Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1733

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1733 tal-14 ta' Novembru 2018 li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-modifika tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, min-naħa l-oħra

C/2018/7447

OJ L 288, 16.11.2018, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1733/oj

16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1733

tal-14 ta' Novembru 2018

li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-modifika tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, min-naħa l-oħra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE tal-31 ta' Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (2), (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) ġie applikat proviżorjament mal-Perù mill-1 ta' Marzu 2013 (3) u mal-Kolombja mill-1 ta' Awwissu 2013 (4). L-Ekwador aderixxa għall-Ftehim permezz ta' Protokoll ta' Adeżjoni (5), li huwa applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2017.

(2)

L-Artikolu 209 tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim wara li tkun tlestiet il-proċedura ta' oġġezzjoni u wara li jkunu ġew eżaminati l-indikazzjonijiet ġeografiċi kif stabbiliti fl-Artikolu 208 tiegħu.

(3)

Il-Kolombja ressqet quddiem l-Unjoni talba biex jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta' oġġezzjoni u għall-eżami ta' disa' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja.

(4)

L-Artikolu 257(2) tal-Ftehim jipprevedi li s-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, stabbilit mill-Partijiet skont l-Artikolu 257(1) tal-Ftehim, għandu r-responsabblità li jivvaluta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 209 tal-Ftehim u li jipproponi lill-Kumitat għall-Kummerċ, stabbiliti mill-Partijiet skont l-Artikolu 12(1) tal-Ftehim, il-modifika tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim.

(5)

Fil-5 ta' Ottubru 2018, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali vvaluta l-informazzjoni b'rabta mad-disa' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja u ppropona lill-Kumitat għall-Kummerċ biex jimmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont dan.

(6)

L-Artikolu 13(1)(d) tal-Ftehim jistipula li l-Kumitat tal-Kummerċ huwa responsabbli mill-evalwazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fil-Ftehim dwar kwalunkwe suġġett li jiġi riferut lilu mill-korpi speċjalizzati stabbiliti skont il-Ftehim.

(7)

Skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 12(4) kwalunkwe deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Parti tal-UE u l-pajjiż Andin firmatarju kkonċernat u għandu jkollha effett biss bejn dawk il-Partijiet. Il-kwistjoni taqa' taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(4) peress li tikkonċerna esklużivament ir-relazzjoni bilaterali bejn il-Parti UE u l-Kolombja, u ġiet diskussa f'sessjoni bilaterali tas-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim jiġi modifikat u l-modifiki jenħtieġ li jiġu approvati f'isem l-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-modifiki tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, min-naħa l-oħra, stabbilita fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, huma b'dan approvati f'isem l-Unjoni Ewropea.

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, hija mniżżla fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ huwa awtorizzat biex japprova d-deċiżjoni ta' dak il-Kumitat f'isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Wara li tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 21.12.2012, p. 1.

(2)  Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3).

(3)  Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Perù, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 56, 28.2.2013, p. 1).

(4)  Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 7).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 tal-11 ta' Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 1).


ANNESS

DEĊIŻJONI Nru […]/2018 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ

ta' […] 2018

li timmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-11 ta' Frar 2014, il-Kolombja ressaq quddiem l-Unjoni talba biex jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont l-Artikolu 209 tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta' oġġezzjoni u għall-eżami ta' disa' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja.

(2)

Fil-5 ta' Ottubru 2018, skont l-Artikolu 257(2) tal-Ftehim, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, f'sessjoni bejn il-Parti UE u l-Kolombja, ivvaluta l-informazzjoni b'rabta mad-disa' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja u ppropona lill-Kumitat għall-Kummerċ biex jimmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont dan.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim jiġi modifikat.

(4)

Id-deċiżjoni biex jiġi modifikat l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim tista' tiġi adottata f'sessjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ bejn Il-Parti tal-Unjoni u l-Kolombja, skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim Kummerċjali, billi tirrigwarda esklużivament ir-relazzjoni bilaterali ta' bejniethom u ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi ta' Pajjiż Andin firmatarju ieħor,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fit-tabella taħt il-punt (a) “Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Kolombja għal prodotti agrikoli u tal-ikel, inbejjed, spirti u nbejjed aromatizzati” fl-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim, jiżdiedu l-entrati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, magħmula f'żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentanti tal-Kumitat għall-Kummerċ li huma awtorizzati jaġixxu f'isem il-Partijiet għall-finijiet tal-modifika tal-Ftehim. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data meta ssir l-aħħar waħda minn dawn il-firem.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi

Għall-Kumitat għall-Kummerċ

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Kolombja


ANNESS

Café de Nariño

Kafè

Café de Cauca

Kafè

Café del Huila

Kafè

Bizcocho de Achira del Huila

Ħobż, għaġina, kejkijiet, prodotti tal-ħelu, gallettini u prodotti oħrajn tal-furnara

Queso Paipa

Ġobon

Queso del Caquetá

Ġobon

Clavel de Colombia

Fjuri u pjanti ornamentali

Rosa de Colombia

Fjuri u pjanti ornamentali

Crisantemo de Colombia

Fjuri u pjanti ornamentali


Top