EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008F0978

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat- 18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali

OJ L 350, 30.12.2008, p. 72–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 006 P. 144 - 164

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/02/2016; Imħassar b' 32016R0095

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2008/978/oj

30.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 350/72


DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2008/978/ĠAI

tat-18 ta’ Diċembru 2008

dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi,

(1)

L-Unjoni Ewropea tat hija nnifisha l-objettiv taż-żamma u l-iżvilupp ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u b’mod partikolari l-punt 33 tiegħu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kemm ċivili kif ukoll kriminali fl-Unjoni.

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000, il-Kunsill, konformement mal-Konkluzjonijiet ta’ Tampere, adotta programm ta’ miżuri sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku f’materji kriminali (2). Din id-Deċiżjoni Kwadru hija meħtieġa sabiex jiġu kkompletati l-miżuri 5 u 6 ta’ dak il-programm, li jittrattaw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ l-ordnijiet sabiex jinkisbu provi.

(3)

Il-punt 3.3.1 tal-Programm ta’ l-Aja (3), inkluż fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, jenfasizza l-importanza ta’ l-ikkompletar tal-programm komprensiv ta’ miżuri sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku f’materji kriminali u jissottolinja l-introduzzjoni tal-Mandat Ewropew għall-Provi (European Evidence Warrant, EEW) bħala materja ta’ prijorità.

(4)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (4) kienet l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

(5)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-eżekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ordnijiet li jiffriżaw proprjetà u provi (5) tindirizza l-ħtieġa għal rikonoxximent reċiproku immedjat ta’ ordnijiet għall-prevenzjoni tad-distruzzjoni, it-trasformazzjoni, iċ-ċaqlieq, it-trasferiment jew id-dispożizzjoni ta’ provi. Madankollu, din tittratta biss ma’ parti mill-firxa ta’ koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fir-rigward ta’ provi, u trasferiment sussegwenti ta’ provi jitħalla għal proċeduri ta’ assistenza reċiproka.

(6)

Huwa għalhekk meħtieġ li l-koperazzjoni ġudizzjarja tittejjeb ulterjorment billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjoni ġudizzjarja, fil-forma ta’ Mandat Ewropew, għall-għan li jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għal użu fi proċedimenti f’materji kriminali.

(7)

l-EEW jista’ jintuża sabiex jinkiseb kwalunkwe oġġett, dokument u data għal użu fi proċedimenti f’materji kriminali li għalihom jista’ jinħareġ. Dan jista’ jinkludi per eżempju objettivi, dokumenti jew data minn parti terza; minn tfittxija ta’ bini inkluż bini privat tas-suspett; data storika dwar l-użu ta’ kwalunkwe servizz inklużi transazzjonijiet finanzjarji; rekords storiċi ta’ dikjarazzjonijiet, intervisti u smigħ; u rekords oħrajn (…) inklużi r-riżultati ta’ tekniki investigattivi speċjali.

(8)

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa ibbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. Sabiex tiġi promossa din il-kunfidenza, din id-Deċiżjoni Kwadru għandu jkollha salvagwardji importanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-EEW għandu għalhekk jinħareġ biss minn imħallfin, qrati, maġistrati inkwirenti, prosekuturi pubbliċi u ċerti awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn kif definiti mill-Istati Membri konformement ma’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

(9)

Din id-Deċiżjoni Kwadru hi adottata taħt l-Artikolu 31 tat-Trattat u għalhekk tikkonċerna koperazzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ dik id-dispożizzjoni, bil-għan li tgħin il-ġabra ta’ provi għal proċedimenti kif definit fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Għalkemm awtoritajiet oħrajn minbarra imħallfin, qrati, maġistrati inkwirenti u prosekuturi pubbliċi jistgħu jkollhom rwol fil-ġabra ta’ dawn il-provi skond l-Artikolu 2(ċ)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument ma jkoprix koperazzjoni tal-pulizija, id-dwana, tal-fruntieri u amministrattiva li huma regolati minn dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattati.

(10)

Id-definizzjoni tat-terminu “tfittxija jew konfiska” m’għandhiex tiġi invokata għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe strument ieħor applikabbli bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar assistenza reċiproka f’materji kriminali ta’ l-20 ta’ April 1959, u l-istrumenti li jissupplimentawha.

(11)

EEW għandu jinħareġ biss meta l-kisba ta’ l-oġġetti, dokumenti jew data mfittxija tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti kriminali jew oħrajn ikkonċernati. Barra minn hekk, EEW għandu jinħareġ biss meta l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data kkonċernati jistgħu jinkisbu taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti f’każ komparabbli. Ir-responsabbiltà sabiex tiġi żgurata konformità ma’ dawn il-kondizzjonijiet għandha tkun f’idejn l-awtorità emittenti. Ir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-eżekuzzjoni m’għandhomx għalhekk ikopru dawn il-materji.

(12)

L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tuża l-mezzi l-inqas intrużivi sabiex tikseb l-oġġetti, dokumenti jew data mfittxija.

(13)

L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tkun obbligata teżegwixxi l-EEW għal data elettronika li ma tinsabx fl-Istat ta’ eżekuzzjoni sal-punt fejn dan ikun possibbli taħt il-liġi tiegħu.

(14)

Għandu jkun possibbli, jekk il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti tipprovdi dan fit-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 12, għall-awtorità emittenti li titlob lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni sabiex issegwi formalitajiet u proċeduri speċifikati fir-rigward ta’ proċessi legali jew amministrattivi li jistgħu jassistu f’li jagħmlu ammissibbli l-provi mfittxija fl-Istat emittenti, per eżempju t-timbru uffiċjali ta’ dokument, il-preżenza ta’ rappreżentant mill-Istat emittenti, jew ir-reġistrazzjoni ta’ ħinijiet u dati sabiex tinħoloq katina ta’ provi. Tali formalitajiet u proċeduri m’għandhomx jinkludu miżuri koersivi.

(15)

L-eżekuzzjoni ta’ EEW għandha, sa fejn hu l-aktar possibbli, u mingħajr preġudizzju għal garanziji fundamentali taħt il-liġi nazzjonali, titwettaq skond il-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-Istat emittenti.

(16)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-possibbiltà li jiġi rifjutat rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ EEW, kif ukoll ir-raġunijiet għall-posponiment ta’ eżekuzzjoni, għandhom ikunu limitati. B’mod partikolari, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ EEW għar-raġunijiet li l-att li hija bbażata fuqu ma jikkostitwixxix offiża taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni (kriminalità doppja) m’għandux ikun possibbli għal ċerti kategoriji ta’ offiżi.

(17)

Għandu jkun possibbli li jiġi rifjutat EEW fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tiegħu fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun jinvolvi ksur ta’ immunità jew privileġġ f’dak l-Istat. M’hemm l-ebda definizzjoni komuni dwar x’jikkostitwixxi immunità jew privileġġ fl-Unjoni Ewropea u d-definizzjoni preċiża ta’ dawn it-termini titħalla għalhekk għal-liġi nazzjonali, li tista’ tinkludi protezzjonijiet li japplikaw għal professjonijiet mediċi u legali, iżda m’għandhomx jiġu interpretati b’mod li jmur kontra l-obbligu li jiġu aboliti ċerti raġunijiet għar-rifjut fl-Artikolu 7 ta’ l-Att tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 2001 li jistabbilixxi, skond l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar assistenza reċiproka f’materji kriminali bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (6).

(18)

Għandu jkun possibbli li jiġi rifjutat r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ EEW safejn dik l-eżekuzzjoni tagħmel ħsara lill-interessi ta’ sigurtà nazzjonali, tipperikola s-sors ta’ l-informazzjoni jew tinvolvi l-użu ta’ informazzjoni klassifikata relatata ma’ attivitajiet speċifiċi ta’ l-intelligence. Madankollu, hu aċċettat li tali raġuni għal-non-rikonoxximent jew non-eżekuzzjoni tiġi applikata biss fejn, u safejn, l-oġġetti, id-dokumenti jew d-data ma jintużawx għal dawk ir-raġunijiet bħala provi f’każ domestiku simili.

(19)

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Artikolu 13(3) f’rabta ma’ l-Artikolu 13(1)(f)(i) ma jippreġudikawx kif, u sa fejn, ir-raġunijiet l-oħrajn għal rifjut fl-Artikolu 13(1) jiġu implimentati.

(20)

L-iskadenzi huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata koperazzjoni malajr, effikaċi u konsistenti fil-kisba ta’ oġġetti, dokumenti jew data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali fl-Unjoni Ewropea kollha.

(21)

Kull Stat Membru għandu fir-rimedji legali tal-liġi tiegħu disponibbli kontra raġunijiet sostantivi sottostanti għal deċiżjonijiet sabiex jinkisbu provi, inkluż jekk id-deċiżjoni hix meħtieġa u proporzjonata, għalkemm dawk ir-rimedji jistgħu jkunu differenti bejn l-Istati Membri u jistgħu japplikaw fi stadji differenti tal-proċedimenti.

(22)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu sabiex jivvaluta l-effikaċja ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

(23)

Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jiġifieri li tiġi sostitwita s-sistema ta’ assistenza reċiproka f’materji kriminali għall-kisba ta’ oġġetti, dokumenti jew data bejn l-Istati Membri ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri meta jaġixxu unilateralment u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell ta’ Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu msemmi l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma teċċedix dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(24)

Id-data personali proċessata fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru ser tiġi protetta b’mod konformi ma’ l-istrumenti rilevanti inklużi l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar awtomatiku tad-data personali, kif ukoll bil-protezzjoni addizzjonali mogħtija minn din id-Deċiżjoni Kwadru b’konformità ma’ l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Mejju 2000 (7).

(25)

L-EEW għandu jikkoeżisti ma’ proċeduri ta’ assistenza reċiproka eżistenti, iżda tali koeżistenza għandha titqies transitorja sakemm, skond il-Programm ta’ l-Aja, it-tipi ta’ ġbir ta’ provi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru jkunu wkoll suġġett ta’ strument ta’ rikonoxximent reċiproku, fejn l-adozzjoni tiegħu jkun jipprovdi reġim komplet ta’ rikonoxximent reċiproku sabiex jissostitwixxi l-proċeduri ta’ assistenza reċiproka.

(26)

L-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom stess u fl-interess ta’ l-Unjoni Ewropea, tabelli li kemm jista’ jkun juru l-korrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u l-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali u sabiex jikkomunikaw dan lill-Kummissjoni flimkien mat-test tal-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni Kwadru.

(27)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali fil-Kapitolu VI tagħha. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi r-rifjut ta' eżekuzzjoni ta’ EEW meta jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen, abbażi ta' elementi objettivi, li l-EEW nħareġ għall-għan li tiġi proċessata jew ikkastigata persuna minħabba s-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, in-nazzjonalità, il-lingwa jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista tiġi preġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

(28)

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma twaqqaf lil ebda Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu dwar proċess xieraq, il-libertà ta' assoċazzjoni, il-libertà ta' l-istampa u l-libertà ta' l-espressjoni f’medja oħrajn.

(29)

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma tinċidix fuq l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-ħarsien tal-liġi u ż-żamma ta’ l-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna skond l-Artikolu 33 tat-Trattat,

ADOTTA DAN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

TITOLU I

IL-MANDAT EWROPEW GĦALL-PROVI (EEW)

Artikolu 1

Definizzjoni ta’ l-EEW u l-obbligu li jiġi eżegwit

1.   L-EEW għandu jkun deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru bil-ħsieb li jinkisbu oġġetti, dokumenti u data minn Stat Membru ieħor għall-użu fil-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 5.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe EEW abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u prinċipji legali fundamentali kif miġbura fl-Artikolu 6 tat-Trattat, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandhomx jiġu milquta.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru,

(a)

“Stat emittenti” tfisser l-Istat Membru li fih ikun inħareġ l-EEW;

(b)

“Stat ta’ eżekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data jew, fil-każ ta’ data elettronika, din tkun direttament aċċessibbli taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni;

(c)

“awtorità kompetenti” tfisser:

(i)

mħallef, qorti, maġistrat inkwirenti, prosekutur pubbliku, jew

(ii)

kwalunkwe awtorità ġudizzjarja oħra kif definit mill-Istat emittenti, u, fil-każ speċifiku, li taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità inkwirenti fi proċedimenti kriminali b’kompetenza sabiex tikseb il-provi f’każijiet transkonfinali skond il-liġi nazzjonali;

(d)

“awtorità ta’ eżekuzzjoni” tfisser awtorità li jkollha l-kompetenza taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni Kwadru sabiex tirrikonoxxi jew teżegwixxi EEW skond din id-Deċiżjoni Kwadru;

(e)

“tfittxija jew konfiska” tinkludi kwalunkwe miżura taħt il-proċedura kriminali li bħala riżultat tagħha persuna fiżika jew ġuridika tkun meħtieġa, taħt obbligu legali, tipprovdi jew tipparteċipa fil-provvediment ta’ oġġetti, dokumenti jew data u li, jekk ma jkunx hemm konformità magħha, tista’ tiġi infurzata mingħajr il-kunsens ta’ tali persuna jew tista’ tirriżulta f’sanzjoni.

Artikolu 3

Ħatra ta’ l-awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet, taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, hija jew huma kompetenti skond l-Artikolu 2(ċ) u (d) meta dak l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.   L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu mill-possibbiltà li jinnominaw awtorità jew awtoritajiet ċentrali skond l-Artikolu 8(2) għandhom jikkomunikaw informazzjoni relatata ma’ l-awtorità(ajiet) ċentrali nnominati lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu jorbtu fuq l-awtoritajiet ta’ l-Istat emittenti.

3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.

Artikolu 4

Il-kamp ta’ Applikazzjoni ta’ l-EEW

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-EEW jista’ jinħareġ taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 bil-ħsieb li jinkisbu fl-Istat ta’ eżekuzzjoni oġġetti, dokumenti jew data meħtieġa fl-Istat emittenti għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 5. L-EEW jkopri l-oġġetti, id-dokumenti u d-data speċifikati hemm hekk.

2.   L-EEW m’għandhux jinħareġ għall-iskop li jitlob lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni sabiex:

(a)

twettaq interrogazzjonijiet, tiġbor stqarrijiet jew tagħti bidu għal tipi oħra ta’ smigħ li jinvolvu persuni suspettati, xhieda, esperti jew kwalunkwe parti oħra;

(b)

twettaq eżamijiet fuq il-persuna jew tikseb materjal tal-ġisem jew data bijometrika direttament mill-ġisem ta’ kwalunkwe persuna, inklużi kampjuni ta’ DNA jew marki tas-swaba’;

(c)

tikseb informazzjoni f’ħin reali bħal per eżempju permezz ta’ l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet, sorveljanza sigrieta jew monitoraġġ tal-kontijiet bankarji;

(d)

twettaq analiżi ta’ oġġetti, dokumenti jew data eżistenti; u

(e)

tikseb data tal-komunikazzjoni miżmuma minn fornituri ta’ servizz tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jew ta’ netwerk tal-komunikazzjoni pubbliku.

3.   L-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni kriminali estratta mir-rekord kriminali għandu jitwettaq skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/876/ĠAI tal-21 ta’ Novembru 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni estratta mir-rekord kriminali (8) u strumenti rilevanti oħra.

4.   L-EEW jista’ jinħareġ bil-ħsieb li jinkisbu oġġetti, dokumenti jew data li jaqgħu taħt il-paragrafu 2 fejn l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data huma diġà fil-pussess ta’ l-awtorità ta’ eżekuzzjoni qabel il-ħruġ ta’ l-EEW.

5.   Minkejja l-paragrafu 1, l-EEW għandu, jekk hekk ikun indikat mill-awtorità emittenti, ikopri wkoll kwalunkwe oġġett, dokument jew data oħra, li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiskopri matul l-eżekuzzjoni tal-EEW u mingħajr stħarriġ ulterjuri tqis li huma rilevanti għall-proċedimenti għall-fini li għalih kien inħareġ l-EEW.

6.   Minkejja l-paragrafu 2, l-EEW għandu, jekk mitlub mill-awtorità emittenti, ikopri wkoll it-teħid ta’ dikjarazzjonijiet minn persuni preżenti waqt l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW u relatati direttament mas-suġġett ta’ l-EEW. Ir-regoli rilevanti ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni applikabbli għal każijiet nazzjonali għandhom ikunu applikabbli wkoll fir-rigward tat-teħid ta’ tali dikjarazzjonijiet.

Artikolu 5

Tipi ta’ proċedimenti li għalihom jista’ jinħareġ l-EEW

L-EEW jista’ jinħareġ:

(a)

fir-rigward ta’ proċedimenti kriminali mressqa minn, jew li għandhom jitressqu quddiem, awtorità ġudizzjarja fir-rigward ta’ reat kriminali taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti;

(b)

fi proċedimenti mressqin minn awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ atti li jkunu punibbli taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, u fejn id-deċiżjoni tista’ twassal għal proċedimenti quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni b’mod partikolari f’materji kriminali;

(ċ)

fi proċedimenti mressqa minn awtoritajiet ġudizzjarji fir-rigward ta’ atti li jkunu punibbli taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, u fejn id-deċiżjoni tista’ twassal għal proċedimenti ulterjuri quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni b’mod partikolari f’materji kriminali; u

(d)

f’konnessjoni ma’ proċedimenti msemmija fil-punti (a), (b) u (ċ) li jkunu relatati ma’ reati jew ksur li għalihom persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli jew tiġi punita fl-Istat emittenti.

Artikolu 6

Kontenut u forma ta’ l-EEW

1.   L-EEW stabbilit fil-Formola prevista fl-Anness għandu jiġi kkompletat, iffirmat, u l-kontenuti tiegħu ċċertifikati bħala preċiżi, mill-awtorità emittenti.

2.   L-EEW għandu jinkiteb, jew jiġi tradott mill-Istat emittenti, fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni.

Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata jew f’data aktar tard, jistqarr f’dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li huwa ser jaċċetta EEWs jew traduzzjoni ta’ EEW f’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali l-oħra ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni.

TITOLU II

PROĊEDURI U SALVAGWARDJI GĦALL-ISTAT EMITTENTI

Artikolu 7

Kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ l-EEW

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-EEW jinħareġ biss meta l-awtorità emittenti tkun sodisfatta li l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

il-kisba ta’ l-oġġetti, dokumenti jew data mitluba tkun meħtieġa u proporzjonata għall-finijiet tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 5.

(b)

l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data jistgħu jinkisbu taħt il-liġi ta’ l-Istat emittenti f’każ komparabbli kieku jkunu disponibbli fit-territorju ta’ l-Istat emittenti, minkejja li jistgħu jintużaw miżuri proċedurali differenti.

Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jiġu vvalutati biss fl-Istat emittenti f’kull każ.

Artikolu 8

Trasmissjoni ta’ l-EEW

1.   L-EEW jista’ jiġi trasmess lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha raġunijiet validi sabiex temmen li jinsabu oġġetti, dokumenti jew data rilevanti jew, fil-każ ta’ data elettronika, huma direttament aċċessibbli taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni. Huwa għandu jiġi trasmess mingħajr dewmien mill-awtorità emittenti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni bi kwalunkwe mezz li jista’ jipproduċi rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ eżekuzzjoni li jistabbilixxi l-awtentiċità. Kull komunikazzjoni uffiċjali ulterjuri għandha ssir direttament bejn l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

2.   Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu jipprevedi hekk, aktar minn awtorità ċentrali waħda sabiex jassistu lill-awtoritajiet kompetenti. Stat Membru jista’, jekk jeħtieġ hekk b’riżultat ta’ l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel lill-awtorità(ajiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni u r-riċezzjoni amministrattivi ta’ l-EEW kif ukoll għal korrispondenza uffiċjali oħra relatata miegħu.

3.   Jekk l-awtorità emittenti tkun tixtieq hekk, it-trasmissjoni tista’ ssir permezz tas-sistema ta’ telekomunikazzjoni sigura tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

4.   Jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tkunx magħrufa, l-awtorità emittenti għandha tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, sabiex tikseb l-informazzjoni mill-Istat ta’ eżekuzzjoni.

5.   Meta l-awtorità fl-Istat ta’ eżekuzzjoni li jirċievi l-EEW m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrikonoxxih u sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tiegħu, hija għandha, ex officio, tittrasmetti l-EEW lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni u għandha tinforma lill-awtorità emittenti b’dan.

6.   Id-diffikultajiet kollha marbuta mat-trasmissjoni jew l-awtentiċità ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ l-EEW għandhom jiġu ttrattati b’kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni involuti, jew, fejn ikun il-każ, bl-involviment ta’ l-awtoritajiet ċentrali ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 9

EEW relatat ma’ EEW preċedenti jew ma’ ordni ta’ ffriżar

1.   Fejn l-awtorità emittenti toħroġ EEW li jissupplimenta EEW preċedenti jew li jkun segwitu għal ordni ta’ ffriżar trasmess taħt id-Deċiżjoni Kwadru 2003/577/ĠAI, hija għandha tindika dan il-fatt fil-EEW skond il-Formola prevista fl-Anness.

2.   Fejn, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, l-awtorità emittenti tieħu sehem fl-eżekuzzjoni tal-EEW fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, hija tista’ mingħajr preġudizzju għal dikjarazzjonijiet magħmula taħt l-Artikolu 3(2) tindirizza EEW li jissupplimenta l-EEW preċedenti direttament lill-awtorità kompetenti ta’ eżekuzzjoni waqt li tkun preżenti f’dak l-Istat.

Artikolu 10

Kondizzjonijiet għall-użu ta’ data personali

1.   Id-data personali miksuba taħt din id-Deċiżjoni Kwadru tista’ tintuża mill-Istat emittenti għall-iskop ta’:

(a)

proċedimenti li għalihom jista’ jinħareġ EEW;

(b)

proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi oħra relatati direttament mal-proċedimenti msemmija taħt il-punt (a);

(c)

prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika.

Għal kwalunkwe skop minbarra dawk stabbiliti fil-punti (a), (b) u (ċ), data personali miksuba taħt din id-Deċiżjoni Kwadru tista’ tintuża biss bil-kunsens minn qabel ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm l-Istat emittenti ma jkunx kiseb il-kunsens tas-suġġett tad-data.

2.   Fiċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari, l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jeħtieġ lill-Istat Membru fejn tkun ġiet trasferita d-data personali li jagħti informazzjoni dwar l-użu li sar mid-data.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal data personali miksuba minn Stat Membru taħt din id-Deċiżjoni Kwadru u li toriġina minn dak l-Istat Membru.

TITOLU III

PROĊEDURI U SALVAGWARDJI GĦALL-ISTAT TA’ EŻEKUZZJONI

Artikolu 11

Rikonoxximent u eżekuzzjoni

1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi EEW, mibgħut skond l-Artikolu 8, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri u għandha minnufih tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod kif awtorità ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni tikseb l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data, ħlief jekk dik l-awtorità tiddeċiedi li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-eżekuzzjoni previsti fl-Artikolu 13 jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti fl-Artikolu 16.

2.   L-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu jkun responsabbli għall-għażla tal-miżuri li fil-liġi nazzjonali tiegħu jiżguraw il-kisba ta’ l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data meħtieġa minn EEW u sabiex jiddeċiedi jekk hux meħtieġ li jintużaw miżuri ta’ koerċizzjoni sabiex tiġi pprovduta dik l-assistenza. Kull miżura li tkun meħtieġa minħabba l-EEW għandha tittieħed skond ir-regoli proċedurali applikabbli ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura:

(i)

li kwalunkwe miżura li tkun disponibbli f’każ domestiku simili fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun disponibbli wkoll għall-iskop ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW;

u

(ii)

li jkunu disponibbli miżuri, inklużi tfittxija jew konfiska, għall-għan ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW meta jkun relatat ma’ kwalunkwe mir-reati previsti fl-Artikolu 14(2).

4.   Jekk l-awtorità emittenti mhix imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku u l-EEW ma jkunx ġie validat minn waħda mill-awtoritajiet imsemmija fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’, fil-każ speċifiku, tiddeċiedi li l-ebda tfittxija jew konfiska ma’ tista’ titwettaq għall-iskop ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW. Qabel ma tiddeċiedi hekk, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti.

5.   Stat Membru jista’, fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jagħmel dikjarazzjoni jew notifika sussegwenti lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fejn jitlob tali validazzjoni fil-każijiet kollha fejn l-awtorità emittenti mhix imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku u fejn il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ l-EEW ikunu jridu jiġu ordnati jew sorveljati minn imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni f’każ domestiku simili.

Artikolu 12

Formalitajiet li għandhom jiġu segwiti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni

L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm din id-Deċiżjoni Kwadru ma tipprovdix mod ieħor u sakemm tali formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni. Dan l-Artikolu ma joħloqx obbligu sabiex jittieħdu miżuri ta’ koerċizzjoni.

Artikolu 13

Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-eżekuzzjoni

1.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW jista’ jiġi rifjutat fl-Istat ta’ eżekuzzjoni;

(a)

jekk l-eżekuzzjoni tiegħu tikser il-prinċipju tan-ne bis in idem; jew

(b)

jekk, f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(3), l-EEW jirreferi għal atti li ma jkunux jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni; jew

(ċ)

jekk mhuwiex possibbli li jiġi eżegwit l-EEW permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-miżuri disponibbli għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni fil-każ speċifiku skond l-Artikolu 11(3); jew

(d)

jekk ikun hemm xi immunità jew privileġġ taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni li jagħmluha impossibbli li jiġi eżegwit l-EEW;

(e)

jekk, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(4) jew (5), l-EEW ma jkunx ġie validat;

(f)

jekk l-EEW ikun relatat ma’ reati kriminali li:

(i)

skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni jitqiesu bħala li twettqu għal kollox, jew fil-biċċa l-kbira jew f’parti essenzjali tagħhom, fit-territorju tiegħu, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu, jew

(ii)

twettqu barra t-territorju ta’ l-Istat emittenti, u l-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tippermettix li jittieħdu proċedimenti legali fir-rigward ta’ tali reati fejn dawn twettqu barra t-territorju ta’ dak l-Istat;

(g)

jekk f’każ speċifiku l-eżekuzzjoni tiegħu tagħmel ħsara lill-interessi ta’ sigurtà nazzjonali; tipperikola s-sors ta’ l-informazzjoni; jew tinvolvi l-użu ta’ informazzjoni klassifikata relatata ma’ attivitajiet speċifiċi ta’ l-intelligence; jew

(h)

jekk il-Formola prevista fl-Anness mhix kompluta jew kjarament inkorretta u ma ġietx kompluta jew korretta f’terminu perentorju raġonevoli stabbilit mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

2.   Id-deċiżjoni li tirrifjuta l-eżekuzzjoni jew ir-rikonoxximent ta’ l-EEW skond il-paragrafu 1 għandha tittieħed minn imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Fejn l-EEW jkun inħareġ minn awtorità ġudizzjarja msemmija fil-punt (ċ)(ii) ta’ l-Artikolu 2, u l-EEW ma jkunx ġie validat minn imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti, id-deċiżjoni tista’ tittieħed ukoll minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja kompetenti oħra taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni jekk ikun previst taħt dik il-liġi.

3.   Kwalunkwe deċiżjoni taħt il-paragrafu 1(f)(i) fir-rigward ta’ reati mwettqa parzjalment fit-territorju ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu, għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 2a f’ċirkostanzi eċċezzjonali u abbażi ta’ każ b’każ, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, u partikolarment b’konsiderazzjoni jekk parti ewlenija jew essenzjali ta’ l-imġiba in kwistjoni seħħetx fl-Istat emittenti, jekk l-EEW huwiex relatat ma’ att li mhux reat kriminali taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni, u jekk ikunx meħtieġ li jitwettqu tfittxija jew konfiska għall-eżekuzzjoni ta’ l-EEW.

4.   Fejn awtorità kompetenti tikkunsidra li tuża r-raġuni għaċ-ċaħda taħt il-paragrafu 1(f)(i), hija għandha tikkonsulta lill-Eurojust qabel ma tieħu d-deċiżjoni.

Fejn awtorità kompetenti ma taqbilx ma’ l-opinjoni ta’ l-Eurojust l-Istati Membri għandhom jiżguraw li hi tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u li l-Kunsill jiġi mgħarraf.

5.   Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(a), (g) u (h), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma teżegwix EEW, interament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, bi kwalunkwe mezz adatt, u għandha, fejn ikun adatt, titlobha sabiex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.

Artikolu 14

Kriminalità doppja

1.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW m’għandhomx ikunu suġġetti għall-verifika ta’ kriminalità doppja sakemm ma jkunx meħtieġ li jitwettqu tfittxija jew konfiska.

2.   Jekk jeħtieġ li jitwettqu tfittxija jew konfiska għall-eżekuzzjoni tal-EEW, ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat emittenti b’sentenza ta’ ħabs jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti bil-liġi ta’ dak l-Istat, m’għandhomx ikunu suġġetti għal verifika ta’ kriminalità doppja taħt kwalunkwe ċirkostanza:

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

terroriżmu,

traffikar ta’ bnedmin,

sfruttament sesswali ta’ tfal u l-pornografija bi tfal,

traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi,

traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjonijiet u splussivi,

korruzzjoni,

frodi, inkluża dik li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (9),

laundering tar-rikavati minn kriminalità,

falsifikazzjoni ta’ muniti, inkluż l-euro,

reati konnessi ma’ l-informatispeċijiet,

reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċijiet ta’ annimali fil-periklu li jinqerdu u ta’ speċi ta’ pjanti u varjetajiet fil-perikolu li jinqerdu,

faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,

omiċidju, offiża gravi fuq persuna,

kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti umani,

ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi,

razziżmu u ksenofobija,

serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,

traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ l-arti,

frodi b’għemil qarrieqi,

racketeering u estorsjoni,

falsifikazzjoni u l-piraterija ta’ prodotti,

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom,

falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament,

traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi tat-tkabbir (growth promoters) oħrajn,

traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjuattivi,

traffikar ta’ vetturi misruqin,

stupru,

ħruq volontarju,

reati li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

ħtif illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/ta’ bastimenti,

sabotaġġ.

3.   Jekk l-EEW ma jkunx relatat ma’ kwalunkwe wieħed mir-reati previsti fil-paragrafu 2 u l-eżekuzzjoni tiegħu tkun teħtieġ rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ tfittxija jew konfiska, l-EEW jista’ jkun suġġett għall-kondizzjoni tal-kriminalità doppja.

Fir-rigward ta’ reati konnessi ma’ taxxi jew dazji u dwana jew kambju, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ma jistgħux jiġu opposti għar-raġuni li l-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew m’għandhiex regolamenti dwar taxxa, dazju, dwana u kambju ta’ l-istess tip bħal-liġi ta’ l-Istat emittenti.

4.   Il-kondizzjoni ta’ kriminalità doppja stabbilita fil-paragrafu 3 għandha tiġi eżaminata ulterjorment mill-Kunsill sad-19 ta’ Jannar 2014 fid-dawl ta’ kwalunkwe informazzjoni mibgħuta lill-Kunsill.

5.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, waqt li jaġixxi b’mod unanimu, wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 (1) tat-Trattat, li jżid kategoriji oħra ta’ reati mal-lista li tinsab fil-paragrafu 2.

Artikolu 15

Termini perentorji għar-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u t-trasferiment

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura l-konformità mat-termini perentorji previsti f’dan l-Artikolu. Fejn l-awtorità emittenti tkun indikat fl-EEW li, minħabba termini perentorji ta’ proċedura jew ċirkostanzi oħra partikolarment urġenti, huwa meħtieġ terminu perentorju iqsar, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu kont kemm jista’ jkun sħiħ ta’ din il-ħtieġa.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni għar-rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni għandha tittieħed malajr kemm jista’ jkun u, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, mhux iktar tard minn 30 jum wara r-riċezzjoni ta’ l-EEW mill-awtorità kompetenti ta’ eżekuzzjoni.

3.   Sakemm ma jeżistux raġunijiet għal posponiment taħt l-Artikolu 16 jew l-awtorità ta’ eżekuzzjoni m’għandhiex diġà l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data mfittxija fil-pussess tagħha, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu pussess ta’ l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data mingħajr dewmien u, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, mhux aktar tard minn 60 jum wara li l-awtorità kompetenti ta’ eżekuzzjoni tkun irċiviet l-EEW.

4.   Meta ma jkunx prattikabbli f’każ speċifiku għall-awtorità kompetenti ta’ eżekuzzjoni li tissodisfa t-terminu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2 jew 3 rispettivament, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni mingħajr dewmien u bi kwalunkwe mezz, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien u stima tal-ħin meħtieġ għat-teħid ta’ l-azzjoni.

5.   Sakemm ma jkunx hemm proċedimenti pendenti ta’ rimedju legali skond l-Artikolu 18, jew jeżistu raġunijiet għall-posponiment taħt l-Artikolu 16, l-Istat ta’ eżekuzzjoni, mingħajr dewmien żejjed għandu jittrasferixxi l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data miksuba taħt l-EEW lill-Istat emittenti.

6.   Meta jiġu trasferiti l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data miksuba, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tindika jekk teħtieġx li dawn jiġu rritornati lura lill-Istat ta’ eżekuzzjoni hekk kif ma jibqgħux meħtieġa mill-Istat emittenti.

Artikolu 16

Raġunijiet għal posponiment ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni

1.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW jista’ jiġi pospost fl-Istat ta’ eżekuzzjoni meta:

(a)

il-Formola prevista fl-Anness mhix kompluta jew hija kjarament inkorretta, sa meta l-formola tkun ġiet kompluta jew korretta; jew

(b)

f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(4) jew (5), l-EEW ma jkunx ġie validat; sa meta l-validazzjoni tkun ingħatat.

2.   L-eżekuzzjoni ta’ l-EEW tista’ tiġi posposta fl-Istat ta’ eżekuzzjoni meta:

(a)

l-eżekuzzjoni tiegħu tista’ tagħmel ħsara lil investigazzjoni kriminali jew prosekuzzjoni li jkunu għaddejjin, sa meta l-Istat ta’ eżekuzzjoni jikkunsidra xieraq; jew

(b)

l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data kkonċernati diġà qed jintużaw fi proċedimenti oħra sa meta dawn ma jkunux aktar meħtieġa għal dan l-iskop.

3.   Id-deċiżjoni li tipposponi r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW skond il-paragrafi 1 jew 2 għandha tittieħed minn imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Fejn i l-EEW tkun inħarġet minn awtorità ġudizzjarja msemmija fl-Artikolu 2(ċ)(ii), u l-EEW ma tkunx ġiet validata minn imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti, id-deċiżjoni tista’ tittieħed ukoll minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja kompetenti oħra taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni jekk ikun previst taħt dik il-liġi.

4.   Hekk kif ir-raġuni għal posponiment ma tibqax teżisti, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha minnufih tieħu l-passi meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ l-EEW u tinforma b’dan lill-awtorità kompetenti rilevanti fl-Istat emittenti bi kwalunkwe mezz li jista’ jipproduċi rekord bil-miktub.

Artikolu 17

Obbligu li tingħata informazzjoni

L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tinforma lill-awtorità emittenti:

(1)

minnufih bi kwalunkwe mezz:

(a)

jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni, waqt l-eżekuzzjoni ta’ l-EEW, tikkunsidra mingħajr stħarriġ ulterjuri li jista’ jkun opportun li jitwettqu investigazzjonijiet li ma kinux previsti fil-bidu, jew li ma setgħux jiġu speċifikati meta nħareġ il-mandat, sabiex l-awtorità emittenti tkun tista’ tieħu azzjoni ulterjuri fil-każ speċifiku;

(b)

jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni tistabbilixxi li l-EEW ma’ kienx eżegwit b’mod konsistenti mal-liġi ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni;

(c)

jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tistabbilixxi li, fil-każ speċifiku, hija ma tistax tkun konformi mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti skond l-Artikolu 12.

Fuq talba ta’ l-awtorità emittenti, l-informazzjoni għandha tiġi konfermata bla dewmien bi kwalunkwe mezz li jista’ jipproduċi rekord bil-miktub.

(2)

mingħajr dewmien bi kwalunkwe mezz li jista’ jipproduċi rekord bil-miktub:

(a)

tat-trasmissjoni ta’ l-EEW lill-awtorità kompetenti responsabbli għall-eżekuzzjoni tiegħu, skond l-Artikolu 8(5);

(b)

bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 15(2) li tirrifjuta rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ EEW, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;

(c)

tal-posponiment ta’ l-eżekuzzjoni jew ir-rikonoxximent ta’ l-EEW, ir-raġunijiet għal dan u, jekk hu possibbli, kemm mistenni jdum il-posponiment;

(d)

dwar il-fatt li huwa impossibbli li jiġi eżegwit l-EEW għar-raġuni li l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data għebu, ġew meqruda, ma jistgħux jinstabu fil-post indikat f l-EEW jew minħabba li l-post fejn jinsabu l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data ma ġiex indikat b’mod preċiż biżżejjed, ukoll wara konsultazzjoni ma’ l-autorita kompetenti ta’ l-Istat emittenti.

Artikolu 18

Rimedji legali

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe parti interessata, inklużi partijiet terzi bona fide, ikollha rimedji legali kontra r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ EEW skond l-Artikolu 11, sabiex iżomm id-drittijiet tiegħu jew tagħha. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw ir-rimedji legali previsti f’dan il-paragrafu għal każijiet fejn l-EEW huwa eżegwit bl-użu ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni. L-azzjoni għandha titressaq quddiem qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni skond il-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   Ir-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ ta’ l-EEW, inkluża dik jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 intlaħqux, jistgħu jiġu kontestati biss f’azzjoni mressqa quddiem qorti fl-Istat emittenti. L-Istat emittenti għandu jiżgura l-applikabbiltà ta’ rimedji legali li jkunu disponibbli f’każ domestiku komparabbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull limitu ta’ żmien sabiex titressaq azzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġi applikat b’mod li jiggarantixxi l-possibbiltà ta’ rimedju legali effettiv għall-partijiet interessati.

4.   Jekk l-azzjoni tiġi mressqa fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat emittenti għandha tiġi mgħarrfa biha u bir-raġunijiet għall-azzjoni, sabiex tkun tista’ tippreżenta l-argumenti li jidhrilha meħtieġa. Hi għandha tiġi mgħarrfa bir-riżultat ta’ l-azzjoni.

5.   L-awtorità emittenti u dik ta’ eżekuzzjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt li titressaq azzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, b’mod partikolari billi jipprovdu lill-partijiet interessati b’informazzjoni rilevanti u adegwata.

6.   L-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jissospendi t-trasferiment ta’ oġġetti, dokumenti u data sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ rimedju legali.

Artikolu 19

Rimborż

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(2), fejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt il-liġi tiegħu jkun responsabbli għal dannu kkawżat lil waħda mill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 18 bl-eżekuzzjoni ta’ EEW mibgħut lilu skond l-Artikolu 8, l-Istat emittenti għandu jirrimborża lill-Istat ta’ eżekuzzjoni kwalunkwe somma mħallsa f’danni lill-parti msemmija bis-saħħa ta’ dik ir-responsbbiltà ħlief jekk, u sal-punt li, id-dannu jew kwalunkwe parti minnu huwa dovut għall-kondotta ta’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri dwar talbiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal kumpens għal ħsara.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Monitoraġġ ta’ l-effikaċja ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru

1.   Stat Membru li jkun għadda minn problemi ripetuti li ma kienx possibbli jsolvi permezz ta’ konsultazzjoni min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-eżekuzzjoni ta’ EEWs għandu jinforma lill-Kunsill sabiex jgħinu fil-valutazzjoni tiegħu ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fil-livell ta’ l-Istati Membri.

2.   Il-Kunsill għandu jagħmel reviżjoni, b’mod partikolari, ta’ l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Istati Membri.

Artikolu 21

Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra

1.   Soġġett għall-paragrafu 2 u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti legali oħra f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, din id-Deċiżjoni Kwadru għandha teżisti flimkien ma’ l-istrumenti legali eżistenti fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri sakemm dawn l-istrumenti jikkonċernaw talbiet għal assistenza reċiproka għall-Provi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3 u 4, l-awtoritajiet emittenti għandhom joqgħodu fuq l-EEW meta l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data meħtieġa mill-Istat ta’ eżekuzzjoni jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   L-awtoritajiet emittenti jistgħu jużaw assistenza legali reċiproka sabiex jiksbu oġġetti, dokumenti jew data li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru jekk jifformaw parti minn talba usa’ għal assistenza jew jekk l-awtorità emittenti tikkunsidra fil-każ speċifiku li dan ikun jiffaċilita l-koperazzjoni ma’ l-Istat ta’ eżekuzzjoni.

4.   L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni Kwadru tkun daħlet fis-seħħ sakemm tali ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru jiġu estiżi jew imkabbra u jgħinu sabiex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-kisba ta’ provi li tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

5.   Il-ftehim u arranġamenti msemmija fil-paragrafu 4 fl-ebda każ ma jistgħu jaffetwaw ir-relazzjonijiet ma’ l-Istati Membri li mhumiex partijiet għalihom.

6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 4, fi żmien tliet xhur minn meta jiġi ffirmat.

Artikolu 22

Arranġamenti transizzjonali

It-talbiet għal assistenza reċiproka riċevuti qabel id-19 ta’ Jannar 2011 għandhom jibqgħu jkunu regolati minn strumenti eżistenti relatati ma’ assistenza reċiproka f’materji kriminali.

Artikolu 23

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru sad-19 ta’ Jannar 2011.

2.   Sad-19 ta’ Jannar 2011, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skond din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Kwalunkwe Stat Membru li bi ħsiebu jittrasponi r-raġuni għal rifjut stabbilit fl-Artikolu 13(1)(f) fil-liġi nazzjonali tiegħu għandu jinnotifika lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill b’dan ma’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru billi jagħmel dikjarazzjoni.

4.   Il-Ġermanja tista’ b’dikjarazzjoni tirriżerva d-dritt tagħha li tagħmel l-eżekuzzjoni ta’ EEW suġġetta għall-verifika ta’ kriminalità doppja f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(2) relatati ma’ terroriżmu, kriminalità relatata ma’ l-informatika, razziżmu u ksenofobija, sabotaġġ, intrigi ta’ qerq u estorsjoni jew imbrolju jekk huwa meħtieġ sabiex titwettaq tfittxija jew konfiska għall-eżekuzzjoni ta’ l-EEW, ħlief fejn l-awtorità emittenti tkun iddikjarat li r-reat ikkonċernat taħt il-liġi ta’ l-Istat emittenti jaqa’ fl-ambitu ta’ kriterji indikati fid-dikjarazzjoni.

Jekk il-Ġermanja tixtieq tagħmel użu minn dan il-paragrafu, hi għandha tinnotifika dikjarazzjoni għal dak il-għan lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ma’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

5.   Il-Kummissjoni għandha, sad-19 ta’ Jannar 2012, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk meħtieġ, flimkien ma’ proposti leġislattivi.

6.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Eurojust bid-dikjarazzjonijiet magħmulin skond l-Artikoli 6 u 11 u skond dan l-Artikolu.

Artikolu 24

Reviżjoni

1.   Kull Stat Membru għandu kull sena qabel l-1 ta’ Mejju jgħarraf lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe diffikultajiet li ltaqa’ magħhom matul is-sena kalendarja preċedenti dwar l-eżekuzzjoni ta’ Mandati Ewropej għall-Provi rigward l-Artikolu 13(1).

2.   Fil-bidu ta’ kull sena kalendarja il-Ġermanja għandha tgħarraf lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bin-numru ta’ każijiet li fihom ir-raġuni għal non-rikonoxximent jew non-eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 23(4) ġiet applikata fis-sena preċedenti.

3.   Mhux aktar tard mid-19 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport abbażi ta’ l-informazzjoni riċevuta skond il-paragrafi 1 u 2, akkumpanjat minn kwalunkwe inizjattivi li hi tikkunsidra xierqa. Abbażi tar-rapport il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni Kwadru bil-ħsieb li jikkunsidra jekk id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhomx jiġu mħassra jew emendati:

l-Artikolu 13(1) u (3), u

l-Artikolu 23(4).

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  ĠU C 103E, 29.4.2004, p. 452.

(2)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

(3)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45.

(6)  ĠU C 326, 21.11.2001, p. 1.

(7)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1.

(8)  ĠU L 322, 9.12.2005, p. 33.

(9)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

DIKJARAZZJONI TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA

Meta l-eżekuzzjoni ta’ Mandat Ewropew għall-Provi taħt id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (1) tkun teħtieġ tfittxija jew qbid, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirriżerva d-dritt skond l-Artikolu 23(4) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas li tissoġġetta l-eżekuzzjoni għal verifika ta’ kriminalità doppja fil-każ ta’ reati relatati mat-terroriżmu, reati konnessi ma’ l-informatika, razziżmu u ksenofobija, sabotaġġ, intrigi ta’ qerq u estorsjoni u frodi b’għemil qarrieqi mniżżlin fl-Artikolu 14(2) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, sakemm l-awtorità emittenti ma tkunx iddikjarat li r-reat in kwistjoni jissodisfa l-kriterji li ġejjin skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti:

Terroriżmu::

Att li jikkostitwixxi reat fl-ambitu ta’ u kif definit fil-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari tat-13 ta’ April 2005, il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tad-9 ta’ Diċembru 1999 jew fis-sens ta’ wieħed mit-trattati elenkati fl-anness tagħha, jew

Att punibbli taħt id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2), jew

att li għandu jkun ipprojbit taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1642 (2005) ta’ l-14 ta’ Settembru 2005.

Reati konnessi ma’ l-informatika:: Reati kif definiti fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar attakki kontra sistemi ta’ l-informazzjoni (3) jew fit-Titolu 1 tat-Taqsima I tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Kriminalità fuq l-Internet tat-23 ta’ Novembru 2001.

Razziżmu u ksenofobija:: Reati kif definiti fl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/443/JHA tal-15 ta’ Lulju 1996 dwar azzjoni fil-ġlieda kontra r-razziżmu u x-xeonofobja (4).

Sabotaġġ:: Atti li illegalment u intenzjonalment jikkawżaw ħsara fuq skala kbira lil installazzjoni ta’ gvern, installazzjoni pubblika oħra, sistema tat-trasport pubbliku jew infrastruttura oħra li tinvolvi jew x’aktarx tinvolvi telf ekonomiku konsiderevoli.

Intrigi ta’ qerq u estorsjoni:: Talba b’theddid, bl-użu tal-forza jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ intimidazzjoni ta’ merkanzija, wegħdiet, irċevuti jew l-iffirmar ta’ kwalunkwe dokument li jkun fih jew li jwassal għal obbligu, aljenazzjoni jew tkeċċija.

Imbrolju:: L-użu ta’ ismijiet foloz jew is-sostenn ta’ pożizzjoni falza jew l-użu ta’ mezzi bi frodi għall-abbuż tal-kunfidenza jew il-kredulità tan-nies bil-għan li jkun approprjat oġġett li jappartjeni lil persuna oħra.


(1)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 72.

(2)  ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

(3)  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.

(4)  ĠU L 185, 24.7.1996, p. 5.


Top