Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1102

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1102 tat-8 ta' Lulju 2015 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mat-tneħħija ta' ċerti sustanzi aromatizzanti mil-lista tal-Unjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 181, 9.7.2015, p. 54–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1102/oj

9.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/54


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1102

tat-8 ta' Lulju 2015

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mat-tneħħija ta' ċerti sustanzi aromatizzanti mil-lista tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 25(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-aromatizzanti u tal-materjali mis-sors approvati għall-użu fl-ikel u fuqu u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 (3) adotta l-lista ta' sustanzi aromatizzanti u introduċiha fl-Anness I tal-Parti A tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

(3)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li Stat Membru jew parti interessata tagħmel talba għal dan.

(4)

Il-lista tal-Unjoni ta' aromatizzanti u materjali mis-sors tinkludi għadd ta' sustanzi li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-“EFSA”) talbet dejta xjentifika addizzjonali dwarhom u li trid tingħata biex titlesta l-evalwazzjoni qabel l-iskadenzi speċifiċi stabbiliti fl-Anness I tal-Parti A tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

(5)

Fil-każ tal-ħames sustanzi li ġejjin: 1-metilnaftalen [FL No. 01.014], furfuril metil etere [FL No. 13.052], difurfurilsulfur [FL No. 13.056], difurfuril etere [FL No. 13.061] u etil furfuril etere [FL No. 13.123], ġiet stabbilita fil-lista tal-Unjoni l-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2013 biex tiġi ppreżentata d-dejta xjentifika addizzjonali mitluba.

(6)

Jekk it-tagħrif meħtieġ ma jingħatax saż-żmien mitlub, is-sustanza aromatizzanti inkwistjoni titneħħa mil-lista tal-Unjoni.

(7)

Sat-30 ta' Ġunju 2014, ma tressqet l-ebda dejta xjentifika addizzjonali skont l-Opinjonijiet speċifiċi tal-EFSA (4) dwar dawn is-sustanzi. Għaldaqstant, dawn is-sustanzi aromatizzanti għandhom jitneħħew mil-lista tal-Unjoni.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 873/2012 (5) jistabbilixxi miżuri tranżitorji għall-ikel li fih sustanzi aromatizzanti li jitqiegħed fis-suq jew li jiġi ttikkettat legalment skont il-liġi qabel it-22 ta' Ottubru 2014. Dawn il-miżuri tranżitorji jistgħu ma jkunux biżżejjed għall-ikel li fih sustanzi aromatizzanti li se jitneħħew mil-lista tal-Unjoni wara t-22 ta' Ottubru 2014. Għaldaqstant, għandu jiġu pprovdut perjodu ta' tranżizzjoni addizzjonali għall-ikel li fih il-ħames sustanzi aromatizzanti sabiex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-ikel li fih il-ħames sustanzi aromatizzanti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament li jitqiegħed fis-suq jew li jiġi tikkettat legalment sa 9 xhur qabel wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, imma li ma jikkonformax mal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Nru 1334/2008, jista' jkun kummerċjalizzat sad-data ta' durabbiltà minima jew sad-data tal-iskadenza tiegħu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 tal- 1 ta' Ottubru 2012 li jadotta l-lista ta' sustanzi aromatizzanti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jintroduċiha fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE (ĠU L 267, 2.10.2012, p. 1).

(4)  Scientific Opinion on Flavouring Group Evaluation 78 (FGE.78), The EFSA Journal (2009) 931, 1-59; Scientific Opinion on Flavouring Group Evaluation 67, Revision 1 (FGE.67Rev.1), EFSA Journal 2011; 9(10):2315; Scientific Opinion on Flavouring Group Evaluation 65 (FGE.65), EFSA Journal 2010; 8(7):1406.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 873/2012 tal-1 ta' Ottubru 2012 dwar miżuri tranżitorji li jirrigwardaw il-lista ta' ħwawar u materjali mis-sors stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 267, 2.10.2012, p. 162).


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, jitħassru l-entrati li ġejjin:

“01.014

1-Metilnaftalen

90-12-0

1335

11009

 

 

4

JECFA/EFSA

13.052

Furfuril metil etere

13679-46-4

1520

10944

 

 

4

EFSA

13.056

Difurfurilsulfur

13678-67-6

1080

11438

 

 

4

EFSA

13.061

Difurfuril etere

4437-22-3

1522

10930

 

 

4

EFSA

13.123

Etil furfuril etere

6270-56-0

1521

10940

 

 

4

EFSA”


Top