Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0637

2013/637/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta’ Novembru 2013 li temenda r-Rakkomandazzjoni 2006/576/KE fir-rigward tat-tossini T-2 u HT-2 f’għalf kompost għall-qtates Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 294, 6.11.2013, p. 44–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2013/637/oj

6.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 294/44


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Novembru 2013

li temenda r-Rakkomandazzjoni 2006/576/KE fir-rigward tat-tossini T-2 u HT-2 f’għalf kompost għall-qtates

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/637/UE)

L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

It-tossini T-2 u HT-2 huma mikotossini prodotti minn diversi speċi Fusarium. It-tossina T-2 tiġi metabolizzata malajr għal għadd kbir ta’ prodotti, filwaqt li t-tossina HT-2 hija metabolit maġġuri.

(2)

Il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (il-bord CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni fuq talba mill-Kummissjoni marbuta mar-risjki għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika marbuta mal-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fl-ikel u fl-għalf (1).

(3)

Fir-rigward tar-riskju għas-saħħa tal-annimali, il-Bord CONTAM ikkonkluda li għar-ruminanti, il-fniek u l-ħut, l-esponiment stmat preżenti għat-tossini T-2 u HT-2 huwa kkunsidrat bħala improbabbli li jkun ta’ tħassib għas-saħħa. Għall-ħnieżer, it-tjur, iż-żwiemel u l-klieb, l-estimi tal-esponiment għat-tossini T-2 u HT-2 jindikaw li r-riskju ta’ effetti avversi fuq is-saħħa huwa baxx. Il-qtates huma fost l-ispeċi tal-annimali mill-aktar sensittivi. Minħabba d-dejta limitata u l-effetti avversi severi tas-saħħa f’livelli ta’ doża baxxa, ma setgħux jiġu stabbiliti n-NOAEL (livell bla effett ħażin osservat) jew il-LOAEL (livell bl-inqas effett ħażin osservat).

(4)

B’kunsiderazzjoni għall-konklużjonijiet tal-opinjoni xjentifika, iridu jsiru investigazzjonijiet sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-fatturi li jirriżultaw f’livelli relattivament għoljin ta’ tossini T-2 u HT-2 f’ċereali u fi prodotti taċ-ċereali u dwar l-effetti tal-ipproċessar tal-għalf u tal-ikel. Għalhekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/165/UE (2) ġiet adottata biex tirrakkomanda li jsiru dawn l-investigazzjonijiet.

(5)

Minħabba t-tossiċità tat-tossini T-2 u HT-2 għall-qtates, huwa xieraq li, barra minn hekk, jiġi stabbilit valur ta’ gwida għat-total tat-tossini T-2 u HT-2 fl-għalf tal-qtates li għandu jiġi applikat għall-ġudizzju tal-aċċettabbiltà tal-għalf tal-qtates fir-rigward tal-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/576/KE (3) għalhekk għandha tiġi emendata,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2006/576/KE, tiżdied l-entrata li ġejja wara l-entrata dwar il-Fumonisin B1 + B2:

“Mikotossina

Prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali

Valur gwida fi mg/kg (ppm) li hu relattiv għal għalf b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

Tossini T-2 + HT-2

Għalf kompost għall-qtates

0,05 ”

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika marbuta mal-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fl-ikel u fl-għalf. EFSA Journal 2011; 9(12):2481. [187 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2011.2481. Jinsab onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/165/UE tas-27 ta’ Marzu 2013 dwar il-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 f’ ċereali u fi prodotti taċ-ċereali (ĠU L 91, 3.4.2013, p. 12).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/576/KE tas-17 ta’ Awwissu 2006 dwar il-preżenza tad-deossinivalenol, zearalenon, ochratossin A, T-2 u HT-2 u l-fumonisini fil-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali (ĠU L 229, 23.8.2006, p. 7).


Top