Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0232

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/232 tal-15 ta' Frar 2018 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Belġju dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali VectoMax G u Aqua-K-Othrine bi qbil mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2018) 759)

C/2018/0759

OJ L 45, 17.2.2018, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/232/oj

17.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/31


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/232

tal-15 ta' Frar 2018

dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Belġju dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali VectoMax G u Aqua-K-Othrine bi qbil mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2018) 759)

(It-testi bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-3 ta' Mejju 2017, il-Belġju adotta deċiżjoni bi qbil mal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex sal-31 ta' Ottubru 2017 jippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu fir-Reġjun Fjamming tal-prodotti bijoċidali VectoMax G u Aqua-K-Othrin għall-kontroll tal-larvi u tal-adulti tan-nemus eżotiku invażiv (tal-ġeneru Aedes, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “nemus”) u ta' kull popolazzjoni ġdida li tinsab fir-Reġjun Fjamming fil-kuntest tal-proġett ta' monitoraġġ tan-nemus eżotiku tal-Belġju, imsejjaħ “MEMO” (“l-azzjoni”). Il-Belġju informa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien dwar din l-azzjoni u ta ġustifikazzjoni tagħha bi qbil mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55(1) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Il-VectoMax G fih il-Bacillus thuringiensis subsp. israelensis tas-serotip H14, razza AM65-52 u l-Bacillus sphaericus subsp. 2362, tar-razza ABTS-1743 (minn hawn 'il quddiem imsemmijin rispettivament “Bacillus thuringiensis israelensis” u “Bacillus sphaericus”) bħala sustanzi attivi u l-Aqua-K-Othrine fih id-deltametrina bħala sustanza attiva, kollha biex jintużaw fi prodotti tat-tip 18 kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Skont l-informazzjoni li ngħatat mill-Belġju, l-azzjoni kienet meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika billi dawk in-nemus, li nstabu f'żewġ postijiet fil-Provinċja ta' Fjandri tal-Lvant, jistgħu ikunu vetturi ta' mard bħad-dengue u ċ-chikungunya, u t-tifrix possibbli ta' dawn għandu jitwaqqaf kemm jista' jkun u malajr kemm jista' jkun.

(3)

Fis-27 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand il-Belġju biex jestendi l-azzjoni, skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret minħabba t-tħassib li tqajjem dwar it-theddida għas-saħħa pubblika li jikkawża n-nemus. Billi l-kampanja kontra l-popolazzjonijiet tan-nemus identifikati fil-Belġju għadha ma spiċċatx, u billi l-proġett ta' monitoraġġ MEMO għadu għaddej, il-prodotti msemmijin hawn fuq huma meħtieġa għall-kontroll tal-popolazzjonijiet identifikati u ta' kull popolazzjoni ġdida ta' nemus li tista' tinstab fir-Reġjun Fjamming, minħabba li ma hemmx prodotti alternattivi xierqa fil-Belġju.

(4)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jirrikonoxxi li n-nemus invażiv, fost ġeneri oħrajn dak tal-Aedes, infirex b'mod drammatiku madwar id-dinja, iffaċilitat b'mod partikolari mill-attivitajiet tal-bniedem, u għandu l-potenzjal li jsir theddida serja għas-saħħa.

(5)

Billi n-nuqqas ta' kontroll xieraq tan-nemus, li ma jistax jitrażżan b'mezzi oħrajn, jista' jwassal għal periklu għas-saħħa pubblika, jixraq li l-Belġju jingħata l-permess li jestendi l-azzjoni għal perjodu ta' mhux iktar minn 550 jum u b'ċerti kundizzjonijiet.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Belġju jista' jestendi għal perjodu ta' mhux aktar minn 550 jum l-azzjoni li jitqiegħdu fis-suq u jintużaw il-prodotti bijoċidali VectoMax G u Aqua-K-Othrine bħala prodotti tat-tip 18 kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għall-kontroll tan-nemus vetturi, filwaqt li jiżgura li dawk il-prodotti jintużaw biss minn operaturi ċċertifikati u bis-sorveljanza tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.


Top