Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2017C0094

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 94/17/COL tal-31 ta' Mejju 2017 li tagħlaq l-investigazzjoni formali dwar ir-regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti taħt l-iskema dwar il-kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali 2014–2020 (In-Norveġja) [2018/595]

OJ L 99, 19.4.2018, p. 18–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/595/oj

19.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/18


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 94/17/COL

tal-31 ta' Mejju 2017

li tagħlaq l-investigazzjoni formali dwar ir-regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti taħt l-iskema dwar il-kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali 2014–2020 (In-Norveġja) [2018/595]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

Wara li kkunsidrat:

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u partikolarment l-Artikolu 61 u 62,

il-Protokoll 26 tal-Ftehim taż-ŻEE,

il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), b'mod partikolari l-Artikolu 24,

il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (“il-Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) tal-Parti II,

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   Il-Proċedura

(1)

L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw l-iskema dwar il-kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali 2014–2020 skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 permezz ta' ittra fit-13 ta' Marzu 2014 (1). Abbażi ta' dik in-notifika u l-informazzjoni ppreżentata sussegwentement (2), l-Awtorità approvat l-iskema ta' għajnuna notifikata permezz tad-Deċiżjoni Nru 225/14/COL tat-18 ta' Ġunju 2014.

(2)

Permezz tas-sentenza tagħha tat-23 ta' Settembru 2015 fil-Kawża E-23/14 Kimek Offshore AS v l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA  (3) il-Qorti tal-EFTA annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Awtorità.

(3)

Permezz ta' ittra datata l-15 ta' Ottubru 2015 (4), l-Awtorità talbet informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Norveġiżi. B'ittra li ġġib id-data tas-6 ta' Novembru 2015 (5), l-awtoritajiet Norveġiżi rrispondew.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 489/15/COL tad-9 ta' Diċembru 2015, l-Awtorità fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali. B'ittra li ġġib id-data tat-13 ta' Jannar 2016 (6), l-awtoritajiet Norveġiżi rrispondew għad-deċiżjoni tal-Awtorità.

(5)

Fit-30 ta' Ġunju 2016, id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' miegħu (7). L-Awtorità rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati, Kimek Offshore AS (b'ittra li ġġib id-data tat-12 ta' Mejju 2016 (8)) u NHO Finnmark (b'ittra li ġġib id-data tal-4 ta' Lulju 2016 (9)) sat-30 ta' Lulju 2016, li hija d-data ta' meta kien jiskadi l-perjodu ta' preżentazzjoni ta' kummenti, Permezz ta' ittra bid-data t-2 ta' Awwissu 2016 (10), l-Awtorità ressqet dawn il-kummenti lill-awtoritajiet Norveġiżi li ngħataw l-opprotunità li jwieġbu. Permezz ta' ittra li ġġib id-data tal-5 ta' Settembru 2016 (11), l-awtoritajiet Norveġiżi rrispondew.

2.   L-ambitu tal-investigazzjoni formali

(6)

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-EFTA annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Awtorità li tapprova l-iskema ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali diferenzjati bir-reġjun għall-2014–2020. L-iskema ta' għajnuna bħala tali ma kinitx suġġetta għal skrutinju mill-ġdid tal-Awtorità matul l-investigazzjoni formali. L-investigazzjoni kienet limitata għal dik il-parti tal-iskema (regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti) li għaliha kienet annullata l-approvazzjoni tal-Awtorità.

(7)

Madankollu, peress li r-regola għal servizzi ambulanti hija eżenzjoni mir-regoli stabbiliti fl-iskema ta' kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali, għall-fini ta' kumpletezza, l-Awtorità tqis li jkun illustrattiv li tagħti ħarsa kumplessiva lejn l-objettiv u l-bażi ġuridika tal-iskema ta' għajnuna bħala tali, qabel ma tippreżenta r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tan-negozji fin-Norveġja u r-regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti nnifisha.

3.   Ħarsa kumplessiva lejn l-iskema

3.1.   Objettiv

(8)

L-objettiv tal-iskema ta' kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali huwa dak li jitnaqqas jew ikun hemm prevenzjoni tad-depopolazzjoni fir-reġjuni l-anqas abitati fin-Norveġja, billi jistimulaw l-impjiegi. Sabiex dan l-objettiv jintħalaq, l-iskema ta' għajnuna operattiva tnaqqas il-kosti tal-impjieg billi tnaqqas ir-rati ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f'ċerti żoni ġeografiċi. Bħala regola ewlenija, l-intensitajiet tal-għajnuna jvarjaw skont iż-żona ġeografika li fiha l-unità kummerċjali tkun reġistrata. Ir-regoli tar-reġistrazzjoni huma spjegati f'aktar dettal aktar 'l isfel.

3.2.   Il-bażi ġuridika nazzjonali

(9)

Il-bażi ġuridika nazzjonali għall-iskema hija t-Taqsima 23-2 tal-Att tal-Assigurazzjoni Nazzjonali (12). Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-obbligu ġenerali ta' min jimpjega li jħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurta soċjali kkalkulati abbażi tas-salarju gross imħallas lill-impjegat. Skont il-paragrafu 12 ta' dik it-taqsima, il-Parlament Norveġiż jista' jadotta rati reġjonali differenzjati, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għal impriżi fi ħdan ċerti setturi. Għalhekk, huwa l-Att tal-Assigurazzjoni Nazzjonali, flimkien mad-deċiżjonijiet annwali tal-Parlament Norveġiż li jifforma l-bażi ġuridika tal-iskema (13).

3.3.   Ir-regoli ta' reġistrazzjoni

(10)

L-eliġibbiltà għal għajnuna taħt l-iskema tiddependi fuq jekk negozju jkunx reġistrat fiż-żona eliġibbli. Ir-regola ewlenija tal-iskema hija li l-intensitajiet tal-għajnuna jvarjaw skont iż-żona ġeografika li fiha n-negozju jkun reġistrat.

(11)

Il-liġi Norveġiża tirrekjedi li l-impriżi jirreġistraw subunitajiet għal kull attivita ta' negozju separata li ssir (14). F'każ li impriża twettaq tipi differenti ta' attivitajiet ta' negozju, iridu jiġu reġistrati subunitajiet separati. Barra minn hekk, iridu jkunu reġistrati unitajiet separati jekk l-attivitajiet huma mwettqa f'postijiet ġeografiċi differenti.

(12)

Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, il-kriterju ta' “attività ta' negozju separata” jkun issodisfat meta tal-anqas impjegat wieħed jagħmel xogħol għall-unità ewlenija f'żona separata, u l-impriża tkun tista' tiċievi żjarat hemm. Kull subunità tifforma l-bażi tagħha stess għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet differenzjati ta' sigurtà soċjali, skont il-post fejn tkun reġistrata. B'dan il-mod, impriża li tkun reġistrata barra ż-żona eliġibbli għall-għajnuna, tkun eliġibbli għall-għajnuna jekk, u sakemm, l-attivitajiet ekonomiċi tagħha jitwettqu fi ħdan subunità li tkun lokalizzata fi ħdan żona eliġibbli.

3.4.   Servizzi ambulanti — il-miżura taħt skrutinju

(13)

Bħala eżenzjoni mir-regola ewlenija dwar ir-reġistrazzjoni, l-iskema tapplika wkoll għal impriżi reġistrati barra miż-żona eliġibbli li jirreklutaw ħaddiema fiż-żona eliġibbli jew li l-impjegati tagħhom ikunu reklutati f'attivitajiet mobbli fi ħdan iż-żona eliġibbli. Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, ix-xogħol li jiġi pprovdut f'dawn is-sitwazzjonijiet jissejjaħ “servizzi ambulanti”. Din hija r-regola ta' eżenzjoni taħt skrutinju fid-Deċiżjoni inkwistjoni. Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, ir-regola ssir referenza għaliha bħala “ir-regola ta' eżenzjoni”. Il-bażi ġuridika nazzjonali għar-regola ta' eżenzjoni hija pprovduta mit-Taqsima 1(4) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Norveġiż Nru 1482 tal-5 ta' Diċembru 2013 dwar id-determinazzjoni tar-rati ta' taxxa, eċċ. skont l-Att ta' Assigurazzjoni Nazzjonali tal-2014.

(14)

L-eżenzjoni tapplika biss meta l-impjegati jqattgħu nofs jum jew aktar ta' xogħol tagħhom f'żona eliġibbli. Barra minn hekk, din ir-rata mnaqqsa hija applikabbli biss għall-parti tax-xogħol imwettaq hemmhekk. Bħala regola prinċipali, il-perjodu ta' reġistrazzjoni tat-taxxa huwa ta' xahar wieħed tal-kalendarju. Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiġu kkalkolati abbażi tar-rata applikabbli fiż-żona fejn jitqies li min jimpjega jwettaq l-attività ta' negozju.

(15)

Dan ifisser li jekk, pereżempju, impjegati ta' entità reġistrata f'Oslo (Oslo tinsab fiż-Żona 1, żona mhux eliġibbli, fejn ir-rata hija għalhekk dik standard ta' 14,1 %) jagħmlu 60 % tal-ħidma tagħhom, għal xahar wieħed tal-kalendarju f'Vardø (li tinsab fiż-Żona 5, fejn ir-rata applikabbli hija ta' 0 %) u l-bqija f'Oslo, l-impriża tkun eliġibbli għar-rata żero fuq is-salarju li għandu jitħallas għax-xogħol li jkun sar f'Vardø, iżda mhux għax-xogħol li jkun sar f'Oslo.

4.   Is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA

(16)

Il-Qorti tal-EFTA annullat id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL sa dak li punt li fih tagħlaq l-investigazzjoni preliminari f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżura ta' għajnuna fit-Taqsima 1(4) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Norveġiż Nru 1482 tal-5 ta' Diċembru 2013 dwar id-determinazzjoni tar-rati ta' taxxa, eċċ, skont l-Att tal-Assigurazzjoni Nazzjoni tal-2014.

(17)

Il-Qorti tal-EFTA waslet għall-konklużjoni (15) li l-Awtorità ma kinitx evalwat iċ-ċirkostanzi u l-konsegwenzi tagħhom għar-rigward tal-kompatibbiltà tar-regola stabbilita fit-Taqsima 1(4) mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(3) taż-ŻEE, speċjalment fejn jidħol l-impatt tar-regola ta' eżenzjoni fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-kumpatibbiltà tagħha mal-paragrafu 16 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna Reġjonali mill-Istat għal-2014–2020 (“RAG”) (16). Tali evalwazzjoni speċifika kienet, skont il-Qorti, essenzjali għall-evalwazzjoni mill-Awtorità tal-iskema notifikata.

(18)

It-Taqsima 1(4) hija fformulata b'tali mod li tirrifletti r-regola ta' eżenzjoni (li hija s-suġġett tad-deċiżjoni preżenti), b'miżura korrispondenti ta' antiċirkumvenzjoni mfassla sabiex ma tħallix lill-impriżi jippreżentaw talbiet għall-għajnuna taħt l-iskema sempliċment billi jirreġistraw in-negozju tagħhom fi ħdan żona ta' rata anqas ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, imbagħad imorru jwettqu attivitajiet ambulanti jew inkella jirreklutaw ħaddiema biex jaħdmu f'żona ta' rata ogħla. Il-miżura ta' antiċirkumvenzjoni mhix suġġetta għall-proċedura preżenti (17).

5.   Il-kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-Deċiżjoni Nru 489/15/COL

(19)

Bħala tweġiba għall-ftuħ mill-Awtorità tal-investigazzjoni (18), l-awtoritajiet Norveġiżi kkjarifikaw il-pożizzjoni tagħhom li r-rata applikabbli skont is-sistema tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sa minn qabel l-2007, kienet ibbażata fuq fejn min jimpjega ikun jitqies li jwettaq l-attivita ta' negozju tiegħu. Din ir-regola hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li huma biss impriżi li jwettqu attività ekonomika fiż-żona eliġibbli li għandhom jirċievu għajnuna, u biss sa dak il-punt li jkunu qegħdin iwettqu servizzi ekonomiċi fiż-żona. Ir-reġistrazzjoni mhix il-kwistjoni deċiżiva.

(20)

L-għajnuna mogħtija abbażi tal-iskema dwar il-kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali tammonta għal madwar NOK 6.85 biljun kull sena (19). Abbażi ta' data miġbura fl-ewwel tmien xhur tal-2015, l-awtoritajiet Norveġizi ppreżentaw l-effetti stmati tar-regola ta' eżenzjoni għaż-żoni differenti għall-2015 kollha kemm hi. Għal deskrizzjoni taż-żoni 1, 2, 3, 4 u 4a ara d-Deċiżjoni Nru 225/14/COL, fil-paragrafu 25. Iż-Żona 1 tkopri żoni ċentrali fin-Norveġja, kif ukoll it-territorji kollha barra min-Norveġja. L-attivitajiet li jitwettqu fiż-żona 1 mhumiex eliġibbli għal għajnuna taħt l-iskema. L-attivitajiet li jitwettqu fiż-żona 1a ukoll mhumiex eliġibbli għal għajnuna taħt l-iskema. Fiż-żona 1a, madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi stabbilew sistema fejn ir-rata ta' kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali hija mnaqqsa. Dan it-tnaqqis jingħata bħala għajnuna de minimis. Miżuri li jkunu konformi mal-kundizzjonijiet tar-Regolament de minimis  (20) ma jikkostitwux għajnuna fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE.

Tabella

Stima għas-sena 2015 tal-għajnuna mogħtija lil impriżi reġistrati fiż-żoni deżinjati mill-iskema ta' għajnuna minħabba l-applikazzjoni tar-regola ta' eżenzjoni

Żona

NOK miljuni

1

240

1a

38

2

9

3

1

4

1

4 a

10

Total

300

(21)

L-awtoritajiet Norverġiżi spjegaw li ċ-ċifri jistgħu jvarjaw b'mod sostanzjali skont in-natura tas-servizzi ambulanti. Il-proġett kbar ta' kostruzzjoni tipikament ikunu jiddependu fuq servizzi ambulanti u għalhekk iżidu l-uzu ta' attivitajiet ambulanti. Barra minn dan, l-impriżi li jwettqu attivitajiet sostanzjali fiż-żoni eliġibbli jistgħu jirriorganizzaw l-attivitajiet tagħhom billi jistabbilixxu subunitajiet fiż-żona relevanti. Dan ikun jaffettwa wkoll l-effett stmat tar-regola ta' eżenzjoni. Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Norveġiżi jirrelevaw l-effetti pożittivi indiretti fuq l-impjiegi f'setturi oħra fiż-żoni eliġibblili li jiġu minn żieda fl-attivitajiet fis-settur tal-kostruzzjoni.

(22)

Ir-regola ta' eżenzjoni tagħti lill-impriżi fiż-żoni eliġibbli aċċess għal xogħol b'kost anqas. Mingħajrha, l-impriżi fiż-żona eliġibbli jkollhom jitħabtu aktar biex jiġbdu lejhom ħaddiema speċjalizzati. Barra minn dan, il-ħaddiema speċjalizzati li jiġu permezz ta' servizzi ambulanti jikkontribwixxu għal zieda fl-għarfien u fil-ħiliet għal impriżi lokali. Dan l-għarfien u dawn il-ħiliet jistgħu jibqgħu fid-ditti anki wara li l-ħaddiem ambulanti jkun ħalla l-impriża, biex b'hekk dan iħalli effett permanenti fuq il-ħaddiema u fuq l-impriżi lokali.

(23)

Bir-regola ta' eżenzjoni, l-operaturi ekonomiċi attivi fiż-żona eliġibbli jitqiegħdu kollha fuq l-istess livell. L-impriżi lokali jistgħu jiksbu l-benefiċċji mill-kompetizzjoni f'termini ta' prezzijiet orħos ta' servizzi ambulanti.

(24)

L-impjegati li jkunu jinsabu fuq bażi temporanja fiż-żoni eliġibbli jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ekonomija lokali meta jixtru prodotti u servizzi. Meta s-servizzi ambulanti jkunu marbuta ma' proġett temporanju, dan jimmanifesta ruħu bħala effett temporanju. Meta l-użu ta' servizzi ambulanti f'reġjuni ikun sostnut, l-effett ikun għat-tul.

(25)

Impriżi reġistrati f'żoni ċentrali u li jwettqu servizzi ambulanti f'żoni eliġibbli jistgħu jirreklutaw ħaddiema lokalment. Anki jekk dawn l-impjiegi jkunu min-natura tagħhom temporanju, dawn ikunu ta' kontribut għal żieda fil-pagi fiż-żoni eliġibbli, u dan jistimula l-attività ekonomika. L-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-argument li r-regola ta' eżenzjoni tnaqqas il-kosti lavorattivi u tagħti lill-ħaddiema vantaġġ fuq il-kapital fejn jistgħu jiġu sostituti. Dan huwa ta' kontribut għal żieda fl-impjiegi.

6.   Kummenti tal-partijiet interessati

6.1.   Kimek Offshore AS

(26)

Kimek Offshore AS (“Kimek”) hija kumpanija tas-servizzi fl-industrija taż-żejt u tal-gass. Hija parti mill-grupp Kimek. Kimek tinsab f'Kirkenes, fil-Kontea ta' Finnmark, li hija żona b'rata ta' żero fejn tidħol it-taxxa tas-sigurtà soċjali.

(27)

Barra milli kkummentat fuq id-deċiżjoni tal-Awtorità li tiftaħ investigazzjoni formali, Kimek ipprovdiet il-kummenti tagħha għall-kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi li huma miġbura fil-qosor hawn fuq.

(28)

Kimek hija tal-fehma li l-awtoritajiet Norveġiżi fil-biċċa l-kbira ma ppreżentawx dokumentazzjoni adwegwata fejn jidħol dan li ġej: li r-regola ta' eżenzjoni hija ta' kontribut għall-objettiv iddefinit b'mod ċar ta' interess komuni, li hemm il-ħtieġa ta' intervent mill-istat, li r-regola hija xierqa, li għandha effett ta' inċentiv, li hija proporzjonata, u li l-effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati taż-ŻEE se jiġu evitati.

(29)

Il-kompetituri ta' Kimek huma fil-biċċa l-kbira lokalizzati fiż-żoni eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Kimek toġġezzjona għar-regola ta' eżenzjoni peress li din tippermetti lill-impriżi lokalizzati barra miż-żoni eliġibbli li jibbenefikaw mill-iskema ta' għajnuna meta huma jwettqu attivitajiet fi ħdan iż-żoni eliġibbli. Kimek ressqet l-argument li dawk l-impriżi ma jaffaċċjawx l-istss sfidi bħal dawk lokalizzati fi ħdan iż-żoni eliġibbli. Hija tiddikajra li r-regola ta' eżenzjoni mhix xierqa biex tikkumbatti t-tnaqqis fil-popolazzjoni u viex issaħħaħ ix-xejriet ta' residenza fiż-żoni eliġibbli. Għall-kuntrarju, ir-regola ta' eżenzjoni tagħmel il-ħsara lill-impriżi li jkunu jinsabu fiż-żoni eliġibbli.

(30)

Kimek ma taqbilx mal-idea tal-awtoritajiet Norveġiżi li r-regola ta' eżenzjoni tagħti lill-impriżi lokali aċċess, b'kosti anqas, għal ħaddiema speċjalizzati li altrimenti ma jkunux disponibbli. Kimek ressqet l-agument li ma ngħatatx prova ta' dan mill-awtoritajiet Norveġiżi, u lanqas ma tressqu provi xierqa.

(31)

Kimek ressqet l-argument li jeżisti r-riskju li r-regola ta' eżenzjoni se twassal biex l-aqwa elementi fost il-ħaddiema fiż-żoni eliġibbli jitilqu, peress li bħala individwi ma jkunux jistgħu isibu impjiegi lokalment.

(32)

Kimek tinnota li l-awtoritajiet Norveġiżi ma ressqux biżżejjed dokumentazzjoni li tipprova li l-impriżi li ma humiex irreġistrati lokalment jimpjegaw ħaddiema li jgħixu fiż-żona eliġibbli.

(33)

Barra minn dan, Kimek ressqet l-argument li ħaddiema ambulanti offshore ma jikkontribwux għall-ekonomija lokali b'mod sostanzjali. Huma jgħixu fuq ir-rig, iqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu tagħhom fuq ir-rig, u dejjem jieklu fuqu.

(34)

Għar-rigward tal-argument ippreżentat mill-awtoritajiet Norveġiżi li l-għarfien u l-ħiliet tal-ħaddiema ambulanti jibqgħu għand in-negozji lokali, Kimek ma tarax kif dan jista' jwassal għat-tnaqqis jew il-prevenzjoni tad-depopolazzjoni.

(35)

Kimek ippreżentat l-argument li l-awtoritajiet Norveġiżi ma ppreżentawx dokumentazzjoni biżżejjed li tipprova li ir-regola ta' eżenzjoni żżid il-kompetizzjoni. F'dan is-sens, Kimek tirreferi b'mod partikolari għal-liġi tax-xogħol tan-Norveġja li tippermetti li ħaddiema ta' kumpaniji li jibagħtu ħaddiema ambulanti jaħdmu xiftijiet ta' 12-il siegħa, filwaqt li impriżi bbażati lokalment huma limitati għal ġurnata ta' xogħol ta' tmien sighat. Dan huwa żvantaġġ sostanzjali għal impriżi bbażati lokalment.

6.2.   NHO Finnmark

(36)

NHO Finnmark hija l-uffiċċju reġjonali tal-Konfederazzjoni Norveġiża tal-Impriża Norveġiża. Hija tagħti s-sostenn tagħha għall-kummenti ta' Kimek, kif miġbura fil-qosor hawn isfel.

(37)

NHO Finnmark hija tal-fehma li l-għajnuna reġjonali għandha tingħata biss lil impriżi li jkunu lokalizzati f'żoni eliġibbli għall-għajnujna reġjonali. Impriżi rreġistrati barra miż-żoni eliġibbli ma jaffaċċjawx l-istess sfidi bħal impriżi stabbiliti fiż-żona eliġibbli. Ir-regola ta' eżenzjoni mhix xierqa biex tikkumbatti t-tnaqqis fil-popolazzjoni u ssaħħa ix-xejriet ta' residenza. Għall-kuntrarju, NHO Finnmark tiddikjara li r-regola ta' eżenzjoni tagħmel il-ħsara lill-impriżi li jkunu lokalizzati fiż-żoni eliġibbli.

(38)

Bħal Kimek, NHO Finnmark tisħaq li l-liġi tax-xogħol tan-Norveġja tagħti vantaġġ partikolari lil impriżi li ma jkunux reġistarti fiż-żona eliġibbli. NHO Finnmark tqis li l-ħaddiema ambulanti ma jikkontribwux għall-ekonomija lokali bl-istess mod bħall-ħaddiema li jirriżjedu f'dik iż-żona.

7.   Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar il-kummenti magħmula mill-partijiet interessati

(39)

Bi tweġiba għall-kummenti mill-partijiet interessati, l-awtoritajiet Norveġizi jinnutaw li hija r-regola ta' eżenzjoni, u mhux l-iskema ta' għajnuna bħala tali, li hija s-suġġett tal-investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Norveġiżi jispjegaw li r-regola ta' eżenzjoni hija manifestazzjoni tal-prinċipju ġenerali li l-għajnuna reġjonali għandha tingħata lill-attivitajiet ekonomiċi li attwalment jitwettqu fiż-żoni ġeografiċi koperti mill-iskema.

(40)

L-awtoritajiet Norveġiżi jisħqu li la l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE u lanqas ir-RAG ma jirrekjedu li l-benefiċjarji tal-għajnuna reġjonali jiġu reġistrati fiż-żona eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. L-awtoritajiet Norveġiżi jaqblu ma' Kimek li l-isfidi li jkollhom quddiemhom l-impriżi formalment reġistrati fiż-żoni eliġibbli jista' ma jkunux l-istess bħal dawk iffaċċjati minn kumpaniji formalment reġistrati barra minnhom, iżda li jwettqu servizzi ambulanti fi ħdan iż-żona eliġibbli. Madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi ma jaqblux mal-allegazzjoni ta' Kimek li l-impriżi rreġistrati barra miż-żona eliġibbli ma jaffaċċjawx l-istess sfidi meta jagħmlu xogħol fiż-żona eliġibbli. Il-kumpaniji jaffaċċjaw l-istess kundizzjonijiet ta' klima, l-istess distanza mis-sottokuntratturi. Barra minn dan, l-impriżi li jibagħtu ħaddiema ambulanti jaffaċċjaw spejjeż ulterjuri għat-trasport u l-akkomodazzjoni tal-persunal. L-awtoritajiet Norveġiżi jinnutaw li l-argumenti ta' Kimek huma meħuda mis-settur taż-żejt, il-parti tal-ekonomija li fija topera l-kumpanija. Huma ressqu l-argument li l-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna trid issir fuq livell aktar ġenerali, f'kunsiderazzjoni tal-ostakoli speċifiċi jew permamenti li jaffaċċjaw l-impriżi fi ħdan is-setturi relevanti kollha.

(41)

L-awtoritajiet Norveġiżi jissostanzjaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar id-diffikultà li għandhom l-impriżi li jirreklutaw ħaddiema tas-sengħa fit-tliet kontej l-aktar lejn it-Tramuntana billi jirreferu għal rapport minn NAV Finnmark (21), l-Amministrazzjoni Norveġiża tax-Xoghol u l-Benefiċċji Soċjali fil-Kontea ta' Finnmark. Fil-kontej ta' Nordland u ta' Troms, 14 fil-mija tal-impriżi koperti mir-rapport iffaċċjaw problemi fir-reklutaġġ ta' ħaddiema minħabba nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati. Fil-Kontea ta' Finnmark iċ-ċifra korrispondenti kienet ta' 11 fil-mija.

(42)

L-awtoritajiet Norveġiżi jisħqu li l-impriżi rreġistrati fi ħdan iż-żoni eliġibbli jistgħu jużaw ir-rata ta' kontribuzzjoni orħos tas-sigurtà soċjali għall-kosti kollha tagħhom marbuta mal-impjiegi (sakemm ma jwettqux servizzi ambulanti barra ż-żona eliġbbli), filwaqt li l-impriżi rreġistrati f'żona oħra li jwettqu servizzi ambulanti jistgħu jużaw ir-rata mnaqqsa biss jekk l-impjegat iqatta' nofs jew aktar tal-ġranet tax-xogħol tiegħu fiż-żona eliġibbli, u biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-pagi mħallsa għax-xogħol li attwalment isir hemmhekk.

(43)

Sabiex jiġu sostanzjati l-effetti indirett tal-għajnuna reġjonali, l-awtoritajiet Norveġiżi pprovdew referenzi għal żewġ studji dwar l-effetti tal-attivitajiet taż-żejt fit-Tramuntana tan-Norveġja (22). Skont l-ewwel studju tal-proġett taż-żejt ta' Snøhvit f'Finnmark, l-effett dirett fuq l-impjiegi kien ta' 230 snin xogħol ta' ħaddiem wieħed, filwaqt li l-effett indirett kien ta' 170 sena ulterjuri. L-awtoritajiet Norveġiżi jinnutaw li dawn huma l-effetti tal-proġett bħala tali u mhux riżultat dirett ta' xi miżura speċifika. It-tieni studju juri li l-effett indirett maġġuri mis-settur taż-żejt iseħħ fis-settur ittikkettjat bħala “servizzi privati”, li jikkomprendi: Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, il-forniment ta' persunal, il-kiri ta' makkinarju u tagħmir ta' trasport, servizzi legali u ta' kontabbiltà, attivitajiet arkitettoniċi, servizzi ta' lukandi u ta' ristoranti, drenaġġ u maniġġjar tal-iskart.

(44)

L-awtoritajiet Norveġiżi qajmu dubju dwar kemm hi relevanti l-leġiżlazzjoni tax-xogħol Norveġiża fl-evalwazzjoni tar-regola ta' eżenzjoni. F'kull każ, huma jinnutaw li l-bażi ġuridika għal devjazzjoni mil-limitazzjoni tat-tmien sigħat, li ssir referenza għaliha mill-ilmentatur, hija miftuħa għal kull impriża, tkun fejn tkun il-lokazzjoni ġeografika tal-ħaddiema u ta' min jimpjegah, iżda kundizzjonata minn ftehim ta' tariffa.

II.   VALUTAZZJONI

1.   Il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat

(45)

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jaqra kif ġej: “Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'dan il-Ftehim, kull għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li twassal biex ixxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta' dan il-Ftehim.”

(46)

Dan jimplika li miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati kumulattivament: il-miżura (i) tingħata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat; (ii) tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lill-benefiċjarju; (Iii) ikun hemm il-possibbiltà li taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(47)

Fid-Deċiżjoni Nru 225/14/COL, l-Awtorità kkonkludiet li l-iskema dwar kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali 2014–2020 tikkostitwixxi skema ta' għajnuna. L-Awtorità tirreferi għar-raġjunament tagħha fil-paragrafi 68–74 ta' dik id-deċiżjoni. Ir-regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti hija parti mid-dispożizzjonijiet li hemm ipprovdut għalihom f'dik l-iskema ta' għajnuna. Hija żżid l-ambitu tal-iskema fis-sens li twessa' ċ-ċirku ta' benefiċjarji potenzjali lejn impriżi li ma humiex reġistrati fiż-żoni eliġibbli. Bħal fil-każ ta' għajnuna oħra mogħtija taħt l-iskema, bl-estensjoni tal-iskema lejn l-impriżi li jkunu rreġistrati 'l barra miż-żoni eliġibbli jiġri li r-riżorsi tal-istat ikunu qegħdin jikkonferixxu vantaġġi selettivi fuq impriżi. Dawn il-vantaġġi jista' jkun li jaffettwaw il-kummerċ u joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni.

2.   Rekwiżiti proċedurali

(48)

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3: “L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandha tkun mgħarrfa, fi żmien biżżejjed li jippermettilha tressaq il-kummenti tagħha, bi kwalunkwe pjanijiet għall-għoti jew tibdil fl-għajnuna. …. L-Istat konċernat m'għandux iqiegħed il-miżuri proposti tiegħu fis-seħħ qabel ma din il-proċedura tirriżulta f'deċiżjoni finali.”

(49)

L-awtoritajiet Norveġiżi implimentaw ir-regola ta' eżenzjoni mill-1 ta' Lulju 2014, wara li l-Awtorità approvatha permezz tad-Deċiżjoni Nru 225/14/COL. Bl-annullament tal-approvazzjoni tal-Awtorità tar-regola mill-Qorti tal-EFTA, l-għajnuna ma baqgħetx skont il-liġi. L-awtoritajiet Norveġiżi ssospendew ir-regola ta' eżenzjoni taħt skrutinju mill-1 ta' Jannar 2016, sakemm irid magħruf ir-riżultati tal-proċedura ta' investigazzjoni formali.

3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(50)

L-Awtorità trid tevalwa jekk ir-regola ta' eżenzjoni hix kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE abbażi tal-Artikolu 61(3)(c) konformi mar-RAG.

(51)

Ir-regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti tintitola lill-impriżi li ma jkunux reġistrati fiż-żona eliġibbli li jibbenefikaw minn spejjeż imnaqqsa ta' servizzi soċjali meta, u sa dak il-punt, li huma jwettqu attivitajiet ekonomiċi fiż-żona reġistrata. La l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE u lanqas ir-RAG (u lanqas ir-regoli ta' għajnuna reġjonali fil-GBER (23)) ma jirrekjedu li l-benefiċjarji ta' għajnuna reġjonali jkunu reġistrati fiż-żoni assistiti.

(52)

L-għajnuna reġjonali tista' tkun effettiva fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku ta' żoni żvantaġġati biss jekk tingħata sabiex tħajjar investiment jew attività ekonomika addizzjonali f'dawk iż-żoni (24) Ir-RAG jippermetti kemm għajnuna għall-investiment reġjonali kif ukoll għajnuna operattiva reġjonali. L-għajnuna ta' investiment reġjonali għandha twassal għal investimenti fiż-żoni koperti mill-mappa tal-għajnuna reġjonali Norveġiża, kif approvata mill-Awtorità. (25). Il-lenti li minnha tiġi eżaminata l-għajnuna reġjonali operattiva għandha ffukata ftit differenti. L-għajnuna operattiva reġjonali tista' taqa' biss taħt l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE jekk tiġi mogħtija sabiex jiġu affaċċjati ostakoli speċifiċi jew permanenti minn entitajiet li jwettqu attivitajiet ekonomiċi f'reġjuni żvantaġġati (26). F'dan il-kuntest fil-paragrafu 16 tar-RAG hemm dan li ġej: “Għajnuna operattiva tista' titqies kumpatibbli jekk ikollha l-għan (…) li ma jkunx hemm, jew li titnaqqas, id-depopolazzjoni f'żoni li jkollhom popolazzjoni żgħira ħafna” (Oriġinali bl-Ingliż biss).

(53)

M'hemm l-ebda dubju li l-ambitu ġeografiku tal-iskema bħala tali huwa ristrett għal reġjuni żvantaġġati. L-ambitu ta' din id-Deċiżjoni huwa limitat għar-regola ta' eżenzjoni. Il-kwistjoni hija dwar jekk dik ir-regola, li tħalli lill-impriżi rreġistrati barra r-reġjuni koperti mill-iskema jibbenefikaw minn għajnuna taħt l-iskema, sal-punt fejn huma jwettqu attivitajiet ekonomiċi fir-reġjuni żvantaġġati, hijiex kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(54)

L-Awtorità taqbel mal-awtoritajiet Norveġiżi li r-regola ma tistax tiġi evalwata indipendentement mill-iskema ta' kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà 2014–2020 li lilha tappartjeni. F'dan ir-rigward, l-Awtorità tirreferi għall-evalwazzjoni li kienet għamlet hi dwar dik l-iskema fid-Deċiżjoni Nru 225/14/COL, fejn hija kkonkludiet li l-iskema hija kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE abbażi tal-Artikolu 61(3)(c) tiegħu. F'dik id-deċiżjoni, l-Awtorità kkostatat li l-iskema bħala tali tikkontribwixxi għall-objettiv, iddefinit sew, tal-interess komuni (27), li teżisti l-ħtieġa għal intervent mill-istat (28), li hija xierqa (29), li għandha effett ta' inċentiv (30), li hija proporzjonata (31), u li huma evitati effetti negattivi mhux dovuti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati taż-ZEE (32). Dawn il-prinċipji ta' evalwazzjoni ġenerali japplikaw għal skemi ta' għajnuna bħala tali. L-Awtorità ma' tissuġġettax ir-regoli individwali li jiffurmaw parti minn xi skema għal evalwazzjoni separata abbażi ta' dawn il-prinċipji ġenerali ta' evalwazzjoni.

(55)

Il-fatt li l-Qorti tal-EFTA kkonkludiet li r-regola ta' eżenzjoni tista' tiġi mifruda mill-bqija tal-iskema (33), ma jfissirx li r-regola nnifisha għandha tiġi evalwata indipendentement mill-iskema. Il-kwistjoni tal-possibbiltà ta' din is-separazzjoni hija l-kwistjoni ta' jekk element fi skema hux tant intrinsikament marbut mal-iskema b'tali mod li ma jkunx loġikament possibbli li jiġi separat mill-iskema. Għalkemm ir-regola ta' eżenzjoni tista' tiġi loġikament separata mill-iskema tal-kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali 2014–2020 fis-sens li hija tista' tinħareġ 'il barra mill-iskema mingħajr ma jkun qiegħed jinċaħdilha element fundamentali neċessarju biex hija tkun tista' teżisti bħala skema, l-Awtorità hija obbligata li tagħmel analiżi tal-kumpatibbiltà tar-regola ta' eżenzjoni billi tieħu f'kunsiderazzjoni li hija tifforma parti minn skema ġenerali ta' għajnuna.

(56)

Din l-iskema ġenerali ta' għajnuna hija parti ċentrali mill-kuntest li fih topera r-regola ta' eżenzjoni. Tabilħaqq, ir-regola ta' eżenzjoni teżiti biss bħala eżenzjoni għar-regoli taħt l-iskema ġenerali (34). B'estensjoni, għalhekk, l-Awtorità trid ukoll tieħu f'kunsiderazzjoni li (ħlief għar-regola ta' eżenzjoni), din l-iskema ġenerali kienet iddikjarata b'mod validu bħala kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

(57)

L-awtoritajiet Norveġiżi pprovdew ħarsa kumplessiva tal-effetti finanzjarji tar-regola ta' eżenzjoni (ara l-paragrafu 20 u t-tabella hawn fuq).

(58)

Ir-regola ta' eżenzjoni, bħall-iskema li hija tagħmel parti minnha, għandha objettiv reġjonali. L-għan tagħha hu li tistimula l-opportunitajiet ta' impjieg fiż-żoni eliġibbli. L-istimolu għall-opportunitajiet ta' xogħol, madankollu, huwa sempliċement għodda sabiex jinkiseb l-objettiv tal-għajnuna, li hu dak li titnaqqas, jew li ma jkunx hemm, depopolazzjoni. Huwa essenzjali li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-effetti ekonomiċi usa' tal-miżura meta ssir evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna.

(59)

L-Awtorità hija tal-fehma li l-awtoritajiet Norveġiżi diġà wrew li hemm il-ħtieġa ta' intervent mill-Istat sabiex jitħajru attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni eliġibbli. Din il-ħtieġa tapplika b'mod indaqs għall-impriżi kollha li jwettqu attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni eliġibbli, sew jekk ikunu reġistrati hemm u sew jekk le. Barra minn hekk, is-sottomissjonijiet tal-awtoritajiet Norveġiżi taw prova biżżejjed li s-sussidjar ta' servizzi ambulanti jistimula l-attività ekonomika fiż-żoni eliġibbli. Dan huwa konformi mal-paragrafi 6 u 71 tar-RAG, li jirreferu għal għajnuna li tħajjar attività ekonomika. Kimek u NHO Finnmark huma tal-fehma li l-għajnuna għandha tkun limitata għal dawk il-kumpaniji li jkunu rreġistrati fiż-żoni eliġibbli. L-Awtorità, min-naħa l-oħra, hija tal-fehma li l-impriżi li jipprovdu s-servizzi ambulanti jaffaċċjaw l-istess sfidi (il-klima, id-distanza mis-sottokuntratturi), bħal dawk li jkollhom jaffaċċjaw impriżi reġistrati lokalment. F'dan ir-rigward, l-Awtorità tinnota li l-partijiet interessati, Kimek u NHO Finnmark, ma rriferewx għal xi sfidi speċifiċi li jagħmlu aktar diffiċli l-operat għall-impriżi rreġistrati lokalment, kuntrarju għall-impriżi li jipprovdu servizzi ambulanti meta jwettqu l-attivitajiet tagħhom fiż-żoni eliġibbli.

(60)

Min-naħa l-oħra, l-Awtorità hija tal-fehma li l-awtoritajiet Norveġiżi ma ppreżentawx dokumentazzjoni biżżejjed li turi li l-impriżi li jipprovdu servizzi ambulanti jirreklutaw ħaddiema lokalment u permanentement fiż-żoni eliġibbli. L-awtoritajiet Norveġiżi ma pprovdewx teoriji ekonomiċi jew kunsiderazzjonijiet ġenerali li jissostanzjaw id-dikjarazzjoni li l-ħaddiema jiġu reklutati b'mod permanenti. Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità tikkostata li l-awtoritajiet Norveġiżi ma urewx biċ-ċar li r-regola ta' eżenzjoni twassal għall-ħolqien ta' impjiegi permanenti fiż-żoni eliġibbli. Madankolllu, dan mhux rekwiżit assolut għall-kumpatibbiltà tal-għajnuna reġjonali (35). Kif ġie nnutat aktar 'l fuq, l-għajnuna reġjonali għandha tingħata sabiex titħajjar l-attività ekonomika. Dan japplika kemm jekk l-impriża li twettaq l-attività ekonomika tkunx reġistrata fiż-żona relevanti, u kemm jekk le.

(61)

Fejn jidħlu l-effetti aktar indiretti tar-regola ta' eżenzjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi jressqu l-argument li l-effetti indiretti ma jiġux biss fil-forma ta' aktar infieq fuq prodotti u servizzi mill-ħaddiema ambulanti, iżda wkoll fil-forma ta' għarfien u ħiliet trasferiti lil ditti lokali. L-iskema mhix imfassla għal xi settur speċifiku wieħed, iżda pjuttost tkopri il-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi Norveġiżi (36). Minħabba n-natura wiesgħa tal-iskema l-Awtorità taqbel mal-awtoritajiet Norveġiżi li għandha tittieħed veduta wiesgħa meta ssir l-evalwazzjoni tal-effetti indiretti tal-iskema. Madankollu, ikun utli li jiġu studjati s-setturi individwali sabiex jiġu eżaminati l-effetti attwali tar-regola ta' eżenzjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi pprovdew studji fi sforz biex jissostanzjaw l-argument li s-servizzi ambulanti jagħti lok għal effetti indiretti pożittivi fiż-żoni eliġibbli. Kif ġie osservat aktar 'l fuq, l-awtoritajiet Norveġiżi pprovdew referenzi għal żewġ studji fuq l-effetti tal-attivitajiet tal-industrijal taż-żejt fin-Norveġja ta' fuq. Skont l-ewwel studju tal-proġett taż-żejt ta' Snøhvit f'Finnmark, l-effett dirett fuq l-impjiegi kien l-ekwivalenti ta' 230 sena' xogħol ta' ħaddiem, filwaqt li l-effett indirett kienu ulterjorment 170 sena xogħol ta' ħaddiem. It-tieni studju juri li l-effett indirett kbir mis-settur taż-żejt iseħħ fis-settur imsejjaħ “servizzi privati”, li jikkomprendi: attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, il-forniment ta' persunal, il-kiri ta' makkinarju u tagħmir ta' trasport, servizzi legali u ta' kontabbiltà, attivitajiet arkitettoniċi, servizzi ta' lukandi u ta' ristoranti, drenaġġ u maniġġjar tal-iskart.

(62)

Hija l-fehma tal-Awtorità li dawk l-istudji juru li jeżistu effetti pożittivi indiretti konsiderevoli. Madankollu, peress li l-effetti indiretti ma jistgħux jiġu faċilment iżolati, iridu jingħata piż konsiderevoli għal kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-effetti ta' miżura bħal dik li qiegħda tiġi kkunsidrata. L-Awtorità hija konvinta li s-sussidjar ta' servizzi ambulanti jikkontrobwixxi għall-bejgħ ta' prodotti u servizzi lokali u b'hekk jikkontribwixxi għall-ekonomija lokali. Dan japplika b'mod partikolari għall-impjegati li jivvjaġġaw lejn iż-żona, speċjalment għal perjodu qasir jew medju, peress li dawn x'aktarx li jkunu joqogħdu f'lukandi, jieklu f'restoranti, eċċ. Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità hija konvinta li r-regola ta' eżenzjoni tipprovdi effetti indiretti pożittivi sostanzjali li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tad-depopolazzjoni f'żoni b'popolazzjoni baxxa ħafna.

(63)

Kimek ressqet l-argument li ħaddiema ambulanti offshore ma jikkontribwux għall-ekonomija lokali b'mod sostanzjali. Huma jgħixu fuq ir-rig, iqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu tagħhom fuq ir-rig, u dejjem jieklu fuqu. L-Awtorità tinnota li ċerti ħaddiema se jikkontribwixxu anqas lejn l-effetti indiretti tar-regola ta' eżenzjoni minħabba n-natura tas-sitwazzjoni tax-xogħol partikolari tagħhom. Madankollu, ir-regola ta' eżenzjoni mhix limitata għal ċertu settur, iżda pjuttost hija regola orizzontali li tapplika madwar is-setturi kollha.

(64)

Persuna li tipprovdi servizzi ambulanti li jkunu jirrekjedu ċertu livell ta' għarfiien u ħiliet tkun f'pożizzjoni li tittrasferixxi dak l-għarfien u dawk il-ħiliet lil impriżi lokali. L-Awtorità tinnota li Kimek ikkummentat li hija ma tarax kif l-għarfien u l-ħiliet li jiġu trasferiti mill-impjegati li jkunu qegħdin jipprovdu servizzi ambulanti lill-impriżi li jkunu lokalizzati fiż-żoni eliġibbli jistgħu jwaqqfu jew inaqqsu d-depopolazzjoni. Il-veduta tal-Awtorità hija li l-għarfien u l-ħiliet huma neċesarji għall-operat ta' ħafna attivitajiet ekonomiċi u għalhekk importanti sabiex jinżamm il-livell ta' mpjieg fiż-żoni eliġibbli. B'mod partikolari, l-impriżi lokali li jipparteċipaw fi proġetti komuni mal-impriżi li jkunu qegħdin jipprovdu servizzi amblanti (bħal ma huma proġetti kbar ta' kostruzzjoni) huma fil-pożizzjoni li jakkwistaw l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza fix-xogħol meħtieġ minn dan it-tip ta' proġetti. L-impriżi rreġistrati lokalment imbagħad ikunu jistgħu jżommu għandhom dawn il-benefiċċji. Barra minn dan, l-impriżi reġistrati lokalment jistgħu jibbenefikaw minn għarfien u ħiliet miksuba mir-reklutaġġ jew mill-ħidma ma' impriżi li jipprovdu servizzi ambulanti (bħal ma huma servizzi ta' konsulenza jew xi xogħol ieħor speċjalizzat), sal-punt li dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu jiġu klassifikati bħala “ambulanti” skont il-liġi Norveġiża. L-Awtorità taqbel mal-awtoritajiet Norveġiżi li t-trasferiment tal-għarfien u l-ħiliet lejn negozji rreġistrati lokalment mill-ħaddiema ambulanti jista' jkun fattur importanti fis-sostenn tal-impjiegi għal ħaddiema ta' sengħa fiż-żoni eliġibbli u b'hekk ikun ta' kontribut sostanzjali għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tad-depopolazzjoni f'dawk iż-żoni.

(65)

Barra mit-trasferimenti ta' għarfien u ħiliet, l-impriżi lokali jkun jista' jkollhom aċċess, b'kosti aktar baxxi, għal ħaddiema speċjalizzati li altrimenti ma jkunux disponibbli. Dan ikun ta' benefiċċju għall-impriżi lokali peress li l-ispejjeż aktar baxxi tas-servizzi ambulanti jagħmluha aktar attraenti u aktar profitabbli li wieħed ikollu negozju fiż-żona eliġibbli. Barra minn dan, ir-regola ta' eżenzjoni tpoġġi fl-istess keffa lill-operaturi ekonomiċi kollha attivi fiż-żona eliġibbli fejn jidħlu l-kosti tas-sigurtà soċjali tagħhom għall-perjodu kollu tal-attività tagħhom f'dik iż-żona.

(66)

Fi ftit kliem, l-Awtorità hija tal-fehma li l-awtoritajiet Norveġiżi ġġustifikaw b'mod adegwat li s-sussidji għas-servizzi ambulanti jikkontribwixxu għal effetti indiretti pożittivi fil-forma ta' aktar infieq fuq prodotti u servizzi fiż-żoni eliġibbli, li imbagħad ikun ta' benefiċċju għas-swieq tax-xogħol fiż-żoni eliġibbli. Barra minn dan, l-Awtorità hija konvinta li s-sussidji għas-servizzi ambulanti jikkontribwixxu għall-forniment ta' ħaddiema speċjalizzati b'kosti aktar baxxi u għat-trasferiment tal-għarfien u l-ħiliet lejn impriżi stabbiliti lokalment, li huwa vitali għall-kontinwazzjoni tal-operat ta' ħafna attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni eliġibbli. Bħala konsegwenza, ir-regola ta' eżenzjoni tikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tad-depopolazzjoni f'żoni fejn hemm popolazzjoni baxxa ħafna.

(67)

F'termini ta' effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ tar-regola ta' eżenzjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li r-regola ta' eżenzjoni toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi kollha attivi f'żoni żvantaġġati billi din tapplika ugwalment għal kull impriża bbażata fiż-ŻEE. Il-kumpaniji rreġistrati barra min-Norveġja li jibagħtu lill-impjegati tagħhom lejn iż-żoni eliġibbli u li jkunu suġġett għat-taxxi tas-sigurtà soċjali Norveġiżi jibbenefikaw mir-regola ta' eżenzjoni jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet relevanti. Fin-nuqqas tar-regola ta' eżenzjoni, dawk il-kumpaniji jkunu obbligati li jkollhom preżenza rreġistrata fiż-żona relevanti sabiex ikunu suġġetti għall-istess regoli ta' tassazzjoni bħall-kontraparti Norveġiżi tagħhom reġistrati lokalment. Dan ikun joħloq ostakolu għad-dħul fis-suq, li jkun kuntrarju għal-loġika tal-paragrafu 134 tar-RAG, li jistqarr li: “Jekk l-għajnuna tkun neċessarja u proporzjonali għall-kisba tal-objettiv komuni (…), l-effetti negattivi tal-għajnuna x'aktarx li jiġu kkumpensati minn effetti pożittivi. Madankollu, f'ċerti każijiet, l-għajnuna tista' twassal għal bidliet fl-istruttura tas-suq jew fil-karatteristiċi ta' xi settur jew industrija li jistgħu jwasslu għal distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni minħabba ostakli għad-dħul fis-suq jew għall-ħruġ minnu, effetti ta' sostituzzjoni jew spostament ta' flussi ta' kummerċ. F'dawk il-każijiet, l-effetti negattivi individwali x'aktarx li ma jkunu kkumpensati mill-ebda effetti pożittiv.” Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità hija tal-fehma li r-regola ta' eżenzjoni tiżgura li jiġu evitati effetti negattivi mhux dovuti fuq il-kompetizzjoni u l-aċċess għas-suq. Jeżisti fattur pożittiv fid-dawl tal-paragrafu 3 tar-RAG, li jiddikjara li l-evalwazzjoni tal-għajnuna reġjonali tibbilanċja l-ħtieġa ta' sussidji għall-iżvilupp reġjonali filwaqt li jiġi żgurat livell ekwu għall-partijiet kollha bejn l-Istati taż-ŻEE. Kif ġie nnutat aktar 'l fuq, l-Awtorità mhix konvinta b'dak li allegat Kimek li l-impriżi rreġistrati fi ħdan iż-żona eliġibbli jaffaċċjaw aktar diffikultajiet permanenti minn dawk l-impriżi li jibagħtu lill-impjegati tagħhom jaħdmu fiż-żona fuq bażi mhux permanenti. Għall-kuntrarju, l-impriżi rreġistrati barra miż-żona eliġibbli jista' jkollhom żvantaġġ kompetittiv paragunati mad-ditti lokali minħabba, fost affarijiet oħra, il-kosti tat-trasportazzjoni u l-akkomodazzjoni tal-persunal.

(68)

L-impriżi li jwettqu servizzi ambulanti jistgħu sa ċertu punt jirreġistraw subunitajiet fiż-żona eliġibbli. Kieku ma kinitx teżisti r-regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti fiż-żona eliġibbli, ikun hemm differenza fit-trattament skont jekk l-impriża li tipprovdi s-servizz tkunx stabbiliet sottounità fiż-żona eliġibbli. Jeżisti l-periklu li dan ikun jista' jaffettwa impriżi rreġistrati barra l-pajjiż b'mod aktar qawwi minn impriżi rreġistrati fin-Norveġja. Wieħed jista' jissoponi li impriżi mhux reġistrati fin-Norveġja, speċjalment SMEs, ikollhom għarfien anqas dettaljat tal-partikolaritajiet tar-regoli Norveġiżi fejn tidħol ir-reġistrazzjoni tal-impriżi u tal-effetti tagħhom fuq ir-rati tas-sigurtà soċjali. Fid-dawl ta' dan, hija l-veduta tal-Awtorità li r-regola ta' eżenzjoni tiżgura li jiġu evitati effetti negattivi mhux dovuti (il-ħolqien ta' ostakoli għad-dħul fis-suq u l-ispostament ta' flussi ta' kummerċ) fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati taż-ŻEE, li huwa konformi mal-paragrafu 134 tar-RAG.

(69)

Abbażi tal-aħħar serje ta' kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi, jidher li ma hemm l-ebda differenza mhux ġġustifikata fit-trattament, taħt il-liġi tax-xogħol Norveġiża, ta' impriżi li jipprovdu servizzi ambulanti u impriżi rreġistrati lokalment kif allegat mill-partijiet interessati. Għaldaqstant, l-Awtorità mhux se tkompli tikkunsidra dan l-argument.

(70)

Fid-dawl ta' dan kollu, l-Awtorità tikkonkludi li r-regola ta' eżenzjoni hija kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE abbażi tal-Artikolu 61(3)(c).

4.   Konklużjoni

(71)

Kif imfisser hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li r-regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti taħt l-iskema ta' kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali 2014–2020 hija kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE. Ir-regola hija għalhek awtorizzata bħala parti minn dik l-iskema sakemm tiskadi l-approvazzjoni tal-Awtorità ta' dik l-iskema fil-31 ta' Diċembru 2020.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regola ta' eżenzjoni għal servizzi ambulanti taħt l-iskema dwar kontribuzzjonijiet differenzjati tas-sigurtà soċjali 2014–2020 hija kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE, skont l-Artikolu 61(3)(c) tiegħu. L-investigazzjoni formali hija b'dan magħluqa.

Artikolu 2

L-implimentazzjoni tal-miżura hija għaldaqstant awtorizzata.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 4

Il-verżjoni bil-lingwa Ingliża biss ta' din id-deċiżjoni hija awtentika.

Magħmul fi Brussel fil-31 ta' Mejju 2017.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Sven Erik SVEDMAN

Il-President

Frank J. BÜCHEL

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Id-Dokumenti Nru 702438-702440, 702442 u 702443.

(2)  Ara d-Deċiżjoni Nru 225/14/COL (ĠU C 344, 2.10.2014, p. 14, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 55, 2.10.2014, p. 4) fil-paragrafu 2.

(3)  Il-Kawża E-23/14 Kimek Offshore AS v l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA [2015] EFTA Ct. Rep. p. 412.

(4)  Dokument Nru 776348.

(5)  Dokumenti Nru 779603 u 779604.

(6)  Dokument No 787605.

(7)  ĠU C 263, 30.6.2016, p. 21, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 36, 30.6.2016, p. 7.

(8)  Dokument No 804442.

(9)  Dokument No 811491.

(10)  Dokument No 813803.

(11)  Dokument No 816653.

(12)  LOV-1997-02-28-19.

(13)  Għal aktar dettalji dwar l-iskema ta' għajnuna, ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL.

(14)  L-Att dwar ir-Reġistru ta' Koordinazzjoni għal Entitajiet Legali (LOV-1994-06-03-15).

(15)  Il-Kawża E-23/14 Kimek Offshore AS v l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA [2015] EFTA Ct. Rep. p. 412, il-paragrafu 116.

(16)  ĠU L 166, 5.6.2014, p. 44 u s-Suppliment ŻEE Nru 33, 5.6.2014, p. 1.

(17)  Ara l-Ordni tal-Qorti tal-EFTA tat-23.11.2015 fil-Kawża E-23/14 INT Kimek Offshore AS v l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA [2015] EFTA Ct. Rep. p. 666.

(18)  Il-kummenti li kienu ppreżentati preċedentement mill-awtoritajiet Norveġiżi huma miġbura fil-qosor fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-investigazzjoni formali, id-Deċiżjoni Nru 489/15/COL, fil-paragrafi 15-21.

(19)  Ara d-Deċiżjoni Nru 225/14/COL, fil-paragrafu 49.

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1), inkorporat fil-Ftehim ŻEE fl-Anness XV 1ea.

(21)  NAV Finnmark Bedriftsundersøkelse 2016, Notat 1 2016, disponibbli hawnhekk: https://www.nav.no/no/Lokalt/Finnmark/Statistikk+og+presse/bedriftsunders%C3%B8kelse--378352

(22)  Snøhvit og andre eventyr min NHO, disponibbli hawn: http://www.aksjonsprogrammet.no/vedlegg/Snohvit_12des.pdf and Ringvirkninger av petroleumsnæringen i norsk økonomi minn Statistics Norway, disponibbli hawn: https://www.ssb.no/nasjonalregnskap-og-konjunkturer/artikler-og-publikasjoner/_attachment/218398?_ts=14b82bba2f0

(23)  Ir-Regolament Għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (“GBER”): Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1), inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fl-Anness XV 1j. L-emendi għar-regoli tal-għajnuna reġjonali approvati fil-prinċipju mill-Kummissjoni Ewropea fis-17 ta' Mejju 2017 ma jibdlu xejn minn dan. L-Artikolu 15(3)(a) tar-Regolament Emendatorju jippermetti li jkun hemm għajnuna operattiva reġjoanli meta “l-benefiċjarju jkollhom l-attività ekonomika tagħhom” f'żoni b'popolazzjoni baxxa ħafna. Ir-Regolament Emendatorju jinsab hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:32017R1084

(24)  Paragrafu 6 tar-RAG.

(25)  Ara d-Deċiżjoni Nru 91/14/COL (ĠU L 172, 12.6.2014, p. 52).

(26)  Paragrafu 16 tar-RAG.

(27)  Ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL, fil-paragrafi 85-91.

(28)  Ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL, fil-paragrafi 92-99.

(29)  Ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL, fil-paragrafi 100-107.

(30)  Ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL, fil-paragrafi 108-112.

(31)  Ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL, fil-paragrafi 113-117.

(32)  Ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL, fil-paragrafi 118-121.

(33)  Is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA fil-Kawża E-23/14 Kimek Offshore AS v l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA [2015] EFTA Ct. Rep. p. 412, il-paragrafu 58.

(34)  F'dan ir-rigward, l-Awtorità tinnota li l-attivitajiet li jistgħu potenzjalment jibbenefikaw mir-regola ta' eżenzjoni huma limitati fil-liġi Norveġiża għar-reġistrazzjoni ta' attivitajiet ta' negozju (ara l-paragrafi 11 u 12 hawn fuq).

(35)  L-għan tal-għajnuna reġjonali huwa dak li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta' ċerti żoni żvantaġġjati (paragrafu 1 tar-RAG). Dan isir billi titħajjar l-attività ekonomika f'dawk iż-żoni (il-paragrafu 6 tar-RAG). L-istimolu tal-impjieg permanenti huwa mod wieħed ta' kif jista' jinkiseb dan, iżda mhix l-unika soluzzjoni.

(36)  Ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 225/14/COL, fil-paragrafi 11-16.


Top