Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0133

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/133 tat-28 ta' Jannar 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/640 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà

C/2019/339

OJ L 25, 29.1.2019, p. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/133/oj

29.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 25/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/133

tat-28 ta' Jannar 2019

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/640 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1)(h) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/640 (2) jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali ta' ajrunavigabbiltà għal inġenji tal-ajru, li d-disinn tagħhom diġà kien ġie ċċertifikat. Dawk ir-rekwiżiti addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà huma meħtieġa sabiex jappoġġaw it-titjib kontinwu fl-ajrunavigabbiltà u s-sikurezza. Dan għaliex meta speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni (“CS”) maħruġa mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-“Aġenzija”), skont l-Artikolu 76(3) tar-Regolament (UE) 2018/1139, jiġu aġġornati mill-Aġenzija sabiex jiġi żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni jibqgħu adattati għall-iskop, inġenju tal-ajru, li d-disinn tiegħu diġà kien ġie ċċertifikat, ma jeħtieġx jikkonforma mal-verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni meta jiġi prodott jew waqt li jkun fis-servizz.

(2)

Għalhekk sabiex jinżamm livell għoli ta' sikurezza fl-avjazzjoni u ta' rekwiżiti ambjentali fl-Ewropa jista' jkun meħtieġ li jingħata mandat rigward il-konformità ta' inġenji tal-ajru ma' rekwiżiti addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà li ma ngħatawx mandat mill-Aġenzija fiż-żmien taċ-ċertifikazzjoni tad-disinn, billi ma kinux inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni rilevanti f'dak iż-żmien. Din l-emenda tar-Regolament (UE) 2015/640 tikkonċerna tliet evoluzzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni.

(3)

L-ewwel nett, fl-1989, l-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni (JAA) introduċew standards ġodda tad-disinn għall-kundizzjonijiet dinamiċi tas-sits tal-ekwipaġġ tal-kabina u tal-passiġġieri ta' ajruplani kbar, li joffru protezzjoni aħjar tal-okkupanti. Dawk l-istandards kellhom fil-mira tagħhom il-mitigazzjoni tar-riskju ta' feriment jew ta' mewt f'każ ta' nżul ta' emerġenza. Dawn ġew trasposti fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni tal-Aġenzija għall-ajruplani kbar (CS-25), iżda japplikaw biss għal ajruplani kbar li għalihom iċ-ċertifikazzjoni tad-disinn ġiet applikata wara l-1989. Billi ċerti ajruplani kbar jistgħu ma jikkonformawx ma' dawk l-istandards, jenħtieġ għalhekk li jiġu introdotti speċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà. Wara kunsiderazzjoni xierqa tan-natura u tar-riskji ta' operazzjonijiet b'ajruplani kbar filwaqt li jinżamm livell uniformi għoli ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, huwa meqjus proporzjonat u kosteffiċjenti li dawk l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà jiġu introdotti biss għal ajruplani kbar li għadhom kemm ġew prodotti fuq il-bażi ta' disinn li diġà ġie ċċertifikat mill-Aġenzija. Jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà ma japplikawx għas-sits tal-ekwipaġġ tat-titjira u għas-sits f'ajruplani ta' okkupanza limitata involuti f'operazzjonijiet on-demand tat-trasport kummerċjali bl-ajru mhux skedat għaliex dan ma jitqiesx proporzjonat jew kosteffiċjenti.

(4)

It-tieni, fl-2009, l-Aġenzija introduċiet standards ġodda ta' fjammabbiltà għal materjali termali jew ta' iżolament akustiku għat-titjib ta' ċerti karatteristiċi tal-materjali iżolanti installati fil-fuselage biex jirreżistu t-tixrid tal-fjamma u l-penetrazzjoni tal-fjamma fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni għal ajruplani kbar (CS-25 Emenda 6). Dawk l-istandards ġodda ta' fjammabbiltà japplikaw biss għal ajruplani kbar li għalihom iċ-ċertifikazzjoni tad-disinn ġiet applikata wara l-2009. Meta wieħed iqis li ċerti ajruplani kbar jistgħu ma jikkonformawx ma' dawk l-istandards, jenħtieġ li jiġu introdotti speċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà. Wara kunsiderazzjoni xierqa tan-natura u tar-riskji ta' operazzjonijiet b'ajruplani kbar filwaqt li jinżamm livell uniformi għoli ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, huwa meqjus proporzjonat u kosteffiċjenti li jiġu introdotti l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà li jindirizzaw ir-riskju tat-tixrid tal-fjamma waqt titjira għal ajruplani kbar li għadhom kemm ġew prodotti fuq il-bażi ta' disinn li diġà ġie ċċertifikat mill-Aġenzija. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għandhom japplikaw ukoll għal ajruplani kbar li huma fis-servizz meta jiġu sostitwiti materjali termali jew ta' iżolament akustiku. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jiġu introdotti l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà li jindirizzaw ir-riskju ta' penetrazzjoni tal-fjamma wara inċident għal ajruplani kbar b'kapaċità tal-passiġġieri ta' 20 sit jew aktar u li japplikaw biss għal ajruplani li għadhom kemm ġew prodotti fuq il-bażi ta' disinn li diġà ġie ċċertifikat mill-Aġenzija.

(5)

It-tielet, sabiex jitnaqqas gradwalment l-impatt ambjentali tal-alonu użat f'tagħmir għat-tifi tan-nar, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) ħarġet standards ġodda billi emendat l-Anness 6 tal-ICAO applikabbli mill-15 ta' Diċembru 2011. Sabiex jikkonformaw ma' dawk l-istandards, jenħtieġ li jiġu introdotti speċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għal ajruplani kbar u għal ajruplani kbar u ħelikopters kbar li għadhom kemm ġew prodotti u li d-disinn tagħhom diġà ġie ċċertifikat mill-Aġenzija fuq il-bażi ta' speċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni li ppermettew l-użu tal-alonu bħala aġent adattat.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/640 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjonijiet maħruġa mill-Aġenzija skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2015/640 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

“ajruplan kbir” tfisser ajruplan li jkollu l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni għal ajruplani kbar ‘CS-25’ jew ekwivalenti fil-bażi taċ-ċertifikazzjoni tiegħu;”;

(b)

jiżdiedu l-punti (c) u (d) li ġejjin:

“(c)

“ħelikopter kbir” tfisser ħelikopter li jkollu l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni għal rotorcraft kbar “CS-29” jew ekwivalenti fil-bażi taċ-ċertifikazzjoni tiegħu;

(d)

“ajruplan ta” okkupanza limitata' tfisser ajruplan li fih il-konfigurazzjoni massima operattiva ta' sits tal-passiġġieri ta':

(1)

sa u inkluż 19-il sit, jew;

(2)

sa u inkluż terz tal-kapaċità massima ta' sits tal-passiġġieri tal-ajruplan iċċertifikat tat-tip, kif indikat fl-iskeda informattiva (TCDS), tal-ajruplan iċċertifikat tat-tip, diment li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għadd totali ta' sits tal-passiġġieri approvati għall-okkupanza matul it-taxiing, it-tlugħ jew l-inżul ma taqbiżx 100 għal kull kabina;

(b)

il-konfigurazzjoni massima operattiva ta' sits tal-passiġġieri matul it-taxiing, it-tlugħ jew l-inżul fi kwalunkwe żona individwali bejn pari tal-ħruġ ta' emerġenza (jew kwalunkwe żona li ma jwasslu mkien), ma taqbix iktar minn terz tas-somma tas-sits tal-passiġġieri allokati għall-pari tal-ħruġ ta' emerġenza f'dik iż-żona (bl-użu tal-għadd tas-sits tal-passiġġieri allokati għal kull par ta' ħruġ ta' emerġenza kif definit mill-bażi taċ-ċertifikazzjoni applikabbli tal-ajruplan). Għall-fini li tiġi ddeterminata l-konformità ma' din il-limitazzjoni żonali, fil-każ ta' ajruplan li diżattiva l-ħruġ tal-emerġenza, wieħed għandu jassumi li kull ħruġ ta' emerġenza huwa funzjonali.”.

(2)

l-Anness I (il-Parti-26) huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/640 tat-23 ta' April 2015 dwar l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għal tip partikolari ta' operazzjonijiet u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 18).


ANNESS

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(1)

il-werrej huwa sostitwit b'dan li ġej:

“WERREJ

SUBPARTI A — DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

26.10 L-awtorità kompetenti

26.20 It-tagħmir temporanjament mhux operattiv

26.30 It-turija ta' konformità

SUBPARTI B — AJRUPLANI KBAR

26.50 Is-sits, il-kuċċetti, iċ-ċintorini tas-sikurezza, u ċ-ċineg

26.60 L-inżul ta' emerġenza — kundizzjonijiet dinamiċi

26.100 Il-postijiet tal-ћruġ tal-emerġenza

26.105 L-aċċess għall-ћruġ tal-emerġenza

26.110 Is-sinjali tal-ћruġ tal-emerġenza

26.120 It-tidwil interjuri tal-emerġenza u t-tħaddim tad-dwal tal-emerġenza

26.150 L-arredamenti interni tal-kompartiment

26.155 Il-fjammabbiltà tal-arredamenti tal-istiva tal-merkanzija

26.156 Il-materjali termali jew ta' iżolament akustiku

26.160 Il-protezzjoni kontra n-nar fit-tojlits

26.170 L-estinturi tan-nar

26.200 Il-ħoss ta' twissija fit-tagħmir tal-inżul

26.250 Is-sistemi tat-tħaddim tal-bibien tal-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira — inkapaċità singola

SUBPARTI C — ĦELIKOPTERS KBAR

26.400 L-estinturi tan-nar”;

(2)

jiddaħħal il-punt 26.60 kif ġej:

26.60 L-inżul ta' emerġenza — kundizzjonijiet dinamiċi

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru tal-passiġġieri, bit-tip ċertifikat fl-1 ta' Jannar 1958 jew wara, u li għalihom inħareġ l-ewwel iċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18 ta' Frar 2021 għandhom juru għal kull tip ta' disinn ta' sit approvat għall-okkupanza waqt it-taxiing, it-tlugħ jew l-inżul li l-okkupant huwa protett meta jkun espost għal tagħbijiet li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ta' nżul. Il-prova għandha ssir permezz ta' wieħed minn dawn il-mezzi li ġejjin:

(a)

testijiet dinamiċi li tlestew b'suċċess;

(b)

analiżi razzjonali li tipprovdi sikurezza ekwivalenti, ibbażata fuq testijiet dinamiċi ta' tip ta' disinn simili ta' sits.

L-obbligu stabbilit fl-ewwel paragrafu ma għandux japplika għas-sits li ġejjin:

(a)

sits tal-ekwipaġġ tal-kabina tal-ajruplan,

(b)

sits f'ajruplani ta' okkupanza limitata involuti biss f'operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru on demand u mhux skedati.”;

(3)

jiddaħħal il-punt 26.156 kif ġej:

26.156 Il-materjali termali jew ta' iżolament akustiku

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru, bit-tip ċertifikat wara l-1 ta' Jannar 1958, għandhom jiżguraw li:

(a)

għall-ajruplani li għalihom inħareġ l-ewwel iċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà qabel t-18ta' Frar 2021, meta jiġu installati materjali termali jew ta' iżolament akustiku ġodda bħala sostituti fi jew wara t-18ta' Frar 2021, dawk il-materjali ġodda għandhom karatteristiċi ta' reżistenza għat-tixrid tal-fjamma li jimpedixxu jew inaqqsu r-riskju tat-tidrid tal-fjamma fl-ajruplan;

(b)

għall-ajruplani li għalihom inħareġ l-ewwel iċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Frar 2021, il-materjali termali u ta' iżolament akustiku għandhom karatteristiċi ta' reżistenza għat-tixrid tal-fjamma li jimpedixxu jew inaqqsu r-riskju tat-tixrid tal-fjamma fl-ajruplan;

(c)

għall-ajruplani li għalihom inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Frar 2021 u b'kapaċità ta' 20 passiġġier jew aktar, ta' materjali termali u ta' iżolament akustiku (inkluż il-mezz ta' rbit tal-materjali mal-fuselage) installati fin-nofs t'isfel tal-ajruplan għandhom karatteristiċi ta' reżistenza għall-penetrazzjoni tal-fjamma li jimpedixxu jew inaqqsu r-riskju ta' penetrazzjoni tal-fjamma fl-ajruplan wara aċċident u li jiżguraw kundizzjonijiet ta' sopravivenza fil-kabina għal żmien meħtieġ biex l-ajruplan jiġi evakwat.”;

(4)

jiddaħħal il-punt 26.170 kif ġej:

26.170 L-estinturi tan-nar

L-operaturi ta' ajruplani kbar għandhom jiżguraw li l-estinturi li ġejjin ma jużawx l-alonu bħala aġent li jitfi n-nar:

(a)

estinturi tan-nar inkorporati għal kull reċipjent tal-iskart tat-tojlets għal xugamani, karta jew skart f'ajruplani kbar li għalihom ikun inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Frar 2020;

(b)

estinturi tan-nar li jistgħu jinġarru f'ajruplani kbar li għalihom ikun inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Mejju 2019.”;

(5)

tiżdied is-Subparti C kif ġej:

SUBPARTI C — ĦELIKOPTERS KBAR

26.400 L-estinturi tan-nar

L-operaturi ta' ajruplani kbar għandhom jiżguraw li l-estinturi li ġejjin ma jużawx l-alonu bħala aġent li jitfi n-nar:

(a)

estintutri tan-nar inkorporati għal kull reċipjent tal-iskart tal-lavatorji għal xugamani, karta jew skart f'ajruplani kbar li għalihom ikun inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Frar 2020;

(b)

estinturi tan-nar li jistgħu jinġarru f'ajruplani kbar li għalihom ikun inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Mejju 2019.”


Top