EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0419

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/419 tad-9 ta' Marzu 2017 li japprova s-sustanza bażika Urtica spp. skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/1470

OJ L 64, 10.3.2017, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/419/oj

10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/419

tad-9 ta' Marzu 2017

li japprova s-sustanza bażika Urtica spp. skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fit-18 ta' Awwissu 2015 il-Kummissjoni waslitilha applikazzjoni mill-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni ta' Urtica spp. bħala sustanza bażika. Ma' dik l-applikazzjoni ngħatat l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3). Barra minn hekk, fil-5 ta' Jannar 2016 il-Kummissjoni waslitilha applikazzjoni mingħand Myosotis għall-approvazzjoni tal-Ħurrieq bħala sustanza bażika. Filwaqt li jitqies li l-applikazzjoni tikkonċerna wkoll Urtica spp., iżda b'użu propost differenti, il-Kummissjoni amalgamat l-evalwazzjoni taż-żewġ applikazzjonijiet.

(2)

Il-Kummissjoni talbet l-għajnuna xjentifika mingħand l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”). Fit-28 ta' Lulju 2016 (2), l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar is-sustanza inkwistjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' rieżami (3) kif ukoll abbozz ta' dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fis-7 ta' Diċembru 2016 u ffinalizzathom għal-laqgħa ta' dak il-Kumitat fl-24 ta' Jannar 2017.

(3)

Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-applikant turi li Urtica spp. tissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, is-sustanza ma tintużax b'mod predominanti għal skopijiet ta' protezzjoni tal-pjanti, iżda madankollu hija utli għall-protezzjoni tal-pjanti fi prodott li jikkonsisti mis-sustanza u mill-ilma. Konsegwentement, għandha titqies bħala sustanza bażika.

(4)

Minn bosta eżaminazzjonijiet li saru deher li Urtica spp. tista' tkun mistennija li tissodisfa, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikolari fir-rigward tal-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta' rieżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li Urtica spp. tiġi approvata bħala sustanza bażika.

(5)

B'konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ madankollu li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, li huma spjegati fid-dettall fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(6)

B'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta' sustanza bażika

Is-sustanza Urtica spp. kif speċifikat fl-Anness I hija approvata bħala sustanza bażika soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2016. Outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance applications for Urtica spp. for use in plant protection as insecticide, acaricide and fungicide. (L-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni tas-sustanza bażika għal Urtica spp. biex tintuża għall-protezzjoni tal-pjanti bħala insettiċida, akariċida u funguċida.) Pubblikazzjoni ta' appoġġ tal-EFSA 2016:EN-1075. 72 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=MT.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Urtica spp.

Nru CAS 84012-40-8 (estratt ta' Urtica dioica)

Nru CAS 90131-83-2 (estratt ta' Urtica urens)

Urtica spp.

European Pharmacopeia

It-30 ta' Marzu 2017

Urtica spp. għandha tintuża b'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar Urtica spp. (SANTE/11809/2016) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (*1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“14

Urtica spp.

Nru CAS 84012-40-8 (estratt ta' Urtica dioica)

Nru CAS 90131-83-2 (estratt ta' Urtica urens)

Urtica spp.

European Pharmacopeia

It-30 ta' Marzu 2017

Urtica spp. għandha tintuża b'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar Urtica spp. (SANTE/11809/2016) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(*1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


Top