Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1602

Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/1602 tal-5 ta' Ġunju 2015 dwar l-ekwivalenza tar-reġim ta' solvenza u prudenzjali għall-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni fis-seħħ fl-Iżvizzera abbażi tal-Artikoli 172(2), 227(4) u 260(3) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

OJ L 248, 24.9.2015, p. 95–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2015/1602/oj

24.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/95


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1602

tal-5 ta' Ġunju 2015

dwar l-ekwivalenza tar-reġim ta' solvenza u prudenzjali għall-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni fis-seħħ fl-Iżvizzera abbażi tal-Artikoli 172(2), 227(4) u 260(3) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 172(2), 227(4) u 260(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/138/KE tistabbilixxi reġim prudenzjali u superviżorju bbażat fuq ir-riskju mmodernizzat għall-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni fl-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2009/138/KE għall-assiguraturi u r-riassiguraturi fl-Unjoni ser tibda fl-1 ta' Jannar 2016.

(2)

Għalkemm id-Direttiva Solvibbiltà II se tiġi applikata għalkollox mill-1 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni tista' diġà taddotta din id-Deċiżjoni Delegata kif indikat mill-Artikolu 311 tad-Direttiva Solvibbiltà II.

(3)

L-Artikolu 172 tad-Direttiva 2009/138/KE jirrigwarda l-ekwivalenza tar-reġim tas-solvenza ta' pajjiż terz applikat għal attivitajiet ta' riassigurazzjoni ta' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali f'dak il-pajjiż terz. Determinazzjoni ta' ekwivalenza pożittiva tippermetti li kuntratti ta' riassigurazzjoni konklużi ma' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali f'dak il-pajjiż terz jiġu trattati bl-istess mod bħal kuntratti ta' riassgurazzjoni konklużi ma' impriżi awtorizzati b'konformità ma' dik id-Direttiva.

(4)

L-Artikolu 227 tad-Direttiva 2009/138/KE jirrigwarda l-ekwivalenza għal assiguraturi ta' pajjiżi terzi li huma parti minn gruppi li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-Unjoni. Determinazzjoni ta' ekwivalenza pożittiva tippermeti lil tali gruppi, meta t-tnaqqis u l-aggregazzjoni jintuża bħala l-metodu ta' konsolidazzjoni għar-rapportar tal-grupp tagħhom, li jieħu kont tal-kalkulazzjoni tar-rekwiżiti tal-kapital u tal-kapital disponibbli (fondi proprji) skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni non-UE minflok jiġu kkalkulati fuq il-bażi tad-Direttiva 2009/138/KE, għall-finijiet li jiġu kkalkulati r-rekwiżit ta' solvenza tal-grupp u l-fondi proprji eliġibbli.

(5)

L-Artikolu 260 tad-Direttiva 2009/138/KE huwa relatat mal-ekwivalenza tal-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni, li l-impriża prinċipali tagħhom ikollha l-uffiċċju prinċipali barra l-Unjoni. B'konformità mal-Artikolu 261(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, fil-każ ta' determinazzjoni ta' ekwivalenza pożittiva, l-Istati Membri joqogħdu fuq is-superviżur tal-grupp ekwivalenti magħmul mill-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz.

(6)

Ir-reġim legali ta' pajjiż terz jitqies li huwa ekwivalenti għalkollox għal dak stabbiliti mid-Direttiva 2009/138/KE jekk ikun konformi mar-rekwiżiti li jipprovdu livell kumparabbli ta' protezzjoni tad-detenturi tal-poloz u l-benefiċjarji. Id-determinazjonijiet ta' ekwivalenza sħiħa skont l-Artikoli 172(2), 227(4) u 260(3) huma ta' durata illimitata sakemm ma jitħassrux.

(7)

Fid-9 ta' Marzu 2015 l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tat parir skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) lill-Kummissjoni dwar is-sistema regolatorja u superviżorja għall-impriżi u gruppi ta' (ri)assigurazzjoni li jaħdmu fl-Iżvizzera. Il-parir tal-EIOPA huwa abbażi tal-qafas leġiżlattiv relevanti Żvizzeru, inkluż l-Att Superviżorju tas-Suq Finanzjarju Żvizzeru tat-22 ta' Ġunju 2007 (“FINMASA”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009, l-Att dwar is-Superviżjoni tal-Assigurazzjoni (“ISA”) tas-17 ta' Diċembru 2004, u l-Ordinanza dwar is-Superviżjoni tal-Assigurazzjoni (“ISO”) (3). Il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni mogħtija mill-EIOPA.

(8)

Meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/35 (4), b'mod partikolari l-Artikoli 378, 379 u 380, kif ukoll il-parir tal-EIOPA, għadd ta' kriterji għandhom jiġu applikati biex tiġi vvalutata l-ekwivalenza skont l-Artikoli 172(2), 227(4) u 260(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, rispettivament.

(9)

Dawk il-kriterji fihom ċerti rekwiżiti li huma komuni għal tnejn jew iktar mill-Artikoli 378, 379 u 380 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/35, li huma validi fil-livell ta' impriżi ta' (ri)assigurazzjoni waħedhom (5) u fil-livell ta' gruppi ta' (ri)assigurazzjoni, u li jkopru l-oqsma tas-setgħat, is-solvenza, il-governanza, it-trasparenza, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, u t-trattar tal-informazzjoni kunfidenzjali, u l-impatt tad-deċiżjonijiet fuq l-istabbiltà finanzjarja.

(10)

L-ewwel, rigward il-mezzi, is-setgħat u r-responsabbiltajiet, is-superviżur tas-suq finanzjarju Żvizzeru (FINMA) effettivament għandu s-setgħa li jagħmel superviżjoni tal-attivitajiet ta' (ri)assigurazzjoni u jimponi s-sanzjonijiet jew jieħu azzjonijiet ta' nfurzar fejn meħtieġ, bħal li jirrevoka l-liċenzja tan-negozju ta' impriża, jew jibdel parti mill-ġestjoni, jew il-ġestjoni kollha kemm hi, tagħha. Il-FINMA għandha l-mezzi finanzjarji u umani meħtieġa, kif ukoll l-għarfien espert, il-kapaċitajiet u l-mandat neċessarji biex effettivament tipproteġi d-detenturi tal-poloz u l-benefiċjarji kollha.

(11)

It-tieni, rigward is-solvenza, il-valutazzjoni tat-Test tas-Solvenza Żvizzeru (SST) tal-pożizzjoni finanzjarja ta' impriżi jew gruppi ta' (ri)assigurazzjoni jistrieħ fuq prinċipji ekonomiċi sodi, u r-rekwiżiti tas-solvenza huma bbażati fuq valutazzjoni ekonomika tal-assi u l-obbligazzjonijiet kollha. L-SST jeħtieġ li l-impriżi ta' (ri)assigurazzjoni jkollhom riżorsi finanzjarji adegwati u jistabbilixxi kriterji dwar provvedimenti tekniċi, investimenti, rekwiżiti ta' kapital (inkluż il-livell minimu tal-kapital) u fondi proprji, u jirrekjedi intervent fil-ħin mill-FINMA jekk ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti ta' kapital jew jekk l-interessi tad-detenturi tal-poloz jiġu mhedda. Ir-rekwiżiti ta' kapital huma bbażati fuq ir-riskju, u jimmiraw li jaqbdu riskji kwantifikabbli. Meta riskju ma jkunx kwantifikat, jiġi indirizzat permezz ta' miżuri oħrajn: preżempju, r-riskji operazzjonali jiġu indirizzati kwalitattivament permezz tal-Valutazzjoni ta' Kwalità Żvizzera (SQA). Ir-rekwiżit ta' kapital ewlieni, magħruf bħala l-kapital fil-mira fl-SST, jiġi kkalkulat biex ikopri telf mhux mistenni li jiġi min-negozju eżistenti. Barra minn hekk, ir-rekwiżit kapitali minimu assolut (kapital minimu) għall-assiguraturi jvarja taħt l-SST skont il-linja operatorja tal-assigurazzjoni. Iż-żewġ rekwiżiti huma mill-inqas b'saħħithom daqs ir-rekwiżiti korrespondenti tad-Direttiva 2009/138/KE għal kull kombinazzjoni ta' linji operatorji tal-assiguraturi Żvizzeri preżenti. Fejn jidħlu l-mudelli, l-imprizi tal-assigurazzjonij jistgħu jużaw mudell standard jew, jekk meħtieġa mill-FINMA jew fuq inizjattiva tagħhom stess, mudell intern.

(12)

It-tielet, fir-rigward tal-governanza, ir-reġim ta' solvenza Żvizzeru jesiġi li l-impriżi ta' (ri)assigurazzjoni għandu jkollhom sistema effettiva ta' governanza fis-seħħ, u jimponi fuqhom b'mod partikolari struttura organizzazzjonali ċara, rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità għal dawk li effettivament qegħdin imexxu l-impriżi, proċess effettiv għat-trażmissjoni tal-informazzjoni fl-impriżi u lill-FINMA. Barra minn hekk, il-FINMA effettivament tagħmel superviżjoni tal-funzjonijiet u l-attivitajiet esternalizzati.

(13)

L-SST ukoll jitlob li l-impriżi u l-gruppi ta' (ri)assigurazzjoni iżommu l-funzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju, konformità, awditjar intern u attwarji. L-SST jimponi sistema ta' ġestjoni tar-riskju li kapaċi tidentifika, tkejjel, timmonitorja, timmaniġja u tirrapporta r-riskji, u sistema ta' kontroll intern effettiva. Ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/138/KE rigward l-awditjar intern u l-konformità għal impriżi waħedhom huma indirizzati b'mod sodisfaċenti mill-ISO, peress li din tirrinforza ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju, b'mod partikolari l-obbligu li jkun hemm funzjoni ta' konformità.

(14)

Ir-reġim fis-seħħ fl-Iżvizzera jeżiġi li bidliet lill-politika tan-negozju jew il-ġestjoni ta' impriżi jew gruppi ta' (ri)assigurazzjoni jew parteċipazzjonijiet kwalifikanti f'tali impriżi jew gruppi jridu jkunu konsistenti ma' mmaniġjar sod u prudenti. B'mod partikolari, l-akkwiżizzjonijiet, il-bidliet fil-pjan tan-negozju jew fil-parteċipazzjonijiet kwalifikanti ta' impriżi jew gruppi ta' (ri)assigurazzjoni jiġu notifikati lill-FINMA, li tista' tagħmel sanzjonijiet xierqa jekk ġustifikati, bħal pereżempju li tipprojbixxi akkwiżizzjoni.

(15)

Ir-raba', rigward it-trasparenza, l-impriżi u gruppi ta' (ri)assigurazzjoni huma meħtieġa jagħtu lill-FINMA kull informazzjoni meħtieġa għas-superviżjoni, u jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapport fuq is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom. Ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/138/KE rigward id-divulgazzjoni pubblika huma indirizzat b'mod sodisfaċenti mill-ISO, peress li t-tipi ta' informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva li għandha tiġi divulgata huma konformi mad-Direttiva 2009/138/KE. Skont l-ISO, impriżi u gruppi ta' (ri)assigurazzjoni jridu jiddivulgaw l-attivitajiet ta' negozju tagħhom, il-prestazzjoni, il-ġestjoni tar-riskju, il-profil tar-riskju, u l-metodi użati għall-valutazzjoni rigward, b'mod partikolari, il-provvedimenti, il-ġestjoni kapitali, u s-solvenza.

(16)

Il-ħames, rigward is-segretezza professjonali u l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, ir-reġim fis-seħħ fl-Iżvizzera għandu obbligi ta' segretezza professjonali fis-seħħ għall-persuni kollha li jaħdmu jew kienu jaħdmu għall-FINMA, inkluż awdituri u esperti li jaġixxu f'isem il-FINMA. Dawn l-obbligi jistipulaw ukoll li informazzjoni kunfidenzjali ma tistax tiġi ddivulgata ħlief f'forma aggregata jew imqassra, mingħajr ħsara għall-każi koperti mid-dritt kriminali. Barra minn hekk, il-FINMA tuża l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi minn awtoritajiet superviżorji oħra biss biex twettaq dmirijietha u għall-għanijiet previsti fil-liġi. Ir-reġim fis-seħħ fl-Iżvizzera jesiġi wkolli li f'każ li impriża ta' (ri)assigurazzjoni tiġi ddikjarata falluta jew tkun obbligata li tiġi stralċata, tista' tiġi ddivulgata informazzjoni kunfidenzjali jekk din ma tikkonċernax partijiet terzi involuti fis-salvataġġ ta' dik l-impriża. Il-FINMA tista' taqsam informazzjoni kunfidenzjali li tkun irċeviet mingħand awtorità superviżorja oħra ma' awtoritajiet, korpi jew persuni koperti mill-obbligi ta' segretezza professjonali fl-Iżvizzera biss wara l-qbil espliċitu ta' dik l-awtorità superviżorja. Hija ffirmat Memoranda ta' Qbil mal-Istati Membri kollha tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(17)

Is-sitt, rigward l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħha, FINMA u l-awtoritajiet Żvizzeri l-oħrajn li għandhom il-mandat li jiżguraw li s-swieq finanzjarji jaħdmu kif suppost, bħall-Bank Nazzjonali Żvizzeru u l-Ministeru tal-Finanzi, għandhom l-għodda biex jifhmu kif id-deċiżjonijiet se jaffettwaw l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji globalment, partikolarment waqt sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u li jqisu l-effetti proċikliċi potenzjali tagħhom meta jseħħ ċaqliq eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji. Skont ir-reġim fis-seħħ fl-Iżvizzera, isiru laqgħat regolari bejn l-awtoritajiet hawn fuq imsemmija biex dawn jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u biex jikkoordinaw l-azzjoni. Dan iseħħ ukoll fuq livell internazzjonali, fejn pereżempju l-awtoritajiet Żvizzeri jagħmlu skambji mal-kulleġġi superviżorji tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-EIOPA dwar kwistjonijiet ta' stabbiltà finanzjarja.

(18)

L-Artikoli 378 u 380 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/35 ukoll jistipulaw kriterji speċifiċi rigward l-ekwivalenza għal-attivitajiet ta' riassigurazzjoni u għas-superviżjoni tal-gruppi.

(19)

Rigward il-kriterji speċifiċi għall-attivitajiet ta' riassigurazzjoni skont l-Artikolu 378 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/35, il-bidu ta' negozju tar-riassigurazzjoni huwa soġġett għal-awtorizzazzjoni minn qabel mill-FINMA, u bil-kundizzjoni li jintlaħqu standards dettaljati li tistabbilixxi l-liġi. Kumpaniji ta' riassigurazzjoni captive huma koperti mir-reġim tas-solvenza fis-seħħ fl-Iżvizzera skont l-ISO.

(20)

Rigward il-kriterji speċifiċi għas-superviżjoni tal-gruppi skont l-Artikolu 380 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/35, il-FINMA għandha s-setgħa li tiddetermina liema impriżi jaqgħu fl-ambitu tas-superviżjoni fuq livell ta' grupp, u li tagħmel superviżjoni ta' impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni li huma parti minn grupp. Il-FINMA tissorvelja l-impriżi ta' (ri)assigurazzjoni kollha li fuqha, kif definit fl-Artikolu 212(1)(a) tad-Direttiva 2009/138/KE, impriża parteċipi teżerċita influwenza dominanti jew sinifikanti.

(21)

Il-FINMA hija kapaċi tivvaluta l-profil tar-riskju, il-pożizzjoni finanzjarja u s-solvenza ta' impriżi ta' (ri)assigurazzjoni li huma parti minn grupp u l-istrateġija tan-negozju ta' dak il-grupp.

(22)

Skont ir-reġim fis-seħħ fl-Iżvizzera, ir-regoli tar-rapportar u tal-kontabilità jippermettu l-monitoraġġ ta' tranżazzjonijiet fost l-impriżi ta' grupp u konċentrazzjonijiet tar-riskju, li l-gruppi ta' (ri)assigurazzjoni jridu jirrapportaw mill-inqas kull sena.

(23)

Skont ir-reġim fis-seħħ fl-Iżvizzera, il-FINMA tillimita l-użu tal-fondi proprji ta' impriża ta' (ri)assigurazzjoni jekk dawn ma jkunux jistgħu jsiru effettivament disponibbli biex ikopru r-rekwiżit ta' kapital tal-impriża parteċipi li għaliha s-solvenza tal-grupp tiġi kkalkulata. Il-kalkulazzjoni tas-solvenza tal-grupp twassal għal riżultati li huma mill-inqas ekwivalenti għar-riżultati tal-metodi stabbiliti fl-Artikoli 230 u 233 tad-Direttiva 2009/138/KE, mingħajr għadd doppju tal-fondi proprji u wara li kreazzjoni intragrupp tal-kapital permezz tal-finanzjament reċiproku tiġi eliminata. Iktar fid-dettal, anke jekk ma jkunx hemm proporzjon tas-solvenza tal-grupp bħal kif hemm fl-Artikoli 230 u 233 tad-Direttiva 2009/138/KE imma serje ta' proporzjonijiet ta' solvenza għal kull entità fi grupp, dik is-serja tiġbor l-interazzjonijiet kollha bejn l-entitajiet tal-grupp u għalhekk tieħu kont tal-istruttura tal-grupp.

(24)

Għaldaqstant, peress li jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikoli 378, 379 u 380 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/35, ir-reġim regolatorju u superviżorju fis-seħħ fl-Iżvizzera għal impriżi u gruppi ta' (ri)assigurazzjoni jitqies li il-kriterji għall-ekwivalenza sħiħa stipulati fl-Artikoli 172(2), 227(4) u 260(3) tad-Direttiva 2009/138/KE.

(25)

Il-Kummissjoni tista' tagħmel rieżami speċifiku b'rabta ma' pajjiż terz jew territorju individwali fi kwalunkwe żmien barra r-rieżami ġenerali, meta żviluppi rilevanti jagħmluh neċessarju li l-Kummissjoni tirrivaluta l-għarfien mogħti minn din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja, bl-assistenza teknika tal-EIOPA, l-evoluzzjoni tar-reġim fis-seħħ fl-Iżvizzera u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

(26)

Id-Direttiva 2009/138/KE tapplika mill-1 ta' Jannar 2016. Din id-Deċiżjoni għalhekk għandha wkoll tagħti l-ekwivalenza lir-reġim ta' solvenza u prudenzjali fis-seħħ fl-Iżvizzera sa minn dik id-data.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mill-1 ta' Jannar 2016, ir-reġim tas-solvenza fis-seħħ fl-Iżvizzera li japplika għall-attivitajiet ta' riassigurazzjoni ta' impriżi li għandhom l-uffiċċju prinċipali fl-Iżvizzera jitqies ekwivalenti għar-rekwiżiti tat-Titolu I tad-Direttiva 2009/138/KE.

Artikolu 2

Mill-1 ta' Jannar 2016, ir-reġim tas-solvenza fis-seħħ fl-Iżvizzera li japplika għal impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali fl-Iżvizzera jitqies ekwivalenti għar-rekwiżiti tat-Titolu I tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2009/138/KE.

Artikolu 3

Mill-1 ta' Jannar 2016, ir-reġim prudenzjali fis-seħħ fl-Iżvizzera li japplika għas-superviżjoni tal-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni fi grupp jitqies ekwivalenti għar-rekwiżiti tat-Titolu II tad-Direttiva 2009/138/KE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(3)  L-ISO ġie adottat mill-Kunsill Federali Żvizzeru fil-25 ta' Marzu 2015 u jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2015.

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

(5)  F'dan l-att, nispeċifikaw jekk inqisux impriża tal-assigurazzjoni fil-livell individwali (“waħedhom”) jew fuq livell ta' grupp. Impriżi waħedhom jistgħu jew ma jistgħux ikunu parti minn gruppi.


Top