EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0355

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/355 tas-26 ta’ Frar 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) f’ emulsjonijiet likwidi taż-żejt veġetali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/1173

OJ L 67, 5.3.2020, p. 28–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/355/oj

5.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/28


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/355

tas-26 ta’ Frar 2020

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) f’ emulsjonijiet likwidi taż-żejt veġetali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) huwa addittiv tal-ikel diġà awtorizzat fil-kategorija tal-ikel 02.2.2 “Emulsjonijiet oħra tax-xaħam inklużi pejsts kif definiti mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u emulsjonijiet likwidi” (f’livell massimu ta’ 4 000 mg/kg), iżda awtorizzat biss għal xaħmijiet li jiddellku kif definiti fl-Artikolu 115 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3) u l-Anness XV tiegħu, li għandhom kontenut ta’ xaħam ta’ 41 % jew inqas u prodotti simili li jiddellku b’kontenut ta’ xaħam inqas minn 10 %. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Fis-27 ta’ Mejju 2017, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) bħala emulsjonant fiż-żejt veġetali likwidu li jinbiegħ lill-konsumatur finali, li jkollu kontenut ta’ xaħam ta’ 70 % jew inqas. Imbagħad, il-Kummissjoni qiegħdet l-applikazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

Il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) huwa emulsjonant taż-żejt fl-ilma li jista’ jifforma emulsjonijiet taż-żejt stabbli ħafna b’kontenut għoli ta’ ilma. Fi studji mwettqa mill-applikant li jqabblu l-effettività ta’ emulsjonanti differenti għall-produzzjoni tal-emulsjonijiet likwidi taż-żejt veġetali b’kontenut imnaqqas ta’ xaħam, il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) ta l-aħjar riżultati kemm f’termini tal-proprjetajiet fiżiċi kif ukoll ta’ dawk organolettiċi tal-prodott miksub. L-emulsjoni tista’ tintuża bl-istess mod bħaż-żjut veġetali għat-tħejjija ta’ platti kesħin u sħan. Madankollu, l-emulsjoni għandha kontenut ta’ xaħam aktar baxx (70 % jew inqas), u għalhekk kontenut kaloriku aktar baxx miż-żejt veġetali użat għall-produzzjoni tagħha. Il-livell tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) meħtieġ biex tinkiseb il-funzjoni teknoloġika intiża kien ta’ 4 000 mg/kg.

(6)

Fl-24 ta’ Marzu 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ressqet opinjoni xjentifika dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) (5) u stabbiliet doża aċċettabbli ta’ kuljum (acceptable daily intake, ADI) ta’ 25 mg ta’ poliriċinoleat tal-poligliċerol/kg ta’ piż tal-ġisem/jum. Meta wieħed iqis li l-istimi tal-esponiment ma qabżux l-ADI, l-Awtorità kkonkludiet li l-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) bħala addittiv tal-ikel mhuwiex ta’ tħassib għas-sikurezza jekk jintuża bl-użu u fil-livell tal-użu permessi u rrappurtati.

(7)

Fl-applikazzjoni l-applikant stima l-esponiment bl-użu tal-Mudell ta’ Konsum tal-Addittivi tal-Ikel (6) żviluppat mill-Awtorità. L-istimi pprovduti jindikaw li l-użu addizzjonali tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) fil-livell massimu ta’ 4 000 mg/kg f’emulsjonijiet likwidi ta’ żejt veġetali b’kontenut ta’ xaħam ta’ 70 % jew inqas, mhuwiex ta’ tħassib għas-sikurezza, peress li dan ma jirriżultax f’esponiment totali għal din is-sustanza li taqbeż l-ADI stabbilita.

(8)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni mhux mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(9)

Peress li l-użu estiż tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) fil-kategorija tal-ikel 02.2.2 mhuwiex ta’ tħassib għas-sikurezza, dan jirrikjedi aġġornament tal-lista tal-Unjoni, li mhux mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem u għalhekk mhuwiex meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(10)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) bħala emulsjonant likwidu taż-żejt veġetali għall-bejgħ lill-konsumatur finali, b’kontenut ta’ xaħam ta’ 70 % jew inqas, fil-kategorija tal-ikel 02.2.2 “Emulsjonijiet oħra tax-xaħam u ż-żejt inklużi pejsts kif definiti mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u emulsjonijiet likwidi”.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(5)  EFSA Journal 2017;15(3):4743.

(6)  https://www.efsa.europa.eu/en/applications/foodingredients/tools


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 02.2.2 “Emulsjonijiet oħra tax-xaħam u ż-żejt inklużi pejsts kif definiti mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u emulsjonijiet likwidi”, l-entrata tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

 

“E 476

Poliriċinoleat tal-poligliċerol

4 000

 

xaħam li jiddellek biss kif definit fl-Artikoli 75(1)(h) u 78(1)(f) u fil-Parti VII u l-Appendiċi II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 (*1), b’kontenut ta’ xaħam ta’ 41 % jew inqas u prodotti simili li jiddellku b’kontenut ta’ xaħam inqas minn 10 %; emulsjonijiet likwidi ta’ żejt veġetali għall-bejgħ lill-konsumatur finali, b’kontenut ta’ xaħam ta’ 70 % jew inqas



Top