Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0242

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/242 tad- 9 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi skont il-Politika Komuni tas-Sajd

OJ L 41, 17.2.2015, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/242/oj

17.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/242

tad-9 ta' Ottubru 2014

li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi skont il-Politika Komuni tas-Sajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 45(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, jipprevedi t-twaqqif ta' Kunsilli Konsultattivi li għandhom jippromwovu rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura, u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(2)

Il-Kunsilli Konsultattivi jistgħu jressqu r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati dwar kwistjonijiet marbutin mal-ġestjoni taż-żoni tas-sajd u mal-aspetti soċjoekonomiċi u ta' konservazzjoni tas-sajd u l-akkwakultura. Huma jistgħu javżaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bil-problemi marbutin mal-ġestjoni u mal-aspetti soċjoekonomiċi u ta' konservazzjoni tas-sajd u tal-akkwakultura fiż-żona ġeografika tagħhom jew fil-qasam ta' kompetenza tagħhom, u jikkontribwixxu, b'kooperazzjoni mill-qrib max-xjenzati, għall-ġbir, il-forniment u l-analiżi tad-dejta meħtieġa għall-iżvilupp ta' miżuri ta' konservazzjoni.

(3)

Filwaqt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (2) twaqqaf seba' Kunsilli Konsultattivi Reġjonali, l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fih ukoll l-erba' Kunsilli Konsultattivi l-ġodda stabbiliti b'dak ir-Regolament.

(4)

Billi r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jwaqqaf il-Kunsilli Konsultattivi l-ġodda, jeħtieġ li tiġi ddefinita l-proċedura biex dawn jibdew jiffunzjonaw.

(5)

Fid-dawl tar-rwol importanti li mistenni jkollhom il-Kunsilli Konsultattivi fil-Politika Komuni tas-Sajd reġjonalizzata, u bi qbil mal-prinċipji ta' governanza tajba stabbiliti fl-Artikolu 3(b) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jeħtieġ ukoll li jkun żgurat bi qbil mal-Artikolu 43(1) ta' dak ir-Regolament, li l-istruttura tagħhom tkun tiggarantixxi rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati leġittmi kollha fil-qasam tas-sajd, inklużi flotot żgħar u, fejn hu rilevanti, fil-qasam tal-akkwakultura.

(6)

Il-flotot tas-sajd iż-żgħar għandhom rwol soċjali, ekonomiku, ambjentali u kulturali importanti f'bosta komunitajiet kostali madwar l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva fil-ħidma tal-Kunsilli Konsultattivi, li tinkludi l-kontribuzzjoni lejn l-ispejjeż u t-telf ta' introjtu li din il-parteċipazzjoni tista' tiswielhom.

(7)

Biex ikunu żgurati l-funzjonament effikaċi u l-kollaborazzjoni ma' partijiet ikkonċernati minn pajjiżi terzi, il-Kunsilli Konsultattivi se jkunu jistgħu jaddattaw il-modi kif jaħdmu u jirrimburżaw l-ispejjeż każ b'każ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“Stat Membru kkonċernat” tfisser Stat Membru li jkollu interess ta' ġestjoni diretta fit-tifsira tal-Artikolu 4(1)(22) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fil-qasam tal-kompetenza ta' Kunsill Konsultattiv kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għall-Kunsilll Konsultattiv għall-akkwakultura u l-Kunsill Konsultattiv għas-swieq, “Stat Membru kkonċernat” se tkun tfisser l-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

2.

“Organizzazzjonijiet tas-settur” tfisser organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-sajjieda u, fil-każ tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-akkwakultura, operaturi fil-qasam tal-akkwakultura u rappreżentanti tas-setturi tal-ipproċessar u tal-kummerċ;

3.

“Gruppi ta' interess oħrajn” tfisser rappreżentanti ta' gruppi affettwati mill-Politika Komuni tas-Sajd li mhumiex organizzazzjonijiet tas-settur, b'mod partikolari organizzazzjonijiet ambjentali u gruppi tal-konsumaturi.

Artikolu 3

Il-bidu tal-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi l-ġodda

1.   Organizzazzjonijiet tas-settur u gruppi ta' interess oħrajn b'interess f'wieħed mill-Kunsilli Konsultattivi msemmijin fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom iressqu applikazzjoni konġunta lill-Kummissjoni dwar il-bidu tal-funzjonament tal-Kunsill Konsultattiv rispettiv. L-applikazzjoni konġunta għandha tkun kompatibbli mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u b'mod partikolari fl-Artikolu 43(1) u fl-Anness III, u għandha tinkludi:

(a)

dikjarazzjoni tal-għanijiet;

(b)

il-prinċipji tal-operazzjoni;

(c)

ir-regoli tal-proċedura;

(d)

lista tal-organizzazzjonijiet tas-settur u ta' gruppi ta' interess oħrajn.

2.   Wara li tivverifika li l-applikazzjoni konġunta tkun kumpatibbli mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari mal-Anness III u mar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tibgħatha lill-Istati Membri kkonċernati fi żmien xahrejn wara li tkun waslet. Il-Kummissjoni tista' tipproponi l-emendi għall-applikazzjoni konġunta biex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti kollha msemmijin f'dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni hijiex iffirmata minn organizzazzjonijiet tas-settur rappreżentanti u minn gruppi ta' interess oħrajn u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-qbil tagħhom fi żmien xahar mill-wasla tal-applikazzjoni konġunta. Skont l-osservazzjonijiet ta' dawk l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' titlob aktar emendi jew kjarifiki.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika komunikazzjoni dwar il-bidu tal-funzjonament ta' kull Kunsill Konsultattiv ġdid fis-sensiela C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija ma għandhiex tippubblika din l-informazzjoni qabel ma jkunu sodisfatti r-rekwiżiti kollha msemmijin fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq. Il-Kunsill Konsultattiv jibda jiffunzjona fid-data indikata fil-komunikazzjoni, li ma jistax ikun qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni.

Artikolu 4

L-istruttura u l-organizzazzjoni tal-Kunsilli Konsultattivi

1.   Barra mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(1), tal-Artikolu 45(1) sa (3) u tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-Kunsilli Konsultattivi għandhom jikkonformaw mal-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-assemblea ġenerali ta' Kunsill Konsultattiv għandha:

(a)

tadotta r-regoli tal-proċedura tal-Kunsill Konsultattiv;

(b)

tiltaqgħa mill-inqas darba fis-sena biex tapprova r-rapport annwali, il-pjan strateġiku annwali u l-baġit annwali tal-Kunsill Konsultattiv.

3.   L-assemblea ġenerali għandha taħtar kumitat eżekuttiv ta' mhux iżjed minn 25 membru. Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, l-assemblea ġenerali tista' tiddeċiedi li taħtar kumitat eżekuttiv ta' mhux iżjed minn 30 membru biex tiżgura rappreżentanza xierqa tal-flotot iż-żgħar.

4.   L-assemblea ġenerali għandha tiżgura rappreżentanza bbilanċjata u wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati kollha billi tqis il-kapaċità finanzjarja ta' dawn u tiffissa miżati tas-sħubija ekwi.

5.   Il-Kumitat Eżekuttiv għandu:

(a)

jiggwida u jimmaniġġa l-kompiti tal-Kunsill Konsultattiv bi qbil mal-Artikolu 44(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

iħejji r-rapport annwali, il-pjan strateġiku annwali u l-baġit annwali;

(c)

jadotta r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti msemmijin fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

6.   L-assemblea ġenerali u l-Kumitat Konsultattiv għandhom jiżguraw rappreżentanza bbilanċjata u wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati kollha, b'enfasi fuq il-flotot iż-żgħar, fejn rilevanti. L-għadd ta' rappreżentanti tal-flotot iż-żgħar għandu jirrifletti l-proporzjon tal-flotot iż-żgħar fis-settur tas-sajd tal-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 5

Metodi ta' ħidma

Meta jkun qed jiddeċiedi dwar il-metodi ta' ħidma tiegħu, kull Kunsill Konsultattiv għandu jipprova jiżgura l-effiċjenza u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-membri kollha billi juża mezzi ta' komunikazzjoni tal-informatika moderni u jipprovdi servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni.

Artikolu 6

Il-kontribut finanzjarju tal-Kunsilli Konsultattivi

1.   Kull Kunsill Konsultattiv għandu joffri kumpens addizzjonali lis-sajjied li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-flotot iż-żgħar għall-parteċipazzjoni effiċjenti tagħhom fil-ħidma tiegħu, minbarra li jirrimborżalhom l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni. Dan il-kumpens għandu jkun iġġustifikat kif xieraq f'kull każ.

2.   Meta jistiednu lil xi osservaturi minn pajjiżi terzi, kif imsemmi fil-punt (k) tal-paragrafu 2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kunsilli Konsultattivi jistgħu jikkontribwixxu lejn l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tal-osservaturi bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-membri tagħhom.

Artikolu 7

L-appoġġ tal-Istati Membri

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-appoġġ tekniku, loġistiku u finanzjarju xieraq biex jiffaċilitaw il-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi.

Artikolu 8

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22)

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2004 li tistabbilixxi Kunsilli Konsultattivi Reġjonali taħt il-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 256, 3.8.2004, p. 17).


Top