Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0323

2013/323/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 21 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

OJ L 175, 27.6.2013, p. 47–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/323/oj

27.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/47


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ġunju 2013

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

(2013/323/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu.

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fuq talba mill-Portugall, il-Kunsill tah assistenza finanzjarja fis-17 ta' Mejju 2011 (Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE (2)) b'appoġġ għal programm ta' riforma ekonomiku u finanzjarju qawwi ("Programm") bil-għan li terġa' tinkiseb il-fiduċja, li l-ekonomija terġa' lura lejn tkabbir sostenibbli, u li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, fiż-żona tal-euro u l-Unjoni.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), wettqet is-seba' analiżi tal-progress tal-awtoritajiet Portugiżi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri mifthiema skont il-Programm bejn il-25 ta' Frar u l-14 ta' Marzu. Sussegwentement, bejn l-14 u s-17 ta’ April 2013 u bejn it-8 u l-11 ta’ Mejju 2013, twettqet valutazzjoni addizzjonali ta’ xi miżuri fiskali.

(3)

Estensjoni tal-maturità medja massima tas-self tal-Unjoni tkun ta’ benefiċċju minħabba li din tkun tappoġġa l-isforzi tal-Portugall biex tikseb aċċess sħiħ għas-suq u toħroġ b’suċċess mill-Programm. Sabiex jittieħed benefiċċju sħiħ mill-estensjoni tal-maturità medja massima tas-self tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata testendi l-maturità ta’ pagamenti u porzjonijiet.

(4)

Il-prodott domestiku gross (PDG) reali naqas bi 3,2 % fl-2012 wara tnaqqis kbir mhux mistenni ta’ attività ekonomika u impjiegi fl-aħħar kwart tas-sena. Dawn l-iżviluppi kienu jeħtieġu reviżjoni 'l isfel tal-perspettivi ekonomiċi: il-PDG reali issa huwa mistenni li jiċkien bi 2,3 % fl-2013 minħabba trasferiment aktar negattiv mill-2012, tnaqqis iktar qawwi fil-konsum domestiku fuq wara ta’ qgħad ogħla milli kien antiċipat u tbassir dgħajjef għad-domanda esterna. L-irkupru ekonomiku huwa wkoll previst li jkun aktar baxx minn dak li kien mistenni preċedentement bil-PDG reali mbassar li jaqa’ fit-tieni nofs tas-sena u li jikber fl-2014 b’rata medja annwali ta’ 0,6 %. It-tkabbir reali tal-PDG fl-2015 huwa mistenni li jilħaq 1,5 %. Ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tkun l-ogħla ta' 18 ½ % tal-forza tax-xogħol fl-2014.

(5)

Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq 6,4 % tal-PDG fl-2012, li huwa ogħla mill-mira tal-Programm ta’ 5 % tal-PDG. L-iżbilanċ nominali kien affettwat minn għadd kbir ta’ operazzjonijiet ta’ darba, li l-impatt baġitarju tagħhom ma kienx magħruf fir-reviżjoni preċedenti. L-operazzjonijiet jinkludu injezzjoni ta' kapital fil-bank tal-Istat CGD (0,5 % tal-PDG), il-bdil tar-rotta mill-Gvern permezz tal-konverżjoni f’ekwità ta’ self mill-azzjonisti ta’ Parpública għal SAGESTAMO, żewġ kumpaniji barra l-perimetru ġenerali tal-gvern (0,5 % tal-PDG), u diffikultajiet assoċjati mat-trasferiment ta’ assi mill-BPN (0,1 % tal-PDG). Barra minn hekk, wara l-parir mill-Eurostat id-dħul mill-bejgħ ta’ konċessjoni għall-operat tal-ajruporti ewlenin fil-Portugall ġie ttrattat bħala irtirar tal-ekwità u għaldaqstant ma jolqotx il-bilanċ ġenerali tal-Gvern, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Gvern kien ippreveda fil-baġit (0,7 % tal-PDG). Minbarra l-impatt ta’ dawn l-fatturi ta’ darba mill-bilanċ nominali, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern kien ikun jammonta għal 4,7 % tal-PDG, taħt il-mira. Il-limitazzjoni tad-defiċit għal dan il-livell kien ta’ sfida minħabba l-prestazzjoni baxxa tad-dħul xprunata li mil-lat makroekonomiku kellu jiġi kkumpensat b’iffrankar akbar milli kien ibbaġitjat, b’mod partikolari fil-kont tal-pagi pubbliċi, konsum intermedju u approprjazzjonijiet għal proġetti ġodda ta’ investiment

(6)

B’mod ġenerali, l-isforz fiskali fl-2012, imkejjel bit-titjib fil-bilanċ strutturali, laħaq 2,4 % tal-PDG, u huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2012 bil-ħsieb li ġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Portugall. It-titjib fil-bilanċ strutturali ewlieni kien saħansitra ogħla, b’2,7 % tal-PDG.

(7)

Wara żviluppi fl-2012, il-bażi baġitarja l-ġdida tal-2013 tassumi li t-tnaqqis fid-dħul u ż-żieda fit-trasferiment soċjali in natura huma trasferiti ‘l quddiem billi parti kbira tal-iffrankar fl-infiq fl-aħħar kwart tal-2012 huma kkunsidrati mhux permanenti, li jwassal għal trasferiment negattiv ta’ madwar 0,4 % tal-PDG fl-2013. Barra minn hekk, id-deterjorazzjoni sinifikanti fil-perspettiva makroekonomika fl-2013 naqqset il-bażi baġitarja b'0,5 % tal-PDG. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, il-miri baġitarji perijodkif speċifikat fil-ħames reviżjoni tal-programm (4,5 % tal-PDG fl-2013 u 2,5 % tal-PDG fl-2014) m’għadhomx vijabbli. Billi d-devjazzjoni hija vvalutata bħala li hija essenzjalment lil hinn mill-kontroll tal-Gvern, reviżjoni tal-aġġustament baġitarju tidher xierqa.

(8)

Il-miri tad-defiċit għalhekk ġew aġġustati għal 5,5 % tal-PDG fl-2013, 4,0 % tal-PDG fl-2014 u 2,5 % tal-PDG fl-2015. Din id-direzzjoni fiskali ġiet ikkalibrata mill-ġdid sabiex jinżamm aġġustament primarju strutturali ta’ kważi 9 % matul il-perijodu 2011-2015, filwaqt li jippermetti t-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi u filwaqt li jitqiesu l-finanzjament u r-restrizzjonijiet tad-debitu kif ukoll l-ispejjeż soċjali tal-aġġustament. Anke taħt il-miri riveduti, ammont konsiderevoli ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ 3,5 % tal-PDG fl-2013 u 2 % tal-PDG fl-2014 se tkun meħtieġa. Sensiela ta’ miżuri stutturali ta’ nfiq u dħul jirfdu l-aġġustament previst matul il-perijodu tal-Programm. Il-proċess ta’ konsolidazzjoni huwa mistenni li jkompli lil hinn mill-perijodu tal-Programm sabiex l-iżbilanċ jinġieb b’mod ċar taħt il-limitu ta' 3 % sal-2015.

(9)

Il-liġi tal-baġit tal-2013 inkludiet miżuri diskrezzjonarji ta’ natura strutturali li jiswew ftit iktar minn 3 % tal-PDG, wara li jiġi kkunsidrat id-dħul mill-ġdid ta’ wieħed miż-żewġ pagamenti bonus għal impjegati pubbliċi u 1,1 drabi taż-żewġ pagamenti ta’ bonus għal pensjonanti li kienu nqatgħu fl-2012. Fil-5 ta’ April 2013, madankollu, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet kontra xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-baġit tal-2013, inkluż il-bqija tas-sehem maqtugħ ta’ pagament bonus wieħed għall-ħaddiema tal-gvern, 0,9 darbiet tal-ħlas bħala bonus għal pensjonanti u sovraimposta ġdida fuq il-benefiċċji tal-qgħad u l-liv tal-mard, li toħloq diskrepanza baġitarja ta’ 0,8 % tal-PDG. Biex jagħlaq din id-diskrepanza u biex isostni l-aġġustament fiskali meħtieġ fl-2014 u l-2015, il-Gvern adotta matul April u Mejju pakkett ta’ miżuri permanenti għat-tnaqqis tal-infiq b’rendiment kumulattiv ta’ EUR 4,7 biljun jew 2,8 % tal-PDG matul l-2013-2014, li minnhom miżuri tal-valur ta’ 0,8 % tal-PDG ikunu antiċipati fl-2013. Fl-2014, il-bilanċ bejn il-konsolidazzjoni bbażata fuq id-dħul u dik ibbażata fuq l-infiq ser jerġa' jiġi stabbilit.

(10)

Ukoll, bħala konsegwenza ta’ riintegrazzjoni sħiħa taż-żewġ pagamenti bonus għal ħaddiema tal-gvern u pensjonanti, żidiet fid-dħul jammontaw għal aktar minn żewġ terżi tal-isforz ta’ konsolidazzjoni fiskali ġenerali fl-2013 filwaqt li tnaqqis fl-infiq jammonta għal anqas minn terz, għall-kuntrarju tal-intenzjoni oriġinali tal-konsolidazzjoni li jiffokaw fuq l-infiq.

(11)

Fl-2013, miżuri ta’ dħul li jinkludu ristrutturar tat-taxxa fuq dħul personali; sovraimposta ta’ 3,5 % min-naħa ta’ dħul taxxabbli li jaqbeż il-paga minima; sovraimposta ta’ solidarjetà fuq l-ogħla livelli ta’ dħul; it-twessigħ tal-bażi tat-taxxa u bidliet oħra li jżidu d-dħul fit-tassazzjoni korporattiva; sisa ogħla fuq it-tabakk, l-alkoħol u l-gass naturali; twessigħ tal-bażi tat-taxxa fuq il-proprjetà wara r-rivalutazzjoni ta’ proprjetajiet u kontribuzzjoni straordinarja ta' solidarjetà għall-pensjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ sostenibbiltà relatata mat-tixjiħ. Fuq in-naħa tal-infiq, il-miżuri jipprevedu tnaqqis importanti fl-ispiża tal-pagi fis-settur pubbliku billi tiġi ottimizzata l-allokazzjoni ta’ riżorsi u dimensjonar mill-ġdid tal-forza tax-xogħol għas-settur pubbliku u billi jitnaqqsu pagamenti skaduti, benefiċċji supplimentari u kumpensi matul leave straordinarju. Miżuri oħra għat-tnaqqis tal-infiq jinkludu l-kontinwazzjoni ta’ sforzi ta’ razzjonalizzazzjoni fis-settur tas-saħħa; is-simplifikazzjoni ta’ benefiċċji soċjali u mmirar aħjar ta’ appoġġ soċjali; it-tnaqqis fil-konsum intermedju fil-ministeri relevanti; u iffrankar minn negozjar mill-ġdid ta’ kuntratti ta’ Sħubija Pubblika Privata (SPP) u minn aktar sforzi ta’ ristrutturar f’impriżi tal-istat. Xi tfaddil previst għandu jirriżulta minn antiċipazzjoni ta’ miżuri li ġew imfassla fil-qafas ta’ reviżjoni tal-infiq pubbliku.

(12)

Filwaqt li l-miżuri msemmija hawn fuq huma ta’ natura permanenti, il-Gvern se jadotta wkoll miżuri mhux permanenti inkluż, fost oħrajn permezz tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Fond ta’ Koeżjoni minn proġetti inqas maturi għal dawk aktar avvanzati, u tnaqqis ulterjuri fin-nefqa kapitali (programm Polis).

(13)

Minbarra l-miżuri ta’ konsolidazzjoni inklużi fil-baġit supplimentari, il-bidliet leġislattivi l-oħra kollha u l-proposti leġislattivi meħtieġa biex jiġu implimentati r-riformi marbuta mar- reviżjoni tal-infiq pubbliku se jiġu adottati mill-gvern jew sottomessi lill-Parlament, skont il-każ, qabel tmiem is-sessjoni leġislattiva f’nofs Lulju 2013.

(14)

Għall-2014, l-aġġustament fiskali se jipproċedi fuq il-bażi ta’ reviżjoni tal-infiq pubbliku fejn il-gvern impenja ruħu matul dawn l-aħħar xhur u jinkludi miżuri permanenti għat-tnaqqis tal-infiq ta’ 2 % tal-PDG fl-2014. L-impatt ewlieni għal kull miżura se jkun fuq tliet assi prinċipali: (1) it-tnaqqis tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku; (2) it-tnaqqis tal-benefiċċji tal-pensjoni; u (3) tnaqqis fl-infiq settorjali madwar il-Ministeri u programmi. Il-miżuri tar-reviżjoni tal-infiq pubbliku huma parti minn sforz mifrux biex jirriformaw l-istat bil-għan li tiżdied l-ekwità u l-effiċjenza fil-forniment ta’ trasferimenti soċjali u servizzi pubbliċi. It-tnaqqis fil-kont tal-pagi fl-2014 jimmira li jnaqqas id-daqs tal-forza tax-xogħol tas-settur pubbliku filwaqt li l-kompożizzjoni tiegħu ixxaqleb lejn impjegati b'ħiliet għoljin, l-allinjament tar-regoli dwar ix-xogħol tas-settur pubbliku ma’ dawk tas-settur privat u billi l-politika ta’ rimunerazzjoni ssir aktar trasparenti u msejsa fuq il-mertu. Riformi speċifiċi jinkludu t-trasformazzjoni ta’ skema ta’ mobilità speċjali għal programm ta' rikwalifikazzjoni, l-allinjament tas-sigħat ta' xogħol fis-settur pubbliku ma’ dawk fis-settur privat (jiġifieri jiżdiedu fil-ġimgħa tax-xogħol minn 35 sa 40 siegħa), introduzzjoni ta’ sistema ta’ sigħat flessibbli, it-tnaqqis ta' drittijiet ta’ vaganza, l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ sensji volontarji (li hija stmata li se tiġġenera spejjeż ta’ darba bil-quddiem ta’ madwar 0,3 % tal-PDG) u l-introduzzjoni ta’ skala waħdanija tal-paga u supplimenti. Riforma komprensiva tal-pensjonijiet għandha tiġġenera parti importanti oħra tat-tfaddil u se tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ ekwità u progressività ta' dħul, biex b’hekk jiġu protetti l-pensjonijiet l-aktar baxxi. Speċifikament, ir-riformi se jkollha l-għan li tnaqqas id-differenzi attwali bejn is-sistema tal-impjegati taċ-ċivil (CGA) u s-sistema ġenerali, iż-żieda tal-età statutorja tal-irtirar b’bidliet fil-fattur ta’ sostenibbiltà demografika u l-introduzzjoni — jekk ikun strettament meħtieġ — ta' kontribuzzjoni ta’ sostenibbiltà progressiva. Fl-aħħar nett, iffrankar fil-konsum intermedju u ta’ programmi fin-nefqa madwar il-Ministeri relevanti se tiġi intensifikata.

(15)

Fid-dawl ta’ riskji politiċi u legali fil-proċess ta’ implimentazzjoni, xi wħud mill-miżuri reviżjoni tal-infiq pubbliku jistgħu jiġu mibdula b’oħrajn ta’ daqs u kwalità ekwivalenti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ msieħba soċjali u politiċi.

(16)

Il-proċess ta' aġġustament baġitarju huwa appoġġjat minn sensiela ta' miżuri strutturali biex jitjieb il-kontroll fuq in-nefqa tal-gvern u jitjieb il-ġbir tad-dħul. B’mod partikolari, hija prevista riforma komprensiva tal-qafas baġitarju, inkluż fil-livell tal-gvern ċentrali, reġjonali u lokali, biex iġġibu konformi mal-aqwa prattiki fil-proċeduri u l-ġestjoni baġitarji. Il-Liġi Qafas dwar il-Baġit ġiet emendata biex tinkorpora l-qafas tal-Unjoni dwar il-governanza fiskali, billi r-rekwiżiti stabbiliti fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza jiġu trasposti fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fil-pakkett dwar il-governanza ekonomika magħrufa bħala s-"six-Pack". Is-sistema ġdida ta' kontroll tal-impenji qed turi riżultati iżda l-implimentazzjoni trid tiġi mmonitorjata mill-qrib biex jiġi żgurat li l-impenji huma konformi mal-finanzjament. Riformi fl-amministrazzjoni pubblika se jkomplu b'razzjonalizzazzjoni importanti tal-impjieg pubbliku u entitajiet pubbliċi. Progress fl-aġenda tar-riforma tal-amministrazzjoni tad-dħul tkompli u l-awtoritajiet qed itejbu l-monitoraġġ u jsaħħu l-konformità tad-dħul. In-negozjar mill-ġdid tal-Sħubiji Pubbliki Privati beda u iffrankar sinifikanti huwa pproġettat għall-2013 u wara. Impriżi tal-istat laħqu bilanċ operazzjonali fuq medja sa tmiem l-2012 u effiċjenza addizzjonali li jititxu riformi huma previsti biex ir-riżultati jkomplu jitjiebu. Riformi fis-settur tal-kura tas-saħħa qed jipproduċu ffrankar sinifikanti u l-implimentazzjoni qed tkompli b'mod ġeneralment konformi mal-miri.

(17)

Skont il-projezzjonijiet attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir tal-PDG nominali (-1,0 % fl-2013, 1,6 % fl-2014 u 3,3 % fl-2015) u d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' 5,5 % tal-PDG fl-2013, 4,0 % tal-PDG fl-2014 u 2,5 % tal-PDG fl-2015, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jiżviluppa kif ġej: 122,9 % tal-PDG fl-2013, 124,2 % tal-PDG fl-2014 u 123,1 % tal-PDG fl-2015. Għalhekk, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG jitqiegħed fuq perkors 'l isfel wara l-2014, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqis tad-defiċit. Id-dinamiċi tad-dejn huma affetwati minn diversi operazzjonijiet barra mill-baġit, inkluż akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta' assi finanzjarji, b'mod partikolari għall-possibbiltà tar-rikapitalizzazzjoni bankarja u l-finanzjament tal-impriżi tal-istat u d-differenzi bejn il-pagamenti ta' imgħax dovuti u mħallsa.

(18)

Fl-2012, l-eżerċizzju ta' żieda fil-kapital bankarju tlesta u ppermetta lill-banek li pparteċipaw biex jilħqu l-buffers ta' kapital regolatorju tal-Awtorità Bankarja Ewropea kif ukoll il-mira tal-aħħar tas-sena għall-2012 ta' proporzjon ta' Livell 1 ta' 10 %, li ġiet sodisfatta sa nofs l-2012. Il-mira indikattiva ta’ self għal depożitu ta' 120 % sal-2014 x'aktarx se tintlaħaq billi xi banek diġà kienu taħt il-limitu f'dan l-istadju sal-aħħar tal-2012. L-isforzi biex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta' finanzjament għas-settur korporattiv qegħdin jissaħħu. L-ambitu biex tittejjeb u tkun regolata l-prestazzjoni ta’ linji ta’ kreditu eżistenti sponsorjati mill-gvern qed tiġi vvalutata. Il-pjanijiet ta’ rkupru tal-banek qed jiġu analizzati u pjanijiet ta’ riżoluzzjoni mħejjija.

(19)

Sar aktar progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-kompetittività. Minbarra t-tisħiħ tal-istrateġiji politiċi attivi tas-suq tax-xogħol, l-awtoritajiet adottaw riforma komprensiva tas-tas-suq tax-xogħol. Bil-ħsieb li tiġi promossa l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi, il-qafas legali l-ġdid inaqqas il-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg, itaffi l-kundizzjoni ta’ sensji ġusti, iżid il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol, ikabbar il-possibilitajiet għal negozjar fil-livell tal-kumpaniji u jirrevedi kif taħdem is-sistema tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad biex jiżdiedu l-inċentivi għal ritorn rapidu lejn ix-xogħol, filwaqt li jiġi ggarantit livell adegwat ta’ protezzjoni. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-iskejjel sekondarji u t-taħriġ vokazzjonali b'mod ġenerali qed tavvanza kif skedat.

(20)

L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (3) immirata biex jitnaqqsu l-ostakli għad-dħul u tingħata spinta lill-kompetizzjoni u l-attività ekonomika billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal parteċipanti ġodda biex jidħlu fis-suq f’reġimi ekonomiċi differenti, għaddejja b'ritmu tajjeb. Qed titħejja liġi qafas sabiex jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali tal-funzjonament tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-aktar importanti, inklużi billi jingħataw indipendenza u awtonomija b'saħħithom għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament. Sar progress sinifikanti fit-traspożizzjoni tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija u t-tnaqqis tad-dejn tat-tariffa tal-elettriku biex tiġi żgurata li s-sostenibbiltà tas-sistema hija kontinwa. Proċeduri ta’ ħruġ ta' liċenzji u piżijiet amministrattivi oħra wkoll qed jiġu ssimplifikati f’setturi ekonomiċi differenti bħalma huma l-ambjent u l-ippjanar territorjali, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-industrija, it-turiżmu u l-ġeoloġija.

(21)

Riforma komprensiva tas-suq tal-kiri tad-djar daħlet fis-seħħ f’Novembru 2012 li għandha trendi s-suq tad-djar aktar dinamiku. Ir-riformi tas-sistema ġudizzjarja tkompli tavvanza skont l-iskeda miftiehma. Sar iktar progress fit-tnaqqis ta' każijiet pendenti u f'riformi usa’ bħar-riorganizzazzjoni ġeografika tad-distretti tal-qrati u r-riforma tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

(22)

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli lill-Portugall self li jammonta għal massimu ta’ EUR 26 biljun, b’maturità medja massima ta’ 19,5 snin. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tal-faċilità ta’ self jista’ jkollu maturità ta’ mhux aktar minn 30 sena.‧;

(b)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘9.   Fuq talba tal-Portugall, il-Kummissjoni tista’ ttawwal il-maturità ta’ pagament akkont jew parti, sakemm il-maturità medja massima kif stabbilita fil-paragrafu 1 tkun rispettata. Il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self kollu tagħha jew parti minnu għal dik il-fini. Kull ammont misluf mill-Kummissjoni bil-quddiem jinżamm f’kont mal-BĊE li l-Kummissjoni fetħet għall-amministrazzjoni tal-assistenza finanzjarja."

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘3.   Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż il-5,9 % tal-PDG fl-2011, 5,0 % tal-PDG fl-2012, 5,5 % tal-PDG fl-2013 u 4 % tal-PDG fl-2014. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern. Il-konsolidazzjoni baġitarja għandha tintlaħaq permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u bil-minimizzazzjoni tal-impatt tal-konsolidazzjoni fuq gruppi vulnerabbli.

4.   Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 5 sa 8 qabel tmiem is-sena indikata, u d-dati ta’ skadenza preċiżi għas-snin 2011-2014 għandhom ikunu speċifikati fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-Portugall għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex jintlaħqu l-miri tad-defiċit matul il-perijodu tal-programm.” ‧

(b)

Paragrafi 7 sa 9 huma sostitwiti b'dan li ġej:

‘7.   Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

(a)

Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika m'għandux jaqbeż il-5,5 % tal-PDG fl-2013. Il-miżuri ta’ konsolidament inklużi fil-baġit tal-2013, inkluż fil-baġit supplimentari ppreżentati lill-Parlament sal-aħħar ta’ Mejju, għandhom ikunu implimentati matul is-sena. Miżuri li jżidu d-dħul għandhom jinkludu riforma fit-taxxa fuq id-dħul personali li tissimplifika l-istruttura tat-taxxa, twessa' l-bażi tat-taxxa permezz tal-eliminazzjoni ta’ xi benefiċċji fiskali u żid ir-rata tat-taxxa medja, filwaqt li tippreserva l-progressività; twessigħ tal-bażi tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv; żieda fit-taxxi tas-sisa u t-tassazzjoni rikorrenti tal-proprjetà u kontribuzzjoni straordinarja għal solidarjetà għall-pensjonijiet. Miżuri għall-iffrankar min-nefqa għandhom jinkludu razzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji soċjali; tnaqqis fin-nefqa fuq il-pagi billi jitnaqqas il-persunal permanenti u dak temporanju u billi jonqos il-ħlas għas-sahra; u tnaqqis tan-nefqa kapitali u operazzjonali mill-intrapriżi tal-istat; negozjati mill-ġdid ta’ kuntratti ma’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat; u tnaqqis fil-konsum intermedju fil-ministeri relevanti;

(b)

Uħud mill-miżuri li jirriżultaw minn reviżjoni tal-infiq pubbliku għandhom ikunu antiċipati minn qabel sa l-2013. Dawn jikkonsistu l-aktar f’aktar tnaqqis fl-impjiegi tas-settur pubbliku permezz tat-trasformazzjoni tal-Iskema ta' Mobilità speċjali għal programm ta' rikwalifikazzjoni, il-konverġenza tar-regoli dwar ix-xogħol tas-settur pubbliku ma’ dawk tas-settur privat, speċjalment billi jiżdiedu s-sigħat tax-xogħol fis-settur pubbliku minn 35 sa 40 siegħa fil-ġimgħa; iż-żieda ta’ kontribuzzjonijiet tal-impjegati pubbliċi fi skemi ta’ assigurazzjoni speċjali tas-saħħa u t-tnaqqis ta’ benefiċċji supplimentari. Sforzi ta’ razzjonalizzazzjoni madwar il-Ministeri relevanti għandhom jiġu approfonditi lil hinn mill-pjanijiet oriġinali tal-baġit u l-infiq soċjali għandu jiġi ssimplifikati aktar. Barra minn hekk, il-miżuri permanenti msemmija hawn fuq għandhom jiġu kkomplimentati b'miżuri temporanji, li għandhom jinbidlu b’dawk permanenti fl-2014, li jikkonsistu fit-trasferiment ta' riżorsi tal-Fond ta' Koeżjoni minn proġetti anqas maturi lejn proġetti aktar avvanzati u tnaqqis ulterjuri fin-nefqa kapitali (programm Polis);

(c)

Minbarra l-miżuri ta’ konsolidazzjoni inklużi fil-baġit supplimentari, il-bidliet leġislattivi l-oħra kollha u l-proposti leġislattivi meħtieġa biex jiġu implimentati r-riformi marbuta ma’ reviżjoni tal-infiq pubbliku se jiġu adottati mill-Gvern jew sottomessi lill-Parlament, skont il-każ, qabel tmiem is-sessjoni leġislattiva f’nofs Lulju 2013;

(d)

Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta' privatizzazzjoni tiegħu;

(e)

Il-Portugall għandu jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livelli kollha tal-gvern biex jiffaċilita l-previżjoni tad-dħul għall-baġits tal-2014 tar-Reġjuni Awtonomi u l-awtoritajiet lokali;

(f)

Il-Portugall għandu japprofondixxi l-użu ta' servizzi kondiviżi fl-amministrazzjoni pubblika;

(g)

Il-Portugall inaqqas l-għadd ta’ fergħat lokali ta’ ministeri rilevanti (eż. taxxa, sigurtà soċjali, ġustizzja) billi jgħaqqadhom fi ‧Lojas do Cidadão‧ (punti ta' kuntatt uniċi tal-amministrazzjoni u tas-servizzi) u jiżviluppa ulterjorment l-amministrazzjoni elettronika tul il-perijodu tal-Programm;

(h)

Il-Portugall għandu jkompli r-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni, il-konċentrazzjoni u t-tnaqqis ta' servizzi tal-isptar, il-ġestjoni konġunta u t-tħaddim konġunt ta' sptarijiet u għandu jiffinalizza l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni sa tmiem l-2013;

(i)

Bl-appoġġ ta' esperti magħrufa internazzjonalment u wara l-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi 6/2006 dwar il-Kera Urbana Ġdida u d-digriet leġislattiv li jissimplifika l-proċedura amministrattiva għar-rinnovazzjoni, il-Portugall għandu jwettaq reviżjoni komprensiva tal-funzjonament tas-suq tad-djar;

(j)

Il-Portugall għandu jiżviluppa sistema mifruxa mal-pajjiż kollu ta' reġistrazzjoni tal-artijiet li tippermetti distribuzzjoni aktar ekwa tal-benefiċċji u l-kostijiet fl-eżekuzzjoni tal-ippjanar urban;

(k)

Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u t-taħriġ, u b’mod partikolari l-għodda tal-ġestjoni ta’ analiżi, monitoraġġ u valutazzjoni tar-riżultati u l-impatti tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jsir operattiv għal kollox u skejjel professjonali ta’ referenza għandhom ikunu stabbiliti;

(l)

Il-Portugall għandu jlesti l-adozzjoni tal-emendi settorjali pendenti meħtieġa sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (*);

(m)

Il-Portugall għandu jimplimenta miżuri mmirati biex jintlaħaq tnaqqis kostanti fil-każijiet ta' infurzar pendenti bl-għan li jissolvew il-kawżi pendenti fil-qrati;

(n)

Il-Gvern għandu jissottometti lill-Parlament il-liġi qafas dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ewlenin sabiex jiggarantixxi l-indipendenza sħiħa u l-awtonomija finanzjarja, amministrattiva u ta' ġestjoni tagħhom;

(o)

Il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent kummerċjali billi jlesti ir-riformi pendenti dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv (Punti ta’ Kuntatt Uniċi kompletament operattivi previsti mid-Direttiva 2006/123/KE u l-proġetti "Bla Ħtieġa ta' Awtorizzazzjoni") u billi jwettaq simplifikazzjoni ulterjuri ta' proċeduri, regolamenti u piżijiet ammnistrattivi oħra eżistenti ta' ħruġ ta' liċenzji fl-ekonomija li huma ostaklu kbir għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi;

(p)

Il-Portugall għandu jlesti r-riforma tal-leġislazzjoni tax-xogħol portwali u s-sistema ta' governanza tal-portijiet, inkluża r-reviżjoni totali tal-konċessjonijiet tal-operat portwali;

(q)

Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport;

(r)

Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jeliminaw id-dejn tariffarju tal-enerġija u jittrasponi bis-sħiħ it-Tielet Pakkett tal-Enerġija tal-UE;

(s)

Il-Portugall għandu jiżgura li l-qafas PPP legali u istituzzjonali l-ġdid huwa applikat u li l-kuntratti PPP tat-toroq ikomplu jiġu negozjati mill-ġdid bi qbil mal-pjan strateġiku ippreżentat mill-Gvern u mar-reviżjoni tal-qafas regolatorju, sabiex jinkisbu gwadanji fiskali sostanzjali, partikolarment fl-2013;

(t)

Il-Portugall għandu jkompli jiffoka fuq miżuri biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u biex isaħħaħ il-konformità ta' min iħallas it-taxxa;

(u)

Il-Portugall għandu jintroduċi aġġustamenti fir-reġim għall-ħlasijiet relatati mas-sensja skont id-dispożizzjonijiet tal-Memorandum ta’ Qbil;

(v)

Il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perijodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol.

(w)

;Il-Portugall għandu jkompli jtejjeb l-effettività ta’ politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f'konformità mar-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni u tal-pjan ta' azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

8.   Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika m'għandux jaqbeż il-4,0 % tal-PDG fl-2014. Biex jintlaħaq dan l-objettiv il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jnaqqsu l-infiq li kienu ppreparati fil-qafas ta’ reviżjoni tal-infiq pubbliku. Kollox ma’ kollox, l-ammont ta’ dawn il-miżuri għandhom iżidu sa 2 % tal-PDG fl-2014 u għandhom jinkludu t-tnaqqis fil-kont tal-pagi mmirat lejn tnaqqis tad-daqs tal-forza tax-xogħol tas-settur pubbliku filwaqt li tinbidel il-kompożizzjoni tiegħu favur impjegati b'ħiliet aktar għoljin; aktar konverġenza fir-regoli tax-xogħol tas-settur pubbliku u dak privat, jiġifieri żieda fis-sigħat tax-xogħol, introduzzjoni ta’ bank ta’ sigħat, tnaqqis f’intitolamenti tal-vaganzi; l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ sensji volontarji u l-introduzzjoni ta' skala waħda ta' pagi u supplimenti; tnaqqis tad-differenzi attwali bejn il-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil (CGA) u s-sistema ġenerali tal-pensjonijiet; żieda fl-età statutorja tal-irtirar; u, jekk ikun strettament meħtieġ, kontribuzzjoni ta’ sostenibbiltà progressiva fuq il-pensjonijiet. B'żieda ma' dan, iffrankar fil-konsum intermedju u ta’ programmi dwar in-nefqa madwar il-Ministeri relevanti se tiġi intensifikata. Uħud mill-miżuri jistgħu jkunu parzjalment jew totalment sostitwiti minn oħrajn ta’ daqs u kwalità ekwivalenti.

9.   Bil-għan li tiġi restawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jimmira biex iżomm livell adegwat ta’ kapital fis-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta’ diżingranaġġ b’mod ordinat f’konformità mal-iskadenzi stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil. F’dak ir-rigward, il-Portugall għandu jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI biex tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja. B'mod partikolari, il-Portugall għandu:

(a)

jagħti pariri lill-banek biex jissaħħu l-bafers kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli;

(b)

jiżgura diżingranaġġ ibbilanċjat u ordinat tas-settur bankarju, li jibqa’ importanti fl-eliminazzjoni b'mod permanenti tal-iżbilanċi ta' finanzjament, u li jnaqqas id-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema fuq terminu medju. Il-finanzjament tal-banek u tal-kapital għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur;

(c)

jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni ta' alternattivi ta' finanzjament għas-settur korporattiv, u b'mod partikolari l-SMEs, permezz ta' sensiela ta' miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali u l-assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni;

(d)

ikompli jirrazzjonalizza l-grupp CGD tal-istat;

(e)

jottimizza l-proċess għall-irkupru tal-assi trasferiti mill-BPN għat-tliet vetturi bi skop speċjali tal-istat permezz ta’ esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-assi lil parti terza professjonali, b’mandat li gradwalment tirkupra l-assi maż-żmien; jagħżel il-parti li timmaniġġja l-krediti permezz ta’ proċess kontinwu u kompetittiv ta’ offerti u fil-mandat għandu jinkludi inċentivi adegwati biex jimmassimizza l-irkupri u jimminimizza l-ispejjeż operazzjonali;jiżgura t-trasferiment f'waqtu tas-sussidjarji u l-assi fiż-żewġ vetturi bi skop speċjali l-oħra tal-istat;

(f)

abbażi tas-sett ta’ proposti preliminari biex jinkoraġġixxu d-diversifikazzjoni tal-alternattivi ta' finanzjament ippreżentati għas-settur korporattiv, jiżviluppa u jimplimenta soluzzjonijiet li jipprovdu alternattivi ta' finanzjament għal kreditu bankarju tradizzjonali għas-settur korporattiv; jivvaluta l-effikaċja ta' skemi ta' assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni sponsorjat mill-gvern bil-ħsieb li jittieħdu miżuri xierqa kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni li jippromwovu l-esportazzjonijiet;

(g)

janalizza pjanijiet ta’ rkupru tal-banek u joħroġ linji gwida dwar is-sistema fuq pjanijiet ta’ rkupru u jipprepara pjanijiet ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi tar-rapporti ppreżentati mill-banek; jiżgura li arranġamenti ta’ finanzjament inizjali u annwali għall-Fond ta’ Riżoluzzjoni jkunu settiljati; u jagħti prijorità lill-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni tal-banek, dawk il-banek li huma ta' importanza sistemika;

(h)

jimplimenta l-qafas għal istituzzjonijiet finanzjarji li jidħlu f’ristrutturar tad-dejn barra l-qorti għall-unitajiet domestiċi, jiffaċilta l-applikazzjoni għar-ristrutturar ta’ dejn tal-kumpaniji u jimplimenta pjan ta' azzjoni għas-sensibilizzazzjoni dwar l-għodod ta' ristrutturar;

(i)

jipprepara rapporti kull tliet xhur dwar l-għodod il-ġodda ta' implimentazzjoni ta’ ristrutturazzjoni u jwettaq stħarriġ ta’ insolvenza lill-partijiet interessati biex jistaqsi dwar l-adegwatezza ta’ għodod ta' ristrutturar tad-dejn eżistenti u lakuni potenzjali jew konġestjoni, jesplora alternattivi biex jiżdied l-irkupru b'suċċess ta’ kumpaniji li jkunu aderenti mal-reviżjoni tal-infiq pubbliku (il-Proċedura Speċjali ta' Rivitalizzazzjoni għall-kumpaniji f’taqlib finanzjarju serju) u SIREVE (is-Sistema ta' Rkupru tal-kumpaniji permezz ta’ Ftehimiet Extraġudizzjarji għall-kumpaniji f’qagħda ekonomika diffiċli jew imminenti jew falliment attwali);

(j)

jivvaluta l-ambitu biex tittejjeb u tkun regolata l-prestazzjoni ta’ linji ta’ kreditu eżistenti sponsorjati mill-gvern, jistabilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u rappurtar dwar l-allokazzjoni sponsorjati mill-gvern kull tliet xhur bil-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs; iwettaq verifika esterna tas-Sistema Nazzjonali ta’ Garanzija.

(*)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.‧"

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(2)  OJ L 159, 17.6.2011, p. 88.

(3)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.


Top