Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0630

2008/630/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 24 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ emerġenza li japplikaw għall-krustaċji importati mill-Bangladexx u li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3698) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 205, 1.8.2008, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 022 P. 186 - 187

No longer in force, Date of end of validity: 03/12/2015; Imħassar b' 32015D2260

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/630/oj

1.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 205/49


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-24 ta’ Lulju 2008

dwar miżuri ta’ emerġenza li japplikaw għall-krustaċji importati mill-Bangladexx u li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3698)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/630/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-prinċipji ġenerali li jirregolaw b’mod ġenerali l-ikel u l-għalf, u b’mod partikolari s-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf, fil-livell tal-Komunità u dak nazzjonali. Huwa jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fejn huwa evidenti li ikel jew għalf importat minn pajjiż terz x’aktarx huwa ta’ riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta’ l-annimali jew għall-ambjent, u li riskju bħal dan ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istat Membru/Stati Membri kkonċernat/i.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996, dwar miżuri għas-sorveljanza ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u fi prodotti ta’ l-annimali (2) tistipula li l-proċess tal-produzzjoni ta’ l-annimali u tal-prodotti primarji li joriġinaw mill-annimali għandu jkun sorveljat bl-għan li jinstabu ċerti residwi u sustanzi f’annimali ħajjin, fil-ħmieġ tagħhom u fis-sustanzi fluwidi ta’ ġisimhom u fit-tessuti, fil-prodotti ta’ l-annimali, fl-għalf ta’ l-annimali u fl-ilma tax-xorb.

(3)

Instabu residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji u ta’ sustanzi mhux awtorizzati fi krustaċji importati mill-Bangladexx u li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Il-preżenza ta’ dawn il-prodotti u s-sustanzi fl-ikel tesponi lis-saħħa tal-bniedem għal riskju potenzjali.

(4)

Ir-riżultati ta’ l-aħħar żjara Komunitarja ta’ spezzjoni fil-Bangladexx wriet nuqqasijiet serji fir-rigward tas-sistema ta’ kontroll tar-residwi f’annimali ħajjin u fi prodotti ta’ annimali u nuqqas ta’ kapaċità laboratorja xierqa għall-ittestjar ta’ ċerti residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji f’annimali ħajjin u fi prodotti ta’ l-annimali.

(5)

Dan l-aħħar il-Bangladexx ħa miżuri li jikkonċernaw dawn in-nuqqasijiet fir-rigward tat-trattament u l-ittestjar ta’ prodotti tas-sajd.

(6)

Billi dawn il-miżuri mhumiex biżżejjed, huwa xieraq li jiġu adottati, f’livell Komunitarju, ċerti miżuri ta’ emerġenza applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ krustaċji mill-Bangladexx li jiżguraw il-ħarsien effettiv u uniformi tas-saħħa tal-bniedem fl-Istati Membri kollha.

(7)

Skond dan, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-importazzjonijiet ta’ krustaċji mill-Bangladexx biss jekk ikun jista’ jintwera li dawn ġew suġġetti għal eżami analitiku ta’ l-oriġini biex jiżgura li dawn ma fihom l-ebda sustanza li mhijiex awtorizzata u li l-livelli ta’ ċerti residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji ma jaqbżux il-livelli residwi massimi stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(8)

Madankollu, huwa xieraq li tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta’ kunsinni li ma jkollhomx magħhom ir-riżultati tat-testijiet analitiċi ta’ l-oriġini, sakemm l-Istati Membri ta’ importazzjoni jiżguraw li dawn il-kunsinni jgħaddu minn verifiki xierqa mal-wasla tagħhom fuq il-fruntiera Komunitarja.

(9)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-garanziji offruti mill-Bangladexx u abbażi tar-riżultati tat-testijiet analitiċi imwettqa mill-Istati Membri.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-kunsinni ta’ krustaċji importati mill-Bangladexx u maħsuba għall-konsum mill-bniedem (‘il-prodotti’).

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni lejn il-Komunità tal-prodotti sakemm dawn ikollhom magħhom ir-riżultati ta’ test analitiku mwettaq fl-istadju ta’ l-oriġini biex ikun żgurat li dawn mhumiex ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem (‘it-test analitiku’).

It-testijiet analitiċi għandhom jitwettqu, b’mod partikolari, bl-għan li jinstabu l-kloramfenikol, il-metaboliti tan-nitrofurani, it-tetracycline, il-malachite green u l-crystal violet b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 (3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KEE (4).

Artikolu 3

B’deroga mill-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ prodotti li ma jkollhomx magħhom ir-riżultati tat-test analitiku sakemm l-Istat Membru li jimporta jiżgura li kull kunsinna ta’ prodotti bħal dawn tgħaddi mill-verifiki xierqa kollha mal-wasla tagħha fuq il-fruntiera Komunitarja biex ikun żgurat li dawn mhumiex ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem.

Madankollu, dawn il-kunsinni għandhom jinżammu fuq il-fruntiera Komunitarja sakemm it-testijiet laboratorji juru li dawn il-kunsinni ma fihomx sustanzi msemmija fl-Artikolu 2 li mhumiex awtorizzati skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew li ma jinqabiżx il-livell tar-residwi massimi stipulat fil-leġiżlazzjomi Komunitarja għall-prodotti mediċinali veterinarji msemmija f’dak l-Artikolu

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih jekk it-testijiet analitiċi jindikaw:

(a)

il-preżenza ta’ kwalunkwe sustanza mhux awtorizzata skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja; jew

(b)

jekk ir-residwi tal-prodotti mediċinali veterinarji jaqbżu l-limitu massimu ta’ residwi stipulat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema rapida ta’ twissija għall-ikel u l-għalf stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 għat-tressiq ta’ kwalunwke tagħrif bħal dan.

2.   L-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni kull tliet xhur, rapport tar-riżultati kollha tat-testijiet analitiċi.

Dawn ir-rapporti għandhom jitressqu matul ix-xahar ta’ wara kull kwart tas-sena (April, Lulju, Ottubru, u Jannar).

Artikolu 5

In-nefqa kollha li tkun saret biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħallsa mill-kunsinnatur, mid-destinatarju jew mill-aġent ta’ wieħed minnhom.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri li jieħdu biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-garanziji offruti mill-Bangladexx u abbażi tar-riżultati tat-testijiet analitiċi imwettqa mill-Istati Membri.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).

(2)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

(3)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1. Ir-Regolament Kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 542/2008 (ĠU L 157, 17.6.2008, p. 43).

(4)  ĠU L 221, 17.8.2002, p. 8. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2004/25/KE (ĠU L 6, 10.1.2004, p. 38).


Top