Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1728

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1728 tat-13 ta' Lulju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 515/2014 fir-rigward tal-allokazzjoni ta' finanzjament addizzjonali mill-baġit tal-UE għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Dħul u Ħruġ

C/2018/4362

OJ L 288, 16.11.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1728/oj

16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1728

tat-13 ta' Lulju 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 515/2014 fir-rigward tal-allokazzjoni ta' finanzjament addizzjonali mill-baġit tal-UE għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Dħul u Ħruġ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (1) u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15 tiegħu.

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 jalloka EUR 791 miljun għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IT li jappoġġaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni, suġġett għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta att delegat li jistabbilixxi l-qsim tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IT, fil-każ li l-qsim ta' tali ammont ma jsirx fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni rilevanti.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES). L-EES hija komponent ċentrali tas-sistemi tal-IT imsemmija fil-premessi (1) u (2). Barra minn hekk, huwa kruċjali li l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 tibda mingħajr aktar dewmien, b'tali mod li s-sistema tkun operattiva għalkollox sal-2020, kif ippjanat.

(4)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2017/2226 jispeċifika l-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-implimentazzjoni tal-EES li jkunu jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni b'mod li jiġu koperti dawn l-ispejjeż b'rata ta' 100 %. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tiddetermina la d-daqs ta' finanzjament addizzjonali li se jkun iddedikat biex ikopri dawk l-ispejjeż, u lanqas l-qsim tiegħu skont it-tip ta' spejjeż u l-benefiċjarji.

(5)

Mill-pakkett finanzjarju previst fl-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, jenħtieġ li l-allokazzjoni globali ta' EUR 480 241 000 tkun disponibbli biex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(6)

Minn dik l-allokazzjoni globali, jenħtieġ li ammont ta' EUR 287 863 000 ikun disponibbli lill-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja (“eu-LISA”) sabiex, f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/2226, jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-istabbiliment u l-operat tas-Sistema Ċentrali tal-EES, tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni, tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi (NUI), tas-servizz web u tar-repożitorju tad-data msemmija fl-Artikolu 63(2) ta' Regolament (UE) 2017/2226, kif previst fl-Artikolu 64(1) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Minn dik l-allokazzjoni kumplessiva, jenħtieġ li ammont ta' EUR 192 378 000 jkun disponibbli għall-Istati Membri biex ikopri l-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-integrazzjoni tal-infrastruttura nazzjonali eżistenti tal-fruntiera u l-konnessjoni tagħha mal-NUI, kif ukoll b'rabta mal-ospitar tal-NUI, kif previst fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Barra minn dan, jenħtieġ li dak l-ammont ikopri l-ispejjeż tal-istabbiliment u l-operat tal-NUI msemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 peress li dawn l-ispejjeż huma sostnuti kemm minn eu-LISA u kif ukoll l-Istati Membri.

(8)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-ammont ta' EUR 192 378 000 ma jistax jintuża' biex jappoġġa l-ispejjeż elenkati f'dak is-subparagrafu. Madankollu dawn l-ispejjeż ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-programmi nazzjonali tal-Fond għas-Sigurtà Interna stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 515/2014 bir-rata ta' kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 16(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

(9)

Billi r-Regolament (UE) 2017/2226 jibni fuq l-acquis ta' Schengen, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ddeċidiet li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka, hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali.

(10)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u ma huwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix indirizzat lir-Renju Unit.

(11)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda mhijiex qiegħda tipparteċipa fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); L-Irlanda għalhekk mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix indirizzata lill-Irlanda.

(12)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen skont il-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis (5) ta' Schengen li jaqa' fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, Punti A u B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(13)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (7) ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, Punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat b'mod konġunt mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(14)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (9) ta' Schengen li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, Punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat konġuntement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(15)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni espressa minn esperti mill-Istati Membri kollha kkonsultati speċifikament għal dak il-għan.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 jenħtieġ għalhekk li jkun supplimentat kif ġej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Ammont totali ta' EUR 480 241 000 għandu jiġi allokat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 skont l-Artikolu 64 ta' dak ir-Regolament.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jittieħed mill-ammont ta' EUR 791 000 000 allokat għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT imsemmijin fl-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

Artikolu 2

L-ammont imsemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkun dan li ġej:

(a)

EUR 287 863 000 għandhom jiġu allokati lill-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja stabbilità bir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 biex ikopru l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(b)

EUR 192 378 000 għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri biex ikopru l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 kif ukoll l-ispejjeż li jsiru b'konnessjoni mat-twaqqif u t-tħaddim tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Skont l-Artikolu 64(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni għall-ispejjeż imġarrba għandha tammonta għal 100 % tan-nefqa totali eliġibbli. Tali kontribuzzjoni għanda tiġi allokata f'partijiet indaqs għall-Istati Membri.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


Top