Brussell, 4.2.2022

COM(2022) 34 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar it-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni: Il-koeżjoni fl-Ewropa sal-2050

{SWD(2022) 24 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar it-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni: Il-koeżjoni fl-Ewropa sal-2050

1.Introduzzjoni

Abbażi tal-analiżi fit-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni, din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-bidliet ewlenin fid-disparitajiet territorjali tul dawn l-aħħar għaxar snin, u kif il-politiki affettwaw dawn id-disparitajiet. Tenfasizza l-potenzjal tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali bħala xpruni ġodda tat-tkabbir tal-UE, iżda targumenta li mingħajr azzjoni politika xierqa jistgħu jinbtu disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali ġodda. Fl-aħħar nett, tagħti bidu għal riflessjoni dwar kif il-politika ta’ koeżjoni jenħtieġ li tevolvi biex twieġeb għal dawn l-isfidi u b’mod partikolari kif jista’ jiġi żgurat li l-approċċi bbażati fuq it-territorju, f’diversi livelli u mmexxija mis-sħubija jkomplu jtejbu l-koeżjoni, filwaqt li jibnu fuq is-sinerġiji u jintegraw l-objettivi ta’ koeżjoni ma’ politiki u strumenti oħra.

2.Il-koeżjoni fl-Unjoni Ewropea tjiebet, iżda għad hemm lakuni

Ir-rapport dwar il-Koeżjoni jivvaluta l-evoluzzjoni fit-tul tad-disparitajiet reġjonali, iżda jindirizza wkoll fil-qosor l-effetti drammatiċi fuq terminu qasir tal-pandemija tal-COVID-19. Dan kellu impatt asimmetriku fuq ir-reġjuni tal-UE, u wera differenza fil-kapaċitajiet tal-kura tas-saħħa reġjonali, fir-restrizzjonijiet u fl-istrutturi ekonomiċi. Il-COVID-19 diġà żiedet il-mortalità fl-UE bi 13 % (Kapitolu 1 1 ), iżda l-impatt sa issa huwa ogħla f’reġjuni inqas żviluppati fejn il-mortalità żdiedet bi 17 % 2 . Il-pandemija wasslet għall-akbar reċessjoni sa mill-1945, u affettwat b’mod speċjali setturi li jiddependu fuq l-interazzjoni personali, bħat-turiżmu, u bidlet drastikament l-impjiegi, l-iskejjel u l-interazzjonijiet soċjali tagħna, filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar kellhom impatt sproporzjonat fuq iż-żoni tal-fruntieri.

Il-konverġenza kienet xprunata minn tkabbir għoli f’reġjuni inqas żviluppati, iżda l-vantaġġi tal-ispejjeż baxxi tagħhom u tar-redditi fuq l-investiment fl-infrastruttura jistgħu maż-żmien jonqsu.

Sa mill-2001, ir-reġjuni tal-Lvant tal-UE inqas żviluppati qabdu l-pass tal-bqija tal-UE, u dan wassal għal tnaqqis sostanzjali tal-PDG per capita (Mappa 1). Ir-rati għoljin ta’ tkabbir tagħhom ġew xprunati mit-trasformazzjoni strutturali, b’mod partikolari ċ-ċaqliq tal-impjiegi mill-agrikoltura lejn setturi b’valur miżjud ogħla. Xi wħud minn dawn ir-reġjuni serrħu fuq l-investiment fl-infrastruttura u l-ispejjeż baxxi biex jippromwovu t-tkabbir. Madankollu, ir-redditi fuq l-investiment fl-infrastruttura se jonqsu u l-vantaġġi tal-ispejjeż baxxi se jonqsu jekk il-pagi reali jikbru b’rata aktar mgħaġġla mill-produttività, speċjalment fis-setturi kummerċjali. Biex jiġi evitat li fil-futur l-iżvilupp jitrażżan, ir-reġjuni inqas żviluppati se jkollhom bżonn jagħtu spinta lill-edukazzjoni u t-taħriġ, iżidu l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jtejbu l-kwalità tal-istituzzjonijiet tagħhom.

Diversi reġjuni b’introjtu medju u reġjuni inqas żviluppati, speċjalment fin-Nofsinhar tal-UE, sofrew minn staġnar jew tnaqqis ekonomiku (Mappa 1), u dan jissuġġerixxi li jinsabu bl-iżvilupp imrażżan 3 (Mappa 2). Fl-2008 ħafna ntlaqtu mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, u minn dak iż-żmien ’l hawn batew biex jirkupraw. It-tkabbir fuq terminu twil jirrikjedi riformi fis-settur pubbliku, forza tax-xogħol b’ħiliet imtejba u kapaċità aktar b’saħħitha għall-innovazzjoni.

Mappa 1

Mappa 2

Ir-reġjuni metropolitani kapitali għandhom prestazzjoni aħjar minn ta’ reġjuni oħra. Bejn l-2001 u l-2019, il-PDG reali per capita fir-reġjuni metropolitani kiber aktar malajr milli f’reġjuni oħra tal-UE (Kapitolu 2). Fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-UE, kemm ir-reġjuni kapitali kif ukoll dawk metropolitani kellhom PDG ogħla u tkabbir fl-impjiegi per capita, li wasslu għal konċentrazzjoni dejjem akbar ta’ attività ekonomika u ta’ impjiegi f’dawn ir-reġjuni. Madankollu, fil-Majjistral tal-UE, ir-reġjuni metropolitani u reġjuni oħra kibru b’pass simili, filwaqt li r-reġjuni kapitali biss kibru kemxejn aktar malajr.

Sar progress sinifikanti fit-titjib tal-impjiegi u tal-inklużjoni soċjali 4 , iżda għad fadal sfidi strutturali importanti.

L-impjiegi qed jiżdiedu, iżda d-disparitajiet reġjonali għadhom akbar minn kif kienu qabel l-2008 (Kapitolu 5). Il-kriżi ekonomika tal-2008 wasslet għal żieda sinifikanti fid-disparitajiet reġjonali kemm fir-rati tal-impjiegi kif ukoll fir-rati tal-qgħad. Fil-livell tal-UE, ir-rata tal-impjiegi rkuprat kompletament mill-kriżi u laħqet l-ogħla valur tagħha fl-2019, bi 73 % jkunu dawk li għandhom bejn l-20 u l-64 sena. Id-disparitajiet reġjonali naqsu mill-2008 ’l hawn, iżda għadhom akbar minn ta’ qabel il-kriżi ekonomika. Ir-rati ta’ impjieg f’reġjuni inqas żviluppati għadhom ferm inqas minn dawk f’reġjuni aktar żviluppati (Mappa 3).

Mappa 3



It-tnaqqis fid-disparitajiet reġjonali fl-impjiegi jirrikjedi żieda fl-impjiegi u tnaqqis fid-differenza ta’ bejn il-ġeneri. F’reġjuni inqas żviluppati, id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi hija kważi d-doppju ta’ dik f’reġjuni aktar żviluppati (sbatax apparagun ta’ disa’ punti perċentwali). B’mod ġenerali, in-nisa f’reġjuni inqas żviluppati huma probabbilment aktar żvantaġġati meta mqabbla mal-irġiel fl-istess reġjun, u x’aktar li ma jkollhomx l-istess livell għoli ta’ kisbiet meta mqabblin ma’ nisa ta’ reġjuni oħra.

L-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqas bi 17-il miljun bejn l-2012 u l-2019, l-aktar minħabba t-tnaqqis fl-għadd ta’ persuni f’depravazzjoni materjali estrema fl-Istati Membri tal-Lvant. Biex tintlaħaq il-mira tal-UE għall-2030 li jitnaqqas l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali b’mill-inqas 15-il miljun, jeħtieġ li tinżamm ir-rata attwali ta’ tnaqqis tal-faqar tul l-għaxar snin li ġejjin. Il-pandemija, madankollu, żiedet l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali b’ħames miljun ruħ fl-2020.

Id-disparitajiet fis-saħħa qed jonqsu. L-istennija tal-għomor żdiedet b’rata aktar mgħaġġla f’reġjuni inqas żviluppati matul dawn l-aħħar għaxar snin milli f’reġjuni oħra. Madankollu, l-istennija tal-għomor għadha baxxa meta mqabbla mal-medja tal-UE f’ħafna reġjuni tal-Lvant (Mappa 4). Il-pandemija naqqset l-istennija tal-għomor fl-2020 fi kważi l-Istati Membri kollha, iżda din x’aktarx li tkun temporanja (Kapitolu 1). Il-pandemija enfasizzat ukoll id-differenzi reġjonali fil-kapaċità tal-kura tas-saħħa.

Mappa 4



Il-politika ta’ koeżjoni għenet biex jitnaqqsu d-disparitajiet.

L-immudellar ekonomiku jindika li fl-2023, il-PDG per capita se jkun 2,6 % ogħla fir-reġjuni inqas żviluppati minħabba l-appoġġ mill-politika ta’ koeżjoni bejn l-2014 u l-2020. Dan il-mudell juri wkoll li d-distakk bejn il-PDG per capita fir-reġjuni li jirrappreżentaw l-ogħla u l-inqas deċili se jonqos bi 3,5 % (Kapitolu 9).

Wara t-tnaqqis tal-investimenti pubbliċi nazzjonali minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-politika ta’ koeżjoni saret sors aktar importanti għall-investiment (Kapitolu 8). Fil-pajjiżi tal-koeżjoni, il-finanzjament ta’ koeżjoni kiber mill-ekwivalenti ta’ 34 % għal 52 % tal-investiment pubbliku totali mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 sal-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-2020 (Figura 1). Mingħajr il-politika ta’ koeżjoni, it-tnaqqis fl-investiment pubbliku kien ikun saħansitra akbar f’dawn il-pajjiżi.

Illustrazzjoni 1: Allokazzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni apparagun tal-investiment pubbliku, tal-2007-2013 u tal-2014-2020

Il-politika ta’ koeżjoni rreaġixxiet malajr għall-kriżi tal-COVID-19 billi mmobilizzat finanzjament addizzjonali, billi għamlet eliġibbli l-infiq marbut mar-rispons għall-kriżi, u billi ppermettiet rati ogħla ta’ kofinanzjament. Dan għen lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jirreaġixxu għall-kriżi. Madankollu, il-politika ta’ koeżjoni jenħtieġ li issa terġa’ lura għall-missjoni ewlenija tagħha li tnaqqas id-disparitajiet reġjonali u tippromwovi l-iżvilupp reġjonali fit-tul.

3.L-ixpruni tat-tkabbir reġjonali għandhom it-tendenza li jagħtu spinta lill-koeżjoni

L-investimenti fl-infrastruttura, il-ħiliet, l-innovazzjoni u l-governanza komplew jixprunaw il-konverġenza f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, għad hemm lakuni u ħafna xpruni tat-tkabbir għadhom ikkonċentrati f’reġjuni aktar żviluppati u f’żoni urbani. Riċerka reċenti turi li l-effettività ta’ dawn l-investimenti tiddependi fuq taħlita xierqa ta’ investiment speċifiku għar-reġjun u qafas istituzzjonali u makroekonomiku tajjeb.

Fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-2020, kważi nofs l-investiment tal-politika ta’ koeżjoni appoġġa l-infrastruttura, l-aktar minħabba l-ħtiġijiet fil-Lvant tal-UE. Dan għen biex jitnaqqas id-distakk f’livell ta’ prestazzjoni tat-trasport bit-triq fil-Lvant tal-UE, u biex ma jkunx hemm distakk fin-Nofsinhar tal-UE (Kapitolu 4). Dan l-investiment tejjeb ukoll il-prestazzjoni ferrovjarja fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-UE. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ aktar investiment fil-Lvant tal-UE, b’mod partikolari biex tiġi appoġġata tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

L-aċċess għall-broadband bażiku huwa kważi universali fl-UE, iżda l-konnessjonijiet b’veloċità għolja ħafna huma disponibbli biss għal tnejn minn kull tliet residenti tal-belt, u għal wieħed minn kull sitt residenti rurali (Kapitolu 4). L-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport u tal-IT waħedhom ma jwasslux awtomatikament għal rati ogħla ta’ tkabbir. Jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki li joħolqu ambjent favorevoli għall-kumpaniji biex jikbru u jgħinu lill-ħaddiema jaċċessaw opportunitajiet ġodda ta’ impjieg fir-reġjuni kollha.

L-investimenti suffiċjenti fil-protezzjoni ambjentali, fl-enerġija nadifa u fil-forniment ta’ servizzi assoċjati huma essenzjali biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-kwalità tal-ħajja fit-tul. It-tniġġis tal-arja u tal-ilma naqas, iżda għadu għoli wisq f’ħafna reġjuni inqas żviluppati. It-tniġġis tal-arja kkawżat minn materja partikolata fina huwa għoli f’ħafna reġjuni tal-Lvant. Fl-UE dan iwassal għal madwar 400,000 mewta prematura fis-sena. Il-konċentrazzjonijiet fl-ożonu għadhom għoljin wisq f’ħafna reġjuni tan-Nofsinhar. It-trattament tal-ilma mormi tjieb fl-UE kollha, iżda għad hemm bżonn ta’ aktar investimenti f’ħafna reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni, biex tiġi protetta u mtejba l-kwalità tal-ilma (Kapitolu 3).

Il-ħiliet, kif allokati, mhumiex imqassma b’mod uniformi u huma kkonċentrati f’reġjuni aktar żviluppati, speċjalment fir-reġjuni kapitali. Ir-reġjuni inqas żviluppati għadhom ferm lura mir-reġjuni fit-tranżizzjoni u dawk aktar żviluppati f’termini ta’ edukazzjoni terzjarja, tagħlim tul il-ħajja u ħiliet diġitali. Minkejja t-titjib fil-livell tal-UE, id-differenzi bejn ir-reġjuni baqgħu kbar. Meta ħafna ħaddiema ma jkollhomx edukazzjoni sekondarja, it-tnaqqis tad-distakk fil-produttività jsir aktar diffiċli. Il-livell tal-edukazzjoni u l-ħiliet juru wkoll qasma kbira bejn il-bliet u ż-żoni rurali. Huwa aktar probabbli li r-residenti tal-belt ikollhom lawrja universitarja, li jipparteċipaw fit-taħriġ u li jkollhom ħiliet diġitali tajbin milli mir-residenti rurali.

L-intraprenditorija hija kruċjali għat-tkabbir, iżda għandha t-tendenza li tkun ikkonċentrata fi bliet akbar. Il-kumpaniji l-ġodda huma partikolarment importanti biex jiddiversifikaw l-attivitajiet ekonomiċi u joħolqu l-impjiegi f’reġjuni bi tkabbir baxx. Ir-rakkomandazzjoni dwar l-Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi (EASE) 5 wara l-kriżi tal-COVID-19 tenfasizza kif it-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet u l-appoġġ intraprenditorjali jistgħu jippromwovu tranżizzjonijiet inklużivi minn impjieg għall-ieħor filwaqt li jitttieħed inkonsiderazzjoni l-kuntest reġjonali.

L-innovazzjoni hija l-fattur determinanti importanti għat-tkabbir ekonomiku reġjonali fit-tul, iżda d-distakk fl-innovazzjoni reġjonali fl-Ewropa kiber. Filwaqt li ċerti Stati Membri għamlu progress sinifikanti biex ilaħħqu, ħafna reġjuni, inklużi fi Stati Membri aktar żviluppati, għadhom lura (Illustrazzjoni 2). Dan mhux biss minħabba nuqqas ta’ investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp, iżda wkoll minħabba dgħufijiet fl-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali. Diffużjoni aħjar tal-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali tista’ tgħin lir-reġjuni inqas żviluppati u dawk fi tranżizzjoni biex ilaħħqu mal-oħrajn. L-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, li ġew introdotti fil-politika ta’ koeżjoni għall-2014-2020, jistgħu jgħinu biex jiġi indirizzat dan id-distakk, iżda jeħtieġ li jiffokaw aktar fuq il-potenzjal reġjonali.

Illustrazzjoni 2: Id-distakk fl-innovazzjoni reġjonali fl-Ewropa 2021

Dan id-distakk fl-innovazzjoni huwa ggravat minn innovazzjoni dgħajfa u mill-effetti limitati tar-rabtiet tal-kummerċ internazzjonali u tal-ktajjen tal-valur fuq il-kapital uman f’ħafna reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni. Minkejja l-investiment dirett barrani (FDI, foreign direct investment) u l-esportazzjonijiet ta’ spiss sinifikanti, ħafna reġjuni jonqsu milli jisfruttaw il-benefiċċji għad-ditti u għall-ħaddiema lokali. L-adozzjoni fqira tat-teknoloġiji diġitali, tal-prattiki maniġerjali u tat-teknoloġiji tal-industrija 4.0 fin-negozju u fis-settur pubbliku tfisser li ħafna reġjuni mhumiex lesti li jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda, u hekk kif jevolvu l-ktajjen tal-valur, jkunu potenzjalment vulnerabbli għar-rilokazzjoni.

Il-governanza fl-UE qiegħda fil-biċċa l-kbira titjieb, iżda għad hemm lakuni bejn u fi ħdan l-Istati Membri (Mappa 5 6 ) (Kapitolu 7). It-titjib tal-istituzzjonijiet jista’ jikkontribwixxi għal investiment aktar effettiv, livelli ogħla ta’ innovazzjoni u ta’ intraprenditorija, li huma importanti għal tkabbir ekonomiku fit-tul. L-Istati Membri kollha tejbu l-ambjent tan-negozju tagħhom, iżda għad hemm varjazzjonijiet sinifikanti. L-effettività tas-sistema ġudizzjarja tvarja wkoll bejn l-Istati Membri u fi ftit Stati Membri l-istat tad-dritt iddeterjora maż-żmien.

Mappa 5

Ir-rwol u l-kapaċità tal-gvernijiet sottonazzjonali fl-iżvilupp ekonomiku għadhom irregolari, għalkemm iwettqu l-biċċa l-kbira tal-investiment pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-adattament għat-tibdil fil-klima (Kapitolu 8). Il-politiki bbażati fuq it-territorju huma partikolarment importanti f’pajjiżi b’disparitajiet ekonomiċi interni sinifikanti. L-awtonomija lokali u reġjonali kibret bil-mod fil-pajjiżi ta’ koeżjoni matul l-aħħar deċennji, iżda għadha aktar baxxa milli fil-bqija tal-UE. Peress li l-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni hija sfida għar-reġjuni bi ftit awtonomija u b’inqas esperjenza fit-twettiq tal-investimenti pubbliċi, il-politika ta’ koeżjoni għenet biex issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ żvilupp reġjonali, b’mod partikolari permezz ta’ strumenti territorjali u tal-kooperazzjoni fi ħdan żoni funzjonali.



4.Opportunitajiet ġodda għat-tkabbir, iżda hemm riskju ta’ disparitajiet ġodda

Fit-30 sena li ġejjin, it-tkabbir tal-UE se jkun xprunat mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dawn se jġibu opportunitajiet ġodda, iżda se jirrikjedu bidliet strutturali sinifikanti li x’aktarx joħolqu disparitajiet reġjonali ġodda. Jekk tiġi injorata, it-tranżizzjoni demografika tista’ ddgħajjef kemm il-koeżjoni kif ukoll it-tkabbir. Il-mod kif jiġu ġestiti dawn it-tranżizzjonijiet se jiddetermina jekk ir-reġjuni u ċ-ċittadini kollha, jgħixu fejn jgħixu, humiex se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn it-tranżizzjonijiet. Mingħajr viżjoni territorjali ċara ta’ kif dawn il-proċessi se jiġu ġestiti u mingħajr l-implimentazzjoni ambizzjuża tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għadd dejjem jikber ta’ nies jistgħu jħossu li mhux jingħataw widen u li l-impatt fuq il-komunitajiet tagħhom mhux jitqies, u dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ sodisfazzjon bid-demokrazija. Biex l-Ewropa titħejja biex tindirizza dawn l-isfidi, huwa essenzjali li jiġu promossi t-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor lejn setturi ekoloġiċi u diġitali, u li jitnaqqsu l-ħiliet nieqsa relatati, kif propost fir-Rakkomandazzjoni dwar l-EASE.

It-tranżizzjoni ekoloġika u speċjalment l-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju se jittrasformaw l-ekonomiji tagħna. Dan se jagħti spinta lill-impjiegi f’setturi bħall-enerġija rinnovabbli, ir-riċiklaġġ, id-disinn, ir-rinnovazzjoni u s-servizzi tal-ekosistema, iżda jista’ jaffettwa b’mod negattiv lis-setturi li jeħtieġu jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u r-reġjuni fejn dawn jinsabu (Mappa 6 u 7). Il-kapital naturali fir-reġjuni rurali jista’ jagħti spinta lill-impjiegi fil-ġestjoni tas-servizzi tal-ekosistema u l-enerġija rinnovabbli. Għaldaqstant l-impatt soċjali tal-għan tal-UE li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 se jvarja minn reġjun għal ieħor u jista’ jkun aktar qawwi f’dawk li għandhom rati għolja ta’ faqar. Dan se jirrikjedi l-appoġġ ta’ strumenti ta’ politika bħall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

Mappa 6



Mappa 7

It-tranżizzjoni diġitali miexja ’l quddiem b’ritmi differenti fl-Ewropa. Din tirrikjedi, biex titlesta, li jiġi estiż l-aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna, li jissaħħu l-ħiliet diġitali u l-investiment fit-tagħmir tal-IT. Dan se jkun ta’ benefiċċju għaż-żoni rurali minħabba li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom għandhom it-tendenza li ma jkunux veloċi u li l-ħiliet diġitali tagħhom ikunu taħt il-medja. Aċċess għal internet aktar veloċi se jippermetti li aktar nies jaħdmu mid-dar, jitjieb l-aċċess għas-servizzi online, inkluż it-taħriġ, is-saħħa u l-kummerċ elettroniku (e-Kummerċ), u jista’ jinkoraġġixxi aktar servizzi biex joħorġu miċ-ċentri urbani ewlenin. L-Istati Membri inqas żviluppati se jibbenefikaw aktar minn din it-tranżizzjoni peress li l-kumpaniji tagħhom għadhom lura fl-użu tagħhom tat-teknoloġiji diġitali, tal-e-Kummerċ u tal-prattiki tan-negozju elettroniku.

It-tibdil demografiku, b’mod partikolari t-tixjiħ, se jaffettwa r-reġjuni kollha, iżda l-ewwel lir-reġjuni rurali. Matul l-għaxar snin li ġejjin, il-popolazzjoni fl-età ta’ 65 sena u aktar hija pproġettata li tikber b’aktar minn 25 % f’wieħed minn kull ħames reġjuni. Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hija pproġettata li tonqos b’aktar minn 10 % f’wieħed minn kull erba’ reġjuni. Il-popolazzjoni ta’ taħt l-20 hija pproġettata li tonqos b’aktar minn 10 % f’wieħed minn kull tliet reġjuni. B’mod ġenerali, is-sehem tal-popolazzjoni li tgħix f’reġjun li qed jiċkien huwa pproġettat li jiżdied minn 34 % għal 51 % bejn l-2020 u l-2040 (Kapitolu 6). Ir-reġjuni rurali huma affettwati b’mod speċjali peress li diġà qed jonqsu (Figura 3). Dawn ix-xejriet jistgħu jaffettwaw il-potenzjal tat-tkabbir, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-aċċess għas-servizzi.

Illustrazzjoni 3: Il-bidla naturali fil-popolazzjoni, il-migrazzjoni netta u l-bidla totali fil-popolazzjoni skont it-tipoloġija reġjonali urbana-rurali u skont it-tip ta’ reġjun metropolitan matul is-snin 2010-2019

F’dawn l-aħħar snin, xi postijiet fl-Ewropa esperjenzaw tkabbir bil-mod ħafna, jekk mhux tnaqqis, fl-opportunitajiet ekonomiċi, fil-mobbiltà soċjali u fil-kwalità tal-ħajja. Dan it-tnaqqis ekonomiku fuq terminu twil wassal għal skuntentizza li dejjem qed tikber fost iċ-ċittadini. L-Ewrobarometri juru li r-residenti rurali probabbliment aktar jaħsbu li mhux jingħataw widen, u ma jkollhomx fiduċja fl-UE. Madankollu, iċ-ċittadini għandhom aktar fiduċja fil-gvernijiet reġjonali u lokali milli fl-awtoritajiet nazzjonali jew fil-livell ta’ UE. Biex jiġi indirizzat dan it-tħassib, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jenħtieġ li jkunu ġusti, ġestiti b’mod inklużiv u żviluppati fi sħubiji mal-gvernijiet reġjonali u lokali.

5.L-isfidi għall-politika ta’ koeżjoni

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 7 jenfasizza x-xejriet ewlenin, jiġifieri l-isfidi klimatiċi u ambjentali oħra, l-iperkonnettività diġitali u t-trasformazzjonijiet teknoloġiċi, il-pressjoni fuq id-demokrazija u l-bidliet fl-ordni globali u fid-demografija. Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, il-politika ta’ koeżjoni naqqset id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali. Madankollu, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi ewlenin jistgħu joħolqu disparitajiet ġodda, iżidu d-domandi fuq l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, iwasslu għal skuntentizza popolari u jitfgħu pressjoni fuq id-demokraziji tagħna. Dawn l-isfidi se jaffettwaw ukoll lil pajjiżi żviluppati oħra. L-iskambji ta’ politika ma’ pajjiżi interessati oħra jistgħu jkomplu jarrikkixxu d-dibattitu ta’ politika tagħna.

Kif tista’ l-politika ta’ koeżjoni, flimkien ma’ politiki oħra tal-UE, tindirizza dawn l-isfidi l-ġodda? Iċ-ċittadini tal-Ewropa jeħtieġ li jkollhom fiduċja fil-futur tagħhom, kull fejn jgħixu. Il-politika ta’ koeżjoni tista’ sserraħ moħħ l-Ewropej bi tliet modi: l-ewwel nett, billi toffrilhom perspettiva ekonomika pożittiva għar-reġjun tagħhom; it-tieni, billi tindirizza t-tħassib tagħhom dwar il-kwalità tal-ħajja tagħhom, l-opportunitajiet ta’ impjiegi u l-inklużjoni soċjali, u t-tielet, billi tiżgura li l-ispejjeż u l-benefiċċji biex jingħelbu l-isfidi l-ġodda jinqasmu b’mod ġust. Dan jista’ jsir billi jiġu identifikati l-aħjar reazzjonijiet kontra dak li qed jixpruna d-disparitajiet, billi jissaħħaħ ir-rwol tar-reġjuni u jitqies l-impatt territorjali tal-politiki orizzontali tal-UE. F’konformità mal-għan ta’ konverġenza soċjali aktar ’l fuq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jenħtieġ li jitnieda dibattitu ta’ ta’ politika wiesa’ taħt dawn it-temi biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika għal wara l-2027.

L-indirizzar ta’ fatturi ġodda ta’ disparitajiet billi:

·Tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Il-bidla lejn ekonomija newtrali għall-klima, ċirkolari, il-protezzjoni tal-ambjent tagħna, ir-restawr tan-natura u t-tnaqqis tat-tniġġis se jiġġeneraw ħafna benefiċċji, iżda l-ispejjeż ta’ din għandhom jitqassmu b’mod ġust. Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta jista’ jiġi estiż biex jindirizza l-ispejjeż soċjali tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u sfidi ambjentali l-oħra, inkluż billi jiġu antiċipati aħjar it-tibdiliet strutturali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-investiment fil-ħiliet u l-ħidma mill-qrib mas-sħab soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili fil-livelli territorjali kollha.

·Tissaħħaħ ir-reżiljenza u r-rispons għal xokkijiet asimmetriċi. Il-pandemija tenfasizza l-ħtieġa li l-politika ta’ koeżjoni tkun kapaċi tirrispondi għal xokkijiet mhux mistennija, b’mod partikolari marbuta mal-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika. Ir-reġjuni li jiddependu ħafna fuq ftit setturi tal-manifattura jew tas-servizzi kummerċjabbli ristretti huma partikolarment vulnerabbli. Id-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni diġitali flimkien ma’ politiki bbażati fuq it-territorju, bħal strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, tista’ tgħin lir-reġjuni jsiru aktar produttivi u inqas vulnerabbli għax-xokkijiet.

·Jiġu megħjuna r-reġjuni biex jirreaġixxu għat-tibdil demografiku. Il-kumpaniji se jkollhom jadattaw għal forza tax-xogħol li qed tonqos billi jirreklutaw aktar minn gruppi b’rati aktar baxxi ta’ impjieg, bħaż-żgħażagħ, in-nisa u l-migranti mhux mill-UE, u billi jinvestu aktar fl-innovazzjoni, fit-teknoloġiji li jiffrankaw u jżidu x-xogħol, u fit-tagħlim għall-adulti, b’mod partikolari għall-ħaddiema akbar fl-età u b’livell baxx ta’ ħiliet, u dan jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tas-Summit ta’ Porto 8 . L-iskejjel primarji u sekondarji se jkollhom jaġġustaw għall-għadd aktar baxx ta’ studenti, filwaqt li servizzi pubbliċi oħra u tal-kura tas-saħħa se jkollhom jaqdu għadd dejjem jikber ta’ residenti aktar anzjani.

·Tiġi indirizzata l-pressjoni fuq id-demokrazija u l-valuri tagħha. L-istrumenti territorjali li jinvolvu l-atturi lokali fi bliet, irħula, żoni rurali, żoni kostali u gżejjer u l-prinċipju tas-sħubija fil-politika ta’ koeżjoni jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata l-pressjoni fuq id-demokrazija billi tiżdied is-sjieda tal-politiki Ewropej. Il-kooperazzjoni territorjali tista’ toħloq komunitajiet ġodda ta’ interess komuni u tappoġġa t-twassil viżibbli tal-beni pubbliċi f’livelli territorjali differenti.

Jissaħħaħ r-rwol tar-reġjuni fil-bini tal-futur tal-Ewropa billi:

·Jinħolqu perspettivi ekonomiċi ġodda għal reġjuni inqas żviluppati u periferiċi. Ir-reġjuni inqas żviluppati u periferiċi jista’ jkolhom bżonn paradigma ta’ żvilupp ġdida. Din jenħtieġ li tqis l-opportunitajiet emerġenti, ir-rabtiet internazzjonali, id-distribuzzjoni territorjali ta’ ħtiġijiet u allokazzjonijiet speċifiċi, u l-provvista ta’ beni pubbliċi bħar-riżorsi strateġiċi, il-bijodiversità, l-enerġija rinnovabbli u l-kumditajiet.

·Tiġi integrata l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha. L-indirizzar tad-dgħufijiet fid-diffużjoni u l-adozzjoni ta’ ideat u teknoloġiji ġodda u l-inkoraġġiment ta’ innovazzjoni fuq bażi wiesgħa se jiżguraw li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċju ta’ ekonomija dejjem aktar intensiva fl-għarfien.

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali. Il-pandemija enfasizzat id-diffikultajiet li wieħed ikollu biex jaqsam il-fruntiera nazzjonali minħabba xogħol, edukazzjoni, kura tas-saħħa u servizzi oħrajn. Il-prestazzjoni tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija hija aktar baxxa fir-reġjuni tal-fruntiera. L-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet jirrikjedi governanza aħjar taż-żoni funzjonali tal-fruntieri, koordinazzjoni aktar b’saħħitha tas-servizzi, infrastruttura u investiment, u skambju ta’ esperjenza appoġġat minn riċerka pan-Ewropea.

·Jissaħħu r-rabtiet urbani-rurali u r-rwol ta’ bliet u rħula iżgħar fl-appoġġ taż-żoni rurali. Il-bliet il-kbar u r-reġjuni metropolitani tagħhom spiss jixprunaw l-iżvilupp ekonomiku. Ċerti bliet, irħula u villaġġi iżgħar jipprovdu aċċess għal firxa wiesgħa ta’ servizzi pubbliċi u privati. Ir-rwol tagħhom bħala ċentri reġjonali jfisser li jipprovdu punt ta’ riferiment għal reġjun usa’. It-tisħiħ tar-rwol tagħhom jista’ jagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja. Filwaqt li ż-żoni urbani għandhom sfidi distinti, it-tisħiħ ulterjuri tar-rabtiet fiż-żoni funzjonali jista’ jkun ta’ benefiċċju kemm għar-residenti urbani kif ukoll għal dawk rurali. Il-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali 9 tipprovdi qafas biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żoni rurali.

·Jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ postijiet li jibqgħu lura. Xi reġjuni huma kkonfrontati bil-wirt ta’ bidliet strutturali li naqqsu s-sorsi tradizzjonali ta’ impjieg li wasslu għal nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u degradazzjoni ambjentali, li jwasslu għal trażżin fl-iżvilupp. Żoni bħal dawn spiss jinsabu f’pajjiżi jew reġjuni bi dħul medju. Dawn jeħtieġu politiki mmirati biex dawn il-komunitajiet jiġu integrati fl-ekonomija reġjonali u nazzjonali usa’, f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

L-iżvilupp ta’ għodod biex titwassal il-koeżjoni sal-2050 billi:

·Jiżdiedu l-effettività tal-politiki bbażati fuq it-territorju. Qed tiġi dejjem rikonoxxuta aktar il-ħtieġa li l-politiki strutturali nazzjonali jiġu kkumplimentati b’politiki bbażati fuq it-territorju. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti turi kif nistgħu nibnu fuq l-assi lokali biex tissaħħaħ il-kompetittività u l-ekosistema tal-innovazzjoni. Il-pjanijiet Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta mmirati fuq livell lokali jidderieġu l-appoġġ dirett Ewropew lejn id-ditti, l-ħaddiema u l-komunitajiet l-aktar milquta mit-tibdil strutturali xprunat mill-klima. Dan l-approċċ jenħtieġ li jissaħħaħ għal objettivi ta’ politika fundamentali oħra taħt il-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Barra minn hekk, l-approċċ ta’ żvilupp territorjali integrat u l-objettiv ta’ politika apposta, “Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini”, jenħtieġ li jintużaw bis-sħiħ.

·Ikompli jiġi ssimplifikat t-twassil tal-politika ta’ koeżjoni għall-benefiċjarji. Abbażi tas-simplifikazzjonijiet u tal-flessibbiltà li diġà ġew introdotti fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, kemm taħt il-politika ta’ koeżjoni kif ukoll taħt fondi rilevanti oħra relatati mal-investiment, għandu jiġi kkunsidrat aktar titjib favur il-benefiċjarji fit-twettiq tal-politika. Fl-istess ħin, il-prinċipji fundamentali ta’ implimentazzjoni parteċipattiva u bbażata fuq it-territorju, bħall-governanza f’diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija, jenħtieġ li jissaħħu.

·Jissaħħaħ ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni biex jiġi sfruttat l-investiment pubbliku u privat fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi. Il-politika ta’ koeżjoni jista’ jkollha rwol akbar biex jitħeġġeġ l-investiment fil-livelli reġjonali, lokali u tal-bliet, bl-użu tar-riżorsi tas-settur privat u billi jiġu appoġġati l-adattamenti istituzzjonali meħtieġa. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-atturi pubbliċi u privati fil-livell xieraq ikollhom il-kapaċità meħtieġa li jappoġġaw dawn l-investimenti permezz ta’ dħul mit-taxxa, imposti tal-utenti, tariffi u sorsi oħra ta’ dħul fit-tul. Sforzi bħal dawn jenħtieġ li jkunu relatati mal-appoġġ mill-Kummissjoni biex jissaħħu l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-finanzjament sostenibbli.

·Jiżdiedu l-investimenti fin-nies tul ħajjithom. Biex l-Ewropa fil-futur tkun kompetittiva u koeżiva se jkun meħtieġ investiment akbar u aħjar fl-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nies, b’mod partikolari fil-ħiliet, il-kreattività u l-potenzjal tagħhom li joħolqu negozji u li jkunu innovattivi. Dan se jkun essenzjali sabiex ikollna suċċess fit-tranżizzjonijiet teknoloġiċi, ekoloġiċi u diġitali li hemm quddiemna. Biex issaħħaħ il-koeżjoni soċjali tagħha u tindirizza l-ħtiġijiet tal-gruppi li tħallew lura, jeħtieġ li l-Ewropa tinvesti f’miżuri mmirati ta’ attivazzjoni u ta’ inklużjoni soċjali filwaqt li tkompli tappoġġa r-riformi ta’ politika mmirati lejn l-iżvilupp inklużiv.

·Jissaħħu l-komplementarjetajiet fi ħdan politiki oħra tal-UE. L-approċċ attwali għas-sinerġiji fil-baġit tal-UE, li jikkonċentra fuq l-inputs u l-flussi finanzjarji, jeħtieġ li jkun aktar iffukat fuq il-komplementarjetajiet tal-politika reali. L-oqsma ġodda ta’ politika jeħtieġ li jingħataw attenzjoni reġjonali speċifika - bħal pereżempju l-interdipendenzi strateġiċi, il-politika soċjali dwar il-klima, l-Alleanzi Industrijali Ewropej - fejn il-politika ta’ koeżjoni tista’ tkun partikolarment rilevanti. Il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali u l-verifiki rurali jenħtieġ li jissaħħu, sabiex il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta’ territorji differenti tal-UE jitqiesu aħjar. Jenħtieġ li l-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”, jiġifieri li l-ebda azzjoni ma għandha tfixkel il-proċess ta’ konverġenza jew tikkontribwixxi għad-disparitajiet reġjonali, jiġi żviluppat aktar u integrat fit-tfassil tal-politika.

·Il-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tipprovdi sa EUR 724 biljun lill-Istati Membri. Minn dan il-finanzjament 37 % għandu jappoġġa l-azzjoni klimatika u 20 % lit-tranżizzjoni diġitali. L-sfida ewlenija se tkun biex jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi jikkontribwixxu għall-koeżjoni b’mod ikkoordinat.

Il-Forum dwar il-Koeżjoni tal-2022 se jniedi dibattitu fost il-partijiet ikkonċernati dwar it-tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-kriżi reċenti, u riflessjonijiet dwar l-isfidi tal-futur għall-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiżgura li l-ebda territorju ma jitħalla barra.

(1)    Il-Kapitoli msemmija f’din il-Komunikazzjoni huma dawk tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.
(2)    Reġjuni inqas żviluppati għandhom livell ta’ PDG ta’ inqas minn 75 % mill-medja tal-UE, reġjuni fi tranżizzjoni għandhom bejn 75 % u 100 %, u reġjuni aktar żviluppati għandhom aktar minn 100 %.
(3)    Reġjun jitqies bl-iżvilupp imrażżan jekk it-tkabbir tiegħu jkun naqas u jkun aktar baxx mit-tkabbir tal-UE u/jew dak nazzjonali. Il-Mappa 2 turi r-reġjuni li kienu l-aktar jew ta’ spiss bl-iżvilupp imrażżan bejn l-2000 u l-2019. Ir-reġjuni bil-griż, fil-biċċa l-kbira tagħhom ma kellhomx żvilupp imrażżan.
(4)      Ara d-dimensjoni reġjonali tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali https://ec.europa.eu/eurostat/web/european-pillar-of-social-rights/indicators/data-by-region  
(5)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) – C(2021) 1372, 4.3.2021.
(6)    L-indiċi huwa bbażat fuq stħarriġ reġjonali li jkejjel il-kwalità tal-pulizija lokali, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u l-korruzzjoni, in-nepotiżmu u d-diskriminazzjoni fl-għoti ta’ dawn is-servizzi.
(7)   https://ec.europa.eu/info/strategy/strategic-planning/strategic-foresight/2021-strategic-foresight-report_en  
(8)    Inkluż l-għan li ta’ kull sena mill-inqas 60% tal-adulti jsegwu taħriġ. https://www.2021portugal.eu/media/icfksbgy/porto-social-commitment.pdf  
(9)    COM(2021) 345 final, 30.6.2021.