Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2009_156_R_0031_01

2009/473/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 28 ta’ Mejju 2009 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea
Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea
Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn ir-Repubblika tal-Ginea u l-Komunità Ewropea

OJ L 156, 19.6.2009, p. 31–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/31


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Mejju 2009

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea

(2009/473/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien mal-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza tiegħu,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Komunità nnegozjat mar-Repubblika tal-Ginea, Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd li jipprovdi lill-bastimenti Komunitarji opportunitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet li fuqhom ir-Repubblika tal-Ginea għandha sovranità jew ġurisdizzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-sajd.

(2)

B’riżultat ta’ dawk in-negozjati ġie inizzjalat Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd fl-20 ta’ Diċembru 2008.

(3)

Il-Ftehim dwar is-sajd tat-28 ta’ Marzu 1983 bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ginea, min-naħa l-oħra, għandu jiġi mħassar bil-Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd.

(4)

Sabiex jiġu ggarantiti l-attivitajiet tas-sajd min-naħa tal-bastimenti komunitarji, huwa essenzjali li l-Ftehim il-ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd jiġi applikat mill-aktar fis possibbli. Għaldaqstant, iż-żewġ partijiet inizzjalaw Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim il-ġdid ta’ Sħubija dwar is-sajd mill-1 ta’ Jannar 2009.

(5)

Huwa fl-interess tal-Komunità li l-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd jiġi approvat.

(6)

Jeħtieġ li jiġi definit il-metodu għat-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri,

IDDEĊIEDA:

Artikolu 1

Il-Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea dwar is-sajd ‘il barra mill-kosta tal-Ginea għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2012, huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim.

It-test ta’ tali Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   L-opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti mill-Protokoll jitqassmu bejn l-Istati Membri kif ġej:

(a)

bastimenti għas-sajd tat-tonn bit-tartarun:

Spanja

15-il bastiment

Franza

11-il bastiment

L-Italja

2 bastimenti

(b)

bastimenti tas-sajd bil-qasab:

Spanja

8 bastimenti

Franza

4 bastimenti

2.   Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd minn dawn l-Istati Membri kif jissemma fil-paragrafu 1 ma jeżawrixxux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti bil-Protokoll, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra t-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd minn kull Stat Membru ieħor.

Artikolu 3

L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu fil-kuntest tal-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta’ kull stokk maqbuda fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Ginea skont kif jipprevedi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 500/2001 tal-14 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 dwar is-sorveljanza tal-qbid meħuda mill-bastimenti tas-sajd tal-Komunità f’ibħra ta’ pajjiżi terzi u fl-ibħra miftuħa (1), sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi r-regoli dettaljati skont l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (2) u wara dik id-data, skont kif inhu previst b’dawn l-aħħar regoli.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jaħtar il-persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri sabiex jorbtu lill-Komunità.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

V. TOŠOVSKÝ


(1)  ĠU L 73, 15.3.2001, p. 8.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).


FTEHIM FL-GĦAMLA TA’ SKAMBJU TA’ ITTRI

dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea

A.   Ittra mill-Gvern tar-Repubblika tal-Ginea:

Sinjur,

Ninsab sodisfatt li n-negozjaturi tar-Repubblika tal-Ginea u tal-Komunità Ewropea laħqu qbil dwar Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Ginea u l-Komunità Ewropea, kif ukoll dwar Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ Sajd u l-kumpens finanzjarju, kif ukoll l-Annessi tiegħu.

Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati, evoluzzjoni pożittiva tal-Ftehim preċedenti, għandu jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejnietna fil-qasam tas-sajd u se jistabbilixxi tabilħaqq qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet tal-Ginea. F’dan ir-rigward, nipproponilek li fl-istess waqt jinfetħu l-proċeduri ta’ approvazzjoni u ta’ ratifika tat-testijiet tal-Ftehim, tal-Protokoll u tal-Anness tiegħu flimkien mal-Appendiċijiet, f’konformità mal-proċeduri fis-seħħ fir-Repubblika tal-Ginea u fil-Komunità Ewropea u meħtieġa għad-dħul tagħhom fis-seħħ.

Bil-għan li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji ma jiġux interrotti fl-ilmijiet tal-Ginea, u b’referenza għall-Ftehim u għall-Protokoll inizjalati fl-20 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2012, għandi l-unur ninfurmak li l-Gvern tar-Repubblika tal-Ginea huwa lest japplika dan il-Ftehim u l-Protokoll b’mod proviżorju b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 sakemm jidħol fis-seħħ skont l-Artikolu 19 tiegħu, bil-kundizzjoni li l-Komunità Ewropea tkun disposta tagħmel l-istess.

Huwa mifhum illi f’dan il-każ, il-ħlas tal-ewwel parti tal-kumpens finanzjarju stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Protokoll jitħallas sat-30 ta’ Novembru 2009.

Inkun nafhulek jekk tikkonferma l-qbil tal-Komunità Ewropea mal-applikazzjoni proviżorja msemmija.

Għoddni tiegħek,

 

B.   Ittra mill-Komunità Ewropea

Sinjur,

Għandi l-pjaċir ninfurmak li rċevejt l-ittra tiegħek ta’ llum illi tgħid hekk:

Sinjur,

“Ninsab sodisfatt li n-negozjaturi tar-Repubblika tal-Ginea u tal-Komunità Ewropea laħqu qbil dwar Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Ginea u l-Komunità Ewropea, kif ukoll dwar Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ Sajd u l-kumpens finanzjarju, kif ukoll l-Annessi tiegħu.

Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati, evoluzzjoni pożittiva tal-Ftehim preċedenti għandu jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejnietna fil-qasam tas-sajd u se jistabbilixxi tabilħaqq qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet tal-Ginea. F’dan ir-rigward, nipproponilek li fl-istess waqt jinfetħu l-proċeduri ta’ approvazzjoni u ta’ ratifika tat-testijiet tal-Ftehim, tal-Protokoll u tal-Anness tiegħu flimkien mal-Appendiċijiet, f’konformità mal-proċeduri fis-seħħ fir-Repubblika tal-Ginea u fil-Komunità Ewropea u meħtieġa għad-dħul tagħhom fis-seħħ.

Bil-għan li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji ma jiġux interrotti fl-ilmijiet tal-Ginea, u b’referenza għall-Ftehim u għall-Protokoll inizjalati fl-20 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2012, għandi l-unur ninfurmak li l-Gvern tar-Repubblika tal-Ginea huwa lest japplika dan il-Ftehim u l-Protokoll b’mod proviżorju b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 sakemm jidħol fis-seħħ skont l-Artikolu 19 tiegħu, bil-kundizzjoni li l-Komunità Ewropea tkun disposta tagħmel l-istess.

Huwa mifhum illi f’dan il-każ, il-ħlas tal-ewwel parti tal-kumpens finanzjarju stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Protokoll jitħallas sat-30 ta’ Novembru 2009.

Inkun nafhulek jekk tikkonferma l-qbil tal-Komunità Ewropea mal-applikazzjoni proviżorja msemmija.”

Għandi pjaċir nikkonferma l-qbil tal-Komunità Ewropea dwar l-applikazzjoni proviżorja msemmija.

Għoddni tiegħek,

 


FTEHIM TA’ SĦUBIJA

dwar is-sajd bejn ir-Repubblika tal-Ginea u l-Komunità Ewropea

IR-REPUBBLIKA tal-GINEA,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Ginea”,

u

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunità”,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JQISU r-relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib bejn il-Komunità u l-Ginea, partikolarment fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou, u x-xewqa reċiproka tagħhom li jsaħħu dik ir-relazzjoni;

FILWAQT LI JQISU x-xewqa taż-żewġ Partijiet li jippromwovu l-isfruttar responsabbli tar-riżorsi tas-sajd permezz tal-koperazzjoni;

FID-DAWL tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar;

DETERMINATI li japplikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ICCAT”;

KONXJI tal-importanza tal-prinċipji stabbiliti permezz tal-Kodiċi ta’ Mġiba dwar sajd responsabbli adottat fil-Konferenza tal-FAO fl-1995;

DETERMINATI li jikkooperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, għall-istabbiliment ta’ sajd responsabbli biex tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

KONVINTI li din il-koperazzjoni għandha tkun imsejsa fuq il-komplimentarjetà tal-inizjattivi u l-azzjonijiet imwettqa kemm b’mod konġunt kif ukoll minn kull waħda mill-Partijiet sabiex jiżguraw il-koerenza tal-politika u s-sinerġija tal-isforzi;

BI ĦSIEBHOM, għal dawn il-finijiet, li jiftħu djalogu dwar il-politika settorjali tas-sajd adottata mill-Gvern tal-Ginea u li jidentifikaw il-mezzi xierqa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta’ din il-politika kif ukoll biex l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jiddaħħlu fil-proċess;

ĦERQANA biex jistabbilixxu l-metodi u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Komunità fl-ilmijiet tal-Ginea, kif ukoll dawk li jirrigwardaw l-appoġġ mogħti mill-Komunità għall-istabbiliment ta’ sajd responsabbli f’dawk l-istess ilmijiet;

SOLVUTI biex jikkooperaw ekonomikament aktar mill-qrib fl-industrija tas-sajd u fl-attivitajiet relatati magħha, permezz tat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ impriżi konġunti li jinvolvu kumpaniji miż-żewġ Partijiet.

FTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

Il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd bil-ħsieb tal-promozzjoni ta’ sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea sabiex ikunu żgurati l-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp tas-settur tas-sajd fil-Ginea.

il-kundizzjonijiet tal-aċċess tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għaż-żoni tas-sajd tal-Ginea.

il-koperazzjoni dwar metodi ta’ kontroll tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea sabiex jiġu żgurati l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat.

sħubijiet bejn kumpaniji bil-għan li, fl-interess komuni, jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u fl-attivitajiet relatati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-espressjonjiet li ġejjin huma definiti kif ġej:

(a)

“l-awtoritajiet tal-Ginea”, il-Ministeru inkarigat mis-sajd;

(b)

“l-awtoritajiet tal-Komunità”, il-Kummissjoni Ewropea;

(ċ)

“żona tas-sajd tal-Ginea”, l-ilmijiet li, f’dak li jirrigwarda s-sajd, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ginea. L-attività tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji msemmija f’dan il-Ftehim m’għandhiex issir ħlief fiż-żoni li fihom is-sajd huwa awtorizzat mil-leġislazzjoni tal-Ginea;

(d)

“bastiment tas-sajd”, kwalunkwe bastiment mgħammar bil-ħsieb tal-isfruttar kummerċjali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

(e)

“bastiment tal-Komunità”, bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru tal-Komunità u rreġistrat fil-Komunità;

(f)

“Kumitat Konġunt” kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u tal-Ginea kif jispeċifika l-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim;

(g)

“trażbord”, it-trasferiment fil-port u/jew fiż-żona tiegħu tal-qabda kollha ta’ bastiment jew ta’ parti minnha għal bastiment ieħor;

(h)

“ċirkostanzi mhux normali”, ċirkostanzi għajr il-fenomeni naturali, li jaħarbu l-kontroll raġonevoli ta’ waħda mill-Partijiet, b’tali mod li jtellfu l-eżerċizzju tal-attività tas-sajd fl-ilmijiet tal-Ginea;

(i)

“baħri tal-AKP”, kwalunkwe baħri ċittadin ta’ pajjiż mhux Ewropew firmatarju tal-Ftehim ta’ Cotonou. Bħala tali, baħri mill-Ginea huwa baħri tal-AKP.

(j)

“is-Sorveljanza”: Iċ-Ċentru Nazzjonali tas-Sorveljanza u tal-Ħarsien tas-Sajd (CNSP);

(k)

“id-Delegazzjoni”: tfisser id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Ginea;

(l)

“sid”: tfisser kwalunkwe persuna ġuridikament responsabbli mill-bastiment tas-sajd;

(m)

“awtorizzazzjoni tas-sajd”: id-dritt li jiġu eżerċitati attivitajiet tas-sajd matul perjodu determinat, f’żona determinata inkella f’qasam tas-sajd determinat u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Prinċipji u għanijiet li jispiraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

1.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu s-sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea abbażi tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bejn il-flotot tas-sajd preżenti f’dawk l-ilmijiet, bla ħsara għall-ftehimiet milħuqa bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istess reġjun ġeografiku, inklużi l-ftehimiet reċiproċi dwar is-sajd.

2.   Il-Partijiet jintrabtu li josservaw il-prinċipji tad-djalogu u l-konsultazzjoni preliminari, b’mod partikolari fil-livell tal-implimentazzjoni tal-politika settorjali dwar is-sajd, minn naħa waħda, u, min-naħa l-oħra, tal-politika u l-miżuri tal-Komunità li jista’ jkollhom impatt fuq il-qasam tas-sajd fil-Ginea.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkoperaw ukoll biex jagħmlu evalwazzjonijiet ex-ante, waqt il-proċess, u ex-post, kemm flimkien kif ukoll unilateralment, tal-miżuri, programmi u azzjonijiet implimentati abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet jintrabtu li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont il-prinċipji tal-ġestjoni ekonomika u soċjali tajba, bl-impenn li jsir kontribut għall-ħolqien tal-impjiegi fil-Ginea, u b’rispett għall-qagħda tar-riżorsi tas-sajd.

5.   B’mod partikolari, l-impjieg tal-baħrin tal-AKP fuq il-bastimenti tal-Komunità huwa rregolat mid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tax-xogħol li japplikaw fl-intier fil-qafas tal-kuntratti kkonċernati u l-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, il-libertà tal-assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt tal-ħaddiema għal negozjar kollettiv u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fi kwistjonijiet ta’ xogħol u professjoni.

Artikolu 4

Koperazzjoni fil-qasam xjentifiku

1.   Sakemm il-Ftehim ikun għadu fis-seħħ, il-Komunità u l-Ginea għandhom jagħmlu ħilithom biex isegwu l-iżvilupp tal-istat tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tal-Ginea.

2.   Iż-żewġ Partijiet, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha kompetenti mill-iżvilupp u mill-ġestjoni tas-sajd, u fid-dawl tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, għandhom jikkonsultaw bejniethom fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 10 tal-Ftehim, biex jekk ikun il-każ, wara laqgħa xjentifika bi qbil komuni, jadottaw miżuri bil-għan tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità.

3.   Il-Partijiet jintrabtu li jikkonsultaw bejniethom, jew direttament, inkluż fuq il-livell tas-sottoreġjun, jew fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, biex jiżguraw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi fl-Oċean Atlantiku, u biex jikkooperaw fir-riċerka xjentifika relevanti.

Artikolu 5

Aċċess tal-bastimenti tal-Komunità għar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Ginea

1.   Il-Ginea tintrabat li tawtorizza lill-bastimenti tal-Komunità jieħdu sehem f’attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tagħha skont dan il-Ftehim, inkluż il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

2.   L-attivitajiet ta’ sajd imsemmija f’dan il-Ftehim huma soġġetti għal-leġislazzjoni u r-regolamenti fis-seħħ fil-Ginea. L-awtoritajiet tal-Ginea għandhom jinnotifikaw lill-Komunità dwar kull tibdil li jsir fil-leġislazzjoni msemmija. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li l-Partijiet jistgħu jaqblu dwarhom, il-bastimenti Komunitarji għandhom josservaw din l-emenda għar-regolament fi żmien xahar min-notifika tiegħu.

3.   Il-Ginea tintrabat li tadotta d-dispożizzjonijiet adegwati kollha f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tas-sajd stabbiliti bil-Protokoll. Il-bastimenti tal-Komunità għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea għat-twettiq ta’ dawn il-kontrolli.

4.   Il-Komunità tintrabat li tadotta d-dispożizzjonijiet kollha xierqa sabiex tiżgura li l-bastimenti tagħha josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll il-leġislazzjoni tal-Ginea li tirregola s-sajd fl-ibħra rilevanti taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ginea, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet tas-sajd – klawżola ta’ esklussività

1.   Il-bastimenti tal-Komunità ma jistgħux jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea sakemm ma jkollhomx awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa mill-Ginea skont dan il-Ftehim u l-Protokoll mehmuż miegħu.

2.   Fil-każ tal-kategoriji ta’ sajd li mhumiex previsti mill-Protokoll fis-seħħ, kif ukoll tas-sajd sperimentali, dawn l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jistgħu jingħataw mill-Ministeru, lill-bastimenti Komunitarji. Madankollu, l-għoti ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jibqa’ jiddependi mill-opinjoni favorevoli taż-żewġ Partijiet.

3.   Il-proċedura biex bastiment jikseb awtorizzazzjoni tas-sajd, it-taxxi applikabbli u l-metodu ta’ ħlas li jrid jintuża’ mis-sidien tal-bastimenti huma speċifikati fl-Anness tal-Protokoll.

Artikolu 7

Kumpens finanzjarju

1.   Il-Komunità għandha tħallas lill-Ginea kumpens finanzjarju skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll u fl-Annessi. Dan il-kumpens waħdieni huwa definit abbażi ta’ żewġ elementi relatati, rispettivament.

(a)

l-aċċess tal-bastimenti tal-Komunità għall-ilmijiet u għar-riżorsi tas-sajd tal-Ginea, u

(b)

l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-istabbiliment tal-politika nazzjonali tas-sajd ibbażata fuq sajd responsabbli u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Ginea.

2.   L-element tal-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1(b) hawn fuq għandu jkun determinat fid-dawl tal-għanijiet identifikati, bi qbil komuni bejn il-Partijiet, u skont id-dispożizzjonjiet tal-Protokoll, li jridu jintlaħqu fil-kuntest tal-politika settorjali tas-sajd definita mill-gvern tal-Ginea u programmazzjoni annwali u multiannwali għall-implimentazzjoni tagħha.

3.   Il-kumpens finanzjarju min-naħa tal-Komunità jitħallas kull sena skont it-termini stabbiliti fil-Protokoll, u skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim u tal-Protokoll rigward il-modifika eventwali tat-total tiegħu minħabba:

(a)

ċirkostanzi mhux normali;

(b)

it-tnaqqis, bi qbil, tal-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji fl-applikazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tal-istokkijiet ikkonċernati meqjusa neċessarji għall-konservazzjoni u għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli;

(ċ)

iż-żieda, bi qbil komuni bejn il-Partijiet, tal-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jekk, skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, il-qagħda tar-riżorsi tippermetti dan;

(d)

rievalwazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd fil-Ginea meta r-riżultati tal-ipprogrammar annwali u multiannwali misjuba mill-partijiet jiġġustifikaw dan;

(e)

it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tiegħu;

(f)

is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tiegħu.

Artikolu 8

Promozzjoni tal-koperazzjoni fil-livell tal-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ekonomika, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u s-setturi konnessi miegħu. Għandhom jikkonsultaw flimkien sabiex jikkoordinaw id-diversi azzjonijiet li jkunu prevedibbli f’dan ir-rigward.

2.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu l-iskambju tal-informazzjoni dwar tekniki tas-sajd u l-irkaptu tas-sajd, il-metodi ta’ konservazzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet adatti għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impriżi tagħhom, fl-oqsma tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jaħdmu għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tan-negozju u l-investimenti.

4.   Il-Partijiet b’mod partikolari jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ impriżi konġunti ta’ interess reċiproku fl-osservanza sistematika tal-leġislazzjoni tal-Ginea u ta’ dik tal-Komunità li tkun fis-seħħ.

Artikolu 9

Koperazzjoni amministrattiva

Il-Partijiet kontraenti, ħerqana li jiżguraw l-effikaċja tal-miżuri għall-iżvilupp u għall-preżervazzjoni tar-riżorsi tas-sajd:

jiżviluppaw koperazzjoni amministrattiva sabiex jiżguraw li l-bastimenti tagħhom josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u r-regolamentazzjoni dwar is-sajd fil-baħar tal-Ginea, kull Parti safejn tikkonċerna lilha,

jikkooperaw sabiex jimpedixxu u jiġġieldu kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat, u mhux regolat b’mod partikolari permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ koperazzjoni amministrattiva mill-qrib.

Artikolu 10

Kumitat Konġunt

1.   Kumitat Konġunt huwa stabbilit bil-għan li jissorvelja u jikkontrolla l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

jissorvelja t-twettiq, l-interpretazzjoni u l-funzjonament korrett tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, kif ukoll ir-riżoluzzjoni għat-tilwim;

(b)

jiżgura s-segwitu u jevalwa l-implimentazzjoni tal-kontribut tal-Ftehim ta’ Sħubija għat-twettiq tal-politika settorjali dwar is-sajd tal-Ginea;

(ċ)

jiżgura r-rabta meħtieġa dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tas-sajd;

(d)

iservi ta’ forum sabiex jissolvew bonarjament il-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-aplikazzjoni tal-Ftehim;

(e)

jevalwa mill-ġdid, jekk ikun hemm il-ħtieġa, il-livelli ta’ sajd possibbli u, konsegwentament, il-kumpens finanzjarju;

(f)

jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tas-sajd skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll;

(g)

jiffissal-modalitajiet prattiċi tal-koperazzjoni amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim;

(h)

jaqdi kull funzjoni oħra li l-Partijiet jaqblu li jinkarigawh li jwettaq, inkluż il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat, u mhux regolat u l-koperazzjoni amministrattiva;

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, darba fil-Ginea u darba fil-Komunità, u jkun ippresedut mill-Parti fejn issir il-laqgħa. Għandu jiltaqa’ f’seduta straordinarja fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

Artikolu 11

Żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

Dan il-Ftehim japplika, minn naħa waħda fit-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat imsemmi, u, min-naħa l-oħra, fit-territorju tal-Ginea u fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ginea.

Artikolu 12

Tul ta’ żmien

Dan il-Ftehim għandu japplika għal 4 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu; għandu jiġġedded b’mod impliċitu u għal perjodi identiċi, ħlief fil-każ tat-terminazzjoni skont l-Artikolu 15 tiegħu.

Artikolu 13

Riżoluzzjoni tat-tilwim

Il-Partijiet kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-interpretazzjoni u/jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Sospensjoni

1.   L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiż fuq l-inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim serju fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Din is-sospensjoni hija soġġetta għan-notifika mill-Parti kkonċernata dwar l-intenzjoni tagħha, bil-miktub, mhux anqas minn tliet xhur qabel id-data meta din is-sospensjoni tkun se tidħol fis-seħħ. Mill-ħruġ ta’ din in-notifika, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsolvu n-nuqqas ta’ ftehim bonarjament.

2.   Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 għandu jitnaqqas, proporzjonalment u pro rata temporis, għat-tul ta’ żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 15

Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi mitmum minn waħda mill-Partijiet, fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux normali relatati, fost oħrajn, mad-degradazzjoni tal-istokkijiet ikkonċernati, l-osservazzjoni ta’ livell imnaqqas tal-użu tal-opportunitajiet ta’ sajd allokati mill-Ginea għall-bastimenti tal-Komunità, jew in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tal-Partijiet fil-kwistjoni tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat.

2.   Il-Parti kkonċernata għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Ftehim mill-inqas sitt xhur qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali jew kull perjodu ieħor.

3.   Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu 2, għandhom jinfetħu l-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

4.   Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7, għas-sena li fiha t-terminazzjoni tidħol fis-seħħ, għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis.

Artikolu 16

Protokoll u Anness

Il-Protokoll u l-Anness għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 17

Dispożizzjonjiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd komunitarji li joperaw fl-ilmijiet tal-Ginea huma regolati mill-liġi applikabbli fil-Ginea, sakemm il-Ftehim, il-Protokoll preżenti, l-Anness u l-appendiċi tiegħu ma jistabbilixxux xort’oħra.

Artikolu 18

Tħassir

Fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim jħassar u jissostitwixxi l-Ftehim tas-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea dwar is-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Kosta tal-Ginea, li daħal fis-seħħ fid-28 ta’ Marzu 1983.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim, miktub f’żewġ kopji bil-Ġermaniz, bl-Ingliż, bil-Bulgaru, bid-Daniż, bl-Ispanjol, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Iżvediż u biċ-Ċek, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku, għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub li jkunu tlestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għal dan il-għan.

PROTOKOLL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea dwar is-sajd ‘il barra mill-kosta tal-Ginea għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2012 Artikolu 1

Artikolu 1

Perjodu tal-applikazzjoni u l-opportunitajiet ta’ sajd

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2009, u għal perjodu ta’ 4 snin, l-opportunitajiet ta’ sajd konċessi skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim, għall-ispeċijiet li jpassu ħafna (speċijiet elenkati fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982), għandhom ikunu kif ġej:

bastimenti bil-friża li jistadu għat-tonn bit-tartarun: 28 bastiment,

bastimenti tas-sajd bil-qasba: 12-il bastiment.

2.   Mit-tieni sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-prokoll, u wara evalwazzjoni konġunta tal-qagħda tal-istokkijiet tal-gambli u tal-ġestjoni tas-sajd tal-Ginea f’din il-kategorija, l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tat-tkarkir għall-gambli, li jlaħħqu it-800 tunnellata ta’ piż gross (GRT) kull trimestru, jistgħu jiġu allokati fuq bażi annwali skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-implimentazzjoni ta’ ġestjoni trasparenti tal-aċċess tas-sajd għall-gambli, u partikolarment tal-isforz tas-sajd eżerċitat mill-flotot nazzjonali u barranin għal din l-ispeċi. Għalhekk, il-Ginea tibgħat kull sena, u qabel il-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, tabella sommarja tal-isforzi tas-sajd għal din l-ispeċi fl-ilmijiet tal-Ginea,

l-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Sorveljanza, ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll fl-ilmijiet tal-Ginea;

l-analiżi xjentifika tal-qagħda tar-riżorsa u r-riżultati tal-kampanji xjentifiċi, li r-riżultati tagħhom se jiġu kkomunikati kull sena u fl-istess ħin bħall-informazzjoni dwar l-isforzi tas-sajd.

Il-kundizzjonijiet tas-sajd għal din il-kategorija għandhom jiġu definiti bil-qbil komuni kull sena qabel it-trażmissjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u fi kwalunkwe każ qabel il-ħlas tal-kumpens finanzjarju annwali addizzjonali, fi proporzjon maż-żieda fl-opportunitajiet tas-sajd kif previst fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll.

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw bla ħsara għall-Artikoli 4 u 5 ta’ dan il-Protokoll.

4.   Il-bastimenti li jtajjru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea ma jistgħux iwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Ginea ħlief jekk ikollhom awtorizzazzjoni valida tas-sajd maħruġa mill-Ginea fil-qafas ta’ dan il-Protokoll, u bil-metodi deskritti fl-Anness ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 2

Kumpens finanzjarju – Metodi ta’ ħlas

1.   Il-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 tal-Ftehim huwa magħmul minn naħa, għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1(1), minn-ammont ta’ EUR 325 000 fis-sena ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 5 000 tunnellata fis-sena, u min-naħa oħra minn ammont speċifiku ta’ EUR 125 000 fis-sena, allokati għall-appoġġ u għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd fil-Ginea. Dan l-ammont speċifiku huwa parti integrali mill-kumpens finanzjarju waħdieni (1) kif definit fl-Artikolu 7 tal-Ftehim.

Fil-każ li jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd addizzjonali, skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2), il-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 tal-Ftehim jinkludi wkoll, għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 1, ammont ta’ EUR 300 000 fis-sena, fi proporzjon maż-żieda fl-opportunitajiet tas-sajd.

Mal-ammonti msemmija hawn fuq tiżdied kontribut speċifiku mill-Komunità li tgħodd mas-600 000 EUR fl-ewwel sena, 400 000 fit-tieni sena u 300 000 EUR fis-snin ta’ wara, bil-għan li jingħata appoġġ għas-sistema ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea u bil-għan li l-Ginea tkun tista’ tistabbilixxi b’sistema ta’ sorveljanza satellitari sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010. Din il-kontribuzzjoni titmexxa skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 ta’ dan il-Protokoll.

2.   Il-paragrafu 1 hawn fuq japplika b’riżerva għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ta’ dan il-Protokoll.

3.   L-ammont totali skont il-paragrafu 1 (jiġifieri ta’ EUR 1 050 000 għall-ewwel sena u, jekk ikun il-każ, EUR 1 150 000 għat-tieni sena u EUR 1 050 000 għas-snin ta’ wara), huwa mħallas darba fis-sena mill-Komunità matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll (2). Dawn l-ammonti ma jippreġudikawx l-emendi tal-opportunitajiet tas-sajd jew l-inklużjoni ta’ opportunitajiet ġodda tas-sajd, li jistgħu jiġu deċiżi skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 5 ta’ dan il-Protokoll.

4.   Jekk il-kwantità globali ta’ ħut maqbuda mill-bastimenti Komunitarji fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta tal-Ginea taqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza, l-ammont tal-kumpens finanzjarju annwali jitla’ għal EUR 65 għal kull tunnellata supplimentari maqbuda. Madankollu, l-ammont totali mħallas mill-Komunità ma jistax jaqbeż id-doppju tal-ammont indikat fil-paragrafu 3 (jiġifieri ta’ EUR 1 050 000 għall-ewwel sena u, jekk ikun il-każ, EUR 1 150 000 għat-tieni sena u EUR 1 050 000 għas-snin ta’ wara). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti Komunitarji jaqbżu l-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju tal-ammont totali annwali, l-ammont dovut għall-kwantità li teċċedi dak il-limitu, jitħallas is-sena ta’ wara.

5.   Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jsir sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2009 għall-ewwel sena u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar għas-snin segwenti.

6.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, l-allokazzjoni tal-fondi tiġi deċiża skont il-Liġi tal-finanzi tal-Ginea, ħlief għal dak li jirrigwarda l-kontribut speċifiku prevista fl-Artikolu 2(1), it-tielet inċiż ta’ dan il-Protokoll, u għaldaqstant, taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-awtoritajiet tal-Ginea.

7.   Il-ħlasijiet previsti f’dan l-Artikolu għandhom jiġu ttrasferiti fuq kont uniku tat-Teżor pubbliku, miftuħ fil-Bank Ċentrali tal-Ginea, li d-dettalji tiegħu jiġu kkomunikati kull sena mill-Ministeru, ħlief f’dak li jirrigwarda l-kontribut speċifiku prevista fl-Artikolu 2(1), it-tielet inċiż, li għandha tiġi ttrasferita direttament fuq kont taċ-Ċentru Nazzjonali tas-Sorveljanza u tal-Protezzjoni tas-Sajd, u fl-ewwel sena wara l-adozzjoni miż-żewġ partijiet tal-programmazzjoni ta’ dawn il-fondi.

Artikolu 3

Koperazzjoni għal sajd responsabbli – Koperazzjoni xjentifika

1.   Iż-żewġ Partijiet jimpenjaw irwieħhom biex jippromwovu sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Ginea abbażi tal-prinċipji tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti preżenti f’dawn fl-ilmijiet.

2.   Sakemm jibqa’ fis-seħħ dan il-Protokoll, il-Komunità u l-awtoritajiet tal-Ginea għandhom jagħmlu minn kollox biex isegwu t-tibdil li jseħħ fir-riżorsi fiż-żona tas-sajd tal-Ginea.

3.   Iż-żewġ Partijiet għandhom jimpenjaw irwieħhom biex jippromwovu l-koperazzjoni għal sajd responsabbli fil-livell tas-sottoreġjun, b’mod partikolari fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u kwalunkwe organizzazzjoni oħra subreġjonali jew internazzjonali kompetenti.

4.   Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim u fid-dawl tal-aħjar opinjonijiet xjentifiċi disponibbli, il-Partijiet se jikkonsultaw bejniethom fi ħdan il-Kumitat Konġunt regolat mill-Artikolu 10 tal-Ftehim, biex jadottaw, bi qbil bejniethom u jekk ikun meħtieġ wara laqgħa xjentifika fil-livell tas-sottoreġjun, miżuri għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti Komunitarji. Dawn il-miżuri għandhom iqisu r-rakkomandazzonijiet u r-riżoluzzjonijiet fi ħdan l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).

Artikolu 4

Reviżjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd bi qbil reċiproku

1.   L-opportunitajiet ta’ sajd imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiżdiedu bi qbil bejn il-Partijiet sakemm, skont il-konklużjonijiet tal-laqgħa xjentifika msemmija fl-Artikolu 3(4) ta’ dan il-Protokoll, din iż-żieda ma tkunx ta’ dannu għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-Ginea. F’dan il-każ, il-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 2(1) ikun miżjud proporzjonalment u prorata temporis.

2.   Min-naħa l-oħra jekk il-Partijiet jaqblu dwar l-adozzjoni ta’ tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd msemmija fl-Artikolu 1, il-kumpens finanzjarju jitnaqqas proporzjonalment u prorata temporis.

3.   Id-distribuzzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd bejn il-kategoriji differenti tal-bastimenti tista’, bl-istess mod, tiġi sottomessa għar-reviżjoni wara konsultazzjoni u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet, fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni eventwali tal-laqgħa xjentifika msemmija fll-Artikolu 3(4) ta’ dan il-Protokoll, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tal-istokkijiet li jistgħu jiġu affettwati minn dan it-tqassim mill-ġdid. Il-Partijiet jaqblu fuq l-aġġustament tal-kumpens finanzjarju jekk dan ikun ġustifikat minħabba t-tqassim mill-ġdid tal-opportunitajiet ta’ sajd.

Artikolu 5

Opportunitajiet oħra tas-sajd

1.   F’każ li l-bastimenti tas-sajd Komunitarji jkunu interessati fl-attivitajiet tas-sajd li mhumiex imsemmija fl-Artikolu 1, il-Komunità tikkonsulta lill-Ginea biex tinkiseb awtorizazzjoni eventwali għal dawn l-attivitajiet il-ġodda. Jekk ikun meħtieġ, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għal dawn l-opportunitajiet il-ġodda tas-sajd u jemendaw il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

2.   Il-Partijiet jistgħu jwettqu flimkien kampanji ta’ sajd sperimentali fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea, skont l-opinjoni tal-laqgħa xjentifika prevista fl-Artikolu 3(4) ta’ dan il-Protokoll. Għal dan il-għan, jistgħu jsiru konsultazzjonijiet fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet biex jiddeterminaw, skont il-każ, ir-riżorsi l-ġodda, il-kundizzjonijiet u parametri oħra importanti.

3.   Il-Partijiet jimplimentaw l-attivitajiet tas-sajd sperimentali skont il-parametri xjentifiċi, amministrattivi u finanzjarji adottati bi qbil bejniethom. L-awtorizazzjonijiet għal sajd sperimentali huma miftiehma għall-finijiet ta’ prova, għal massimu ta’ żewġ kampanji ta’ sitt xhur ‘il waħda, li għandhom jibdew mid-data tad-deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni bejn iż-żewġ Partijiet.

4.   Meta l-Partijiet jiddeterminaw li l-kampanji sperimentali jkunu taw riżultati pożittivi, b’rispett għall-preżervazzjoni tal-ekosistemi u għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, ikunu jistgħu jiġu attribwiti opportunitajiet ġodda ta’ sajd lill-bastimenti Komunitarji skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll u sakemm jiskadi, skont l-isforz permissibbli. Għandaqstant il-kumpens finanzjarju ser jiżdied.

Artikolu 6

Sospensjoni u reviżjoni tal-ħlas tal-kumpens finanzjarju f’ċirkostanzi li mhumiex normali

1.   F’ċirkostanzi li mhumiex normali, għajr fenomeni naturali li ma jippermettux l-eżerċizzju tal-attivitajiet tas-sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tal-Ginea, il-ħlas tal-kumpens finanzjarju skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll jista’ jiġi sospiż mill-Komunità Ewropea.

2.   Id-deċiżjoni għal sospensjoni, fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1 hawn fuq, tittieħed wara konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ Partijiet sa mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tat-talba magħmula minn waħda mill-Partijiet, u bil-kundizzjoni li l-Komunità Ewropea tkun ħallset kwalunkwe ammont dovut fil-mument tas-sospensjoni.

3.   Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju jerġa’ jsir dovut minn meta jistabbilixxu l-Partijiet, wara konsultazzjonijiet u bi qbil komuni li ċ-ċirkostanzi li taw lok għall-waqfien tal-attivitajiet tas-sajd ikunu għebu u/jew is-sitwazzjoni hija tali li tippermetti li l-attivitajiet tas-sajd jinbdew mill-ġdid.

4.   Il-validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji, li tkun ġiet soNefqanefqa flimkien mal-ħlas tal-kumpens finanzjarju, hija mtawla għal perjodu ta’ żmien li jkun jikkorrispondi għall-perjodu tas-sospensjoni tal-attivitajiet tas-sajd.

Artikolu 7

Promozzjoni ta’ sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Ginea

1.   Il-kumpens finanzjarju kollu, kif ukoll il-kontribut speċifiku, stabbiliti fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll, jikkontribwixxu kull sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi meħuda fil-qafas tal-politika settorjali tas-sajd, definita mill-gvern tal-Ginea, u approvati miż-żewġ partijiet abbażi tal-modalitajiet deskritti hawn taħt.

Il-ġestjoni tal-ammont korrispondenti mill-Ginea huwa bbażat fuq qbil reċiproku bejn iż-żewġ Partijiet, u f’konformità mal-prijoritajiet attwali tal-politika tas-sajd tal-Ginea bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli u responsabbli tas-settur, l-għanijiet li jridu jintlaħqu, fosthom l-ippjanar annwali u multiannwali, skont il-paragrafu 2 hawn taħt, partikularment f’dak li jirrigwarda l-kontroll u s-sorveljanza, il-ġestjoni tar-riżorsi u t-titjib tal-kundizzjonijiet sanitarji tal-prodotti tas-sajd u t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ kontroll tal-awtoritajiet kompetenti.

2.   Fuq proposta tal-Ginea u biex jiġi implimentat il-paragrafu preċedenti, il-Komunità u l-Ginea jiftiehmu, fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 10 tal-Ftehim, sa mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll u sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tiegħu, dwar Programm Settorjali Multiannwali, u dwar kif għandu jiġi applikat, inklużi b’mod partikolari:

(a)

l-għażliet fuq bażi annwali u multiannwali li fuqhom il-perċentwal tal-kumpens finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 1 imsemmi hawn fuq u l-ammonti speċifiċi għall-inizjattivi meħuda fuq bażi annwali jiġu utilizzati;

(b)

l-għanijiet li jridu jintlaħqu fuq bażi annwali u pluriannwali sabiex jitrawwem sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet tal-Ginea fi ħdan il-politika nazzjonali tas-sajd jew ta’ politiki oħra konnessi jew li għandhom impatt fuq il-promozzjoni tas-sajd responsabbli u sostenibbli;

(ċ)

il-kriterji u l-proċeduri li jridu jintużaw biex issir l-evalwazzjoni tar-riżultati milħuqa, fuq bażi annwali.

3.   Iż-żewġ partijiet madankollu jaqblu li jikkonċentraw b’mod partikolari fuq l-azzjonijiet kollha ta’ appoġġ għall-monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tas-sajd, inkluża s-sorveljanza tal-ilmijiet tal-Ginea mill-baħar u mill-ajru, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita (VMS) tal-bastimenti tas-sajd, it-titjib tal-qafas ġuridiku kif ukoll l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward l-infrazzjonijiet.

4.   L-emendi kollha proposti għall-Programm Settorjali Multiannwali jew għall-użu tal-ammonti speċifiċi għall-inizjattivi li jittieħdu kull sena jridu jiġu approvati miż-żewġ Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

5.   Kull sena, il-Ginea talloka l-valur korrispondenti għall-ammonti msemmija fil-paragrafu 1, għall-implimentazzjoni tal-Programm Multiannwali. Fir-rigward tal-ewwel sena ta’ validità tal-Protokoll, din l-allokazzjoni trid tiġi komunikata lill-Komunità malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-approvazzjoni tal-Programm Settorjali Multiannwali mill-Kumitat Konġunt. Għal kull sena segwenti, din l-allokazzjoni tiġi komunikata mill-Ginea lill-Komunità sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena preċedenti.

6.   Jekk l-evalwazzjoni konġunta annwali tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Programm Settorjali Multiannwali tiġġustifikah, il-Komunità Ewropea tkun tista’ tagħmel aġġustament mill-ġdid tas-somma allokata għall-appoġġ u għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tal-Ginea, li tagħmel parti mill-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll, biex is-somma effettiva tal-fondi allokati għall-implimentazzjoni tal-Programm tiġi adattata għal dawn ir-riżultati.

7.   Il-Komunità tirriżerva d-dritt li tissospendi l-ħlas tal-kontribut speċifiku prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll jekk ir-riżultati miksuba mill-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Protokoll, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali u ġustifikati kif xieraq, ma jkunux konformi mal-programmazzjoni skont l-evalwazzjoni magħmula fil-kuntest tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 8

Nuqqas ta’ qbil – sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll

1.   Kull nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u l-applikazzjoni tiegħu għandu jitressaq għall-konsultazzjoni bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 10 tal-Ftehim, u jekk ikun meħtieġ, għandha tissejjaħ laqgħa straordinarja.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9, l-applikazzjoni tal-Protokoll tista’ tiġi soNefqanefqa fuq inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet meta n-nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ Partijiet jitqies bħala wieħed serju u l-konsultazzjonijiet li jkunu saru fi ħdan il-Kumitat Konġunt skont l-ewwel paragrafu ma jkunux wasslu għal soluzzjoni bonarja.

3.   Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll hija soġġetta għan-notifika mill-Parti interessata tal-intenzjoni tagħha, liema notifika għandha tkun bil-miktub u ta’ mhux anqas minn tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din is-sospensjoni.

4.   F’każ ta’ sospensjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet sabiex isibu soluzzjoni bonarja għad-diverġenzi ta’ bejniethom. Meta tinkiseb tali soluzzjoni bonarja, il-Protokoll jibda japplika mill-ġdid u l-ammont tal-kumpens finanzjarju għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali u prorata temporis skont it-tul ta’ żmien li matulu l-applikazzjoni tal-Protokoll kienet sospiża.

Artikolu 9

Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll minħabba n-nuqqas ta’ ħlas

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, f’każ li l-Komunità tonqos milli tagħmel il-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 2, l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll tista’ tiġi sospiża bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea jibagħtu notifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta’ ħlas. Din tgħaddi għall-verifiki meħtieġa u jekk ikun meħtieġ, għall-ħlas sa mhux aktar tard minn 60 jum ta’ ħidma, li għandhom jibdew jgħoddu mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun ġiet notifikata.

(b)

Fin-nuqqas ta’ ħlas jew ġustifikazzjoni xierqa għan-nuqqas ta’ ħlas fiż-żmien stabbilit fl-Artikolu 2(5) ta’ dan il-Protokoll, l-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea ikunu fid-dritt li jissospendu l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward minnufih.

(ċ)

Il-Protokoll jibda japplika mill-ġdid, hekk kif isir il-ħlasħlas.

Artikolu 10

Dispożizzjonjiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji li joperaw fl-ilmijiet tal-Ginea huma regolati mill-liġi applikabbli fil-Ginea, sakemm il-Ftehim, il-Protokoll preżenti, l-Anness u l-appendiċi tiegħu ma jistabbilixxux xort’oħra.

Artikolu 11

Klawżola ta’ reviżjoni

1.   Fil-każ li jkun hemm tibdiliet sinifikanti fil-linji ta’ politika li wasslu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll, waħda mill-Partijiet tista’ tesiġi li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu riveduti bil-għan li dawn eventwalment jiġu emendati.

2.   Il-parti interessata tinnotifika lill-parti l-oħra bil-miktub dwar il-ħsieb tagħha li tirrevedi d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

3.   Sa mhux aktar tard minn 60 jum ta’ ħidma wara n-notifika, iż-żewġ Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin għal dan l-għan. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil fir-rigward tar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet, il-Parti interessata tista’ ttemm il-Protokoll skont l-Artikolu 14 tiegħu.

Artikolu 12

Tħassir

Dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu jħassru u jissostitwixxu l-Protokoll tas-Sajd eżistenti kif ukoll il-Ftehim ta’ qafas bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Ginea dwar is-sajd ‘il barra mill-kosta tal-Ginea.

Artikolu 13

Tul ta’ żmien

Dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu japplikaw għal żmien ta’ 4 snin li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2009, sakemm ma jiġux mitmuma skont l-Artikolu 14.

Artikolu 14

Terminazzjoni

Fil-każ ta’ terminazzjoni tal-Protokoll, il-Parti interessata tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li ttemm il-Protokoll mill-inqas sitt xhur qabel id-data li fiha sseħħ it-terminazzjoni. Kif tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu ta’ qabel għandhom jibdew il-konsultazzjonijiet mal-Partijiet.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa fir-rigward.

2.   Japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2009.


(1)  Mal-ammont tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 1(1), għandu jiżdied l-ammont tal-kontribuzzjonijiet previsti fil-Kapitolu II ta’ dan l-Anness, imħallsa direttament lill-Ginea, u li huwa stmat għal EUR 118 000 fis-sena minbarra t-taxxi marbuta mal-kontribuzzjoni għas-sorveljanza u r-riċerka.

(2)  Ma’ dawn l-ammonti, għandhom jiżdiedu l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet previsti fil-Kapitolu II ta’ dan l-Anness, imħallsa direttament lill-Ginea, u li huwa stmat għal EUR 118 000 fis-sena minbarra t-taxxi marbuta mal-kontribuzzjoni għas-sorveljanza u r-riċerka.

ANNESS

Kundizzjonijiet għall-Eżerċizzju tas-sajd għat-tonn fiż-żona tas-sajd tal-Ginea minn Bastimenti tal-Komunità

KAPITOLU I

FORMALITAJIET APPLIKABBLI GĦAT-TALBA U GĦALL-ĦRUĠ TAL- AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD

SEZZJONI 1

Ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.

Huma biss il-bastimenti eliġibbli li jistgħu jingħataw awtorizzazzjoni biex jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Ginea.

2.

Sabiex bastiment ikun eliġibbli, is-sid, il-kaptan u l-bastiment innifsu m’għandhomx jiġu mċaħħda mill-attivitajiet tas-sajd fil-Ginea. Jeħtiġilhom ikunu f’qagħda regolari mal-amministrazzjoni tal-Ginea, fis-sens li jridu jkunu meħlusa mill-obbligi kollha preċedenti li jirriżultaw mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-Ginea fl-ambitu tal-ftehimiet tas-sajd konklużi mal-Komunità, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-imbark tal-baħrin.

3.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità għandhom iressqu talba (elettronikament) lill-Ministru responsabbli mis-sajd fil-Ginea, għal kull bastiment li jixtieq jistad bis-saħħa tal-ftehim, mill-anqas 30 jum ta’ ħidma qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-validità mitluba.

4.

It-talbiet huma ppreżentati lill-ministeru responsabbli għas-sajd skont il-formoli li l-format tagħhom jinsab fl-Appendiċi I. L-awtoritajiet tal-Ginea għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex l-informazzjoni li jirċievu fil-kuntest tat-talba għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, tkun trattata b’mod kunfidenzjali. Din l-informazzjoni tintuża biss fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-sajd.

5.

Kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkollha magħha d-dokumenti li ġejjin:

prova tas-somma mħallsa minn qabel għall-perjodu tal-validità tagħha,

kull dokument jew ċertifikat ieħor meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għat-tip ta’ bastiment ikkonċernat skont dan il-Protokoll.

6.

Il-ħlas tal-ammont dovut għall-awtorizzazzjoni għandu jsir fil-kont indikat mill-awtoritajiet tal-Ginea skont l-Artikolu 2(7) tal-Protokoll.

7.

Il-ħlasijiet jinkludu t-taxxi nazzjonali u lokali kollha, minbarra t-taxxa għall-kontribuzzjoni għas-sorveljanza tas-sajd, it-taxxa għall-kontribuzzjoni għar-riċerka dwar is-sajd u l-ispejjeż għas-servizzi pprovduti. F’dak li jirrigwarda t-taxxi għas-sorveljanza u r-riċerka, dawn tal-aħħar se jkunu applikabbli prorata tal-preżenza effettiva fiż-żona tas-sajd tal-Ginea u se jkunu ttrasferiti mill-operaturi fl-aħħar tpaċija tal-ħlasijiet, skont id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 2 ta’ dan l-Anness.

Fuq talba min-naħa tal-Ginea, u sakemm jiġi ffirmat Protokoll VMS mal-Komunità, din tal-aħħar għandha tipprovdi lill-Ginea bid-dejta satellitari għall-perjodi ta’ preżenza fiż-żona tas-sajd tal-Ginea bil-għan li jiġu kkalkulati t-taxxi li għandhom jitħallsu mis-sidien bħala kontribut għas-sorveljanza.

8.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti kollha huma maħruġa fi żmien 15-il jum ta’ ħidma minn meta tiġi milqugħa d-dokumentazzjoni kollha msemmija f’punt 5 hawn fuq, mill-ministeru responsabbli tas-sajd fil-Ginea, lis-sidien jew lir-rappreżentanti tagħhom mill-intermedjarju tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Ginea.

9.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd tinħareġ f’isem bastiment speċifiku u mhix trasferibbli.

10.

Madanakollu, fuq talba tal-Komunità Ewropea u f’każ ta’ prova ta’ forza maġġuri, l-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment għandha tiġi sostitwita b’awtorizzazzjoni tas-sajd ġdida li tinħareġ fuq bastiment ieħor tal-istess kategorija tal-bastiment sostitwit, kif inhu msemmi fl-Artikolu 1 tal-Protokoll, mingħajr ħlas ulterjuri. F’dan il-każ, il-kalkolu tal-livell ta’ ħut maqbud għad-determinazzjoni tal-ħlas eventwali addizzjonali għandu jikkunsidra t-total tal-ħut maqbud miż-żewġ bastimenti.

11.

Is-sid, jew ir-rappreżentant, tal-bastiment li jkun se jiġi ssostitwit jgħaddi l-awtorizzazzjoni tas-sajd annullata lill-Ministeru inkarigat mis-sajd tal-Ginea permezz tal-intermedjarju tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

12.

Id-data li fiha l-awtorizzazzjoni l-ġdida tas-sajd issir effettiva hija dik li fiha sid il-bastiment jagħti lura l-awtorizzazzjoni annullata tas-sajd lill-ministeru responsabbli għas-sajd tal-Ginea. Id-Delegazzjoni tal-Kommissjoni Ewropea fil-Ginea għandha tiġi mgħarrfa dwar it-trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd.

13.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinżamm abbord f’kull ħin. Il-Komunità Ewropea żżomm aġġornament tal-abbozz tal-lista ta’ bastimenti li għalihom saret talba għall-awtorizzazzjoni tas-sajd skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. Dan l-abbozz jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet tal-Ginea hekk kif jiġi finalizzat u eventwalment kull darba li jiġi aġġornat. Meta jintlaqa’ dan l-abbozz tal-lista kif ukoll in-notifika tal-ħlas bil-quddiem indirizzata mill-Kummissjoni Ewropea lill-awtoritajiet tal-pajjiż kostali, il-bastiment jiġi reġistrat mill-awtorità kompetenti tal-Ginea fuq lista tal-bastimenti awtorizzati li jistadu, li tiġi notifikata lill-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tas-sajd. F’dan il-każ, kopja ta’ din il-lista tintbagħat lil sid il-bastiment u għandha tinżamm abbord, minflok l-awtorizzazzjoni tas-sajd, sakemm tintbagħat din tal-aħħar.

14.

Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ sistema għall-awtorizzazzjoni tas-sajd msejsa esklussivament fuq l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni kollha u tad-dokumenti deskritti hawn fuq. Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu mill-aktar fis possibbli s-sostituzzjoni tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-karti bl-ekwivalenti elettronika, bħall-lista tal-bastimenti awtorizzati biex jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Ginea.

15.

Il-Partijiet jintrabtu li, fl-ambitu tal-Kumitat Konġunt, jissostitwixxu r-referenzi kollha f’dan il-Protokoll għall-GRT b’TG u b’konsegwenza ta’ dan jadattaw id-dispożizzjonijiet hekk milquta. Qabel ma ssir din is-sostituzzjoni iseħħu konsultazzjonijiet tekniċi xierqa bejn il-Partijiet.

SEZZJONI 2

Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tas-sajd– Ħlasijiet u ħlasijiet bil-quddiem

1.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom validità ta’ sena. Jistgħu jiġġeddu.

2.

Il-ħlas huwa stabbilit għal EUR 35 għal kull tunnellata maqbuda fiż-żona tas-sajd tal-Ginea għall-bastimenti li jistadu għat-tonn bit-tartarun u ta’ EUR 25 għall-bastimenti li jistadu bil-qasba.

3.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jinħarġu wara li jsir il-ħlas lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-ammonti li ġejjin:

EUR 4 025 għal kull bastiment tas-sajd tat-tonn bit-tartarun, ekwivalenti għall-ħlasijiet dovuti għal 115 tunnellata fis-sena;

EUR 500 għal kull bastiment li jistad bil-qasab, ekwivalenti għall-ħlasijiet dovuti għal 20 tunnellata fis-sena.

4.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, dwar it-tunnellaġġ tal-qabdiet li jkunu saru matul is-sena li tkun għadha kif għaddiet, kif konfermat mill-Istituti xjentifiċi kif jissemmew fil-punt 5 aktar ‘il quddiem.

5.

It-tnaqqis finali tal-ħlasijiet dovuti fuq bażi annwali huwa deċiż mill-Kummissjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena n + 1, abbażi tad-dikjarazzjonijiet dwar il-qabdiet magħmula minn kull sid ta’ bastiment u konfermati mill-istituti xjentifiċi kompetenti biex jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-qabdiet fl-Istati Membri, bħalma huma l-IRD (Institut de Recherche pour le Développement), l-IEO (Instituto Español de Oceanografia), l-IPIMAR (Instituto Português de Investigação Marítima) u ċ-Ċentru Nazzjonali tax-Xjenzi tas-Sajd ta’ Boussoura. Dan huwa trażmess permezz tal-intermedjarju tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

6.

Dan it-tnaqqis għandu jiġi kkomunikat fl-istess ħin lill-ministeru responsabbli għas-sajd fil-Ginea u lis-sidien tal-bastimenti.

7.

Kull ħlas addizzjonali eventwali għall-kwantitajiet maqbuda li jaqbżu l-115-il tunnelata għall-bastimenti li jistadu għat-tonn bit-tartarun u l-20 tunnellata għall-bastimenti li jistadu bil-qasba għandu jsir mis-sidien tal-bastimenti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Ginea sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu tas-sena n + 1, fil-kont imsemmi fil-paragrafu 6 tal-1 Sezzjoni ta’ dan il-Kapitolu, bir-rata ta’ EUR 35 għal kull tunnellata għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun u EUR 25 għall-bastimenti li jistadu bil-qasba.

8.

Madanakollu, jekk it-tnaqqis finali huwa inqas mis-somma mħallsa bil-quddiem skont punt 3 ta’ din is-sezzjoni, l-ammont residwu korrispondenti ma jistax jiġi rkuprat minn sid il-bastiment.

KAPITOLU II

ŻONI TAS-SAJD

Il-bastimenti tal-Komunità jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom tas-sajd fl-ilmijiet lil hinn mit-12-il mil nawtiku mil-linji tal-bażi, inkella skont il-każ, lil-hinn mill-isobath ta’ 20 m għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u tal-bastimenti tas-sajd bil-qasba.

KAPITOLU III

SISTEMA TAD-DIKJARAZZJONI TAL-QABDIET

1.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, il-perjodu ta’ żmien li matulu bastiment Komunitarju ikun fiż-żona tas-sajd tal-Ginea, huwa definit kif ġej:

jew iż-żmien li jgħaddi bejn id-dħul u l-ħruġ miż-żona tas-sajd tal-Ginea,

inkella l-perjodu li jgħaddi bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Ginea u t-trażbord jew/u l-ħatt fil-Ginea.

2.

Il-bastimenti kollha awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet tal-Ginea fil-qafas tal-Ftehim, għandhom jikkomunikaw il-qabdiet tagħhom lill-ministeru inkarigat mis-sajd fil-Ginea, biex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkontrollaw il-kwantitajiet tal-qabdiet kif ikkonfermati mill-istituti xjentifiċi kompetenti, skont il-proċedura msemmija f’Kapitolu I, sezzjoni 2, punt 5, ta’ dan l-Anness. Il-qabdiet għandhom ikunu komunikati kif ġej:

2.1.

Matul perjodu ta’ sena ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, fis-sens tat-2 Sezzjoni tal-Kapitolu I ta’ dan l-Anness, id-dikjarazzjonijiet għandhom jinkludu l-qabdiet tal-bastiment għal kull vjaġġ. Id-dikjarazzjonijiet oriġinali fuq mezz fiżiku jiġu komunikati lill-Ministeru inkarigat mis-sajd tal-Ginea fil-45 jum ta’ wara t-tmiem tal-aħħar vjaġġ li jkun sar matul il-perjodu msemmi. Barra minn hekk dawn il-komunikazzjonijiet għandhom isiru bil-feks (+ 224 30 41 36 60) jew permezz tal-posta elettronika (cnspkaly@yahoo.fr).

2.2.

Il-bastimenti għandhom jiddikjaraw il-qabdiet tagħhom permezz tal-formola rilevanti li tinsab fil-ġurnal ta’ abbord, li l-mudell tagħha jinsab f’appendiċi 3. Għall-perjodi li matulhom il-bastiment ma jkunx fiż-żona tas-sajd tal-Ginea, huwa marbut li jdaħħal nota fil-ġurnal ta’ abbord bir-referenza “‘Il Barra miż-Żona tas-Sajd tal-Ginea”.

2.3.

Il-formoli għandhom jimtlew b’mod li jinqara faċilment u għandhom ikunu ffirmati mill-kaptan tal-bastiment jew mir-rappreżentant legali tiegħu.

2.4.

Id-dikjarazzjonijiet dwar il-qabdiet għandhom ikunu affidabbli biex tkun tista’ tissegwa l-evoluzzjoni tal-istokkijiet.

3.

F’każ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma jiġux rispettati, il-Gvern tal-Ginea jirriżerva d-dritt li jissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment li wettaq in-nuqqas sakemm jitlestew il-formalitajiet u tiġi applikata lis-sid il-penali stabbilita fil-leġislazzjoni attwali tal-Ginea. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat tal-bandiera għandhom jiġu infurmati b’dan.

4.

Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu sistema għad-dikjarazzjoni tal-qabdiet imsejsa eklussivament fuq l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-dokumenti kollha deskritti hawn fuq. Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu s-sostituzzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub (il-ġurnal ta’ abbord) bl-ekwivalenti f’forma elettronika, mill-aktar fis possibbli.

KAPITOLU IV

TRAŻBORD U ĦATT L-ART

Iż-żewġ Partijiet jikkooperaw bl-għan li jitjiebu l-possibbiltajiet tat-trażbord u tal-ħatt fil-portijiet tar-Repubblika tal-Ginea.

1.

Ħatt l-art

Il-bastimenti tat-tonn Komunitarji li jħottu minn jeddhom f’port tar-Repubblika tal-Ginea, jibbenifikaw minn tnaqqis fuq il-ħlas dovut ta’ EUR 5 għal kull tunnellata maqbuda fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Ginea fuq is-somma indikata fis-sezzjoni 2, paragrafu 2, tal-Kapitolu I tal-Anness.

Jingħata tnaqqis supplimentari ta’ EUR 5 fil-każ ta’ bejgħ tal-prodotti tas-sajd lil fabbrika tal-ipproċessar tar-Repubblika tal-Ginea.

Dan il-mekkaniżmu għandu japplika għal kull bastiment Komunitarju sa massimu ta’ 50 % tal-kont finali tal-qabdiet (kif definit fil-Kapitolu III tal-Anness) mill-ewwel sena ta’ dan il-Protokoll.

2.

Il-mod ta’ kif għandu jsir il-kontroll tat-tunnellaġġ li jkun jinħatt jew ġie trażbordat għandu jiġi definit matul l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt.

3.

Evalwazzjoni

Il-livell tal-inċentivi finanzjarji kif ukoll il-perċentwal massimu tal-kont finali tal-qabdiet għandhom jiġu aġġustati fi ħdan il-Kumitat Konġunt, skont l-impatt soċjo-ekonomiku tal-ħatt l-art li jkun sar matul is-sena rilevanti.

KAPITOLU V

IMBARK TAL-BAĦRIN

1.

Is-sidien tal-bastimenti jintrabtu li jimpjegaw, għall-istaġun tas-sajd tat-tonn fiż-żona tas-sajd tal-Ginea, għallinqas 20 % tal-baħrin li joriġinaw minn pajjiż AKP, u jagħtu prijorità lill-baħrin mill-Ginea. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, is-sidien ikkonċernati jistgħu jitqiesu li mhumiex eliġibbli biex jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Ginea, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 1 ta’ dan l-Anness.

2.

Is-sidien tal-bastimenti għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itellgħu abbord baħrin addizzjonali mill-Ginea.

3.

Id-Dikjarazzjoni tal-Organizazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tax-xogħol, għandha tapplika fl-intier tagħha għall-baħrin li jittellgħu abbord bastimenti Komunitarji. B’mod partikolari l-applikazzjoni tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u tal-għarfien effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv tal-ħaddiema u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tal-professjonijiet.

4.

Il-kuntratti tax-xogħol tal-baħrin tal-AKP, li kopja tagħhom qed tingħata lill-firmatarji ta’ dawn il-kuntratti, isiru bejn ir-rappreżentant(i) tas-sidien tal-bastimenti u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins jew ir-rappreżentanti tagħhom. Dawn il-kuntratti jiggarantixxu lill-baħrin il-benefiċċju tas-sistema tas-sigurtà soċjali applikabbli għalihom, li tinkludi assigurazzjoni f’każ ta’ mewt, mard u inċident.

5.

Is-salarju tal-baħrin tal-AKP jitħallas mis-sidien tal-bastimenti. Għandu jiġi ffissat bi qbil komuni bejn is-sidien tal-bastimenti jew ir-rappreżentanti tagħhom u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins jew ir-rappreżentanti tagħhom. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-baħrin tal-AKP ma jistgħux ikunu agħar minn dawk applikabbli għall-ekwipaġġi tal-pajjiż rispettiv tagħhom u fi kwalunkwe każ ma jistgħux ikunu inferjuri għall-istandards tal-ILO. Il-garanzija tas-salarju gross tal-baħrin mhux Komunitarji, imtellgħin abbord il-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni bil-friża, u li jistadu fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Sħubija tas-Sajd bejn il-KE u pajjiż terz, għandha tkun l-istess bħas-salarju bażiku minimu stabbilit permezz tar-riżoluzzjoni tal-ILO applikabbli għat-tbaħħir fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar ix-xogħol marittimu. Din il-garanzija tas-salarju għandha tinkiteb fil-kuntratti tax-xogħol. Madankollu, fil-każ li l-Konvenzjoni għas-settur tas-sajd tipprevedi dispożizzjonijiet aktar favorevoli f’dak li jirrigwarda s-salarju minimu jew id-drittijiet soċjali milli dawk ipprovduti mill-Konvenzjoni dwar ix-xogħol marittimu, għandha tapplika dik tal-ewwel.

6.

Kull baħri impjegat mill-bastimenti tal-Komunità għandu jippreżenta ruħu lill-kaptan tal-bastiment magħżul lejlet id-data proposta għall-imbarkazzjoni tiegħu. Jekk il-baħri ma jkunx preżenti fid-data u l-ħin previsti għall-imbarkazzjoni, sid il-bastiment jiġi awtomatikament liberat mill-obbligu tal-imbarkazzjoni ta’ dak il-baħri.

KAPITOLU VI

MIŻURI TEKNIĊI

Il-bastimenti għandhom josservaw il-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT għar-reġjun, għal dak li għandu x’jaqsam mal-irkaptu tas-sajd, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom u kull miżura teknika oħra li tapplika għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom.

KAPITOLU VII

OSSERVATURI

1.

Il-bastimenti awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-Ginea fil-qafas tal-Ftehim jistgħu itellgħu abbord osservaturi magħżula mill-organizazzjoni reġjonali tas-sajd (RFO) kompetenti, bil-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt:

1.1.

Fuq talba tal-awtorità kompetenti, il-bastimenti Komunitarji jtellgħu abbord osservatur magħżul minnha, li jkollu l-kompitu li jivverifika l-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet tal-Ginea.

1.2.

L-awtorità kompetenti tistabbilixxi lista tal-bastimenti magħżula biex itellgħu osservatur abbord, kif ukoll lista tal-osservaturi magħżula biex jittellgħu abbord. Dawn il-listi għandhom jinżammu aġġornati. Dawn għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni Ewropea hekk kif jiġu stabbiliti u mbagħad kull tliet xhur fir-rigward tal-aġġornament eventwali tagħhom.

1.3.

L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lis-sidien tal-bastimenti jew lir-rappreżentanti tagħhom l-isem tal-osservatur magħżul biex jittella’ abbord il-bastiment tagħhom u dan mal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd jew sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data stabbilita biex l-osservatur jittella’ abbord.

2.

L-osservatur jibqa’ abbord il-bastiment għal vjaġġ wieħed. Madankollu, fuq talba espliċita tal-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea, il-perjodu li matulu l-osservatur jibqa’ abbord jista’ jiġi estiż għal diversi vjaġġi skont it-tul taż-żmien medju tal-vjaġġi previsti għall-bastiment partikolari. Din it-talba għandha ssir mill-awtorità kompetenti meta jiġi komunikat l-isem tal-osservatur magħżul biex jitla’ abbord il-bastiment konċernat.

3.

Il-kundizzjonijiet għat-tlugħ abbord tal-osservatur għandhom jiġu maqbula bi ftehim komuni bejn is-sid tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu u l-awtorità kompetenti.

4.

It-tlugħ abbord tal-osservatur għandu jsir fil-port magħżul minn sid il-bastiment fil-bidu tal-ewwel vjaġġ fl-ilmijiet tas-sajd tal-Ginea, wara n-notifika tal-lista tal-bastimenti magħżula.

5.

Is-sidien ikkonċernati għandhom, fi żmien ġimgħatejn u b’avviż minn qabel ta’ għaxart ijiem, jinnotifikaw id-dati u l-portijiet tas-sottoreġjun, previsti għat-tlugħ abbord tal-osservaturi.

6.

Jekk l-osservatur jittella’ abbord f’pajjiż li jinsab ‘il barra mis-sottoreġjun, l-ispejjeż tal-vjaġġ tal-osservatur għandhom jitħallsu minn sid il-bastiment. Jekk bastiment li jkollu osservatur reġjonali abbord joħroġ miż-żona tas-sajd reġjonali, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġi assigurat li l-osservatur jittieħed lura f’pajjiżu malajr kemm jista’ jkun, bl-ispejjeż li għandhom jiġu mħallsa minn sid il-bastiment.

7.

Jekk l-osservatur ma jkunx preżenti fil-ħin u fil-post miftiehem u matul it-tnax-il siegħa mill-ħin miftiehem, sid il-bastiment ikun awtomatikament meħlus mill-obbligu tiegħu li jtella’ lil dak l-osservatur abbord.

8.

Meta jkun abbord, l-osservatur għandu jiġi trattat bħala uffiċjal. Meta l-bastiment ikun qed jopera fl-ilmijiet tal-Ginea, għandu jwettaq id-dmirijiet segwenti:

8.1.

josserva l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti;

8.2.

jivverifika l-pożizzjoni tal-bastimenti impenjati fl-attivitajiet tas-sajd;

8.3.

jipproċedi f’ħidmiet ta’ ġbir ta’ kampjuni bijoloġiċi fil-qafas tal-programmi xjentifiċi;

8.4.

jieħu nota tal-irkaptu tas-sajd użat;

8.5.

jivverifika l-informazzjoni li tidher fil-ġurnal ta’ abbord dwar il-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet tal-Ginea;

8.6.

jivverifika l-perċentwali tal-qabdiet addizzjonali u jagħmel stima tal-volum tal-ispeċijiet ta’ ħut mormija li huma tajbin għall-kummerċ;

8.7.

Jikkomunika lill-awtorità kompetenti, permezz ta’ kull mezz xieraq, l-informazzjoni dwar is-sajd, inkluż il-volum tal-qabdiet prinċipali u addizzjonali li jkunu abbord.

9.

Il-kaptan għandu jagħmel kulma jista’ sabiex jiżgura is-sikurezza fiżika u morali tal-osservatur fit-twettiq ta’ dmirijietu.

10.

L-osservatur għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-faċilitajiet kollha neċessarji għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Il-kaptan għandu jagħtih aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu, għad-dokumenti marbuta direttament mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, li jinkludu b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord u l-ġurnal tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-Partijiet tal-bastiment meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu aktar faċilment.

11.

Waqt li jkun abbord, l-osservatur għandu:

11.1.

jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex il-kundizzjonijiet tat-tlugħ tiegħu abbord, kif ukoll il-preżenza tiegħu fuq il-bastiment, ma jinterrompux u lanqas itellfu l-ħidmiet tas-sajd,

11.2.

jirrispetta l-proprjetà u l-irkaptu li jinsabu abbord, kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ kull dokument li jappartjeni lill-bastiment rilevanti.

12.

Fi tmiem il-perjodu tal-osservazzjoni u qabel ma jitlaq minn fuq il-bastiment, l-osservatur għandu jagħmel rapport tal-attivitajiet, li għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti b’kopja miegħu lill-Kummissjoni Ewropea. Għandu jiffirmah fil-preżenza tal-kaptan li jista’ jżid jew jitlob li jiżdiedu l-osservazzjonijiet kollha li huwa jqis li huma utli u jiffirma taħthom. Kopja tar-rapport għandha tingħata lill-kaptan qabel ma l-osservatur jitniżżel l-art.

13.

Sid il-bastiment huwa responsabbli għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel tal-osservaturi bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-uffiċjali, skont il-possibbiltajiet prattiċi tal-bastiment.

14.

Is-salarju u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-osservatur jitħallsu mill-Ministeru inkarigat mis-Sajd. Is-sid għandu jħallas liċ-Ċentru Nazzjonali tas-Sorveljanza u tal-Protezzjoni tas-sajd is-somma ta’ EUR 15 għal kull jum li l-osservatur iqatta’ abbord kull bastiment.

15.

Iż-żewġ partijiet għandhom jikkonsultaw lill-pajjiżi terzi interessati, mill-aktar fis possibbli dwar id-definizzjoni ta’ sistema ta’ osservaturi reġjonali u l-għażla tal-organizzazzjoni reġjonali tas-sajd kompetenti. Fl-istennija tal-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ osservaturi reġjonali, il-bastimenti awtorizzati li jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Ginea fil-qafas tal-ftehim għandhom itellgħu abbord, minflok u fil-post tal-osservaturi reġjonali, osservaturi magħżula mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea skont ir-regoli stabbiliti aktar ‘il fuq.

KAPITOLU VIII

KONTROLL

1.

Skont il-punt 13 tas-Sezzjoni 1 ta’ dan l-Anness, il-Komunità Ewropea għandha żżomm aġġornat l-abbozz tal-lista ta’ bastimenti li nħarġitilhom awtorizzazzjoni tas-sajd skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. Din il-lista għandha tiġi notifikata lill-awtoritajiet tal-Ginea inkarigati mill-kontroll tas-sajd hekk kif tiġi stabbilita u sussegwentament kull meta tiġi aġġornata.

2.

Hekk kif jasal l-abbozz tal-lista kif ukoll in-notifika tal-ħlas bil-quddiem imsemmi f’punt 3 tas-sezzjoni 2 tal-Kapitolu I ta’ dan l-Anness indirizzat mill-Kummissjoni Ewropea lill-awtoritajiet tal-pajjiż kostali, il-bastiment jiġi reġistrat mill-awtorità kompetenti tal-Ginea fuq lista tal-bastimenti awtorizzati biex jistadu, li tiġi notifikata lill-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tas-sajd. F’dan il-każ, kopja ta’ din il-lista tista’ tinkiseb minn sid il-bastiment u tinżamm abbord, minflok l-awtorizzazzjoni tas-sajd, sakemm tasal din tal-aħħar.

3.

Dħul fiż-żona u ħruġ minnha

3.1.

Il-bastimenti Komunitarji għandhom jinnotifikaw, mill-inqas 3 sigħat qabel, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea inkarigati mill-kontroll tas-sajd, bl-intenzjoni tagħhom li jidħlu jew joħorġu miż-żona tas-sajd tal-Ginea. Għandhom jiddikjaraw ukoll il-kwantitajiet totali u l-ispeċijiet abbord.

3.2.

Meta jinnotifika l-ħruġ tiegħu, kull bastiment għandu wkoll jagħti l-pożizzjoni tiegħu. Dawn in-notifiki għandhom l-ewwel isiru bil-feks (+ 224 30 41 36 60), jew bil-posta elettronika (cnspkaly@yahoo.fr) jew u, fin-nuqqas, bir-radju (Kodiċi tar-radju taċ-Ċentru Nazzjonali tas-Sorveljanza u tal-Protezzjoni tas-Sajd).

3.3.

Bastiment li jinqabad jistad mingħajr ma jkun avża lill-awtorità kompetenti tal-Ginea jitqies bħala bastiment li kiser il-liġi.

3.4.

In-numri tal-feks u tat-telefon kif ukoll l-indirizz elettroniku jingħataw ukoll meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

4.

Proċeduri ta’ kontroll

4.1.

Il-kaptani tal-bastimenti tal-Komunità li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Ginea għandhom jippermettu u jiffaċilitaw l-imbark u t-twettiq tad-dmirijiet ta’ kull uffiċjal tal-Ginea inkarigat mill-ispezzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

4.2.

Il-preżenza abbord ta’ dawn l-uffiċjali ma taqbiżx iż-żmien meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu tagħhom.

4.3.

Wara kull spezzjoni u kontroll, jingħata ċertifikat lill-kaptan tal-bastiment.

5.

Kontroll bis-satellita

Il-bastimenti kollha Komunitarji li jistadu fil-qafas ta’ dan il-Ftehim ser ikunu sorveljati permezz tas-satellita skont id-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi 2. Dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ fl-għaxar jum wara n-notifika mill-Gvern tal-Ginea lid-Delegazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Ginea dwar il-bidu tal-ħidma taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Monitoraġġ tas-Sajd (NFMC) tal-Ginea.

6.

Spezzjoni

6.1.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea għandhom jinfurmaw lill-Istat tal-bandiera u lill-Kummissjoni Ewropea, fi żmien massimu ta’ 36 siegħa, b’kull spezzjoni u b’kull applikazzjoni ta’ sanzjoni fuq bastiment Komunitarju, li jkun daħal fl-ilmijiet tas-sajd tal-Ginea.

6.2.

L-Istat tal-bandiera u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jirċievu fl-istess waqt rapport qasir dwar iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet li wasslu għal din l-ispezzjoni.

7.

Rapport tal-ispezzjoni

7.1.

Il-kaptan tal-bastiment, wara li jinkiteb ir-rapport mill-awtorità kompetenti tal-Ginea, għandu jiffirma dan id-dokument.

7.2.

Din il-firma ma tippreġudikax id-drittijiet u l-mezzi ta’ difiża li l-kaptan jista’ jippreżenta biex iwieġeb għall-kawża ta’ ksur li tkun inġabet kontrih. Jekk jirrifjuta li jiffirma id-dokument, irid jagħti ir-raġunijiet preċiżi għal dan u l-ispettur irid iniżżel ir-referenza “irrifjuta li jiffirma”.

7.3.

Il-kaptan għandu jieħu l-bastiment tiegħu fil-port indikat mill-awtoritajiet tal-Ginea. F’każ ta’ ksur minuri, l-awtorità kompetenti tal-Ginea tista’ tawtorizza lill-bastiment spezzjonat biex ikompli l-attivitajiet tas-sajd tiegħu.

8.

Laqgħa ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ spezzjoni

8.1.

Qabel ma jiġu kkunsidrati l-miżuri eventwali fil-konfront tal-kaptan jew tal-ekwipaġġ tal-bastiment jew kull azzjoni oħra li tirrigwarda t-tagħbija u t-tagħmir tal-bastiment, għajr dawk maħsuba għall-konservazzjoni tal-provi dwar il-ksur allegat, għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni, fi żmien jum ta’ ħidma minn meta jiġi rċevut dan it-tagħrif, bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea, bil-parteċipazzjoni eventwali ta’ rappreżentant tal-Istat Membru konċernat.

8.2.

Matul din il-laqgħa, il-Partijiet għandhom ipartu bejniethom id-dokumentazzjoni kollha jew it-tagħrif rilevanti li jistgħu jgħinu biex jiċċaraw iċ-ċirkostanzi tal-fatti allegati. Sid il-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jiġi mgħarraf bir-riżultat ta’ din il-laqgħa u bil-miżuri kollha li jistgħu jirriżultaw mill-ispezzjoni.

9.

Proċedura għall-ispezzjoni

9.1.

Qabel ma jittieħdu proċeduri ġudizzjarji, għandu jsir tentattiv sabiex l-ksur allegat jiġi solvut bonarjament. Din il-proċedura għandha tintemm sa mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ ħidma wara l-ispezzjoni.

9.2.

F’każ ta’ soluzzjoni bonarja, l-ammont tal-multa applikata għandu jiġi determinat skont il-liġi tal-Ginea.

9.3.

F’każ li t-tilwima ma setgħetx tissolva bonarjament u f’każ li titressaq quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, sid il-bastiment għandu jagħmel garanzija bankarja ma’ bank magħżul mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea, f’ammont li għandu jiġi ffissat b’kunsiderazzjoni għall-ispejjeż konnessi mal-ispezzjoni kif ukoll l-ammont tal-multa u tal-kumpens li jistgħu jeħlu dawk responsabbli għall-ksur.

9.4.

Il-garanzija bankarja tkun irrevokabbli qabel ma tintemm il-proċedura ġudizzjarja. Tiġi rilaxxata f’każ ta’ liberazzjoni. Bl-istess mod, f’każ ta’ kundanna li twassal għal multa inferjuri għall-garanzija depożitata, id-differenza tiġi rilaxxata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea.

9.5.

Il-bastiment jinħeles u l-ekwipaġġ tiegħu jitħalla jitlaq mill-port:

meta jitwettqu l-obbligi miftehma fis-soluzzjoni bonarja,

kemm wara d-depożitu tal-garanzija bankarja msemmija fil-punt 9.3 indikat aktar ‘il fuq u l-aċċettatazzjoni tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea, sakemm l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja ikun għadu pendenti.

10.

Trażbordi

10.1.

Kull bastiment Komunitarju li jixtieq jagħmel trażbord tal-qabdiet fl-ilmijiet tal-Ginear għandu jagħmel dan fil-portijiet tal-Ginea.

10.2.

Is-sidien ta’ dawn il-bastimenti għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea bl-informazzjoni li ġejja, mill-anqas 24 siegħa minn qabel:

l-isem tal-bastimenti tas-sajd qabel it-trażbord,

l-isem, in-numru tal-IMO u tar-reġistrazzjoni tal-bastiment tal-ġarr,

it-tunnellaġġ għal kull speċi, li jkun ser jiġi trażbordat,

il-jum u l-post tat-trażbord.

10.3.

It-trażbord jitqies bħala ħruġ miż-żona tas-sajd tal-Ginea. Il-kaptani tal-bastimenti għandhom jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea u jinnotifikawhom bl-intenzjoni tagħhom, jew li jkomplu jistadu inkella li joħorġu miż-żona tas-sajd tal-Ginea.

10.4.

Kull operazzjoni ta’ trażbord tal-qabdiet li mhix imsemmija fil-punti indikati hawn fuq hija pprojbita fiż-żona tas-sajd tal-Ginea. Kull ksur ta’ din id-dispożizzjoni huwa soġġett għas-sanzjonijiet previsti mir-regoli fis-seħħ fil-Ginea.

11.

Il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji li huma involuti f’operazzjonijiet ta’ ħatt jew ta’ trażbord f’port tal-Ginea għandhom jippermettu u jiffaċilitaw il-kontroll ta’ dawn l-operazzjonijiet mill-ispetturi tal-Ginea. Wara’ kull spezzjoni u kontroll fil-port, jingħata ċertifikat lill-kaptan tal-bastiment.

Appendiċi

1.

Formola tat-talba għall-awtorizzazzjoni tas-sajd.

2.

Id-dispożizzjonijiet li japplikaw għas-sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita (VMS) u l-pożizzjoni eżatta taż-żona tas-sajd tal-Ginea.

3.

Il-ġurnal ta’ abbord tal-ICCAT.

Appendiċi 1

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Appendiċi 2

Iż-żewġ partijiet se jikkonsultaw bejniethom aktar fi ħdan il-Kumitat Konġunt biex jiddefinixxu d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita (VMS) u l-pożizzjoni eżatta taż-żona tas-sajd tal-Ginea.

Appendiċi 3

Image

Test ta 'immaġni

Top