|
20.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 346/58 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-17 ta’ Diċembru 2013
li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/37/KE
(2013/779/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex ikunu delegati poteri lill-aġenziji eżekuttivi biex jimplimentaw b’mod sħiħ jew parti minn programm jew proġett tal-Unjoni, f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha. |
|
(2) |
L-għan li l-aġenziji eżekuttivi jingħataw il-kariga b’kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ programmi huwa biex il-Kummissjoni titħalla tikkonċentra fuq l-attivitajiet u l-funzjonijiet ewlenin tagħha li ma jistgħux jiġu ġestiti esternament, mingħajr ma ċċedi l-kontroll fuq l-attivitajiet ġestiti minn dawk l-aġenziji eżekuttivi jew ir-responsabbiltà aħħarija għall-istess attivitajiet. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 6 tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020) (2) (minn issa ’l quddiem imsejjaħ il-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020), il-Kummissjoni għandha twaqqaf Kunsill Ewropew għar-Riċerka (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-ERC). L-ERC se jkun is-suċċessur tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka li kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/134/KE (3) sabiex jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE (4) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Programm Speċifiku “Ideat”). L-ERC għandu jkun magħmul minn Kunsill Xjentifiku indipendenti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC”) u struttura ta’ implimentazzjoni apposta fil-forma ta’ Aġenzija Eżekuttiva. |
|
(4) |
Id-delega ta’ kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-programm lil aġenzija eżekuttiva teħtieġ separazzjoni ċara bejn l-istadji tal-ipprogrammar, u dan għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u adottat mill-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni tal-programm skont il-prinċipji u l-metodoloġija stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC, li għandha tkun f’idejn l-aġenzija eżekuttiva. |
|
(5) |
Permezz tad-Deċiżjoni 2008/37/KE (5), il-Kummissjoni ħolqot l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Aġenzija” u din ġiet inkarigata bil-ġestjoni tal-azzjonijiet Komunitarji fil-qasam tar-riċerka tal-fruntieri tal-għarfien bil-ħsieb li twettaq il-ħidma ta’ implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku “Ideat”. |
|
(6) |
L-Aġenzija mwaqqfa permezz tad-Deċiżjoni 2008/37/KE wriet li kisbet reputazzjoni sinifikanti fi ħdan il-komunità xjentifika madwar l-Ewropa u madwar id-dinja. Hija stabbiliet lilha nnifisha bħala komponent essenzjali fix-xena tal-finanzjament tar-riċerka tal-Unjoni b’viżibbiltà u perċezzjoni esterna tajba mill-partijiet interessati. L-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija li twettqet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li t-twaqqif tal-Aġenzija kien ta’ benefiċċju minħabba l-ispeċjalizzazzjoni xjentifika tagħha u l-kapaċità li tipprovdi servizz aħjar f’termini ta’ qrubija mal-benefiċjarji, it-titjib tal-komunikazzjoni u l-viżibbiltà tal-programmi u l-iżgurar ta’ ħlas iktar fil-pront lill-benefiċjarji. L-iffrankar li rriżulta mid-delega tal-kompiti lill-Aġenzija ġie stmat għal madwar EUR 45 miljun tul il-perjodu mill-2009–2012. |
|
(7) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011“Baġit għall-Ewropa 2020” (6), il-Kummissjoni pproponiet l-użu tal-għażla ta’ rikors aktar estensiv għal aġenziji eżistenti għall-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Unjoni fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014–2020. |
|
(8) |
L-analiżi kostijiet-benefiċċji li twettqet skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li l-Kummissjoni għandha tafda lill-Aġenzija bl-implimentazzjoni tal-objettiv speċifiku “it-tisħiħ tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, permezz tal-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka” tal-Parti I “Xjenza eċċellenti” tal-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont 2020. L-Aġenzija għandha ġestjoni tal-programm u provvista tas-servizzi ta’ kwalità għolja, minbarra viżibbiltà u kanali ta’ komunikazzjoni eżistenti li nstabu effettivi. L-objettiv speċifiku “it-tisħiħ tar-riċerka tal-fruntieri tal-għarfien, permezz tal-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka” huwa skont l-għanijiet u l-kompiti attwali tal-Aġenzija. L-użu tal-esperjenza akkumulata u kompetenzi tal-Aġenzija jista’ jwassal għal kisbiet fl-effiċjenza. Barra minn hekk, billi l-Kummissjoni qatt ma ġġestiet dan il-programm internament, din il-possibilità ta’ ġestjoni interna għandha ġġiba magħha interruzzjoni fil-kontinwità tan-negozju u nuqqas ta’ kompetenza. Barra minn hekk, huma mistennija kisbiet ta’ effiċjenza ta’ EUR 79 miljun matul il-perjodu 2014–2024 bl-implimentazzjoni tax-xenarju li jinkludi l-aġenzija meta mqabbel ma’ xenarju fejn il-programm ikun amministrat internament mill-Kummissjoni. |
|
(9) |
L-Aġenzija għandha tkun fdata bil-ġestjoni tal-għan speċifiku “it-tisħiħ tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, permezz tal-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka” tal-Parti I “Xjenza eċċellenti” tal-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont 2020, li jsegwu attivitajiet simili li fil-qafas finanzjarju pluriennwali 2007–2013 diġà huma ġestiti mill-Aġenzija u huma ikkaratterizzati minn proġetti li ma jinvolvux it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u jeħtieġu livell għoli ta’ kompetenza xjentifika u finanzjarja matul iċ-ċiklu tal-proġett. |
|
(10) |
L-Aġenzija għandha tkompli l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku “Ideat” li kien delegat lilha fil-qafas finanzjarju pluriennwali 2007-2013. |
|
(11) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti u fil-ħin, ta’ din id-Deċiżjoni, u tal-programmi kkonċernati, huwa neċessarju li jkun żgurat li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha li huma marbuta mal-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi soġġett għad-data li fiha dawk il-programmi jseħħu u minn dik id-data ’l quddiem. |
|
(12) |
L-Aġenzija għandha tiġi stabbilita. Għandha tissostitwixxi u tkun is-suċċessur tal-aġenzija eżekuttiva stabbilita peremzz tad-Deċiżjoni 2008/37/KE. Din għandha topera f’konformità mal-istatut ġenerali stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 58/2003. |
|
(13) |
Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2008/37/KE għandha titħassar u għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali. |
|
(14) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment
L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (minn hawn’ il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) hija b’dan stabbilita u għandha tieħu post u tkun is-suċċessur tal-aġenzija eżekuttiva mwaqqfa bid-Deċiżjoni 2008/37/KE mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2024, billi l-istatut tagħha huwa rregolat bir-Regolament (KE) Nru 58/2003.
Artikolu 2
Lokalità
L-Aġenzija għandha tkun lokalizzata fi Brussell.
Artikolu 3
Għanijiet u kompiti
1. L-Aġenzija għandha tkun l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, responsabbli għall-implimentazzjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni tal-programmi.
2. B’dan, l-Aġenzija qed tiġi fdata, fil-qafas tal-Programm Speċifiku biex timplimenta l-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020), bl-implimentazzjoni tal-għan speċifiku “it-tisħiħ tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, permezz tal-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka” tal-Parti I “Xjenza eċċellenti”. Dan il-paragrafu japplika soġġett għad-data li fiha jseħħ il-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont 2020 — Il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020), u minn dik id-data ’l quddiem.
3. B’dan, l-Aġenzija qed tiġi fdata, fil-qafas tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea bl-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007–2013) (7), bl-implimentazzjoni tal-legat tal-Programm Speċifiku “Ideat”.
4. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti segwenti għall-implimentazzjoni tal-partijiet tal-programmi tal-Unjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3:
|
(a) |
il-ġestjoni tal-implimentazzjoni ta’ programmi u proġetti speċifiċi abbażi ta’ programmi ta’ ħidma rilevanti stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (minn hawn’ il quddiem l-ERC) u adottati mill-Kummissjoni, meta l-Kummissjoni tkun tatha l-poter li tagħmel dan fl-istrument tad-delega; |
|
(b) |
l-adozzjoni tal-istrumenti għall-eżekuzzjoni tal-baġit għad-dħul u l-ħruġ ta’ finanzi u t-twettiq tal-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tmexxija tal-programmi, meta l-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega; |
|
(c) |
il-provvediment ta’ sostenn fl-implimentazzjoni tal-programmi metail-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega. |
|
(d) |
l-appoġġ lill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC fit-twettiq tal-kompiti kollha tiegħu. |
Artikolu 4
Tul tal-ħatriet
1. Il-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jinħatru għal sentejn.
2. Id-Direttur se jinħatar għal perjodu ta’ erba’ snin, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.
3. Il-ħatra ta’ Persunal Superjuri tal-Aġenzija għandha tqis l-opinjonijiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.
Artikolu 5
Rekwiżit dwar is-superviżjoni u r-rapportaġġ
L-Aġenzija għandha tkun soġġetta għas-superviżjoni tal-Kummissjoni u għandha tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni jew partijiet tagħhom, li għalihom hi responsabbli, f’konformità mal-arranġamenti u l-intervalli stipulati fl-istrument tad-delega.
Artikolu 6
L-Implimentazzjoni tal-baġit operattiv
L-Aġenzija għandha timplimenta l-baġit operattiv tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 (8).
Artikolu 7
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u li jħassru
1. Id-Deċiżjoni 2008/37/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.
2. L-Aġenzija għandha titqies bħala s-suċċessur legali tal-aġenzija eżekuttiva stabbilita bid-Deċiżjoni 2008/37/KE.
3. Mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-uffiċjali sekondati prevista bl-istrument tad-delega, din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal impjegat mill-Aġenzija, inkluż id-Direttur tagħha.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissojni 2007/134/KE tat-2 ta' Frar 2007 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ĠU L 57, 24.2.2007, p. 14).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 fir-rigward tal-programm speċifiku: “Ideat” tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 242).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/37/KE tal-14 ta’ Diċembru 2007 li tistabbilixxi l-“Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka” għall-ġestjoni tal-programm speċifiku Komunitarju “Ideat” fil-qasam tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (ĠU L 9, 12.1.2008. p. 15).
(6) COM(2011) 500 final.
(7) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(8) Ir-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1653/2004 tal-21 ta’ Settembru 2004 dwar regolament finanzjarju standard tal-aġenziji eżekuttivi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6).