kwalifiki fil-livell 4 u ogħla tal-QEK; u (b) jlestu korsijiet qosra li jippermettu l-aġġornament, it-twessigħ u l-approfondiment tal-kompetenzi,

38.

Jgħollu l-istatus okkupazzjonali tal-professjonalizzazzjoni tal-edukaturi u l-ħarrieġa (5) tal-adulti u jappoġġawhom, u jtejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi tagħhom u l-iżvilupp professjonali tagħhom, inkluż billi jappoġġaw l-użu ta’ approċċi (imħalltin, online, mill-bogħod, ibridi, eċċ.) u riżorsi (infrastruttura u tagħmir tal-ICT) innovattivi,

39.

Jappoġġaw, fejn adatt, id-diġitalizzazzjoni ta’ kwalità għolja u bbażata fuq l-inklużività tal-proċessi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim fil-livell organizzattiv u individwali. Barra minn hekk, jassistu, jedukaw u jħarrġu lill-istudenti adulti biex jużaw l-għodod diġitali b’mod aktar wiesa’ u effettiv filwaqt li jikkunsidraw id-distakk diġitali inkluż bejn il-ġeneri,

40.

Jistinkaw biex jiżviluppaw mekkaniżmi sempliċi, flessibbli u wiesgħa għall-kumpaniji u l-individwi biex iqajmu kuxjenza u jrawmu bidla fil-mentalità fost l-individwi u s-soċjetà, abbażi tal-kunċett tat-tagħlim tul il-ħajja li jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jikseb għarfien, ħiliet u kompetenzi fuq bażi kontinwa,

41.

Jiffaċilitaw it-tagħlim tul il-ħajja biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim permezz ta’ strumenti differenti bħal EPALE - il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (eż. appoġġ għall-professjonisti tat-tagħlim għall-adulti, inkluż l-edukaturi u l-ħarrieġa tal-adulti, il-persunal ta’ gwida u appoġġ, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi, u dawk li jfasslu l-politika),

42.

Jippromwovu l-mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti adulti u tal-persunal tat-tagħlim għall-adulti kif ukoll il-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż permezz tal-programm Erasmus+, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u strumenti oħra, fejn xieraq,

43.

Jagħmlu aktar sforzi biex ineħħu l-ostakli u x-xkiel eżistenti għal kull tip ta’ tagħlim, inkluż kwistjonijiet relatati mal-mobbiltà, l-aċċessibbiltà, l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, il-gwida, il-ħidma biex jintlaħqu n-nies, is-servizzi tal-istudenti u r-rikonoxximent ta’ tagħlim preċedenti bħala parti mill-eżiti tat-tagħlim,

44.

Ikomplu jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità billi pereżempju jippromwovu assigurazzjoni tal-kwalità interna u esterna, fir-rigward ta’ programmi, proċessi, organizzazzjonijiet ta’ implimentazzjoni, edukaturi u ħarrieġa tal-adulti, u attivitajiet ta’ konsulenza, u billi jiżviluppaw ġbir ta’ data, pereżempju billi jużaw informazzjoni miġbura permezz ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX, F’KONFORMITÀ MAL-KOMPETENZI TAGĦHA U WARA LI TIKKUNSIDRA L-PRINĊIPJU TA’ SUSSIDJARJETÀ:

45.

Tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tan-NEAAL 2030 u l-oqsma ta’ prijorità tagħha kif deskritti fl-Anness I, kif ukoll biex possibbilment jiżviluppaw strateġiji nazzjonali olistiċi u li jinvolvu approċċ ta’ gvern sħiħ fil-qasam tal-ħiliet,

46.

Tiżgura l-komplementarjetà u l-koerenza tal-inizjattivi ta’ politika tal-UE meħuda skont in-NEAAL 2030,

47.

Tikkollabora mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ struttura ta’ governanza flessibbli u effiċjenti kif deskritt fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021–2030), b’mod partikolari bl-involviment tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Apprendiment għall-Adulti, in-network ta’ koordinaturi nazzjonali tat-tagħlim għall-adulti, attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u attivitajiet oħra ta’ networking,

48.

Tappoġġa lill-koordinaturi nazzjonali tat-tagħlim għall-adulti billi tiffinanzja l-ħidma tagħhom biex tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tan-NEAAL 2030,

49.

Issaħħaħ l-għarfien dwar it-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa billi twettaq studji u riċerka rilevanti għall-analiżi ta’ kwistjonijiet ta’ tagħlim għall-adulti, inkluż permezz ta’ Eurydice, is-CEDEFOP, u l-ETF u f’kooperazzjoni ma’ networks u istituzzjonijiet rilevanti oħra, billi tagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riċerka tagħhom, mingħajr ma toħloq piżijiet addizzjonali għall-Istati Membri. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-grupp ta’ età 65+ billi jiġu żviluppati evidenza u data komparattivi dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim għall-adulti,

50.

Tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-OECD, in-NU (b’mod partikolari l-UNESCO u l-ILO) u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ma’ inizjattivi reġjonali jew globali rilevanti, pereżempju fil-Balkani tal-Punent, is-Sħubija tal-Lvant, eċċ.,

51.

Tiżgura d-disponibbiltà tal-fondi fil-livell Ewropew biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tan-NEAAL 2030 permezz ta’ programmi, fondi u strumenti rilevanti tal-UE, bħal Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għal Ħaddiema Spostati, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, InvestEU, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, eċċ.,

52.

Tippreżenta lill-Kunsill ħarsa ġenerali sistematika u pjan direzzjonali tal-politiki, l-għodod ta’ kooperazzjoni, l-istrumenti ta’ finanzjament, l-inizjattivi u s-sejħiet immirati fil-livell tal-Unjoni, bħall-Perkors ta’ Titjib tal-Ħiliet, Erasmus+, u s-Semestru Ewropew, li jikkontribwixxu għall-kisba tan-NEAAL 2030, u taġġornah regolarment,

53.

Tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tan-NEAAL 2030 bħala parti mill-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (2021-2030), abbażi tal-ħidma tal-koordinaturi nazzjonali tat-tagħlim għall-adulti, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Apprendiment għall-Adulti, l-istudji u l-esperti tar-riċerka,

54.

Tippermetti aktar żvilupp u implimentazzjoni tal-EPALE, li tappoġġa u ssaħħaħ il-professjonisti tat-tagħlim għall-adulti permezz ta’ skambji fost kollegi, blog posts, fora, networking u l-għoti ta’ informazzjoni ta’ kwalità għolja, preċiża u rilevanti dwar l-aspetti kollha tat-tagħlim għall-adulti,

55.

Tappoġġa lill-Istati Membri, inkluż permezz ta’ finanzjament, fl-involviment regolari tagħhom fiċ-ċikli ta’ riċerka sabiex tinkiseb data komparabbli dwar il-progress tagħhom fil-qasam tal-ħiliet tal-adulti (Stħarriġ tal-OECD dwar il-Ħiliet tal-Adulti [PIAAC], Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti u Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol).


(1)  EUCO 19/1/17 REV 1.

(2)  Ara pereżempju l-pubblikazzjonijiet li ġejjin: Adult Learning and COVID-19: challenges and opportunities (It-Tagħlim għall-Adulti u l-COVID-19: sfidi u opportunitajiet) (Grupp ta’ Ħidma ET2020 dwar it-Tagħlim għall-Adulti, 2020), Adult learning and education and COVID-19 (It-Tagħlim u l-Edukazzjoni għall-Adulti u l-COVID-19 (L-Istitut tal-UNESCO għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, 2020) u Adult Learning and COVID-19: How much informal and non-formal learning are workers missing? (It-Tagħlim għall-Adulti u l-COVID-19: Kemm qed jitilfu tagħlim informali u mhux formali l-ħaddiema? (OECD, 2021).

(3)  Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, 2020. It-Tagħlim u l-apprendiment f’era diġitali, SWD (2020) 234 final. Sors tad-data: Eurostat, Stħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol (hija prevista bidla fil-metodoloġija fl-2022).

(4)  L-objettivi huma definiti bħala l-valuri medji tal-UE li għandhom jinkisbu b’mod kollettiv mill-Istati Membri. Meta tirrapporta dwar il-progress lejn il-kisba ta’ dawn l-objettivi, inkluż fejn rilevanti fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni f’konformità maċ-ċirkostanzi, il-prijoritajiet u l-isfidi nazzjonali tagħhom. L-objettivi ma jantiċipawx deċiżjonijiet dwar kif jiġu implimentati l-istrumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u n-Next Generation EU.

(5)  Għall-finijiet ta’ din ir-Riżoluzzjoni, għalliem huwa persuna li huwa rikonoxxut li għandu l-istatus ta’ għalliem (jew ekwivalenti) skont il-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali, filwaqt li ħarrieġ huwa xi ħadd li jwettaq attività waħda jew aktar marbuta mal-funzjoni ta’ taħriġ (teoretika jew prattika), f’istituzzjoni għall-edukazzjoni jew it-taħriġ jew fuq il-post tax-xogħol. Dawn ikopru l-għalliema fl-edukazzjoni ġenerali u l-edukazzjoni għolja, għalliema u ħarrieġa f’VET inizjali u kontinwi, kif ukoll professjonisti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u edukaturi għall-adulti, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur (ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11).


A NNESS I

B’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull Stat Membru, u skont il-prijoritajiet nazzjonali, l-Istati Membru huma mistiedna, fejn adegwat bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jikkonċentraw fuq l-oqsma deskritti hawn taħt.

Qasam Prijoritarju 1 – Governanza

a)

Is-sħubiji bejn il-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kumpaniji, is-sħab soċjali, l-impjieg pubbliku u s-servizzi soċjali kif ukoll is-soċjetà ċivili huma neċessità u huma marbuta b’mod qawwi mar-responsabbiltà kondiviża tal-partijiet kollha involuti. Din ir-responsabbiltà tkopri kompiti li jinkludu l-analiżi tal-ħtiġijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim għall-adulti, l-ottimizzazzjoni tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha u l-kooperazzjoni bejniethom, is-sensibilizzazzjoni u l-ħidma biex jintlaħqu n-nies, u l-appoġġ għall-għoti ta’ gwida u konsulenza suffiċjenti lill-fornituri u lill-kumpaniji.

b)

It-tisħiħ tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-kooperazzjoni dwar il-ħtiġijiet tat-tagħlim għall-adulti jeħtieġ: persistenza biex jiġi żviluppat approċċ komprensiv għat-tagħlim għall-adulti li jinkludi kull tip, forma u livell ta’ edukazzjoni u taħriġ għall-adulti u forom oħra rilevanti ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim, u li jiċċara r-rwoli tas-setturi kollha involuti. Dan għandu jipprovdi sorveljanza transsettorjali, kif ukoll sħubiji interministerjali u transsettorjali li jwasslu għal koerenza politika. Approċċ bħal dan, bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja, jista’ jirriżulta fi strateġiji ta’ tagħlim għall-adulti u strateġiji nazzjonali ta’ ħiliet li huma bbażati fuq ir-riċerka, l-evidenza u d-data.

c)

Il-kooperazzjoni u s-sħubija ta’ partijiet ikkonċernati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti adulti u tal-impjegaturi, inkluż, jekk possibbli u skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, il-finanzjament effettiv u effiċjenti tal-inizjattivi tat-tagħlim għall-adulti.

Qasam Prijoritarju 2 – Provvista u adozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja

a)

Huwa ferm importanti li jkun hemm sensibilizzazzjoni fost l-adulti dwar l-importanza tat-tagħlim bħala sforz tul il-ħajja, li għandu jiġi segwit f’intervalli regolari matul il-ħajja ta’ persuna.

b)

It-tagħlim għall-adulti għandu jkun imfassal b’mod aktar immirat. Għandu jiġi mħeġġeġ u appoġġat permezz ta’ sistemi effettivi ta’ gwida tul il-ħajja b’attivitajiet ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies, kif ukoll permezz ta’ sistemi integrati għall-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti.

c)

Is-sistemi eżistenti ta’ tbassir tal-ħiliet (informazzjoni dwar il-ħiliet) għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jappoġġaw l-iggwidar tul il-ħajja u l-ippjanar tat-tagħlim għall-adulti.

d)

Fejn xieraq, l-integrazzjoni ta’ inċentivi finanzjarji, inċentivi fiskali u benefiċċji soċjali oħra jew miżuri kompensatorji fil-livell tal-impjegaturi fl-implimentazzjoni ta’ politiki dwar it-tagħlim għall-adulti jgħandha tirriżulta f’impenn akbar mill-impjegaturi għat-tagħlim għall-adulti.

e)

Il-finanzjament pubbliku sostenibbli għandu jiġi ssupplimentat b’finanzjament ieħor f’diversi livelli (Ewropew, nazzjonali, reġjonali, lokali, tal-impjegaturi, individwali), għat-tipi, il-forom u l-livelli kollha ta’ tagħlim għall-adulti. L-allokazzjoni u l-użu effiċjenti tal-fondi huma kruċjali u jeħtieġ li jiġu aġġustati għall-ħtiġijiet individwali tat-tagħlim. Il-monitoraġġ tan-nefqa għandu rwol importanti f’dan ir-rigward.

Qasam Prijoritarju 3 – Aċċessibbiltà u flessibbiltà

a)

It-tagħlim għall-adulti għandu jkun flessibbli mill-perspettiva ta’ żmien, post, riżorsi, forom ta’ organizzazzjoni u implimentazzjoni, u għandu jinkludi varjetà ta’ approċċi u miżuri biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni, l-inklużjoni u l-motivazzjoni għat-tagħlim. Għandu jippermetti r-reġistrazzjoni mhux biss f’livelli differenti ta’ edukazzjoni u taħriġ formali iżda wkoll fi programmi oħra - inkluż fil-livell mhux formali - immirati lejn it-taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet u t-titjib tal-ħiliet, kif ukoll paradigma ta’ tagħlim usa’. Biex ikun hemm konformità mar-responsabbiltajiet tal-familja, tal-ħajja u tax-xogħol tagħhom, il-flessibbiltà hija essenzjali biex jiżdiedu u jinżammu l-adulti fit-tagħlim. It-tagħlim għall-adulti għandu jipprovdi programmi ta’ kwalità għolja, irrispettivament minn jekk il-finanzjament ikunx privat jew pubbliku.

b)

Il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ ipprovduti fil-kuntest tat-tagħlim għall-adulti għandhom jibnu fuq l-għarfien , il-ħiliet u l-kompetenzi preċedenti, l-esperjenza, il-preferenzi u l-ispeċifiċitajiet tal-istudenti individwali, abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom, ir-riżultati ta’ awtovalutazzjoni possibbli, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli. Approċċ edukattiv u ta’ tagħlim li jħeġġeġ lill-adulti jesprimu l-affinitajiet, ix-xewqat u l-ħtiġijiet tagħhom huwa inklużiv u jimmotiva lill-adulti biex jedukaw u jtejbu lilhom infushom, filwaqt li joffri opportunitajiet għall-iżvilupp personali u tal-karriera, it-tagħlim komunitarju, it-tagħlim interġenerazzjonali u aspetti soċjali oħra.

c)

It-tagħlim għall-adulti għandu jiffaċilita wkoll l-akkwist u t-tisħiħ tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ soċjetajiet aktar inklużivi u l-garanzija ta’ opportunitajiet ugwali skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-isfond soċjoekonomiku, b’attenzjoni speċjali mogħtija lill-gruppi vulnerabbli.

d)

Għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ miżuri finanzjarji u oħrajn ta’ appoġġ, kif ukoll azzjonijiet konkreti li jappoġġaw lill-istudenti. Eżempji jistgħu jinkludu inċentivi finanzjarji, bħal self, għotjiet u ħelsien mit-taxxa.

e)

L-esplorazzjoni tal-kunċett u l-użu tal-mikrokredenzjali tista’ tgħin biex jitwessgħu l-opportunitajiet ta’ tagħlim u tista’ ssaħħaħ it-tagħlim tul il-ħajja billi tipprovdi opportunitajiet ta’ tagħlim aktar flessibbli u modulari, u toffri mogħdijiet ta’ tagħlim aktar inklużivi.

Qasam Prijoritarju 4 - Kwalità, ekwità, inklużjoni u suċċess fit-tagħlim għall-adulti

Professjonalizzazzjoni:

a)

Huma meħtieġa l-professjonalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-edukaturi u l-ħarrieġa tal-adulti, inkluż il-prattikanti (eż. mentors, tuturi) u professjonisti oħra involuti f’attivitajiet ta’ appoġġ bħall-gwida, il-validazzjoni, il-ħidma biex jintlaħqu n-nies, is-sensibilizzazzjoni, it-tmexxija u l-ġestjoni fit-tagħlim għall-adulti. Id-definizzjoni u l-validazzjoni tal-kompetenzi ewlenin tal-professjonisti tat-tagħlim għall-adulti jistgħu jkunu valur miżjud.

b)

Il-professjonalizzazzjoni fit-tagħlim għall-adulti hija essenzjali għall-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ ipprovduti (eż. minbarra l-ħiliet relatati mal-kontenut, l-istudenti adulti jeħtieġ li jiksbu ħiliet soċjali u diġitali, li għalihom huwa meħtieġ approċċ ta’ tagħlim differenti/aġġustat). L-edukaturi u l-ħarrieġa tal-adulti għandhom jiġu appoġġati fl-implimentazzjoni ta’ tagħlim ibbażat fuq il-kompetenzi, inkluż permezz ta’ konsulenti u attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari.

c)

Network u sħubija żviluppati sew tal-fornituri tat-tagħlim għall-adulti u sħab oħra li joffru opportunitajiet ta’ tagħlim jistgħu jiżguraw li t-tagħlim għall-adulti jsir aktar aċċessibbli, u li l-flus u l-ħin ikunu inqas ta’ xkiel minn qabel.

Mobbiltà:

d)

Il-mobbiltà tal-istudenti adulti, tal-edukaturi u tal-ħarrieġa tal-adulti u ta’ partijiet oħra kkonċernati fit-tagħlim għall-adultigħandha tkompli tiġi estiża bħala element ewlieni tal-kooperazzjoni Ewropea u bħala għodda biex ittejjeb il-kwalità tat-tagħlim għall-adulti u tippromwovi l-multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea. Għandhom isiru aktar sforzi biex jitneħħew l-ostakli u x-xkiel eżistenti għal kull tip ta’ mobbiltà għall-apprendiment u t-tagħlim, inkluż kwistjonijiet relatati mal-aċċess, il-gwida, is-servizzi għall-istudenti u r-rikonoxximent ta’ eżiti tat-tagħlim.

e)

Għandu jsir użu mill-programm Erasmus+, li joffri varjetà ta’ possibbiltajiet ġodda għat-tisħiħ tal-mobbiltà fl-UE u barra l-UE u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni transruntiera, possibbilment ikkomplementat b’finanzjament minn riżorsi tal-FSE+.

Inklużjoni:

f)

It-tagħlim għall-adulti huwa importanti għat-trawwim tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-solidarjetà bejn gruppi ta’ etajiet differenti u bejn kulturi u persuni minn kull sfond u għat-trawwim taċ-ċittadinanza demokratika u l-valuri fundamentali tal-UE; f’dan il-kuntest, il-gruppi vulnerabbli jistħoqqilhom attenzjoni speċjali.

g)

Hija meħtieġa allokazzjoni bilanċjata ta’ riżorsi għat-tagħlim għall-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Jenħtieġ li jitqiesu mudelli ta’ finanzjament ibbażati fuq responsabbiltajiet kondiviżi u impenn pubbliku b’saħħtu, speċjalment fir-rigward ta’ gruppi adulti fil-mira li ġejjin minn kuntest żvantaġġat, li għandhom diżabbiltajiet jew li huma affettwati minn fatturi oħra li jistgħu jikkawżaw esklużjoni.

h)

Għandhom jitqiesu inċentivi biex jiġu eliminati l-ostakli għall-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti tal-gruppi kollha fil-mira, bħan-nuqqas ta’ żmien għall-istudju, ħiliet bażiċi baxxi, ħiliet professjonali baxxi, inaċċessibbiltà, livelli baxxi ta’ motivazzjoni u attitudnijiet negattivi lejn it-tagħlim. Il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti hija essenzjali biex adulti diżimpenjati u gruppi fil-mira speċifiċi jinġibdu lura għat-tagħlim.

i)

It-tagħlim interġenerazzjonali, inkluż fil-grupp ta’ età ta’ 65+, jista’ jkun ta’ benefiċċju fil-promozzjoni tal-benessri kif ukoll ta’ tixjiħ attiv, awtonomu u f’saħħtu.

Assigurazzjoni tal-Kwalità:

j)

L-assigurazzjoni tal-kwalità tal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti u s-sħab tagħhom fil-livell sistemiku għandha tissaħħaħ aktar kif xieraq.

k)

Il-monitoraġġ tar-riżultati tal-provvista tat-tagħlim għall-adulti jista’ jżid l-assigurazzjoni tal-kwalità.

l)

L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu aktar iffukati fuq l-istudent u jistgħu jipprovdu esperjenzi qosra ta’ tagħlim biex jinkisbu jew jiġu aġġornati l-kompetenzi mmirati.

m)

L-iżvilupp kontinwu ta’ metodi ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u kwalità huwa essenzjali biex jiġi żgurat li r-riżultati tat-tagħlim jiġu evalwati u li l-progress ikun prospett.

n)

Sabiex tiġi appoġġata l-kwalità tat-tagħlim għall-adulti, is-sistemi jew il-mudelli nazzjonali u reġjonali, inkluż il-validazzjoni u r-rikonoxximent tat-tagħlim preċedenti, għandu jkollhom l-għan li jiżviluppaw u jipprovdu assigurazzjoni tal-kwalità interna u esterna.

Qasam Prijoritarju 5 – Tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali

a)

It-tranżizzjoni doppja (jiġifieri dik diġitali u dik ekoloġika) taġixxi bħala mutur għal innovazzjonijiet f’perkorsi ta’ tagħlim u approċċi edukattivi u ta’ taħriġ ġodda, inkluż ambjenti ta’ tagħlim. Dawn l-innovazzjonijiet jeħtieġ li jiżguraw il-permeabbiltà u l-flessibbiltà bejn id-diversi forom u livelli ta’ tagħlim għall-adulti. It-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika jappellaw biex il-ġenerazzjonijiet kollha jiżviluppaw il-ħiliet ekoloġiċi u diġitali meħtieġa (aktar litteriżmu medjatiku diġitali u sensibilizzazzjoni ambjentali) biex jaħdmu u jgħixu b’mod proattiv f’ambjent diġitali. It-tagħlim diġitali (imħallat, ibridu, eċċ.) jeħtieġ ukoll l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi u l-ħarrieġa tal-adulti, kif ukoll appoġġ għall-użu ta’ għodod diġitali u l-adattament ta’ materjali, approċċi u riżorsi tat-tagħlim.

b)

L-iżvilupp ta’ approċċi għall-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fit-tagħlim għall-adulti, inkluż bl-indirizzar ta’ attitudnijiet ambjentali, l-iżvilupp ta’ mentalitajiet xierqa, sensibilizzazzjoni u biex jitqiesu passi speċifiċi għall-iżvilupp tat-taħriġ. L-akkwist ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi fit-tagħlim għall-adulti għandu jkun komponent importanti tal-proċess tat-trasformazzjoni ekoloġika. Il-ħiliet ekoloġiċi, jiġifieri l-ħiliet meħtieġa f’ekonomija u soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, ser ikunu meħtieġa fis-soċjetà kollha u fil-forza tax-xogħol (fis-setturi kollha u fil-livelli kollha) hekk kif l-attivitajiet ekonomiċi emerġenti joħolqu impjiegi ġodda (jew rinnovati), u hekk kif nistinkaw għal stil ta’ ħajja sostenibbli.

c)

Appoġġ addizzjonali għall-ftuħ ta’ ambjenti ta’ tagħlim ser jaċċellera t-trasformazzjoni diġitali jew itejjeb l-infrastruttura/inizjattivi diġà eżistenti, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta’ soċjetajiet inklużivi, diġitali u sostenibbli u tagħlim fuq il-post tax-xogħol. Tali ambjenti għandhom itejbu l-aċċess ugwali għall-materjal diġitali għall-istudenti adulti ta’ kull età u għandhom jappoġġaw l-użu sikur tat-teknoloġiji diġitali. Pjattaformi ta’ tagħlim għall-ben pubbliku għandhom jitfasslu b’tali mod li joffru appoġġ motivazzjonali, mentoraġġ, gwida u konsulenza professjonali lill-parteċipanti.


ANNESS II

MIRI U INDIKATURI TAL-UE

Monitoraġġ tal-prestazzjoni medja Ewropea fit-tagħlim għall-adulti

Bħala mezz biex jiġi mmonitorjat il-progress u jiġu identifikati l-isfidi, kif ukoll bħala kontribut għat-tfassil ta’ politika abbażi ta’ evidenza permezz tal-ġbir, l-analiżi u riċerka sistematiċi ta’ data komparabbli internazzjonalment, għandu jkun hemm serje ta’ livelli ta’ referenza għall-prestazzjoni medja Ewropea fit-tagħlim għall-adulti (“miri fil-livell tal-UE”) u indikaturi biex jappoġġaw il-prijoritajiet strateġiċi deskritti fin-NEAAL 2030. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq data komparabbli u affidabbli u jieħdu kont tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali.

1.   Miri fil-livell tal-UE (1)

Parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim

Sal-2025, mill-inqas 47 % tal-adulti ta’ bejn il-25 u l-64 sena għandhom ikunu pparteċipaw fit-tagħlim matul it-12-il xahar ta’ qabel (2).

Sal-2030, mill-inqas 60 % tal-adulti ta’ bejn il-25 u l-64 sena għandhom ikunu pparteċipaw fit-tagħlim matul it-12-il xahar ta’ qabel.

2.   Indikaturi fil-livell tal-UE

a)

Parteċipazzjoni ta’ adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki fit-tagħlim (3)

b)

Adulti qiegħda b’esperjenza ta’ tagħlim reċenti (4)

c)

Adulti b’mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi (5)


(1)  Il-mira tal-2025 ġiet maqbula mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030). Il-mira tal-2030 intlaqgħet mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE fid-Dikjarazzjoni ta’ Porto u mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Ġunju 2021.

(2)  Eurostat, Stħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS), ġbir ta’ data mill-2022 ’il quddiem. Minħabba li huwa ppjanat li s-sors tad-data jinbidel fl-2022 (mill-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti għall-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE), il-mira hija soġġetta għal konferma fl-2023 abbażi tal-esperjenza tas-sors il-ġdid tad-data. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-SGIB, ser tevalwa l-impatt ta’ dawn il-bidliet billi tqabbel ir-riżultati tal-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti (AES) u l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol fl-2023 u tikkunsidra bidliet possibbli fil-metodoloġija tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, jew fil-livell tal-mira. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni l-Kunsill ser jiddeċiedi dwar il-possibbiltà ta’ adattament tal-livell tal-mira.

(3)  Id-definizzjoni u s-sorsi tal-indikatur huma simili għall-indikatur dwar il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim. Id-differenza ewlenija hija l-enfasi fuq adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki, jiġifieri dawk l-adulti li l-ogħla kwalifika edukattiva formali tagħhom hi kwalifika sekondarja baxxa (jew inqas). B’hekk, l-indikatur ikejjel il-proporzjon ta’ adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki li jirrappurtaw li jkunu pparteċipaw f’edukazzjoni u taħriġ formali jew mhux formali fuq perijodu ta’ 12-il xahar.

(4)  Id-data hija disponibbli mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE. “Esperjenza ta’ tagħlim reċenti” tirreferi għall-parteċipazzjoni f’edukazzjoni u taħriġ formali jew mhux formali matul l-aħħar 4 ġimgħat.

(5)  Is-sors tad-data għal dan l-indikatur huwa l-istħarriġ tal-Komunità tal-UE dwar l-użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u minn individwi.


ANNESS III

Id-dokumenti ta’ sfond rilevanti għan-NEAAL 2030:

Kunsill Ewropew

1.

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Ġunju 2021 (EUCO 7/21)

2.

Aġenda Strateġika Ġdida 2019-2024 (adottata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta’ Ġunju 2019)

3.

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 (EUCO 19/1/17 REV 1)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

4.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi promoss is-suċċess edukattiv għal kulħadd, ĠU C 221, 10.6.2021, p. 3

5.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1

6.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1

7.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1

8.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur, ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11

9.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol ewlieni tal-politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja fl-għoti tas-setgħa lis-soċjetajiet biex jindirizzaw it-tranżizzjoni teknoloġika u ekoloġika favur tkabbir inklużiv u sostenibbli, ĠU C 389, 18.11.2019, p. 12

10.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti, ĠU C 189, 5.6.2019, p. 23

11.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027, ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1

12.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1

13.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti, ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1

14.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1

15.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti, ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.

Dikjarazzjonijiet

16.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Porto (8 ta’ Mejju 2021)

17.

Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala faċilitatur tal-irkupru u ta’ tranżizzjonijiet ġusti lejn ekonomiji diġitali u ekoloġiċi (30 ta’ Novembru 2020)

Kummissjoni Ewropea

18.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2021) 102 final)

19.

Green paper dwar it-tixjiħ. Inrawmu solidarjetà u responsabbiltà bejn il-ġenerazzjonijiet (COM (2021) 50 final)

20.

Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027. Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali (COM(2020)624 final)

21.

Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020) 274 final)

22.

Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025 (COM(2020) 152 final)

23.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM (2019) 640 final)