5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/4


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Mejju 2019

dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal

(2019/C 189/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 165 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi

(1)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (1) jiddikjara bħala l-11-il prinċipju tiegħu li t-tfal kollha għandhom id-dritt għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli ta’ kwalità tajba. Dan huwa konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2) li tirrikonoxxi l-edukazzjoni bħala dritt, mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u mal-Objettiv ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti 4.2 li jipprevedi li l-bniet u s-subien kollha jenħtieġ li jkollhom aċċess għal żvilupp, kura u edukazzjoni bikrija tat-tfal qabel l-primarja ta’ kwalità sal-2030.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha “It-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura” (3) il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-viżjoni ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li tagħraf ir-rwol tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fit-tqegħid ta’ pedamenti sodi għat-tagħlim fl-iskola u matul il-ħajja. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-iskola u t-tagħlim eċċellenti (4) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (5) tennew ir-rwol ċentrali li l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jista’ jkollhom fil-promozzjoni tat-tagħlim tat-tfal kollha, il-benessri u l-iżvilupp tagħhom.

(3)

Kemm dawk li jfasslu l-politika kif ukoll ir-riċerkaturi jirrikonoxxu li huwa fis-snin bikrin (6) li t-tfal joħolqu l-pedament u l-kapaċità li jitgħallmu matul il-ħajja. It-tagħlim huwa proċess inkrementali; il-bini ta’ pedament b’saħħtu fis-snin bikrin huwa prekundizzjoni għal żvilupp ta’ kompetenza ta’ livell ogħla u suċċess edukattiv daqs kemm huwa essenzjali għas-saħħa u l-benessri tat-tfal. Għalhekk, l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom jitqiesu bħala s-sisien tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jkunu parti integrali tal-kontinwità tal-edukazzjoni.

(4)

Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal hija ta’ benefiċċju għat-tfal kollha u speċjalment għat-tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata. Tgħin billi tipprevjeni l-formazzjoni ta’ diskrepanzi fil-ħiliet bikrin u għalhekk hija għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-faqar edukattiv. Il-provvediment tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal jeħtieġ li jkun parti minn pakkett integrat ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal ta’ miżuri ta’ politika biex itejbu r-riżultati għat-tfal u jiksru ċikli ta’ żvantaġġ bejn il-ġenerazzjonijiet. It-titjib tal-provvediment għalhekk jgħin biex jitwettqu l-impenji li saru fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar li Ninvestu fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ (7) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri (8).

(5)

Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandha ħafna benefiċċji (9) kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali, minn kisbiet edukattivi mtejba u eżiti tas-suq tax-xogħol għal inqas interventi soċjali u edukattivi u soċjetajiet aktar koeżivi u inklużivi. Tfal li attendew edukazzjoni bikrija tat-tfal għal aktar minn sena kisbu punteġġi ogħla fil-lingwa u l-matematika fl-istudji PIRLS (10) u PISA (11). Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija ta’ kwalità tat-tfal intwera wkoll bħala fattur importanti biex jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola (12).

(6)

L-edukazzjoni u l-kura mill-aktar stadji bikrin għandhom rwol essenzjali biex nitgħallmu ngħixu flimkien f’soċjetajiet eteroġeni. Dawn is-servizzi jistgħu jsaħħu l-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni f’diversi modi. Huma jistgħu jservu bħala postijiet ta’ laqgħat għall-familji. Huma jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi tat-tfal, kemm fil-lingwa tas-servizz kif ukoll fl-ewwel lingwa (13). Permezz tat-tagħlim soċjali-emozzjonali, l-esperjenzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jistgħu jippermettu lit-tfal jitgħallmu kif ikunu empatiċi kif ukoll jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom, l-ugwaljanza, it-tolleranza u d-diversità.

(7)

Il-gwadann fuq l-investiment fl-istadji bikrija tal-edukazzjoni huma l-ogħla mill-istadji edukattivi kollha, b’mod partikolari għat-tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata (14). L-infiq fuq l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal huwa investiment bikri ta’ gwadann għoli fil-kapital uman.

(8)

Id-disponibbiltà, l-aċċessibilità u l-affordabbiltà ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja huma fatturi ewlenin li jippermettu lin-nisa, kif ukoll lill-irġiel, b’responsabbiltajiet tal-indukrar biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, kif irrikonoxxut mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona 2002, il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi (15) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata adottata fis-26 ta’ April 2017 (16). L-impjieg tan-nisa jikkontribwixxi b’mod dirett għat-titjib tas-sitwazzjoni soċjoekonomika domestika u għat-tkabbir ekonomiku.

(9)

L-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal huwa investiment tajjeb biss jekk is-servizzi huma ta’ kwalità għolja, aċċessibbli, affordabbli u inklużivi. L-evidenza turi li s-servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità tat-tfal għolja biss jagħtu benefiċċji; servizzi ta’ kwalità baxxa għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq it-tfal u fuq is-soċjetà kollha kemm hi (17). Miżuri ta’ politika u riformi jeħtieġu li jagħtu prijorità lill-kunsiderazzjonijiet ta’ kwalità.

(10)

B’mod ġenerali, l-Istati Membri jonfqu ħafna inqas fuq l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal milli fuq l-edukazzjoni primarja. Kif muri mir-rapport li jivvaluta l-progress fuq il-miri ta’ Barċellona (18), bħalissa m’hemmx postijiet biżżejjed fis-servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal disponibbli u d-domanda teċċedi l-provvista kważi fil-pajjiżi kollha. In-nuqqas ta’ disponibbiltà, aċċessibilità u affordabbiltà ntwera li huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għall-użu ta’ dawn is-servizzi (19).

(11)

Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar Aġenda ta’ Ħiliet Ġodda għall-Ewropa (20), jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità u jwessgħu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u jindirizzaw in-nuqqas ta’ infrastruttura suffiċjenti li toffri kwalità u kura tat-tfal aċċessibbli għal-livelli kollha ta’ dħul kif ukoll biex jiġi kkunsidrat li jingħata aċċess liberu għal familji li jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali.

(12)

Is-servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom ikunu ċċentrati fuq it-tfal; it-tfal jitgħallmu l-aħjar f’ambjenti li huma bbażati fuq il-parteċipazzjoni tat-tfal u l-interess fit-tagħlim. L-organizzazzjoni, l-għażla tal-attivitajiet u l-oġġetti għat-tagħlim spiss jiġu kkomunikati bejn l-edukaturi u t-tfal. Jenħtieġ li s-servizzi joffru ambjent sikur, ta’ għożża u indukrar u jipprovdu spazju soċjali, kulturali u fiżiku b’firxa ta’ possibbiltajiet għat-tfal biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. Il-provvediment huwa mfassal l-aħjar meta jkun ibbażat fuq is-suppożizzjoni fundamentali li l-edukazzjoni u l-kura huma inseparabbli. Jenħtieġ li dan ikun ibbażat fuq il-fehim li t-tfulija hija valur fiha nnifisha u li jenħtieġ li t-tfal mhux biss jiġu ppreparati għall-iskola u għall-ħajja adulta, iżda jiġu appoġġati u apprezzati wkoll fis-snin bikrin tagħhom.

(13)

F’kuntest li huwa stabbilit mir-regolamenti nazzjonali, reġjonali jew lokali, il-familji għandhom ikunu involuti fl-aspetti kollha tal-edukazzjoni u l-kura tat-tfal tagħhom. Il-familja hija l-ewwel u l-iktar post importanti għat-tfal biex jikbru u jiżviluppaw, u l-ġenituri u t-tuturi huma responsabbli għall-benessri, is-saħħa u l-iżvilupp ta’ kull tifel u tifla. L-edukazzjoni u s-servizzi tal-kura bikrija tat-tfal huma opportunità ideali biex jinħoloq approċċ integrat għaliex iwasslu għall-ewwel kuntatt personali mal-ġenituri. Ġenituri li jkollhom problemi jistgħu jiġu offruti servizzi ta’ konsulenza individwali waqt żjarat fid-dar. Sabiex l-involviment tagħhom isir realtà, is-servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jenħtieġ li jitfasslu fi sħubija mal-familji u jkunu bbażati fuq il-fiduċja u r-rispett reċiproku (21).

(14)

L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-parteċipazzjoni jistgħu jkunu għodda effettiva biex tinkiseb ekwità edukattiva għal tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata, bħal xi gruppi ta’ migranti jew ta’ minoranzi (pereżempju r-Rom) u tfal refuġjati, tfal bi bżonnijiet speċjali inkluż b’diżabilitajiet, tfal f’kura alternattiva u tfal fit-toroq, tfal ta’ ġenituri fil-ħabs, kif ukoll tfal fi ħdan familji b’riskju partikolari ta’ faqar u esklużjoni soċjali, bħal familji b’ġenitur wieħed jew familji kbar. It-tfal tar-refuġjati, minħabba s-sitwazzjoni vulnerabbli tagħhom, jeħtieġu appoġġ msaħħaħ. Il-faqar, aġenti li jikkawżaw stress fiżiku u emozzjonali, trawmi u ħiliet lingwistiċi nieqsa jistgħu jfixklu l-prospetti edukattivi futuri tagħhom u l-integrazzjoni b’suċċess f’soċjetà ġdida. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal tista’ tgħin biex jitnaqqsu dawn il-fatturi ta’ riskju.

(15)

Il-provvediment ta’ edukazzjoni u kura bikrija inklużiva tat-tfal tista’ tikkontribwixxi biex jitwettqu l-impenji meħuda mill-Istati Membri fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità li tagħha l-Istati Membri kollha huma firmatarji.

(16)

Il-pubblikazzjoni tal-2014 ta’ proposta għall-prinċipji ewlenin ta’ Qafas ta’ Kwalità (22) kienet l-ewwel dikjarazzjoni minn esperti Ewropej minn 25 pajjiż dwar il-kwalità fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Id-dikjarazzjonijiet huma bbażati fuq ħames dimensjonijiet: l-aċċess; il-persunal; il-kurrikulu; il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; u l-governanza u l-finanzjament. Isiru total ta’ għaxar dikjarazzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-kwalità tal-provvediment tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal. Dan id-dokument kien maqsum f’ħafna pajjiżi minn partijiet ikkonċernati lokali involuti f’inizjattivi favur il-politika, ir-riċerka u t-taħriġ. F’dawn il-pajjiżi, l-abbozz ta’ qafas aġixxa bħala katalist qawwi għall-bidla permezz ta’ kontribuzzjoni għall-proċessi ta’ konsultazzjoni ta’ politika li sostnew mogħdijiet ta’ riforma eżistenti.

(17)

Il-ħames dimensjonijiet kollha tal-qafas ta’ kwalità huma essenzjali biex jiggarantixxu servizzi ta’ kwalità għolja. Speċjalment, ix-xogħol ta’ professjonisti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandu impatt dejjiemi fuq il-ħajja tat-tfal. Madankollu, f’ħafna pajjiżi l-professjoni għandha profil u status pjuttost baxx (23).

(18)

Biex iwettaw ir-rwol professjonali tiegħu fl-appoġġ tat-tfal u l-familji tagħhom, il-persunal tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal jeħtieġ ħiliet kumplessi ta’ għarfien u kompetenzi kif ukoll għarfien profond dwar l-iżvilupp tat-tfal u għarfien dwar il-pedagoġija bikrija tat-tfal. Il-professjonalizzazzjoni tal-persunal hija kruċjali għaliex livelli ogħla ta’ tħejjija jikkorrispondu pożittivament ma’ servizz ta’ kwalità aħjar, interazzjonijiet tal-persunal mat-tfal ta’ kwalità ogħla u għalhekk eżiti ta’ żvilupp aħjar għat-tfal (24).

(19)

Bosta fornituri tas-servizz jaħdmu ma’ assistenti li r-rwol ewlieni tagħhom huwa li jappoġġaw lill-edukaturi, li jaħdmu direttament mat-tfal u l-familji. Normalment ikollhom kwalifika aktar baxxa minn edukaturi u f’ħafna pajjiżi m’hemm l-ebda rekwiżit ta’ kwalifika biex isiru assistenti. Għalhekk, il-professjonalizzazzjoni tal-persunal, inkluż l-assistenti, huwa meħtieġ (25). L-iżvilupp professjonali kontinwu huwa parti integrali għaż-żieda tal-kompetenzi tal-assistenti.

(20)

Qafas ta’ kwalità jew dokument ekwivalenti jista’ jkun element effiċjenti ta’ governanza tajba fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Skont opinjoni esperta u reviżjoni reċenti tal-politika (26), il-pajjiżi li jiżviluppaw u jimplimentaw oqfsa ta’ kwalità għandhom approċċi aktar komprensivi u konsistenti għar-riformi. Huwa importanti li l-partijiet ikkonċernati u l-professjonisti rilevanti jkunu involuti fit-tfassil u li jħossu li għandhom sjieda tal-qafas ta’ kwalità.

(21)

L-Istati Membri stabbilixxew punti ta’ riferiment u miri dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Fl-2002, il-Kunsill Ewropew f’Barċellona ffissa miri (27) għall-provvediment ta’ kura tat-tfal formali biex ikunu mill-inqas 90 % tat-tfal fl-Unjoni bejn l-età ta’ tliet snin u l-età obbligatorja tal-iskola, u li mill-inqas 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin jenħtieġ li jkollhom aċċess sal-2010. Dawn il-miri ġew sostnuti mill-ġdid fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2011-2020. L-analiżi dwar il-progress lejn dawn il-punti ta’ riferiment hija speċifikata fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Objettivi ta’ Barċellona (28). Il-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (29) stabbilixxa punt ta’ riferiment ta’ parteċipazzjoni ta’ 95 % għat-tfal bejn erba’ snin u l-bidu tal-edukazzjoni primarja.

(22)

L-Istati Membri għamlu progress ġenerali tajjeb fis-snin reċenti fit-titjib tad-disponibbilità ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Il-punt ta’ riferiment tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 u l-mira ta’ Barċellona għal tfal taħt it-3 snin intlaħqu. Il-mira ta’ Barċellona għat-tfal mill-età ta’ 3 snin sal-età obbligatorja tal-iskola għadha ma ntlaħqitx minkejja l-progress li sar mill-2011. Fl-2016, 86,3 % tat-tfal f’dak il-grupp ta’ età pparteċipaw fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Madankollu, dawn il-medji jaħbu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gruppi soċjali (30). Jenħtieġu aktar sforzi biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità għolja tat-tfal sa minn kemm iriduha kmieni l-ġenituri. B’mod partikolari, huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex jinħoloq aċċess akbar għat-tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata (31).

(23)

Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tistabbilixxi fehim kondiviż ta’ dak li tfisser il-kwalità fis-sistema tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Tistabbilixxi azzjonijiet possibbli biex jikkunsidrawhom il-gvernijiet skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom. Din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza wkoll lill-ġenituri, lill-istituzzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet, inkluż s-sħab soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ir-riċerkaturi li qed ifittxu li jsaħħu s-settur.

(24)

L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal kif mifhuma f’din ir-Rakkomandazzjoni (32) jenħtieġ li tinftiehem li tirreferi għal kwalunkwe arranġament regolat li jipprovdi edukazzjoni u kura għat-tfal mit-twelid sal-età tal-iskola primarja obbligatorja - irrispettivament mill-post, il-finanzjament, il-ħinijiet tal-ftuħ jew il-kontenut tal-programm - u jinkludi ċentri soċjali u għall-familji ta’ matul il-jum; provvediment iffinanzjat privatament u pubblikament; provvediment ta’ qabel l-iskola u ta’ qabel il-primarja.

(25)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

B’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u Ewropea, ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:

1.

Itejbu l-aċċess għal sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità tat-tfal għolja f’konformità mad-dikjarazzjonijiet stabbiliti fil-“Qafas ta’ kwalità għall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal” ippreżentat fl-Anness ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u mal-11-il prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

2.

Jaħdmu biex jiġi żgurat li s-servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ikunu aċċessibbli, affordabbli u inklużivi. Tista’ tingħata kunsiderazzjoni lil:

(a)

l-appoġġ għall-iżvilupp tat-tfal b’mod konsistenti li jibda kemm jista’ jkun kmieni bl-użu ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal;

(b)

l-analiżi tal-provvista u d-domanda mill-familji sabiex jadattaw aħjar l-offerta ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għall-ħtiġijiet tagħhom, filwaqt li jirrispettaw l-għażla tal-ġenituri;

(c)

l-analiżi u l-indirizzar tal-ostakli li l-familji jistgħu jiltaqgħu magħhom meta jaċċessaw u jużaw servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, bħal spejjeż, ostakli relatati mal-faqar, lokazzjoni ġeografika, ħinijiet tal-ftuħ inflessibbli, ostakli relatati ma’ dispożizzjonijiet inadegwati għat-tfal bi bżonnijiet speċjali, b’ostakli kulturali u lingwistiċi, b’diskriminazzjoni kif ukoll nuqqas ta’ informazzjoni;

(d)

l-istabbiliment ta’ kuntatt u kooperazzjoni mal-familji u speċjalment dawk f’sitwazzjoni vulnerabbli jew żvantaġġata, sabiex jinfurmawhom dwar il-possibbiltajiet u l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u, fejn rilevanti, dwar l-appoġġ disponibbli, u jibnu l-fiduċja fis-servizzi u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni minn età bikrija;

(e)

l-iżgurar li l-familji kollha li jixtiequ jagħmlu użu minn servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija affordabbli u ta’ kwalità għolja tat-tfal, idealment billi jaħdmu fil-livell xieraq ta’ governanza lejn dritt għal post ta’ edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità għolja tat-tfal;

(f)

il-provvediment ta’ servizzi inklużivi ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija tat-tfal, għat-tfal kollha, inkluż tfal minn ambjenti differenti u bżonnijiet edukattivi speċjali, inkluż diżabilitajiet, biex tiġi evitata s-segregazzjoni u tiġi inċentivata l-parteċipazzjoni tagħhom, irrispettivament mill-istatus tas-suq tax-xogħol tal-ġenituri tagħhom jew ta’ dawk li jindukrawhom;

(g)

l-appoġġ tat-tfal kollha biex jitgħallmu l-lingwa tal-edukazzjoni filwaqt li jqisu u jirrispettaw l-ewwel lingwa tagħhom;

(h)

it-tisħiħ ta’ azzjonijiet preventivi, l-identifikazzjoni bikrija ta’ diffikultajiet u dispożizzjonijiet adegwati għat-tfal bi bżonnijiet speċjali u l-familji tagħhom, li jinvolvu l-atturi rilevanti kollha, eż. is-servizzi edukattivi, soċjali jew tas-saħħa kif ukoll il-ġenituri.

3.

L-appoġġ għall-professjonalizzazzjoni tal-persunal tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, inkluż il-mexxejja. Skont il-livell eżistenti ta’ kwalifiki professjonali u kondizzjonijiet tax-xogħol, l-isforzi ta’ suċċess jistgħu jinkludu:

(a)

li jogħla l-istatus tal-professjoni tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal billi jinħolqu standards professjonali għoljin, jiġu offruti status professjonali u prospetti tal-karriera attraenti lill-edukaturi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, isir sforz biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn is-sessi u jinħolqu mogħdijiet ta’ professjonalizzazzjoni għall-persunal bi kwalifika baxxa jew l-ebda kwalifika kif ukoll mogħdijiet speċifiċi biex jikkwalifikaw l-assistenti;

(b)

tittejjeb l-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu biex jitqiesu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-benessri, it-tagħlim u l-iżvilupp tat-tfal, l-iżviluppi soċjali rilevanti, l-ugwaljanza bejn is-sessi u fehim sħiħ tad-drittijiet tat-tfal;

(c)

jiġi pprovdut il-ħin għall-persunal għall-iskop ta’ attivitajiet professjonali bħar-riflessjoni, l-ippjanar, l-involviment mal-ġenituri u l-kollaborazzjoni ma’ professjonisti u kollegi oħra;

(d)

li jkun hemm fil-mira li l-persunal jiġi mgħammar bil-kompetenzi biex jirrispondi għall-ħtiġijiet individwali tat-tfal minn ambjenti differenti u bi ħtiġijiet edukattivi speċjali inkluż id-diżabilitajiet, billi l-persunal jitħejja biex jieħu ħsieb diversi gruppi.

4.

Jittejjeb l-iżvilupp tal-kurrikuli ta’ snin bikrija sabiex jiġu segwiti l-interessi tat-tfal, jitrawwem il-benessri tagħhom u jintlaħqu l-ħtiġijiet uniċi u l-potenzjal ta’ kull tifel u tifla individwali, inkluż dawk bi bżonnijiet speċjali jew f’sitwazzjoni vulnerabbli jew żvantaġġata. L-approċċi li jappoġġaw it-tagħlim olistiku u l-iżvilupp tat-tfal jistgħu jinkludu:

(a)

li jiġi żgurat bilanċ fil-provvediment tal-iżvilupp soċjoemozzjonali u konjittiv, li tkun irrikonoxxuta l-importanza tal-logħob, il-kuntatt man-natura, ir-rwol tal-mużika, l-arti u l-attività fiżika;

(b)

li tiġi promossa l-parteċipazzjoni, l-inizjattiva, l-awtonomija, is-soluzzjoni tal-problemi u l-kreattività u l-inkoraġġiment tad-dispożizzjonijiet tat-tagħlim għar-raġunar, l-investigazzjoni u l-kollaborazzjoni;

(c)

li titrawwem l-empatija, il-kompassjoni, ir-rispett reċiproku u l-kuxjenza fir-rigward tal-ugwaljanza u d-diversità;

(d)

li jiġu offruti opportunitajiet għall-esponiment tal-lingwa bikrija u t-tagħlim permezz ta’ attivitajiet tal-logħob; u

(e)

jikkunsidraw, fejn possibbli, programmi multilingwi bikrija tat-tfal imfassla apposta, li jqisu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ tfal bi/multilingwi;

(f)

li tiġi offruta gwida għall-fornituri dwar l-użu xieraq skont l-età ta’ għodod diġitali u teknoloġiji ġodda emerġenti;

(g)

li tiġi promossa aktar integrazzjoni tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fil-kontinwità tal-edukazzjoni u l-appoġġ tal-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-persunal tal-iskola primarja, l-ġenituri u s-servizzi ta’ konsulenza għal transizzjoni bla xkiel għal tfal lejn l-iskola primarja;

(h)

li jitrawwem ambjent edukattiv li jkun inklużiv, demokratiku u parteċipattiv, li jħaddan u jintegra l-vuċi tat-tfal kollha.

5.

Li jiġu promossi monitoraġġ u evalwazzjoni trasparenti u koerenti ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal fil-livelli xierqa bil-ħsieb tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika. L-approċċi effettivi jistgħu jinkludu:

(a)

l-użu ta’ għodod ta’ awtovalutazzjoni, kwestjonarji u linji gwida ta’ osservazzjoni bħala parti mill-ġestjoni tal-kwalità fil-livell tas-sistema u s-servizz;

(b)

l-użu ta’ metodi xierqa u adattati għall-età biex titrawwem il-parteċipazzjoni tat-tfal u jinstemgħu l-fehmiet, it-tħassib u l-ideat tagħhom u titqies il-perspettiva tat-tfal fil-proċess ta’ valutazzjoni;

(c)

li jiġu implimentati għodod eżistenti biex tittejjeb l-inklużività tal-provvediment tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal bħall-Għodda ta’ Awtoriflessjoni tal-Ambjent tat-Tagħlim tal-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal Inklużiva żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva.

6.

Bil-mira li jiġi żgurat finanzjament adegwat u qafas legali għall-provvediment ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Tista’ tingħata kunsiderazzjoni lil:

(a)

iż-żieda fl-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal b’fokus fuq id-disponibbilità, il-kwalità u l-affordabbiltà, inkluż l-użu, fejn xieraq, tal-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej;

(b)

il-ħolqien u ż-żamma ta’ Qafas ta’ Kwalità nazzjonali jew reġjonali mfassal apposta;

(c)

il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni aħjar fost is-servizzi jew l-integrazzjoni ulterjuri tagħhom għall-familji u t-tfal, l-aktar importanti għas-servizzi soċjali u tas-saħħa kif ukoll l-iskejjel, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u dak lokali;

(d)

l-inkorporazzjoni ta’ politiki sodi ta’ protezzjoni/ħarsien ta’ tfal fi ħdan is-sistema tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal biex tgħin għall-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ vjolenza;

(e)

l-iżvilupp ta’ sistema li tirsisti għal:

(1)

kultura b’saħħitha ta’ djalogu u riflessjoni, li trawwem proċess kontinwu ta’ żvilupp u tagħlim bejn l-atturi fil-livelli kollha;

(2)

kwalità għolja ta’ infrastrutturi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u distribuzzjoni ġeografika xierqa fir-rigward tal-ambjent tal-għajxien tat-tfal.

7.

Ir-rapport permezz ta’ oqfsa u għodod eżistenti dwar l-esperjenzi u l-progress fir-rigward tal-aċċess għal sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u l-kwalità tagħhom.

B’DAN JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI BIEX:

8.

Tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin fost l-Istati Membri fil-kuntest tal-Qafas Strateġiku ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u skemi suċċessuri, kif ukoll fil-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali.

9.

Tappoġġa l-kooperazzjoni tal-Istati Membri, ibbażata fuq id-domanda tagħhom, billi torganizza tagħlim mill-pari u konsulenza bejn il-pari.

10.

Tappoġġa l-kooperazzjoni man-Netwerk tal-OECD dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal sabiex tiffaċilita d-disseminazzjoni tar-riżultati u tevita d-duplikazzjoni.

11.

Tappoġġa l-iżvilupp ta’ edukazzjoni u servizzi ta’ kura bikrija tat-tfal inklużiva ta’ kwalità għolja billi tqiegħed għad-dispożizzjoni l-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qafas tal-programm Erasmus+ u, fejn xieraq, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, inkluż Interreg, mingħajr preġudizzju għal negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

12.

Tipproponi punt ta’ riferiment jew mira Ewropej aġġornati dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal li jimmiraw għall-provvediment ta’ servizzi, f’konformità mal-punt ta’ riferiment ET2020 u l-miri ta’ Barċellona riveduti, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri. Din il-proposta għal punt ta’ riferiment flimkien ma’ punti ta’ riferiment Ewropej oħra proposti għall-edukazzjoni u t-taħriġ jenħtieġ li jiġu diskussi u deċiżi mill-Kunsill fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ qafas strateġiku ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ wara l-2020.

13.

Tirrapporta lill-Kunsill dwar is-segwitu tar-Rakkomandazzjoni b’konformità mal-modalitajiet tal-oqfsa u l-għodod eżistenti.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

C. B. MATEI


(1)  Dok. 13129/17.

(2)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(3)  COM(2017) 673 final.

(4)  ĠU C 421, 8.12.2017, p. 2.

(5)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

(6)  Id-definizzjoni tas-snin bikrin hija mit-twelid sa, is-soltu, l-età ta’ 6 snin, livell ta’ edukazzjoni korrispondenti ISCED 0.

(7)  ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.

(8)  ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1.

(9)  Il-benefiċċji tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kundizzjonijiet għall-kisba tagħhom, Rapport tan-Netwerk Ewropew ta’ Esperti dwar l-Ekonomija tal-Edukazzjoni (EENEE).

(10)  L-Istudju dwar il-Progress tal-Litteriżmu Internazzjonali fil-Qari (PIRLS).

(11)  Il-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA), OECD (2016), Edukazzjoni mad-daqqa t’għajn.

(12)  Il-Kummissjoni Ewropea (2014), Studju dwar l-użu effettiv tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola.

(13)  L-ewwel lingwa: il-varjetà (jiet) tal-lingwa miksuba fi tfulija bikrija (bejn wieħed u ieħor qabel l-età ta’ sentejn jew tliet snin) li fihom il-fakultà tal-lingwa umana ġiet miksuba għall-ewwel darba. Dan it-terminu huwa ppreferut minn ilsien nattiv, li ħafna drabi ma jkunx eżatt peress li l-ewwel lingwa ma tkunx neċessarjament dik tan-nattiv biss.

(14)  The Economics of Human Development and Social Mobility. Annual Reviews of Economics, Vol.6 (2014), 689-733.

(15)  ĠU C 155, 25.5.2011, p. 10.

(16)  COM(2017)252 final.

(17)  A Review of Research on the Effects of Early Childhood Education and Care on Child Development. Rapport dwar il-Proġett CARE (2015).

(18)  COM(2018) 273 final.

(19)  OECD (2017), Nibdew b’Saħħitna 2017: Indikaturi ewlenin tal-OECD dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal; Eurofound (2015), Kura bikrija tat-tfal: L-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi.

(20)  P8_TA(2017)0360.

(21)  Id-dokument ta’ politika (2008) ta’ Children in Europe, Young children and their services: developing a European approach.

(22)  Proposal for key principles of a Quality Framework for Early Childhood Education and Care (2014), rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ewropea.

(23)  Eurofound (2015), Kura Bikrija tat-Tfal: kondizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u kwalità tas-servizzi - Rieżami sistematika.

(24)  Il-Kummissjoni Ewropea (2011), CoRe: Rekwiżiti ta’ Kompetenza fl-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal.

(25)  Il-professjonalizzazzjoni tal-Assistenti tat-Tfal fl-Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal (ECEC): Pathways towards Qualification, rapport NESET II (2016).

(26)  The current state of national ECEC quality frameworks, or equivalent strategic policy documents, governing ECEC quality in EU Member States, Rapport NESET II 4/2017.

(27)  SN 100/1/02 REV 1.

(28)  COM(2018) 273 final.

(29)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.

(30)  COM(2018) 273 final.

(31)  Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

(32)  ISCED 0.1 u ISCED 0.2.


ANNESS

It-tfal għandhom id-dritt għal edukazzjoni u kura bikrija affordabbli u ta’ kwalità tajba tat-tfal.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

It-tagħlim u l-edukazzjoni jibdew mit-twelid u s-snin bikrin huma dawk l-aktar formattivi fil-ħajja tat-tfal peress li dawn jistabbilixxu l-pedamenti għall-iżvilupp tul ħajjithom. Dan il-Qafas ta’ Kwalità jipprovdi prinċipji ewlenin u approċċ Ewropew għal sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità għolja tat-tfal bbażati fuq prattiki tajba fl-Istati Membri tal-UE u riċerka tal-ogħla livell. Dan jinkludi għaxar dikjarazzjonijiet ta’ kwalità li huma strutturati fuq ħames oqsma usa’ ta’ kwalità: aċċess, persunal, kurrikulu, monitoraġġ u evalwazzjoni, u governanza u finanzjament. L-għaxar dikjarazzjonijiet ta’ kwalità jiddeskrivu l-karatteristiċi ewlenin ta’ servizzi ta’ kwalità għolja kif identifikati fil-prattika. Il-qafas ta’ kwalità huwa għodda ta’ governanza mmirata biex tipprovdi orjentazzjoni għall-iżvilupp u ż-żamma ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija tat-tfal.

L-għan ewlieni tal-qafas huwa li jiddeskrivi sistema li tista’ tipprovdi edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità għolja tat-tfal għat-tfal kollha u l-iżvilupp tagħha; hija ggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

servizzi ta’ kwalità għolja huma kruċjali biex jippromwovu l-iżvilupp u t-tagħlim tat-tfal u, fuq medda twila ta’ żmien, itejbu l-opportunitajiet edukattivi tagħhom;

il-parteċipazzjoni tal-ġenituri bħala msieħba ta’ servizzi bħal dawn hija essenzjali - il-familja hija l-aktar post importanti għat-tfal biex jikbru u jiżviluppaw, u l-ġenituri (u t-tuturi) huma responsabbli għall-benessri, is-saħħa u l-iżvilupp ta’ kull tifel u tifla;

is-servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għandhom ikunu ċċentrati fuq it-tfal, jinvolvu b’mod attiv lit-tfal u jagħrfu l-fehmiet tat-tfal.

IL-QAFAS TA’ KWALITÀ TAL-UE GĦALL-EDUKAZZJONI U L-KURA BIKRIJA TAT-TFAL

L-AĊĊESS għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità tat-tfal għat-tfal kollha jikkontribwixxi għall-iżvilupp b’saħħtu u s-suċċess edukattiv tagħhom, u jgħin biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u d-differenza fil-kompetenza bejn it-tfal bi sfondi soċjoekonomiċi differenti. L-aċċess ekwu huwa essenzjali wkoll biex jiżgura li l-ġenituri, speċjalment in-nisa, ikollhom il-flessibilità biex (jerġgħu) jintegraw fis-suq tax-xogħol.

Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:

1.   Provvista li hija disponibbli u aċċessibbli għall-familji kollha u t-tfal tagħhom

Id-dritt legali universali għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jipprovdi bażi solida biex jintlaħqu t-tfal kollha. Id-data dwar il-popolazzjoni u l-istħarriġ tal-ġenituri dwar id-domanda għal postijiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal tista’ sservi bħala bażi għall-istima ta’ aktar ħtiġijiet u kapaċità ta’ aġġustament.

Il-provvista tista’ tindirizza ostakli li jistgħu jipprevjenu l-familji u t-tfal milli jipparteċipaw. Din tista’ tinkludi adattament tal-miżati mitluba għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal biex jippermetti wkoll aċċess għall-familji bi dħul baxx. Hemm ukoll evidenza li l-flessibilità fil-ħinijiet tal-ftuħ u arranġamenti oħra jistgħu jippermettu l-parteċipazzjoni speċjalment għat-tfal ta’ ommijiet li jaħdmu, familji b’ġenitur wieħed u minn gruppi ta’ minoranza jew żvantaġġati.

Provvediment li jkun mqassam b’mod ugwali f’żoni urbani u rurali, distretti sinjuri u foqra, u reġjuni tista’ twessa’ l-aċċess għall-gruppi żvantaġġati fis-soċjetà. Id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ servizzi ta’ kwalità għolja f’distretti fejn jgħixu familji foqra, familji ta’ minoranzi jew ta’ migranti jew ta’ refuġjati ġiet irrapportata li għandha l-akbar impatt fuq l-appoġġ tal-ekwità u l-inklużjoni soċjali.

2.   Provvista li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni, issaħħaħ l-inklużjoni soċjali u tħaddan id-diversità

Il-postijiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jistgħu jinkoraġġixxu b’mod attiv il-parteċipazzjoni billi jinvolvu lill-ġenituri, lill-familji u lill-persuni li jindukraw fi proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (eż. f’kumitati tal-ġenituri). Li jintlaħqu l-familji - speċjalment familji b’ġenitur wieħed u żvantaġġati jew ta’ minoranza jew ta’ migranti - b’inizjattivi mmirati jippermettilhom li jesprimu l-ħtiġijiet tagħhom u jippermetti li s-servizzi jqisuhom meta jfasslu l-provvista għat-talbiet tal-komunitajiet lokali.

Ir-reklutaġġ ta’ persunal minn gruppi emarġinati, migranti jew ta’ minoranza jista’ jiġi mħeġġeġ billi ntwera li huwa ta’ vantaġġ jekk il-kompożizzjoni tal-persunal fil-postijiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal tirrifletti d-diversità fil-komunità.

Il-ħolqien ta’ ambjent li jilqgħek għat-tfal li jagħti valur lil-lingwi, lill-kultura u lill-ambjent tad-dar tagħhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sens ta’ appartenenza tagħhom. L-iżvilupp professjonali xieraq u kontinwu jħejji wkoll persunal biex jilqa’ u jappoġġa lit-tfal bilingwi.

Il-postijiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jistgħu jiżviluppaw prattiki tajba fil-familji biex joħolqu transizzjoni bla xkiel mill-ambjent tad-dar għall-post u jrawmu livelli għolja ta’ parteċipazzjoni tal-ġenituri billi jorganizzaw inizjattivi speċifiċi.

IL-PERSUNAL huwa l-aktar fattur sinifikanti għar-riżultati tal-benessri, tat-tagħlim u tal-iżvilupp tat-tfal. Għalhekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp professjonali tal-persunal jitqiesu bħala komponenti essenzjali tal-kwalità.

Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:

3.   Persunal ikkwalifikat tajjeb b’taħriġ inizjali u kontinwu li jippermettilu li jissodisfa r-rwol professjonali tiegħu

Is-sistemi effettivi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jikkunsidraw li jgħollu l-istatus professjonali tal-persunal, li huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala wieħed mill-fatturi ewlenin tal-kwalità, billi jgħollu l-livelli tal-kwalifiki, joffru status professjonali attraenti u prospetti tal-karriera flessibbli u mogħdijiet alternattivi għall-assistenti. Dan jista’ jkun appoġġat billi wieħed jimmira għal persunal pedagoġiku li jkun magħmul minn professjonisti bi kwalifiki għoljin li għandhom kwalifika professjonali sħiħa speċjalizzata fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, flimkien ma’ persunal ta’ assistenti.

Il-programmi ta’ edukazzjoni inizjali tal-ogħla livell huma mfassla flimkien ma’ prattikanti u jipprovdu bilanċ tajjeb bejn it-teorija u l-prattika. Huwa wkoll ta’ vantaġġ jekk il-programmi ta’ edukazzjoni jħejju lill-persunal biex jaħdem b’mod kollettiv u jtejjeb il-kompetenzi riflettivi. Dawn il-programmi jistgħu jibbenefikaw minn persunal ta’ taħriġ biex jaħdem ma’ gruppi diversi lingwistikament u kulturalment, minn familji ta’ minoranza, migranti u ta’ dħul baxx.

Persunal li jkun mgħammar biex isegwi l-ħtiġijiet, l-interessi u l-potenzjal ta’ żvilupp ta’ tfal żgħar u kapaċi jsib problemi potenzjali ta’ żvilupp u ta’ tagħlim jista’ jappoġġa b’mod aktar attiv l-iżvilupp u t-tagħlim tat-tfal. Opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali regolari, mfassla apposta u kontinwi huma ta’ benefiċċju għall-membri kollha tal-persunal, inklużi l-assistenti u l-persunal awżiljarju.

Fir-rigward tal-elementi meħtieġa għall-iżvilupp u l-psikoloġija tat-tfal, il-kompetenzi għall-persunal għandhom, f’konformità mal-istrutturi differenti tat-taħriġ fl-Istati Membri, jinkludu għarfien dwar is-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal, u b’mod aktar ġenerali dwar id-drittijiet tat-tfal.

4.   Kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ appoġġ inkluż tmexxija professjonali li toħloq opportunitajiet għall-osservazzjoni, ir-riflessjoni, l-ippjanar, il-ħidma f’tim u l-kooperazzjoni mal-ġenituri

Is-sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li jimmiraw għal kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, inklużi livelli ta’ pagi aktar adegwati, jistgħu jagħmlu l-impjiegi fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għażla aktar attraenti għal persunal ikkwalifikat aħjar li jkun qed jfittex karrieri xierqa.

Il-proporzjonijiet bejn l-adulti u t-tfal u d-daqs tal-grupp huma l-aktar adegwati jekk ikunu ddisinjati b’mod xieraq għall-età u l-kompożizzjoni tal-grupp ta’ tfal, peress li t-tfal iż-żgħar jeħtieġu aktar attenzjoni u kura.

Il-komunitajiet ta’ tagħlim professjonali, fejn jeżistu fi ħdan u madwar il-postijiet, urew impatt pożittiv billi allokaw ħin u spazju għal prattiki kolleġġjali tal-persunal u xogħol konġunt.

L-offerta ta’ mentoraġġ u superviżjoni għal persunal ġdid reklutat matul l-induzzjoni tiegħu tista’ tgħinu jissodisfa malajr ir-rwoli professjonali tiegħu.

IL-KURRIKULU huwa għodda b’saħħitha biex ittejjeb il-benessri, l-iżvilupp u t-tagħlim tat-tfal. Qafas pedagoġiku wiesa’ jistabbilixxi l-prinċipji biex isostnu l-iżvilupp u t-tagħlim tat-tfal permezz ta’ prattiki edukattivi u ta’ kura li jissodisfaw l-interessi, il-ħtiġijiet u l-potenzjal tat-tfal.

Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:

5.   Kurrikulu bbażat fuq għanijiet, valuri u approċċi pedagoġiċi li jippermettu lit-tfal jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom filwaqt li jindirizza l-iżvilupp soċjali, emozzjonali, konjittiv u fiżiku tagħhom u l-benessri tagħhom

Approċċi pedagoġiċi ċċentrati fuq it-tfal jistgħu jsostnu aħjar l-iżvilupp ġenerali tat-tfal, jipprovdu appoġġ għall-istrateġiji ta’ tagħlim tagħhom u jippromwovu l-iżvilupp konjittiv u mhux konjittiv tagħhom billi jibnu b’mod aktar sistematiku fuq tagħlim esperjenzali, logħob u interazzjonijiet soċjali.

Hemm evidenza qawwija li kurrikulu espliċitu huwa gwadann għaliex jista’ jipprovdi qafas koerenti għall-kura, l-edukazzjoni u s-soċjalizzazzjoni bħala partijiet integrali tal-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Idealment dan il-qafas jiddefinixxi l-għanijiet pedagoġiċi li jippermettu lill-edukaturi li jippersonalizzaw l-approċċ tagħhom għall-ħtiġijiet individwali tat-tfal u jista’ jipprovdi linji gwida għal ambjent ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja. Dan jagħti kunsiderazzjoni xierqa biex jinkludi d-disponibbiltà ta’ kotba u materjal stampat ieħor biex jgħin fl-iżvilupp tal-litteriżmu tat-tfal.

Permezz tal-promozzjoni tad-diversità, l-ugwaljanza u l-kuxjenza lingwistika, qafas ta’ kurrikulu effettiv jippromwovi l-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati. Dan jista’ jrawwem l-iżvilupp kemm tal-lingwa nattiva tagħhom kif ukoll tal-lingwa tal-edukazzjoni.

6.   Kurrikulu li jeħtieġ persunal li jikkollabora mat-tfal, mal-kollegi u mal-ġenituri u li jirrifletti dwar il-prattika tiegħu

Kurrikulu jista’ jgħin biex jinvolvi aħjar lill-ġenituri, lill-partijiet ikkonċernati u lill-persunal u biex jiżgura li jirrispondi b’mod aktar adegwat għall-ħtiġijiet, l-interessi u l-potenzjal tat-tfal.

Kurrikulu jista’ jiddefinixxi rwoli u proċessi għall-persunal biex jikkollabora regolarment mal-ġenituri kif ukoll ma’ kollegi f’servizzi oħra tat-tfal (inklużi s-setturi tas-saħħa, tal-kura soċjali u tal-edukazzjoni).

Kull meta jkun possibbli, il-kurrikulu jista’ jipprovdi linji gwida għall-persunal għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal biex jikkoordina mal-persunal tal-iskola dwar it-transizzjoni tat-tfal lejn l-iskejjel primarji u/jew pre-primarji.

MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI isostnu l-kwalità. Meta jindikaw l-punti tajbin u d-dgħufijiet il-proċessi tagħhom jistgħu jkunu komponenti importanti ta’ titjib tal-kwalità fis-sistemi ta’ edukazzjoni bikrija tat-tfal. Jistgħu jipprovdu appoġġ lill-partijiet ikkonċernati u lil dawk li jfasslu l-politika fit-teħid ta’ inizjattivi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tat-tfal, tal-ġenituri u tal-komunitajiet lokali.

Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:

7.   Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jipproduċu informazzjoni fil-livell rilevanti lokali, reġjonali u/jew nazzjonali biex jiġi appoġġat it-titjib kontinwu fil-kwalità tal-politika u l-prattika

Informazzjoni trasparenti dwar is-servizz u l-persunal jew dwar l-implimentazzjoni tal-kurrikulu fil-livell xieraq – nazzjonali, reġjonali u lokali – tista’ tgħin biex titjieb il-kwalità.

Feedback b’informazzjoni regolari tista’ tagħmel il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-politiki aktar faċli, anki billi tippermetti li jiġi analizzat l-użu ta’ fondi pubbliċi u ta’ dak li hu effettiv u f’liema kuntest.

Biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-persunal u biex jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba dwar kif l-aħjar li titjieb il-kwalità tas-servizz u l-iżvilupp professjonali, huwa ta’ benefiċċju li l-mexxejja tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal jiġbru d-data rilevanti fil-ħin.

8.   Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni li huma fl-aħjar interess tat-tfal

Sabiex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal, għandhom jiġu integrati politiki b’saħħithom dwar il-protezzjoni tat-tfal/is-salvagwardja tat-tfal fi ħdan is-sistema ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal biex jgħinu fil-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ vjolenza. Il-politiki effettivi għall-protezzjoni tat-tfal ikopru erba’ oqsma wiesgħa: (1) il-politika, (2) in-nies, (3) il-proċeduri, u (4) il-kontabilità. Aktar informazzjoni dwar dawn l-oqsma tista’ tinstab fi “Standards għas-salvagwardja tat-tfal u kif jiġu implimentati” maħruġa minn Keeping Children Safe.

Il-proċessi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni jistgħu jippromwovu impenn attiv u kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati kollha. Kull min hu kkonċernat fl-iżvilupp tal-kwalità jista’ jikkontribwixxi għal – u jibbenefika minn – prattiki ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

L-evidenza disponibbli tindika li taħlita ta’ metodi ta’ monitoraġġ (eż. osservazzjoni, dokumentazzjoni, valutazzjoni narrattiva tal-kompetenzi u t-tagħlim tat-tfal) tista’ tipprovdi informazzjoni utli u tagħti kont tal-esperjenzi u l-iżvilupp tat-tfal, inkluż li tgħin fi transizzjoni bla xkiel għall-iskola primarja.

Jistgħu jinħolqu għodod ta’ monitoraġġ u proċeduri ta’ evalwazzjoni parteċipattiva biex it-tfal ikunu jistgħu jinstemgħu u jkunu espliċiti dwar l-esperjenzi tagħhom ta’ tagħlim u soċjalizzazzjoni fil-postijiet.

IL-GOVERNANZA U L-FINANZJAMENT huma kruċjali biex jippermettu l-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal biex ikollha r-rwol tagħha fl-iżvilupp u t-tagħlim personali tat-tfal u fit-tnaqqis tad-differenza fil-kisbiet u fit-trawwim tal-koeżjoni soċjali. Il-kwalità tirriżulta minn politiki pubbliċi komprensivi u koerenti li jorbtu l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ma’ servizzi oħra kkonċernati mal-benessri tat-tfal żgħar u l-familji tagħhom.

Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:

9.   Il-partijiet ikkonċernati għandhom fehim ċar u kondiviż tar-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom, u jafu li huma mistennija li jikkollaboraw ma’ organizzazzjonijiet sħab

Il-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal tibbenefika minn kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi kollha li jaħdmu għat-tfal, inkluż is-servizzi soċjali u tas-saħħa, l-iskejjel u l-partijiet ikkonċernati lokali. Dawn l-alleanzi bejn l-aġenziji wrew li jkunu aktar effettivi jekk ikunu rregolati minn qafas ta’ politika koerenti li jista’ jrawwem b’mod proattiv il-kollaborazzjoni u l-investiment fit-tul fil-livell lokali.

L-involviment tal-partijiet ikkonċernati ntwera li huwa kruċjali biex ifassal u jimplimenta provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal.

L-integrazzjoni jew il-koordinazzjoni ta’ servizzi responsabbli mir-regolamenti differenti dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jista’ jkollha effett pożittiv fuq il-kwalità tas-sistema.

10.   Il-progress fil-leġislazzjoni, regolament u/jew finanzjamenti ta’ appoġġ lejn dritt universali għal edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità għolja u affordabbli tat-tfal, u l-progress jiġi regolarment irrappurtat lill-partijiet ikkonċernati rilevanti

It-titjib tal-kwalità fil-provvista tas-servizz għat-tfal kollha jista’ jinkiseb aħjar billi progressivament jinbena dritt legali universali. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal minn età bikrija. Jista’ jkun utli li jiġi evalwat jekk servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal bbażati fuq is-suq joħolqux aċċess mhux ugwali jew kwalità aktar baxxa għal tfal żvantaġġati u, jekk meħtieġ, isiru pjanijiet għal azzjonijiet ta’ rimedju.

Rabta mill-qrib mal-politiki dwar ix-xogħol, is-saħħa u dawk soċjali tkun b’mod ċar ta’ vantaġġ peress li tista’ tippromwovi ridistribuzzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi billi timmira għal aktar finanzjament lejn gruppi u distretti żvantaġġati.

Image 1