Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0795

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/795 tal-11 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli

OJ L 135, 24.5.2016, p. 115–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/795/oj

24.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/115


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/795

tal-11 ta' April 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar tal-għajnuna.

(2)

L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (1) jiffissaw l-ammont ta' għajnuna mill-Unjoni fil-kuntest tal-iskema tal-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u tal-iskema tal-ħalib għall-iskejjel, kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jistabbilixxu ċerti regoli dwar il-portata tal-għajnuna u l-allokazzjoni tagħha lill-Istati Membri fil-każ tal-iskema tal-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u jiffissaw il-kwantità massima ta' prodotti eliġibbli għall-għajnuna fil-każ tal-iskema tal-ħalib għall-iskejjel.

(3)

It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kif emendata mir-Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprevedi qafas komuni ġdid għall-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista tal-frott u l-ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti friski tas-settur tal-banana (“frott u ħaxix għall-iskejjel”), u tal-ħalib u prodotti tal-ħalib (“ħalib għall-iskejjel”) lil tfal fi stabbilimenti edukattivi (“l-iskema għall-iskejjel”).

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi għajnuna mill-Unjoni għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament li jappoġġaw il-provvista u d-distribuzzjoni ta' frott u ħaxix għall-iskejjel u ħalib għall-iskejjel kif ukoll għajnuna mill-Unjoni li tkopri ċerti spejjeż relatati ma' tali provvista u distribuzzjoni. Sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni baġitarja soda, għandu jiġi ffissat livell massimu ta' għajnuna mill-Unjoni għall-finanzjament ta' dawk il-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u ta' dawk l-ispejjeż relatati.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi għajnuna mill-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' ħalib għax-xorb u l-verżjonijiet bla lattożju tiegħu lil tfal fi stabbilimenti edukattivi u jippermetti lill-Istati Membri biex jipprevedu d-distribuzzjoni ta' ċerti prodotti tal-ħalib apparti l-ħalib tax-xorb, kif ukoll ta' prodotti elenkati fl-Anness V għal dak ir-Regolament. Filwaqt li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jipprevedix ammonti massimi tal-għajnuna mill-Unjoni għal prodotti agrikoli, hu jillimita l-għajnuna mill-Unjoni għall-komponent tal-ħalib ta' dawk il-prodotti mhux agrikoli elenkati fl-Anness V għal dak ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta' dik l-għajnuna u biex tkun żgurata l-flessibbiltà fl-amministrazzjoni tal-iskema għall-iskejjel, għandu jiġi ffissat l-ammont massimu ta' għajnuna mill-Unjoni għal dak il-komponent tal-ħalib.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula l-ammont globali annwali ta' għajnuna mill-Unjoni għall-Unjoni kollha u kriterji oġġettivi għall-allokazzjoni ta' dak l-ammont globali fost l-Istati Membri. L-allokazzjonijiet indikattivi annwali għandhom għaldaqstant jiġu ffissati għal kull Stat Membru. Sabiex l-Istati Membri ta' daqs demografiku limitat ikunu jistgħu jimplimentaw skema kosteffikaċi, għandu jiġi ffissat ammont minimu ta' għajnuna mill-Unjoni li għalih l-Istati Membri huma intitolati. Billi l-Kroazja ssieħbet fl-Unjoni fl-1 ta' Lulju 2013, il-kriterju tal-użu storiku tal-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista ta' ħalib u prodotti tal-ħalib lit-tfal ma għandux japplika għaliha qabel l-1 ta' Awwissu 2023.

(7)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni, għandha tiġi prevista r-riallokazzjoni, totali jew parzjali, lejn Stati Membri oħra, fil-limiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ta' dawk l-allokazzjonijiet indikattivi li ma kienx hemm applikazzjoni għalihom mill-Istati Membri, mingħajr ma jinqabeż il-livell globali annwali għal għajnuna mill-Unjoni previst fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(8)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni li jirrigwardaw: il-iffissar tal-livell massimu ta' għajnuna mill-Unjoni għal kull kategorija ta' spejjeż relatati; l-iffissar, wara perjodu tranżitorju ta' sitt snin, ta' allokazzjonijiet indikattivi ta' għajnuna mill-Unjoni lil kull Stat Membru; l-iffissar, fejn meħtieġ u wara valutazzjoni, ta' allokazzjonijiet indikattivi ġodda; il-miżuri meħtieġa għar-riallokazzjoni ta' allokazzjonijiet indikattivi fost l-Istati Membri; u l-iffissar tal-allokazzjonijiet definittivi għal kull Stat Membru. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(9)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 għandu jiġi emendat skont dan. Sabiex titqies il-perjodiċità tas-sena skolastika, ir-regoli l-ġodda għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta' Awwissu 2017,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1370/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix għall-iskejjel u ta' ħalib għall-iskejjel, miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u spejjeż relatati

1.   L-għajnuna mill-Unjoni għall-finanzjament ta' miżuri edukattivi ta' akkumpanjament kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ma għandhiex taqbeż il-15 % tal-allokazzjonijiet definittivi annwali tal-Istati Membri kif imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-għajnuna mill-Unjoni għal spejjeż relatati kif imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ma għandhiex fit-total taqbeż l-10 % tal-allokazzjonijiet definittivi annwali tal-Istati Membri kif imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw il-livell massimu ta' għajnuna mill-Unjoni għal kull kategorija ta' tali spejjeż bħala perċentwal tal-allokazzjonijiet definittivi annwali tal-Istati Membri jew bħala perċentwal tal-ispejjeż tal-prodotti kkonċernati.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament.

3.   L-ammont ta' għajnuna mill-Unjoni għall-komponent tal-ħalib tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandux jaqbeż EUR 27/100 kg.

4.   L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tiġi allokata lil kull Stat Membru f'konformità ma' dan il-paragrafu 5 u b'kont meħud tal-kriterji stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Mill-1 ta' Awwissu 2017 sal-31 ta' Lulju 2023, l-allokazzjonijiet indikattivi tal-għajnuna msemmija, fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għal kull Stat Membru għandha tkun kif stabbilit fl-Anness I. Matul dak il-perjodu, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandux japplika għall-Kroazja.

Mill-1 ta' Awwissu 2023, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw, abbażi tal-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-allokazzjonijiet indikattivi għal kull Stat Membru tal-għajnuna imsemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu ta' dak l-Artikolu 23a(1). Madankollu, kull Stat Membru għandu jirċievi tal-inqas EUR 290 000 ta' għajnuna mill-Unjoni għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex għall-iskejjel u tal-inqas EUR 193 000 ta' għajnuna mill-Unjoni għad-distribuzzjoni tal-ħalib għall-iskejjel, kif definit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tivvaluta tal-anqas kull tliet snin jekk dawk l-allokazzjonijiet indikattivi jibqgħux konsistenti mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw allokazzjonijiet indikattivi ġodda.

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament.

5.   Fejn, għal xi sena partikolari, Stat Membru ma jkunx ippreżenta talba għall-għajnuna mill-Unjoni skont l-Artikolu 23a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew ikun talab parti biss mill-allokazzjoni indikattiva tiegħu kif imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tirrialloka dik l-allokazzjoni indikattiva jew il-parti minnha mhux mitluba lil dawk l-Istati Membri li jkunu nnotifikawha bid-dispożizzjoni tagħhom li jużaw ammont ogħla mill-allokazzjoni indikattiva tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-miżuri meħtieġa għat-twettiq ta' tali riallokazzjoni, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterju msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u limitata skont il-livell ta' użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna mill-Unjoni kif imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, mill-Istat Membru kkonċernat għas-sena skolastika li tkun intemmet qabel it-talba annwali għall-għajnuna mill-Unjoni.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament.

6.   Wara t-talbiet ippreżentati mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 23a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni għandha kull sena tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u għall-ħalib għall-iskejjel fost l-Istati Membri parteċipanti fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 23a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, filwaqt li jitqiesu t-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 23a(4) ta' dak ir-Regolament.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament.”.

(2)

Jiddaħħal l-Anness li ġej:

“ANNESS I

ALLOKAZZJONIJIET INDIKATTIVI

għall-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2017 sal-31 ta' Lulju 2023

(kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4))

Stati Membri

Allokazzjonijiet indikattivi għall-frott u l-ħaxix fl-iskejjel

Allokazzjonijiet indikattivi għall-ħalib fl-iskejjel

Belġju

3 367 930

1 650 729

Bulgarija

2 093 779

1 020 451

Repubblika Ċeka

3 123 230

1 600 707

Danimarka

1 807 661

1 460 645

Ġermanja

19 696 932

9 404 154

Estonja

439 163

700 309

Irlanda

1 757 779

900 398

Greċja

3 218 885

1 550 685

Spanja

12 932 647

6 302 784

Franza

22 488 086

12 625 577

Kroazja

1 360 232

800 354

Italja

16 711 302

8 003 535

Ċipru

290 000

500 221

Latvja

633 672

700 309

Litwanja

900 888

1 032 456

Lussemburgu

290 000

193 000

Ungerija

3 029 587

1 756 776

Malta

290 000

193 000

Netherlands

5 431 641

2 401 061

Awstrija

2 238 064

1 100 486

Polonja

11 639 985

10 204 507

Portugall

3 283 397

2 220 981

Rumanija

6 866 848

10 399 594

Slovenja

554 020

320 141

Slovakkja

1 708 720

900 398

Finlandja

1 599 047

3 824 689

Żvezja

2 854 972

8 427 723

Renju Unit

19 391 534

9 804 331

Total

150 000 000

100 000 000 ”.

(3)

L-Anness jingħata n-numru “Anness II”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta' April 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M.H.P. VAN DAM


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).

(2)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(3)  Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema tal-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fi istabbilimenti edukattivi (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Top