Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0448

2012/448/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Lulju 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tal-gazzetti (notifikata bid-dokument numru C(2012) 4693) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 202, 28.7.2012, p. 26–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 027 P. 24 - 35

No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2019; Imħassar b' 32019D0070

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/448/oj

28.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/26


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Lulju 2012

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tal-gazzetti

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 4693)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/448/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil dawk il-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi tal-prodotti.

(3)

Peress li l-produzzjoni tal-karta tal-gazzetti tikkonsma ammonti sinifikanti ta’ enerġija, injam u sustanzi kimiċi, u tista’ twassal għal ħsara ambjentali jew riskji relatati mal-użu tar-riżorsi naturali, huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp tal-prodotti “karta tal-gazzetti”.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp tal-prodotti “karta tal-gazzetti” għandu jinkludi karta magħmula minn polpa u użata għall-istampar ta’ gazzetti u prodotti oħra stampati.

2.   Il-grupp tal-prodotti tal-karta tal-gazzetti ma għandux jinkludi karta tal-ikkuppjar u karta grafika, karta termalment sensittiva, karta fotografika u karta mingħajr karbonju, karta tal-imballaġġ u tat-tgeżwir kif ukoll karta bil-fwieħa.

Artikolu 2

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

karta tal-gazzetti” tfisser karta li tintuża l-aktar għall-istampar tal-gazzetti u li tkun magħmula minn polpa u/jew karta rkuprata li l-piż tagħha jvarja minn 40 sa 65 gm/m2.

(2)

fibri rkuprati” tfisser fibri ddevjati mill-fluss tal-iskart waqt proċess ta’ manifattura jew iġġenerati mid-djar jew minn faċilitajiet kummerċjali, industrijali u istituzzjonali fir-rwol tagħhom bħala utenti finali tal-prodott, li ma jkunux jistgħu jintużaw aktar għall-iskop maħsub tagħhom.

Artikolu 3

Sabiex jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, oġġett li huwa karta tal-gazzetta għandu jaqa’ fil-grupp tal-prodotti “Karta tal-gazzetti” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jkun konformi mal-kriterji kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Il-kriterji għall-grupp tal-prodotti “Karta tal-gazzetti”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal tliet snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għal skopijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-“Karta tal-gazzetti” għandu jkun “037”.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.


ANNESS

QAFAS

Għanijiet tal-kriterji

Il-kriterji għandhom l-għan, b’mod partikolari, li jippromwovu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi billi jrawmu r-riċiklaġġ tal-karti, inaqqsu r-rimi ta’ sustanzi tossiċi jew ewtrofiċi fl-ilmijiet, inaqqsu l-ħsara ambjentali jew ir-riskji relatati mal-użu tal-enerġija (tisħin globali, aċidifikazzjoni, tnaqqis tal-ożonu, tnaqqis tar-riżorsi mhux rinnovabbli) permezz tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet relatati fl-arja u billi jnaqqsu l-ħsara ambjentali jew ir-riskji relatati mal-użu ta’ sustanzi kimiċi perikolużi u japplikaw prinċipji għas-salvagwardja tal-foresti.

KRITERJI

Dawn il-kriterji huma stabbiliti għal kull wieħed mill-aspetti li ġejjin:

1.

Emissjonijiet fl-ilma u fl-arja

2.

Użu tal-enerġija

3.

Fibri: ġestjoni sostenibbli tal-foresti

4.

Sustanzi kimiċi perikolużi

5.

Immaniġġjar tal-iskart

6.

Adegwatezza għall-użu

7.

Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta

Il-kriterji ekoloġiċi jkopru l-produzzjoni tal-polpa li tinkludi s-sottoproċessi kostitwenti kollha mill-punt li fih il-fibra verġni/materja prima rkuprata tidħol fis-sit tal-produzzjoni, sal-punt meta l-polpa toħroġ mill-fabbrika tal-polpa. Għall-proċessi ta’ produzzjoni tal-karta, il-kriterji ekoloġiċi jkopru s-sottoproċessi kollha mit-tballit tal-polpa (diżintegrazzjoni tal-karta rkuprata) sat-tkebbib tal-karta fuq ir-rombli.

L-attivitajiet li ġejjin mhumiex koperti minn dawn il-kriterji:

1.

Trasport u imballaġġ tal-polpa, il-karta u l-materja prima

2.

Konverżjoni tal-karta

Rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifika huma indikati f’kull kriterju.

Meta l-applikant ikun meħtieġ jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti ta’ testijiet, jew evidenza oħra li turi konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawk jistgħu joriġinaw mingħand l-applikant u/jew il-fornitur(i) u/jew il-fornitur(i) tagħhom, kif ikun xieraq.

Fejn ikun xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar differenti minn dawk indikati għal kull kriterju, jekk tiġi aċċettata l-ekwivalenza tagħhom mill-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni.

Fejn possibbli, it-testijiet għandhom jitwettqu minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali tal-EN ISO 17025 jew ekwivalenti.

Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jesiġu dokumentazzjoni ta’ appoġġ u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.

KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Kriterju 1 —   Emissjonijiet fl-ilma u fl-arja

(a)   COD, Kubrit (S), NOx, Fosforu (P)

Għal kull wieħed minn dawn il-parametri, l-emissjonijiet fl-arja u/jew fl-ilma mill-produzzjoni tal-polpa u tal-karta għandhom ikunu espressi f’termini ta’ punti (PCOD, PS, PNOx, PP) kif dettaljat hawn taħt.

L-ebda wieħed mill-punti individwali PCOD, PS, PNOx, PP ma għandu jaqbeż 1,5.

L-għadd totali ta’ punti (Ptotal = PCOD + PS + PNOx + PP) ma għandux jaqbeż 4,0.

Il-kalkolu ta’ PCOD għandu jsir kif ġej (il-kalkoli ta’ PS, PNOx, PP għandhom isiru bl-istess mod eżatt).

Għal kull polpa “i” li tintuża, l-emissjonijiet relatati mkejla ta’ COD (COD polpa,i espressi f’kg/tunnellata mnixxfa bl-arja —ADT), għandhom ikunu ppeżati skont il-proporzjon ta’ kull polpa użata (polpa “i” fir-rigward ta’ tunnellata ta’ polpa mnixxfa bl-arja), u magħduda flimkien. L-emissjoni ppeżata ta’ COD għall-polpi mbagħad tiżdied mal-emissjoni mkejla ta’ COD mill-produzzjoni tal-karta biex tagħti emissjoni totali ta’ COD, COD totali.

Il-valur ta’ referenza ppeżat ta’ COD għall-produzzjoni tal-polpa għandu jiġi kkalkulat bl-istess mod, bħas-somma tal-valuri ta’ referenza ppeżati għal kull polpa użata u jiżdied mal-valur ta’ referenza għall-produzzjoni tal-karta biex jagħti valur totali ta’ COD referenza, COD reftotal. Il-valuri ta’ referenza għal kull tip ta’ polpa użata u għall-produzzjoni tal-karta huma indikati fit-Tabella 1.

Fl-aħħar nett, l-emissjoni totali ta’ COD għandha tiġi diviża bil-valur ta’ referenza totali ta’ COD kif ġej:

Formula

Tabella 1

Valuri ta’ referenza minn tipi differenti ta’ polpa u mill-produzzjoni tal-karta

Grad ta’ Polpa/Karta

Emissjonijiet (kg/ADT)

CODreferenza

Sreferenza

NOx,referenza

Preferenza

Polpa kimika bbliċjata (għajr is-sulfit)

18,0

0,6

1,6

0,045

Polpa kimika bbliċjata (sulfit)

25,0

0,6

1,6

0,045

Polpa kimika mhux ibbliċjata

10,0

0,6

1,6

0,04

CTMP

15,0

0,2

0,3

0,01

TMP/polpa ta’ njam mitħun

3,0

0,2

0,3

0,01

Polpa ta’ fibra rkuprata

2,0

0,2

0,3

0,01

Karta (fabbriki tal-karti mhux integrati fejn il-polpi kollha li jintużaw huma polpi mixtrija mis-suq)

1

0,3

0,8

0,01

Karta (Fabbriki tal-karti oħra)

1

0,3

0,7

0,01

Għandha tingħata eżenzjoni għall-valur tal-polpa kimika bbliċjata Preferenza (għajr is-sulfit) indikat fit-Tabella 1, sa livell ta’ 0,1 fejn jintwera li l-ogħla livell ta’ P huwa minħabba l-okkorrenza naturali ta’ P fil-polpa tal-injam.

F’każ ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku fl-istess impjant, l-emissjonijiet ta’ S u NOx li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku jistgħu jitnaqqsu mill-ammont totali. L-ekwazzjoni li ġejja tista’ tintuża biex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku:

2 × (MWh(elettriku)) / [2 × MWh(elettriku) + MWh(sħana)]

L-elettriku f’dan il-kalkolu huwa l-elettriku prodott fil-fabbrika ta’ koġenerazzjoni.

Is-sħana f’dan il-kalkolu hija s-sħana netta mwassla mill-impjant tal-enerġija għall-produzzjoni tal-polpa/karta.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kalkoli dettaljati li juru konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ dokumentazzjoni relatata ta’ sostenn li għandha tinkludi rapporti ta’ testijiet li jużaw il-metodi ta’ ttestjar li ġejjin: COD: ISO 6060; NOx: ISO 11564; S(ossid.): EPA nru 8; S(imnaqqsa): EPA nru 16 A; kontenut ta’ S fiż-żejt: ISO 8754; kontenut ta’ S fil-faħam: ISO 351; P: EN ISO 6878, APAT IRSA CNR 4110 jew Dr Lange LCK 349.

Id-dokumentazzjoni ta’ sostenn għandha tinkludi indikazzjoni tal-frekwenza tal-kejl u l-kalkolu tal-punti għal COD, S u NOx. Għandha tinkludi l-emissjonijiet kollha ta’ S u NOx li jseħħu matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inkluż il-fwar iġġenerat barra l-post tal-produzzjoni, ħlief dawk l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-elettriku. Il-kejl għandu jinkludi l-bojlers ta’ rkupru, il-kalkari tal-ġir, il-bojlers tal-fwar u l-fran għall-qerda ta’ gassijiet jintnu ħafna. L-emissjonijiet diffużi għandhom jiġu kkunsidrati. Valuri ta’ emissjonijiet irrapportati għall-S fl-arja għandhom jinkludu kemm emissjonijiet ossidizzati kif ukoll emissjonijiet imnaqqsa ta’ S (sulfur tad-dimetil, merkaptan tal-metil, sulfur tal-idroġenu u emissjonijiet simili). L-emissjonijiet tal-S relatati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija tas-sħana miż-żejt, faħam u fjuwils esterni oħra b’kontenut magħruf ta’ S jistgħu jiġu kkalkulati minflok imkejla, u għandhom jiġu kkunsidrati.

Il-kejl tal-emissjonijiet fl-ilma għandu jittieħed fuq kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, jew wara trattament fl-impjant jew wara trattament minn impjant ta’ trattament pubbliku. Il-perjodu għall-kejl għandu jkun ibbażat fuq il-produzzjoni matul 12-il xahar. Fil-każ ta’ impjant ta’ produzzjoni ġdid jew mibni mill-ġdid, il-kejl għandu jkun ibbażat tal-anqas fuq 45 jum sussegwenti ta’ ħidma stabbli tal-impjant. Il-kejl għandu jkun rappreżentattiv tal-kampanja rispettiva.

Fil-każ tal-fabbriki tal-karti integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri separati tal-emissjonijiet għall-polpa u l-karta, jekk tkun disponibbli biss ċifra kkombinata għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri tal-emissjonijiet għall-polpa/polpi għandhom jiġu ssettjati għal żero u ċ-ċifra għall-fabbrika tal-karti għandha tinkludi kemm il-produzzjoni tal-polpa kif ukoll tal-karta.

(b)   AOX (Aloġenu Organiku Adsorbabbli)

Sal-31 ta’ Marzu 2013, l-emissjonijiet ta’ AOX mill-produzzjoni ta’ kull polpa li tintuża ma għandhomx jaqbżu 0,20 kg/ADT.

Mill-1 ta’ April 2013 sakemm jiskadi l-perjodu ta’ validità tal-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-emissjonijiet ta’ AOX mill-produzzjoni ta’ kull polpa li tintuża ma għandhomx jaqbżu 0,17 kg/ADT.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapporti ta’ testijiet billi juża l-metodu ta’ ttestjar li ġej: AOX ISO 9562 akkumpanjat minn kalkoli dettaljati li juru l-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata ta’ sostenn.

Id-dokumentazzjoni ta’ sostenn għandha tinkludi indikazzjoni tal-frekwenza tal-kejl. L-AOX għandu jitkejjel biss fi proċess fejn jintużaw komposti tal-kloru għall-ibbliċjar tal-polpa. L-AOX ma għandux għalfejn jitkejjel fl-effluwent mill-produzzjoni mhux integrata ta’ karta jew fl-effluwenti mill-produzzjoni ta’ polpa mingħajr ibbliċjar jew fejn l-ibbliċjar isir b’sustanzi mingħajr kloru.

Il-kejl għandu jittieħed fuq kampjuni mhux iffiltrati u kampjuni li ma jkunux qagħdu jew wara trattament fl-impjant jew wara trattament minn impjant ta’ trattament pubbliku. Il-perjodu għall-kejl għandu jkun ibbażat fuq il-produzzjoni matul 12-il xahar. Fil-każ ta’ impjant ta’ produzzjoni ġdid jew mibni mill-ġdid, il-kejl għandu jkun ibbażat tal-anqas fuq 45 jum sussegwenti ta’ ħidma stabbli tal-impjant. Il-kejl għandu jkun rappreżentattiv tal-kampanja rispettiva.

(c)   CO2

L-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju minn sorsi mhux rinnovabbli ma għandhomx jaqbżu 1 000 kg għal kull tunnellata ta’ karta prodotta, inklużi l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-elettriku (kemm fil-post kif ukoll barra l-post). Għall-fabbriki tal-karti mhux integrati (fejn il-polpi kollha li jintużaw huma polpi mixtrija mis-suq), l-emissjonijiet ma għandhomx jaqbżu 1 100 kg għal kull tunnellata. L-emissjonijiet għandhom jiġu kkalkulati bħala s-somma tal-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-polpa u l-karta.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jagħti kalkoli dettaljati li juru l-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata ta’ sostenn.

L-applikant għandu jipprovdi dejta dwar l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju fl-arja. Din għandha tinkludi s-sorsi kollha ta’ fjuwils mhux rinnovabbli matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inklużi l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-elettriku (kemm fil-post kif ukoll barra l-post).

Il-fatturi ta’ emissjonijiet li ġejjin għandom jintużaw fil-kalkolu tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils:

Tabella 2

Fjuwil

Emissjoni ta’ CO2 fossili

Unità

Faħam

96

gm CO2 fossili/MJ

Żejt mhux raffinat

73

gm CO2 fossili/MJ

Żejt tal-fjuwil 1

74

gm CO2 fossili/MJ

Żejt tal-fjuwil 2-5

81

gm CO2 fossili/MJ

LPG

66

gm CO2 fossili/MJ

Gass Naturali

56

gm CO2 fossili/MJ

Elettriku mis-sistema

400

gm CO2 fossili/kWh

Il-perjodu għall-kalkoli jew il-bilanċi tal-massa għandu jkun ibbażat fuq il-produzzjoni matul 12-il xahar. Fil-każ ta’ impjant ta’ produzzjoni ġdid jew mibni mill-ġdid, il-kalkoli għandhom ikunu bbażati tal-anqas fuq 45 jum sussegwenti ta’ ħidma stabbli tal-impjant. Il-kalkoli għandhom ikunu rappreżentattivi tal-kampanja rispettiva.

Għall-elettriku mis-sistema, il-valur ikkwotat fit-tabella ta’ hawn fuq (il-medja Ewropea) għandu jintuża sakemm l-applikant ma jippreżentax dokumentazzjoni li tistabbilixxi valur medju għall-fornituri tiegħu tal-elettriku (fornitur kontraenti jew medja nazzjonali), f’liema każ l-applikant jista’ juża dan il-valur minflok il-valur imsemmi fit-tabella.

L-ammont ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli (1) mixtrija u użati għall-proċessi tal-produzzjoni, mhux se jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ CO2 L-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa li enerġija ta’ dan it-tip fil-fatt tkun qed tintuża fil-fabbrika tal-karti jew tkun qed tinxtara minn barra.

Kriterju 2 —   Użu tal-enerġija

(a)   Elettriku

Il-konsum tal-elettriku relatat mal-produzzjoni tal-polpa u l-karta għandu jkun espress f’termini ta’ punti (PE) kif dettaljat hawn taħt.

L-għadd ta’ punti, PE, għandu jkun anqas minn jew ugwali għal 1,5.

Il-kalkolu tal-PE għandu jsir kif ġej.

Kalkolu għall-produzzjoni tal-polpa: Għal kull polpa i li tintuża, il-konsum relatat tal-elettriku (Epolpa, i espress f’kWh/ADT) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Epolpa, i = Elettriku prodott internament + elettriku mixtri – elettriku mibjugħ

Kalkolu għall-produzzjoni tal-karta: Bl-istess mod, il-konsum tal-elettriku relatat mal-produzzjoni tal-karta (Ekarta) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Ekarta = Elettriku prodott internament + elettriku mixtri – elettriku mibjugħ

Fl-aħħar nett, il-punti għall-produzzjoni tal-polpa u tal-karta għandhom jingħaqdu sabiex jagħtu l-għadd kumplessiv ta’ punti (PE) kif ġej:

Formula

Fil-każ tal-fabbriki tal-karti integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri separati tal-elettriku għall-polpa u l-karta, jekk tkun disponibbli biss ċifra kkombinata għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri tal-elettriku għall-polpa/polpi għandhom jiġu ssettjati għal żero u ċ-ċifra għall-fabbrika tal-karti għandha tinkludi kemm il-produzzjoni tal-polpa kif ukoll tal-karta.

(b)   Fjuwil (sħana)

Il-konsum ta’ fjuwil relatat mal-produzzjoni tal-polpa u l-karta għandu jiġi espress f’termini ta’ punti (PF) kif dettaljat hawn taħt.

L-għadd ta’ punti, PF, għandu jkun anqas minn jew ugwali għal 1,5.

Il-kalkolu ta’ PF għandu jsir kif ġej.

Kalkolu għall-produzzjoni tal-polpa: Għal kull polpa i użata, il-konsum ta’ fjuwil relatat (Fpolpa, i espressa f’kWh/ADT) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Fpolpa, i = Fjuwil prodott internament + fjuwil mixtri – fjuwil mibjugħ – 1,25 × l-elettriku prodott internament

Nota:

1.

Fpolpa, i (u l-kontribuzzjoni tiegħu għal PF, polpa) ma għandux għalfejn jiġi kkalkulat għall-polpa mekkanika ħlief jekk tkun polpa mekkanika tas-suq imnixxfa bl-arja li fiha tal-anqas 90 % materja niexfa.

2.

L-ammont ta’ fjuwil li jintuża biex jipproduċi s-sħana mibjugħa għandu jiżdied mat-terminu fjuwil mibjugħ fl-ekwazzjoni ta’ hawn fuq.

Kalkolu għall-produzzjoni tal-karta: bl-istess mod, il-konsum ta’ fjuwil relatat mal-produzzjoni tal-karta (Fkarta, espress f’kWh/ADT), għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Fkarta = Fjuwil prodott internament + fjuwil mixtri – fjuwil mibjugħ – 1,25 × elettriku prodott internament

Fl-aħħar nett, il-punti għall-produzzjoni tal-polpa u tal-karta għandhom jingħaqdu sabiex jagħtu l-għadd kumplessiv ta’ punti (PF) kif ġej:

Formula

Tabella 3

Valuri ta’ referenza għall-elettriku u l-fjuwil

Grad ta’ polpa

Fjuwil kWh/ADT

Freferenza

Elettriku kWh/ADT

Ereferenza

Mhux admp

admp

Mhux admp

admp

Polpa kimika

4 000

5 000

800

800

Polpa termomekkanika (thermochemical pulp,TMP)

0

900

2 200

2 200

Polpa ta’ njam mitħun (inkluż injam mitħun pressurizzat)

0

900

2 000

2 000

Polpa kimitermomekkanika (Chemithermomechanical pulp, CTMP)

0

1 000

2 000

2 000

Polpa ta’ fibra rkuprata

300

1 300

450

550

Grad ta’ karta

Fjuwil

kWh/tunnellata

 

Elettriku

kWh/tunnellata

Grad tal-karta tal-gazzetti

 

1 800

 

700

Admp

=

air dried market pulp (polpa tas-suq imnixxfa bl-arja)

Valutazzjoni u verifika (kemm għal (a) kif ukoll għal (b)): l-applikant għandu jipprovdi kalkoli dettaljati li juru konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni ta’ sostenn kollha relatata. Id-dettalji rrappurtati għalhekk għandhom jinkludu l-konsum totali ta’ elettriku u fjuwil.

L-applikant għandu jikkalkula l-inputs kollha tal-enerġija, maqsuma fi sħana/fjuwils u elettriku użati matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inkluża l-enerġija użata fit-tneħħija tal-linka tal-iskart tal-karti għall-produzzjoni tal-karta rkuprata. L-enerġija użata fit-trasport tal-materja prima, kif ukoll fil-konverżjoni u l-imballaġġ, mhijiex inkluża fil-kalkoli tal-konsum ta’ enerġija.

L-enerġija kollha tas-sħana tinkludi l-fjuwils kollha mixtrija. Tinkludi wkoll l-enerġija tas-sħana rkuprata bl-inċinerazzjoni ta’ likuri u skart minn proċessi fil-post (eż. skart tal-injam, serratura tal-injam, likuri, skart tal-karta, karti mqattgħa), kif ukoll is-sħana rkuprata mill-ġenerazzjoni interna tal-elettriku - madankollu, l-applikant jeħtieġ jgħodd biss 80 % tal-enerġija tas-sħana minn dawn is-sorsi meta jikkalkula l-enerġija tas-sħana totali.

L-enerġija elettrika tfisser l-elettriku nett impurtat li jkun ġej mis-sistema u l-ġenerazzjoni interna ta’ elettriku mkejla bħala enerġija elettrika. L-elettriku użat għat-trattament tal-iskart tal-ilma mhemmx għalfejn jiġi inkluż.

Fejn il-fwar jiġi ġġenerat bl-użu tal-elettriku bħala s-sors tas-sħana, għandu jiġi kkalkulat il-valur tas-sħana tal-fwar, imbagħad jiġi diviż b’0, 8 u jiżdied mal-konsum totali ta’ fjuwil.

Fil-każ tal-fabbriki tal-karti integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri separati tal-fjuwil (sħana) għall-polpa u l-karta, jekk tkun disponibbli biss ċifra kkombinata għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri tal-fjuwil (sħana) għall-polpa/polpi għandhom jiġu ssettjati għal żero u ċ-ċifra għall-fabbrika tal-karti għandha tinkludi kemm il-produzzjoni tal-polpa kif ukoll tal-karta.

Kriterju 3 —   Fibri

Tal-anqas is-70 % (w/w) fuq l-ammont totali ta’ fibri użati għall-karta tal-gazzetti għandhom ikunu fibri rkuprati.

Il-fibri kollha użati li ma jkunux irkuprati għandhom ikunu fibri verġni koperti minn ċertifikati validi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tal-katina ta’ kustodja maħruġa minn skema ta’ ċertifikazzjoni ta’ parti terza indipendenti bħall-FSC, il-PEFC jew ekwivalenti.

Madankollu, fejn l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jippermettu t-taħlit ta’ materjal iċċertifikat u materjal mhux iċċertifikat fi prodott jew linja ta’ prodotti, il-proporzjon tal-materjal mhux iċċertifikat ma għandux jaqbeż 50 % tal-ammont totali ta’ fibri verġni użati. Tali materjal mhux iċċertifikat għandu jkun kopert minn sistema ta’ verifika li tiżgura li jinkiseb b’mod legali u jissodisfa kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward tal-materjal mhux iċċertifikat.

Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati tal-foresta u/jew tal-katina ta’ kustodja għandhom ikunu akkreditati/rikonoxxuti minn dik l-iskema ta’ ċertifikazzjoni.

Huwa eskluż mill-kalkolu tal-kontenut ta’ fibri rkuprati l-użu mill-ġdid ta’ materjali ġġenerati fi proċess u li jistgħu jerġgħu jiġu rreklamati fl-istess proċess li jkun iġġenerahom (karti mqattgħa mill-fabbriki tal-karti (mill broke) – prodotti minnhom stess jew mixtrija).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa li tindika t-tipi, il-kwantitajiet u l-oriġini tal-fibri użati fil-produzzjoni tal-polpa u l-karta.

Fejn jintużaw fibri verġni, il-prodott għandu jkun kopert minn ċertifikati validi ta’ ġestjoni tal-foresti u tal-katina ta’ kustodja maħruġa minn skema ta’ ċertifikazzjoni indipendenti ta’ parti terza, bħall-PEFC, l-FSC jew ekwivalenti. Jekk il-prodott jew il-linja ta’ prodotti tinkludi materjal mhux iċċertifikat, għandha tingħata prova li l-materjal mhux iċċertifikat ikun anqas minn 50 fil-mija u jkun kopert minn sistema ta’ verifika li tiżgura li dan jiġi fornut legalment u li jissodisfa kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ materjal mhux iċċertifikat.

Il-perċentwal ta’ fibri rkuprati għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon bejn l-inputs tal-fibri rkuprati mqabbla mal-produzzjoni tal-karta finali. Meta jintużaw fibri rkuprati, l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li tindika l-ammont medju ta’ gradi ta’ karta rkuprata użata għall-prodott skont l-istandard EN 643 (2) jew standard ekwivalenti. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dikjarazzjoni li ma ntużaw l-ebda karti mqattgħa mill-fabbriki tal-karti (tal-fabbrika stess jew mixtrija) għall-kalkolu tal-perċentwal irkuprat.

Kriterju 4 —   Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi lista tal-prodotti kimiċi użati fil-produzzjoni tal-polpa u l-karta, flimkien ma’ dokumentazzjoni xierqa (bħall-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza). Din il-lista għandha tinkludi l-kwantità, il-funzjoni u l-fornituri tas-sustanzi kollha użati fil-proċess tal-produzzjoni.

(a)   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, il-prodott ma għandux jinkludi sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u lanqas sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni mad-dikjarazzjonijiet ta’ periklu jew il-frażijiet tar-riskju skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KE (5) speċifikati fit-tabella ta’ hawn taħt.

Lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu u frażijiet ta’ riskju:

Dikjarazzjoni ta’ Periklu (6)

Frażi ta’ Riskju (7)

H300 Fatali jekk jinbela’

R28

H301 Tossiku jekk jinbela’

R25

H304 Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

R65

H310 Fatali jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

R27

H311 Tossiku jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

R24

H330 Fatali jekk jiġi inalat

R23/26

H331 Tossiku jekk jiġi inalat

R23

H340 Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

R46

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

R68

H350 Jista’ jikkawża l-kanċer

R45

H350i Jista’ jikkawża l-kanċer meta jiġi inalat

R49

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

R40

H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R61

H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/61/60-61

H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/63

H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R62

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R63

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R62-63

H362 Jista’ jikkawża ħsara lil tfal imreddgħa

R64

H370 Jikkawża ħsara lill-organi

R39/23/24/25/26/27/28

H371 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

R68/20/21/22

H372 Jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment għat-tul jew repetut

R48/25/24/23

H373 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment għat-tul jew repetut

R48/20/21/22

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R52-53

H413 Jista’ jikkawża effetti ta’ ħsara għat-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R53

EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

R59

EUH029 Meta jiġi f’kuntatt mal-ilma jillibera gass tossiku

R29

EUH031 Meta jiġi f’kuntatt ma’ aċidi jillibera gass tossiku

R31

EUH032 Meta jiġi f’kuntatt ma’ aċidi jillibera gass tossiku ħafna

R32

EUH070 Tossiku meta jiġi f’kuntatt mal-għajnejn

R39-41

Ma għandhom jintużaw l-ebda formulazzjoni ta’ żebgħa kummerċjali, sustanzi koloranti, aġenti għall-finitura tal-uċuħ, awżiljarji u materjali ta’ kisi fuq polpa jew karta li tkun ġiet assenjata jew li fil-ħin tal-applikazzjoni tista’ tiġi assenjata d-dikjarazzjoni ta’ periklu H317: Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda.

R43

Sustanzi jew taħlitiet li mal-ipproċessar jibdlu l-karatteristiċi tagħhom (eż. ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jgħaddu minn modifika kimika) b’mod li l-periklu identifikat ma japplikax aktar, huma eżentati mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu assenjati jew li ġew assenjati d-dikjarazzjonijiet ta’ periklu jew il-frażijiet ta’ riskju elenkati hawn fuq, jew li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet jew il-kategoriji ta’ periklu elenkati fit-tabella hawn fuq, u l-limiti ta’ konċentrazzjoni għas-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ma għandhomx jaqbżu l-limiti ġeneriċi jew speċifiċi ta’ konċentrazzjoni ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Fejn ikunu stabbiliti limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni, dawn għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk ġeneriċi.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(d), (e) jew (f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhomx jaqbżu 0,1 % piż skont il-piż.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jagħti prova tal-konformità ma’ dawn il-kriterji billi jipprovdi dejta dwar l-ammont (kg/ADT ta’ karta prodotta) ta’ sustanzi użati fil-proċess u billi juri li s-sustanzi msemmija f’dawn il-kriterji ma jinżammux fil-prodott finali f’livell ogħla mil-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifikati. Il-konċentrazzjoni għas-sustanzi u t-taħlitiet għandha tiġi speċifikata fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(b)   Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 fir-rigward tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib kbir ħafna u inklużi fil-lista pprovduta fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, preżenti f’taħlitiet, f’oġġett jew fi kwalunkwe parti omoġenja ta’ oġġett kumpless f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 %. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom japplikaw meta l-konċentrazzjoni tkun aktar baxxa minn 0,1 %.

Valutazzjoni u verifika: il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib kbir ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku:

http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

Fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għal-lista.

L-applikant għandu jagħti prova tal-konformità ma’ dan il-kriterju billi jipprovdi dejta dwar l-ammont (kg/ADT ta’ karta prodotta) ta’ sustanzi użati fil-proċess u billi juri li s-sustanzi msemmija f’dan il-kriterju ma jinżammux fil-prodott finali f’livell ogħla mil-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifikati. Il-konċentrazzjoni għandha tiġi speċifikata fl-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(c)   Kloru

Il-gass tal-kloru jew komposti klorurati oħra ma għandhomx jintużaw bħala aġent tal-ibbliċjar. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-gass tal-kloru relatat mal-produzzjoni u l-użu tad-diossidu tal-kloru.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mill-produttur(i) tal-polpa li l-gass tal-kloru jew komposti klorurati oħra ma ntużawx bħala aġent tal-ibbliċjar. Nota: filwaqt li dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-ibbliċjar ta’ fibri rkuprati, huwa aċċettat li l-fibri fiċ-ċiklu tal-ħajja preċedenti tagħhom setgħu ġew ibbliċjati bil-gass tal-kloru jew b’komposti klorurati oħra.

(d)   APEOs

Ma għandhomx jiżdiedu etossilati tal-alkilfenol jew derivattivi oħra tal-alkilfenol ma’ sustanzi tat-tindif, sustanzi li jneħħu l-linka, inibituri tar-ragħwa, jew dispersanti. Id-derivattivi tal-alkilfenol huma ddefiniti bħala sustanzi li wara d-degradazzjoni jipproduċu l-fenoli tal-alkil.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni(jiet) mill-fornitur(i) tas-sustanzi kimiċi tiegħu li ma żdidux etossilati tal-alkilfenol jew derivattivi oħra tal-alkilfenol ma’ dawk il-prodotti.

(e)   Monomeri residwi

Il-kwantità totali ta’ monomeri residwi (eskluż l-akrilammid) li jistgħu jiġu assenjati jew li ġew assenjati xi waħda mill-frażijiet ta’ riskju li ġejjin (jew taħlitiet tagħhom) u li jkunu preżenti f’kisjiet, aġenti li jgħinu r-ritenzjoni, aġenti li jirrinforzaw, sustanzi li l-ilma ma jinfidhomx jew sustanzi kimiċi użati fit-trattament intern u estern tal-ilma, ma għandhiex taqbeż 100 ppm (ikkalkulata fuq il-bażi tal-kontenut solidu tagħhom):

Dikjarazzjoni ta’ Periklu (8)

Frażi ta’ Riskju (9)

H340 Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

R46

H350 Jista’ jikkawża l-kanċer

R45

H350i Jista’ jikkawża l-kanċer meta jiġi inalat

R49

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

R40

H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R61

H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/61/60-61

H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/63

H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50/50-53

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R52-53

H413 Jista’ jikkawża effetti għat-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R53

L-akrilammid ma għandux ikun preżenti f’kisjiet, aġenti li jgħinu r-ritenzjoni, aġenti li jirrinforzaw, sustanzi li l-ilma ma jinfidhomx jew sustanzi kimiċi użati fit-trattament intern u estern tal-ilma f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 700 ppm (ikkalkulati fuq il-bażi tal-kontenut solidu tagħhom).

Il-korp kompetenti jista’ jeżenta lill-applikant minn dawk ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ sustanzi kimiċi użati fi trattament estern tal-ilma.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ dokumentazzjoni xierqa (bħall-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza).

(f)   Aġenti tensjoattivi fit-tneħħija tal-linka

L-aġenti tensjoattivi kollha użati fit-tneħħija tal-linka għandhom finalment ikunu bijodegradabbli (ara l-metodi ta’ ttestjar u l-livelli ta’ mogħdija hawn taħt).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju flimkien mal-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza jew ir-rapporti tat-testijiet rilevanti għal kull aġent tensjoattiv, li għandhom jindikaw il-metodu ta’ ttestjar, il-limitu u l-konklużjoni mogħtija, billi jintuża wieħed mill-metodi ta’ ttestjar u l-livelli ta’ mogħdija li ġejjin: OECD 302 A-C (jew standards ISO ekwivalenti), b’perċentwali ta’ degradazzjoni (inkluż l-adsorbiment) fi 28 ġurnata ta’ mill-anqas 70 % għal 302 A u B, u ta’ mill-anqas 60 % għal 302 C.

(g)   Bijoċidi

Il-komponenti attivi f’bijoċidi jew f’aġenti bijostatiċi użati kontra organiżmi li jiffurmaw il-lgħab f’sistemi ta’ ċirkolazzjoni tal-ilma li jkun fihom il-fibri, ma għandhomx ikunu potenzjalment bijokumulattivi. Il-bijoakkumulazzjoni tal-bijoċidi hija kkaratterizzata minn log Pow (log ottanol/koeffiċjent tal-partizzjoni tal-ilma) < 3,0 jew fattur ta’ bijokonċentrazzjoni stabbilit b’mod sperimentali (BCF) ta’ ≤ 100.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju flimkien mal-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza tal-materjali jew ir-rapport tat-test rilevanti, li għandhom jindikaw il-metodu ta’ ttestjar, il-limitu u l-konklużjoni mogħtija, billi jintużaw il-metodi ta’ ttestjar li ġejjin: OECD 107, 117 jew 305 A-E.

(h)   Ażokoloranti

Ma għandhomx jintużaw ażokoloranti li jistgħu jinferqu f’xi wieħed mill-ammini aromatiċi li ġejjin, skont l-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006:

1.

4-amminobifenil

(92-67-1),

2.

benżidina

(92-87-5),

3.

4-kloro-o-toluwidina

(95-69-2),

4.

2-naftilammina

(91-59-8),

5.

o-amminoażotoluwen

(97-56-3),

6.

2-ammino-4-nitrotoluwen

(99-55-8),

7.

p-kloroanilina

(106-47-8),

8.

2,4-diamminoanisol

(615-05-4),

9.

4,4’-diamminodifenilmetan

(101-77-9),

10.

3,3’-diklorobenżidina

(91-94-1),

11.

3,3’-dimetossibenżidina

(119-90-4),

12.

3,3’-dimetilbenżidina

(119-93-7),

13.

3,3’-dimetil-4,4’-diamminodifenilmetan

(838-88-0),

14.

p-kresidina

(120-71-8),

15.

4,4’-metilen-bis-(2-kloroanilina)

(101-14-4),

16.

4,4’-ossidianilina

(101-80-4),

17.

4,4’-tijodianilina

(139-65-1),

18.

o-toluwidina

(95-53-4),

19.

2,4-diamminotoluwen

(95-80-7),

20.

2,4,5-trimetilanilina

(137-17-7),

21.

4-amminoażobenżen

(60-09-3),

22.

o-anisidina

(90-04-0).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.

(i)   Materjali koloranti jew pigmenti bbażati fuq kumplessi tal-metall

Ma għandhomx jintużaw koloranti jew pigmenti bbażati fuq iċ-ċomb, ir-ram, il-kromju, in-nikil jew l-aluminju. Jistgħu, madankollu, jintużaw koloranti jew pigmenti tal-ftaloċjanina tar-ram.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità.

(j)   Impuritajiet joniċi f’materjali koloranti

Il-livelli ta’ impuritajiet joniċi fil-materjali koloranti li jintużaw ma għandhomx jaqbżu l-livelli li ġejjin: Ag 100 ppm; As 50 ppm; Ba 100 ppm; Cd 20 ppm; Co 500 ppm; Cr 100 ppm; Cu 250 ppm; Fe 2 500 ppm; Hg 4 ppm; Mn 1 000 ppm; Ni 200 ppm; Pb 100 ppm; Se 20 ppm; Sb 50 ppm; Sn 250 ppm; Zn 1 500 ppm.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità.

Kriterju 5 —   Immaniġġjar tal-iskart

Is-siti kollha fejn tiġi prodotta l-polpa u l-karta għandu jkollhom sistema għall-immaniġġjar tal-iskart (kif iddefinit mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti tas-siti ta’ produzzjoni tal-polpa u tal-karta inkwistjoni) u l-prodotti residwi li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-prodott ekotikkettat. Is-sistema għandha tiġi ddokumentata jew spjegata fl-applikazzjoni u tinkludi informazzjoni tal-anqas dwar il-punti li ġejjin:

il-proċeduri għas-separazzjoni u l-użu ta’ materjali riċiklabbli mill-fluss tal-iskart,

il-proċeduri għall-irkupru ta’ materjali għal użi oħra, bħall-inċinerazzjoni sabiex tiġġenera fwar jew sħana għall-proċess, jew użu agrikolu,

il-proċeduri għall-immaniġġjar ta’ skart perikoluż (kif iddefinit mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti tas-siti ta’ produzzjoni tal-polpa u tal-karta inkwistjoni).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-proċeduri adottati għall-immaniġġjar tal-iskart ta’ kull wieħed mis-siti konċernati u dikjarazzjoni ta’ konformità mal-kriterju.

Kriterju 6 —   Adegwatezza għall-użu

Il-prodott għandu jkun adattat għall-iskop tiegħu.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa li turi l-konformità mal-ambitu tal-kriterji. Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti għall-permanenza skont l-istandards applikabbli. Il-manwal tal-utent se jipprovdi l-lista tan-normi u l-istandards li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tal-permanenza.

Bħala alternattiva għall-użu tal-metodi ta’ hawn fuq, il-produtturi għandhom jiggarantixxu l-adegwatezza għall-użu tal-prodotti tagħhom billi jipprovdu dokumentazzjoni xierqa li turi l-kwalità tal-karta, skont l-istandard EN ISO/IEC 17050-1:2004, li jipprovdi kriterji ġenerali għad-dikjarazzjoni ta’ konformità mad-dokumenti normattivi min-naħa tal-fornituri.

Kriterju 7 —   Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

It-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali għandha tinkludi t-test li ġej:

“—

tniġġis baxx tal-arja u tal-ilma

użu ta’ fibri ċċertifikati U/JEW użu ta’ fibri rriċiklati [każ b’każ]

sustanzi perikolużi ristretti”

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva bil-kaxxa testwali jistgħu jinstabu fil-“Linji gwida għall-użu tal-logo tal-Ekotikketta tal-UE” fuq is-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/promo/pdf/logo%20guidelines.pdf

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-imballaġġ tal-prodott li juri t-tikketta, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.


(1)  Kif iddefinit fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(2)  Lista Ewropea ta’ Gradi Standard ta’ Karta u Kartun Irkuprati, Ġunju 2002

(3)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(5)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(6)  Kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(7)  Kif ipprovdut fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE.

(8)  Kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(9)  Kif ipprovdut fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE.


Top