Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0917

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/917 tal-4 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi, miżuri u rekwiżiti oħrajn meħtieġa għas-sistema ta' interkonnessjoni tar-reġistri ta' insolvenza skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2019/3983

OJ L 146, 5.6.2019, p. 100–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/917/oj

5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/100


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/917

tal-4 ta' Ġunju 2019

li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi, miżuri u rekwiżiti oħrajn meħtieġa għas-sistema ta' interkonnessjoni tar-reġistri ta' insolvenza skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(2)(a) sa (f) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi stabbilita s-sistema ta' interkonnessjoni tar-reġistri ta' insolvenza, huwa meħtieġ li jiġu definiti u adottati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u r-rekwiżiti l-oħrajn li jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tas-sistema.

(2)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u r-rekwiżiti l-oħra previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Proċedimenti ta' Insolvenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u r-rekwiżiti l-oħrajn li jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tas-sistema ta' interkonnessjoni tar-reġistri ta' insolvenza msemmija fl-Artikolu 25(2)(a) sa (f) tar-Regolament (UE) 2015/848 għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness.

Ir-reġistri tal-insolvenza għandhom ikunu interkonnessi skont dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, miżuri u rekwiżiti oħrajn sat-30 ta' Ġunju 2021.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 141 5.6.2015, p. 19.


ANNESS

LI JISTABBILIXXI L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI U L-PROĊEDURI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

1.   Suġġett

Is-sistema ta' Interkonnessjoni tar-Reġistri ta' Insolvenza (IRI) hija sistema deċentralizzata li tgħaqqad ir-reġistri nazzjonali u l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. IRI sservi bħala servizz ta' tiftix ċentrali li jagħti aċċess għall-informazzjoni obbligatorja kollha dwar l-insolvenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2015/848 flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni jew dokumenti oħra inklużi fir-reġistri nazzjonali.

2.   Definizzjonijiet

(a)

“HyperText Transport Protocol Secure” jew “HTTPS” tfisser komunikazzjoni kriptata u kanali ta' konnessjoni sikuri;

(b)

“Rekord ta' insolvenza” tfisser is-sett ta' informazzjoni dwar proċedimenti ta' insolvenza ta' debitur wieħed imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/848 li jrid jiġi ppubblikat fir-reġistri ta' insolvenza elettroniċi nazzjonali u disponibbli mill-punt ta' aċċess elettroniku pubbliku ċentrali (il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika), kif stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2015/848;

(c)

“Terminal RI ta' SM” tfisser is-sors tal-informazzjoni ta' rekord ta' insolvenza; jaġixxi bħala sid din l-informazzjoni, terminal RI ta' SM jiġi kkonsultat mill-Portal tal-Ġustizzja Elettronika u jipprovdi d-data mitluba;

(d)

“Numru ta' Reġistrazzjoni Nazzjonali” tfisser in-numru tar-reġistru li l-entità ġuridika hija rreġistrata bih fir-Reġistru Kummerċjali jew reġistru paragunabbli jew in-Numru ta' Identifikazzjoni Personali jew ekwivalenti għall-individwi.

(e)

“Nonripudju tal-oriġini” tfisser il-miżuri li jipprovdu l-prova tal-integrità u l-prova tal-oriġini tad-data permezz ta' metodi bħalma huma ċ-ċertifikazzjoni diġitali, l-infrastruttura tal-kjavi pubblika u l-firem diġitali;

(f)

“Nonripudju tal-wasla” tfisser il-miżuri li jipprovdu l-prova tal-wasla tad-data għand ir-riċevitur intiż tad-data lill-oriġinatur permezz ta' metodi bħalma huma ċ-ċertifikazzjoni diġitali, l-infrastruttura tal-kjavi pubblika u l-firem diġitali;

(g)

“Pjattaforma” tfisser il-parti tas-sistema ta' tiftix ċentrali tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika;

(h)

“Reġistri” tfisser ir-reġistri tal-insolvenza kif stabbilit fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/848;

(i)

“Protokoll ta' Aċċess għal Oġġett Sempliċi” tfisser, f'konformità mal-istandards tal-Konsorzju tal-World Wide Web, speċifikazzjoni ta' protokoll ta' messaġġi għall-iskambju ta' informazzjoni strutturata fl-implimentazzjoni ta' servizzi tal-web f'netwerks tal-kompjuter;

(j)

“Servizz web” tfisser sistema ta' softwer iddiżinjata biex tkun tiflaħ interazzjoni interoperabbli bejn magna u oħra fuq netwerk; għandha interfaċċa deskritta f'format li jista' jiġi pproċessat minn magna.

3.   Metodi ta' komunikazzjoni

3.1.   IRI għandha tuża metodi ta' komunikazzjoni elettroniċi bbażati fuq is-servizzi, bħal servizzi web jew Infrastrutturi ta' Servizzi Diġitali riutilizzabbli oħrajn, għall-fini ta' interkonnessjoni tar-reġistri.

3.2.   Il-komunikazzjoni bejn il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika u l-pjattaforma, u bejn it-terminal RI ta' SM u l-pjattaforma, għandha tkun komunikazzjoni ta' wieħed ma' wieħed. Il-komunikazzjoni mill-pjattaforma għar-reġistri tista' tkun komunikazzjoni ta' wieħed ma' wieħed jew ta' wieħed ma' ħafna.

4.   Protokolli ta' komunikazzjoni

4.1.   Protokolli tal-Internet sikuri, bħal HTTPS, għandhom jintużaw għall-komunikazzjoni bejn il-portal, il-pjattaforma, ir-reġistri u l-punti ta' aċċess fakultattivi.

4.2.   Protokolli ta' komunikazzjoni standard, bħall-Protokoll ta' Aċċess ta' Oġġett Uniku għandhom jintużaw għat-trażmissjoni ta' data strutturata u ta' metadata.

5.   Standards ta' sigurtà

Għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni permezz tal-IRI, il-miżuri tekniċi għall-iżgurar tal-istandards minimi tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni għandhom jinkludu:

(a)

miżuri għall-iżgurar tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, inkluż billi jintużaw kanali sikuri (HTTPS);

(b)

miżuri għall-iżgurar tal-integrità tad-data waqt li tkun qed tiġi skambjata;

(c)

miżuri għall-iżgurar ta' nonripudju tal-oriġini tal-mittent tal-informazzjoni fi ħdan l-IRI u n-nonripudju tal-wasla tal-informazzjoni;

(d)

miżuri għall-iżgurar ta' lloggjar ta' avvenimenti ta' sigurtà f'konformità ma' rakkomandazzjonijiet internazzjonali għal standards tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(e)

miżuri għall-iżgurar tal-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' kull utent irreġistrat u miżuri għall-verifika tal-identità tas-sistemi konnessi mal-portal, mal-pjattaforma jew mar-reġistri fl-IRI;

(f)

miżuri li jipproteġu kontra tiftixiet awtomatizzati, bħall-użu tal-modulu tal-captcha, u l-ikkopjar ta' reġistri, bħal-limitazzjoni tar-riżultati rritornati minn kull reġistru għal numru massimu.

6.    Data li trid tiġi skambjata bejn ir-reġistri u l-IRI

6.1.   Is-sett komuni ta' informazzjoni bl-istess struttura u tipi għar-reġistri kollha fl-Istati Membri huwa magħruf bħala “rekord ta' insolvenza bażi”

Kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jestendi r-rekord ta' insolvenza bażi b'informazzjoni speċifika. Id-data mir-rekord ta' insolvenza għandha tiġi mmudellata abbażi tal-ispeċifikazzjoni tal-interfaċċa stabbilita.

6.2.   L-iskambju ta' informazzjoni għandha tinkludi wkoll messaġġi meħtieġa għall-konferma tal-wasla, għall-illoggjar u għar-rappurtar.

7.   Struttura tal-format ta' messaġġ standard

L-iskambju ta' informazzjoni bejn ir-reġistri, il-pjattaforma u l-portal għandu jkun ibbażat fuq metodi standard ta' strutturar tad-data u jiġi espress f'format ta' messaġġ standard bħal XML.

8.    Data għall-pjattaforma

8.1.   Ir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà jitolbu li s-servizzi li jkunu esposti minn kull Reġistru jkunu unifikati u jippreżentaw l-istess interfaċċa sabiex l-applikazzjoni li tagħmel is-sejħa, bħall-portal tal-Ġustizzja Elettronika, ikollha tinteraġixxi ma' tip wieħed biss ta' interfaċċa li tesponi sett komuni ta' elementi tad-data. Dan l-approċċ jirrikjedi li l-Istati Membri jallinjaw l-istruttura tad-data interna tagħhom biex jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċa pprovduti mill-Kummissjoni.

8.2.   Biex il-pjattaforma tkun tista' twettaq il-funzjonijiet tagħha għandhom jiġu pprovduti t-tipi ta' data li ġejjin:

(a)

data li tippermetti l-identifikazzjoni ta' sistemi konnessi mal-pjattaforma; dik id-data tista' tikkonsisti minn URLs li jidentifikaw kull sistema fi ħdan IRI;

(b)

kull data operattiva oħra meħtieġa għall-pjattaforma biex tiżgura l-funzjonament xieraq u effikaċi tas-servizz ta' tiftix u l-interoperabbiltà tar-reġistri; dik id-data tista' tinkludi listi ta' kodiċijiet, data ta' referenza, glossarji u traduzzjonijiet relatati ta' dik il-metadata, kif ukoll data ta' lloggjar u rappurtar.

8.3.   Id-data u l-metadata ġestiti mill-pjattaforma għandhom jiġu pproċessati u maħżuna f'konformità mal-istandards tas-sigurtà deskritti fit-Taqsima 5 ta' dan l-Anness.

9.   Metodi ta' operazzjoni tas-sistema u s-servizzi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni pprovduti mill-pjattaforma

9.1.   Għad-distribuzzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, is-sistema għandha tkun ibbażata fuq il-metodu tekniku ta' operazzjoni li ġej:

(a)

għat-twassil ta' messaġġi fil-verżjoni tal-lingwa rilevanti, il-pjattaforma għandha tipprovdi artifatti ta' data ta' referenza, bħal-listi ta' kodiċijiet, vokabularji kkontrollati u glossarji;

(b)

meta jkun rilevanti, it-termini mill-vokabularji u l-glossarji għandhom jiġu tradotti lejn il-lingwi uffiċjali tal-UE; meta jkun possibbli, għandhom jintużaw standards rikonoxxuti u messaġġi standardizzati.

9.2.   Il-Kummissjoni se taqsam aktar dettalji dwar il-metodu tekniku ta' operazzjoni u l-implimentazzjoni tas-servizzi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni pprovduti mill-pjattaforma mal-Istati Membri.

10.   Kriterji tat-Tiftix

10.1.   Irid jintgħażel tal-inqas pajjiż wieħed meta ssir tiftixa permezz tal-IRI.

10.2.   Il-Portal għandu jipprovdi l-kriterji armonizzati li ġejjin għat-tiftixa:

(a)

l-isem,

(b)

in-Numru tar-Reġistrazzjoni nazzjonali

Dawn iż-żewġ kriterji jistgħu jintużaw alternattivament u addizzjonalment.

10.3.   Fuq il-Portal jistgħu jkunu disponibbli kriterji ta' tiftix ulterjuri.

11.   Modalitajiet ta' ħlas

11.1.   Għad-dokumenti u d-dettalji li l-Istati Membri jitolbu ħlas għalihom u li huma disponibbli fuq il-Portal tal-Ġustizzja elettronika permezz tal-IRI, is-sistema għandha tippermetti lill-utenti jħallsu online bl-użu ta' modalitajiet ta' pagament użati komunement bħall-karti ta' kreditu u ta' debitu.

11.2.   Is-sistema tista' tipprovdi wkoll metodi alternattivi ta' ħlas online, bħal trasferimenti bankarji jew kartieri virtwali (depożitu).

12.   Id-disponibbiltà tas-servizzi

12.1.   Iż-żmien li fih jingħata servizz għandu jkun 24/7, b'rata ta' disponibbiltà tas-sistema ta' mill-inqas 98 % eskluża l-manutenzjoni skedata.

12.2.   L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet ta' manutenzjoni kif ġej:

(a)

ħamest ijiem ta' xogħol minn qabel għal operazzjonijiet ta' manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw perjodu ta' nuqqas ta' disponibbiltà ta' sa 4 sigħat;

(b)

10 ijiem ta' xogħol minn qabel għal operazzjonijiet ta' manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw perjodu ta' nuqqas ta' disponibbiltà ta' sa 12-il siegħa;

(c)

30 jum tax-xogħol bil-quddiem għal manutenzjoni tal-infrastruttura tal-kamra tal-kompjuters, li tista' tikkawża perjodu ta' nuqqas ta' disponibbiltà ta' sa sitt ijiem fis-sena.

Kemm ikun possibbli, operazzjonijiet ta' manutenzjoni għandhom ikunu ppjanati barra mill-ħinijiet tax-xogħol (19:00 — 8:00 CET).

12.3.   Meta l-Istati Membri jkollhom ħinijiet tas-servizz fissi għal kull ġimgħa, dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-ħin u l-ġurnata tal-ġimgħa meta jkunu ppjanati dawn il-ħinijiet tas-servizz. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi fil-punti (a) sa (c) tal-punt 12.2., jekk is-sistemi tal-Istati Membri ma jibqgħux disponibbli matul dawn il-ħinijiet fissi, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jinnotifikawx lill-Kummissjoni f'kull okkażjoni.

12.4.   F'każ ta' ħsara teknika mhux mistennija tas-sistemi tal-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bin-nuqqas ta' disponibbiltà tas-sistema tagħhom, u, jekk ikun magħruf, meta jaħsbu li se jitkompla s-servizz.

12.5.   F'każ ta' kwalunkwe bidla li tista' taffettwa l-konnessjoni mal-pjattaforma ċentrali, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni minn qabel, malli jkunu disponibbli biżżejjed dettalji tekniċi b'rabta mal-bidla.

12.6.   F'każ ta' ħsara mhux mistennija fil-pjattaforma ċentrali jew fil-portal, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri mingħajr dewmien bin-nuqqas ta' disponibbiltà tal-pjattaforma jew tal-portal, u jekk ikun magħruf, meta jaħsbu li se jitkompla s-servizz.

13.   Regoli ta' Traskrizzjoni u trażlitterazzjoni

L-implimentazzjoni ta' kull Stat Membru għandha tappoġġa l-istandards nazzjonali ta' traskrizzjoni, rumanizzazzjoni u trażlitterazzjoni fir-rigward tal-użu ta' karattri speċjali, l-input tat-tiftix u r-riżultati rritornati.


Top