Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1108

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1108 tat-8 ta' Lulju 2015 li japprova s-sustanza bażika l-ħall skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 181, 9.7.2015, p. 75–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1108/oj

9.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/75


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1108

tat-8 ta' Lulju 2015

li japprova s-sustanza bażika l-ħall skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' April 2013 il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, mingħand l-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tal-ħall bħala sustanza bażika. Fis-17 ta' Marzu 2014 irċeviet applikazzjoni mingħand il-belt ta' Pariġi (fi Franza) biex jiżdiedu l-użi maħsuba koperti mill-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-ħall bħala sustanza bażika. Dawn l-applikazzjonijiet kellhom mehmuż magħhom l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 23(3).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għal għajnuna xjentifika. Fit-12 ta' Awwissu 2014, l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar is-sustanza inkwistjoni lill-Kummissjoni (2). Fis-27 ta' Jannar 2015 il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' analiżi (3) u abbozz ta' dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, u ffinalizzathom għal-laqgħa tal-Kumitat tad-29 ta' Mejju 2015.

(3)

Id-dokumentazzjoni li ressaq l-applikant turi li l-ħall jissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, is-sustanza mhix użata b'mod predominanti għall-finijiet ta' protezzjoni tal-pjanti, madankollu hija utli għall-protezzjoni tal-pjanti fi prodott li jikkonsisti mis-sustanza u mill-ilma. B'mod partikolari, wieħed ma għandux jaħseb li l-ħall u l-aċidu aċetiku huma l-istess. Dan tal-aħħar huwa sustanza attiva li kienet iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (5) bid-Direttiva tal-Kumissjoni 2008/127/KE (6), kif kien ġie ċċarat fil-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni (7) dwar l-ismijiet li jinbigħu bihom l-oġġetti tal-ikel. Għaldaqstant, il-ħall għandu jitqies bħala sustanza bażika.

(4)

Mill-eżamijiet li saru deher li b'mod ġenerali, il-ħall huwa mistenni li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-użi li ġew eżaminati u dettaljati fir-rapport ta' analiżi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li l-ħall jiġi approvat bħala sustanza bażika.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, li huma spjegati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (8) għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Approvazzjoni ta' sustanza bażika

Kif jispeċifika l-Anness I, is-sustanza l-ħall hija approvata bħala sustanza bażika bil-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Il-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni għall-ħall bħala sustanza bażika u l-konklużjonijiet tal-EFSA dwar il-punti speċifiċi mqajma. EFSA supporting publication 2014:EN-641.37 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/sanco_pesticides/public/?event=homepage.

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Id-Direttiva Tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

(7)  ĠU C 270, 15.10.1991, p. 2.

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Ħall

Nru tal-CAS: 90132-02-8

Mhux disponibbli

Grad ta' ikel li jkun fih massimu ta' 10 % ta' aċidu aċetiku.

fl-1 ta' Lulju 2015.

L-użi approvati huma biss dawk ta' funġiċida u ta' batteriċida bħala sustanza bażika.

Il-ħall jista' jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar il-ħall (SANCO/12896/2014) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità l-ispeċifikazzjoni u l-użu tas-sustanza attiva nagħtaw fir-rapport ta' analiżi.


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, qed tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“5

Ħall

Nru tal-CAS: 90132-02-8

Mhux disponibbli

Grad ta' ikel li jkun fih massimu ta' 10 % ta' aċidu aċetiku.

fl-1 ta' Lulju 2015.

L-użi approvati huma biss dawk ta' funġiċida u ta' batteriċida bħala sustanza bażika.

Il-ħall jista' jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar il-ħall (SANCO/12896/2014) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità l-ispeċifikazzjoni u l-użu tas-sustanza attiva nagħtaw fir-rapport ta' analiżi.


Top