Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0072

Direttiva tal-Kunsill 2008/72/KE tal- 15 ta’ Lulju 2008 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa (Verżjoni kodifikata) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 205, 1.8.2008, p. 28–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 054 P. 116 - 127

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/72/oj

1.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 205/28


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/72/KE

tal-15 ta’ Lulju 2008

dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(Verżjoni kodifikata)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/33/KEE tat-28 ta’ April 1992 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa (2) ġiet emendata kemm-il darba (3) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Il-produzzjoni ta’ ħxejjex għandha post importanti fl-agrikoltura tal-Komunità.

(3)

Riżultati sodisfaċenti fil-koltivazzjoni tal-ħxejjex jiddependu sa ċertu punt fuq il-kwalità u s-saħħa tal-pjanti mhux biss taż-żerriegħa diġà koperta bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa tal-ħxejjex (4) iżda wkoll tal-materjal taż-żrigħ ta’ ħxejjex użat fil-propagazzjoni tagħhom.

(4)

It-trattament differenti li ngħata lill-propagazzjoni tal-ħxejjex u materjal ta’ pjantar fl-Istati Membri differenti x’aktarx joħloq barrieri fil-kummerċ u b’hekk ifixkel il-moviment ħieles ta’ dawn il-prodotti fil-Komunità.

(5)

Kundizzjonijiet armonizzati fuq livell tal-Komunità jiżguraw li x-xerrejja madwar il-Komunità jirċievu ħxejjex tal-propagazzjoni u materjal taż-żrigħ li huwa b’saħħtu u ta’ kwalita’ tajba.

(6)

Għar-rigward ta’ dak li jikkonċerna s-saħħa tal-pjanti, dawn il-kondizzjonijiet armonizzati għandhom ikunu konsistenti mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (5).

(7)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas-saħħa tal-pjanti tad-Direttiva 2000/29/KE, mhux il-każ li jkunu applikati r-regoli tal-Komunità fuq it- tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex meta jintwera li dawn il-prodotti huma maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, peress li r-regoli li jgħoddu f’dawk il-pajjiżi jistgħu jkunu differenti minn dawk li jinsabu f’din id-Direttiva.

(8)

Il-ħolqien ta’ standards tas-saħħa u l-kwalità tal-pjanti ta’ kull ġeneru u speċi tal-pjanti tal-ħxejjex jeħtieġu konsiderazzjoni twila u teknika dettaljata u xjentifika. Proċedura għandha għalhekk tkun stabbilita għal dak l-iskop.

(9)

L-ewwelnett hija r-responsabbiltà ta’ dawk li qed ifornu l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li jiżguraw li l-prodotti tagħhom jeżawrixxu l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.

(10)

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom, meta jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet, jiżguraw li l-fornituri jeżawrixxu dawk il-kundizzjonijiet.

(11)

Miżuri ta’ kontroll tal-Komunità għandhom ikunu previsti biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi f’kull Stat Membru ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.

(12)

Huwa fl-interess tax-xerrejja tal-materjali tal-propagazzjoni tal-ħxejjex u taż-żrigħ li l-ismijiet tal-varjetajiet ikunu magħrufa u l-identità tagħhom tkun imħarsa.

(13)

Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni, sakemm huwa possibbli għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-aspett tal-varjetajiet kif stabbilit fir-rigward tat-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa tal-ħxejjex.

(14)

Sabiex jiġi żgurat l-identità u t-tqegħid fis-suq b’mod ordnat tal-materjal tal-propagazzjoni u żrigħ tal-ħxejjex, regoli tal-Komunità għandhom ikunu stabbiliti rigward is-separazzjoni ta’ lottijiet, u l-immarkar. It-tabelli wżati għandhom jagħtu d-dettalji meħtieġa kemm għall-kontroll uffiċjali, kif ukoll għall-informazzjoni ta’ l-utent.

(15)

Għandhom jitwaqqfu regoli li jippermettu, f’każijiet ta’ diffikultajiet ta’ provvista temporanja, it-tqegħid fis-suq ta’ materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex bla ħsara għall-ħtiġiet inqas stretti minn dawk li jinsabu f’din id-Direttiva.

(16)

L-Istati Membri m’għandhomx jitħallew fil-każ tal-ġenera u l-ispeċi msemmija fl-Anness II, li għalihom jiġu mħejjija skedi ta’ fatti, li jimponu kondizzjonijiet ġodda jew restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq, għajr dawk li tipprovdi din id-Direttiva.

(17)

Għandhom isiru dispożizzjonijiet biex jawtorizzaw il-promozzjoni fil-Komunità tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott f’terzi pajjiżi, dejjem sakemm joffri l-istess assigurazzjonijiet bħall-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott fil-Komunità u jħares ir-regoli tal-Komunità.

(18)

Sabiex ikunu armonizzati l-metodi tekniċi ta’ l-eżaminazzjoni wżati fl-Istati Membri u biex jipparagunaw il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ u l-pjanti tal-ħxejjex prodotti fil-Komunità ma’ dawk prodotti fil-pajjiżi terzi, għandhom isiru provi ta’ paragun biex jaraw li dawn il-prodotti jħarsu l-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

(19)

Miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistablixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6).

(20)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness III, Parti B,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tqegħid fis-suq tal-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex, għajr iż-żerriegħa, ġewwa l-Komunità.

2.   L-Artikoli 2 sa 20 u l-Artikolu 23 għandhom jgħoddu għall-ġenera u l-ispeċi, u l-ibridi tagħhom, li hemm elenkati fl-Anness II.

Stokk ta’ għeruq u partijiet oħra tal-pjanti ta’ ġenera jew speċi oħra jew l-ibridi tagħhom ukoll ikunu suġġetti għal dawk l-Artikoli jekk materjal ta’ wieħed mill-imsemmija ġenera jew speċi, jew l-ibridi tagħhom, huwa, jew irid ikun, imlaqqam fuqhom.

3.   Emendi għall-lista ta’ ġenera u speċi fl-Anness II għandhom jkunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(3).

Artikolu 2

Din id-Direttiva ma tgħoddx għall-materjal ta’ propagazzjoni jew taż-żrigħ li hu maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, jekk ikun identifikat sew bħala tali u miżmum iżolat biżżejjed, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ saħħa stabbiliti fid-Direttiva 2000/29/KE.

Miżuri ta’ implimentazzjoni għall-ewwel paragrafu, b’riferenza partikolari għall-identifikazzjoni u l-iżolament, għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 3

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

(a)

“materjal ta’ propagazzjoni” tfisser partijiet minn pjanti u l-materjal kollu mill-pjanti, inkluż l-istokk ta’ l-għeruq li hu maħsub għall-propagazzjoni u l-produzzjoni tal-ħxejjex;

(b)

“materjal taż-żrigħ” tfisser pjanti sħaħ u partijiet minn pjanti inklużi, għall-pjanti mlaqqma, il-komponenti mlaqqma, maħsuba għaż-żrigħ għall-produzzjoni tal-ħxejjex;

(c)

“fornitur” tfisser kull persuna naturali jew legali li twettaq professjonalment mill-inqas waħda mill-attivitajiet li ġejjin rigward il-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex: riproduzzjoni, produzzjoni, preservazzjoni u/jew trattament u tqegħid fis-suq;

(d)

“tqegħid fis-suq” tfisser is-sehem disponibbli jew fl-istokk, il-wirja jew l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ u/jew il-forniment lil persuna oħra, f’kull forma li jkun, tal-materjal tal-propagazzjoni jew taż-żrigħ;

(e)

“korp uffiċjali responsabbli” tfisser

(i)

l-awtorità unika u ċentrali, imwaqqfa jew maħtura mill-Istat Membru taħt is-superviżjoni tal-gvern nazzjonali u responsabbli għall-mistoqsijiet dwar il-kwalità;

(ii)

kull awtorità ta’ l-Istat imwaqqfa:

jew fuq livell nazzjonali,

jew fuq livell reġjonali, taħt is-superviżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru konċernat.

Il-korpi li saret referenza għalihom f’ (i) u (ii) jistgħu, b’mod konformi mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, jiddelegaw l-kompiti li hemm previsti f’din id-Direttiva biex jitlestew taħt l-awtorità u s-superviżjoni tagħhom lil kull persuna legali, kemm jekk iggvernat mil-liġi pubblika jew dik privata, li, taħt l-istatut uffiċjali approvat tagħha, hija fdata b’funzjonijiet speċifiċi pubbliċi, sakemm dik il-persuna, u l-membri tagħha, m’għandhom l-ebda interess personali mir-riżultat tal-miżuri li jieħdu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-korpi li għalihom saret referenza f’ (i) u dawk riferuti f’ (ii).

Barra minn hekk, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), persuna legali oħra stabbilita f’isem kull korp li għalih saret referenza f’ (i) u (ii) u li taġixxi taħt l-awtorità u s-superviżjoni ta’ dan il-korp tista’ tkun approvata, kemm-il darba dik il-persuna m’għandhiex interess personali fir-riżultat tal-miżuri li tieħu.

L-Istati Membri jgħandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-korpi uffiċjali responsabbli tagħhom. Il-Kummissjoni għandha twassal dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra;

(f)

“miżuri uffiċjali” tfisser miżuri meħuda mill-korp uffiċjali responsabbli;

(g)

“spezzjoni uffiċjali” tfisser spezzjoni mwettqa mill-korp uffiċjali responsabbli;

(h)

“prospett uffiċjali” tfisser prospett maħruġ minn, jew taħt ir-responsabbiltà ta’, il-korp uffiċjali responsabbli;

(i)

“lott” tfisser kull numru ta’ unitajiet ta’ kull oġġett, li jingħaraf mill-omoġenità tiegħu tal-kompożizzjoni u l-oriġini;

(j)

“laboratorju” tfisser kull entità tal-liġi pubblika jew privata li twettaq analiżi u dijanjosi sewwa, li tippermetti li l-produttur iħares il-kwalità tal-produzzjoni.

Artikolu 4

B’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(3), għandha tiġi stabbilita skeda fl-Anness I għal kull ġeneru u speċi msemmija fl-Anness II u għall-istokk ta’ l-għeruq ta’ ġeneru u speċi oħra jekk il-materjal tal-ġeneru jew l-ispeċi huwa, jew irid ikun, imlaqqam magħhom, b’riferenza għall-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-pjanti stabbiliti fid-Direttiva 2000/29/KE li tgħodd għall-ġeneru u/jew l-ispeċi kkonċernata, u tistabilixxi:

(a)

il-kundizzjonijiet li l-materjal taż-żrigħ tal-ħxejjex irid jikkonforma magħhom, b’mod partikolari dawk tal-kwalità u tal-purità tal-wiċċ tar-raba u, meta jkun il-każ il-karatteristiċi tal-varjetà. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jiġu magħduda ma’ l-Anness I, Parti A;

(b)

il-kundizzjonijiet li l-materjal tal-propagazzjoni jrid iħares, b’mod partikolari dawk għar-rigward is-sistema applikata ta’ propagazzjoni, l-purità tal-wiċċ tar-raba li qed tikber u, fejn xieraq il-karatteristiċi tal-varjetà. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati fl-Anness I, Parti B.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri jieħdu kull miżura li hemm bżonn biex jiggarantixxu l-ħarsien ta’ l-istandards stabbiliti b’din id-Direttiva f’kull stadju tal-produzzjoni u tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, dawk il-fornituri msemmija għandhom jew iwettqu huma stess, jew iqabbdu li jitwettqu minn fornitur akkreditat jew kull korp uffiċjali risponsabbli, spezzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

identifikazzjoni tal-punti kritiċi fil-proċess ta’ produzzjoni tagħhom fuq il-bażi tal-metodi wżati tal-produzzjoni,

it-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-metodi ta’ monitoraġġ u ċċekkjar tal-punti kritiċi msemmija fl-ewwel inċiż,

teħid ta’ kampjuni għall-analiżi f’kull laboratorju akkreditat minn korp uffiċjali responsabbli bl-iskop li jara l-konformità ma’ l-istandards stabbiliti minn din id-Direttiva,

li jinżamm rekord bil-miktub jew rekord reġistrat b’mod li ma jitħassarx ta’ l-informazzjoni li għaliha saret referenza fl-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiż, kif ukoll tar-rekords fuq il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ, biex jinżamm għad-dispożizzjoni tal-korp uffiċjali responsabbli. Dawn id-dokumenti u r-rekords għandhom jinżammu għal perjodu ta’ mill-inqas sena.

Madankollu, fornituri, li l-attività tagħhom f’din il-konnessjoni hija limitata biss għad-distribuzzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott u pakkettat f’lok għajr li mhux tagħhom jintalbu biss li jżommu kull rekord bil-miktub jew kull rekord reġistrat b’mod li ma jitħassarx tax-xiri u l-bejgħ u/jew il-forniment ta’ dawn il-prodotti.

Dan l-paragrafu ma jgħoddx għal fornituri li l-attività tagħhom f’din il-konnessjoni hija limitata għall-provvista ta’ kwantitajiet żgħar tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex lill-konsumaturi finali li mhumiex professjonali.

3.   Jekk ir-riżultat ta’ l-ispezzjonijiet tagħhom stess jew kull informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-fornituri msemmija fil-paragrafu 1 jiżvela l-preżenza ta’ wieħed jew aktar organiżmi ta’ ħsara li għalih saret referenza fid-Direttiva 2000/29/KE jew fi kwantitajiet aktar milli normalment huwa permess biex jintlaħqu l-istandards, jew ta’ dawk speċifikati fl-iskedi rilevanti mwaqqfa skond l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, il-fornituri għandhom minnufih jirrapportaw dan lill-korp uffiċjali responsabbli u jieħdu l-miżuri indikati minn dak il-korp jew kull miżura oħra meħtieġa biex tnaqqas ir-riskju li ma jinfirxux dawn l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara. Il-fornitur għandu jżomm rekord ta’ kull okkorrenza ta’ l-organiżmi ta’ ħsara fil-lok tiegħu u tal-miżuri kollha li jittieħdu għar-rigward dawn l-okkorrenzi.

4.   Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tat-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 2 għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 6

1.   Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jakkredita dawk il-fornituri kemm-il darba jiġi vverifikat li l-metodi tal-produzzjoni tagħhom u l-istabbilimenti jilħqu il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva rigward in-natura ta’ l-attivitajiet li jmexxu. L-akkreditazzjoni trid tkun imġedda jekk kull fornatur jiddeċiedi li jwettaq attivitajiet għajr dawk li għalihom ingħata l-akkreditazzjoni.

2.   Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jakkredita l-laboratorji kemm-il darba jiġi vverifikat li dawn il-laboratorji, il-metodi tagħhom u l-istabbilimenti tagħhom jilħqu l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva li għandhom ikunu speċifikati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), rigward l-attivitajiet ta’ provi li huma jwettqu. L-akkreditazzjoni trid tkun imġedda jekk kull laboratorju jiddeċiedi li jwettaq attivitajiet għajr dawk li għalihom ingħata akkreditazzjoni.

3.   Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jieħu l-miżuri meħtieġa jekk il-ħtiġiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma jibqgħux jiġu mħarsa. Għal dan il-għan, għandu jikkonsidra l-konklużjonijiet ta’ kull spezzjoni li titwettaq skond l-Artikolu 7.

4.   Is-superviżjoni u l-monitoraġġ ta’ fornituri, stabbilimenti u laboratorji għandha titwettaq regolarment minn u taħt ir-responsabbiltà tal-korp uffiċjali responsabbli, li f’kull ħin għandu jkollu aċċess ħieles għal kull parti ta’ l-istabbilimenti, sabiex jiżgura konformità mal-ħtiġiiet ta’ din id-Direttiva. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar is-superviżjoni u s-sorveljanza għandhom jiġu adottati, kif meħtieġ, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Jekk din is-superviżjoni u l-monitoraġġ jiżvelaw li l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva mhumiex mħarsa, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jieħu l-azzjoni li hemm bżonn.

Artikolu 7

1.   L-esperti tal-Kummissjoni jistgħu, b’kooperazzjoni mal-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istati Membri, jagħmlu provi fuq il-lok kemm-il darba din tkun meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari biex tivverifika jekk dawk il-fornituri humiex fil-fatt iħarsu l-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva. Kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu qed issir kull prova għandu jagħti l-assistenza kollha meħtieġa lill-esperti biex iwettqu dmirhom. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri bir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet.

2.   Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jkunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 8

1.   Materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex jista’ jkun imqiegħed fis-suq biss minn dawk akkreditati biex ifornuħ u kemm-il darba jħarsu l-ħtiġijiet stabbiliti fl-iskeda msemmija fl-Artikolu 4.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/29/KE, il-paragrafu 1 ma jgħoddx għall-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex maħsuba għal:

(a)

esperimenti jew skopijiet xjentifiċi; jew

(b)

xogħol ta’ selezzjoni; jew

(c)

miżuri mmirati biex tiġi preservata d-diversità ġenetika.

3.   Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2 għandhom jiġu adottati kif meħtieġ b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 9

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li huwa tal-ġeneru u l-ispeċi elenkat fl-Anness II u wkoll kopert bid-Direttiva 2002/55/KE m’għandux jiġi mqiegħed fis-suq ġewwa l-Komunità kemm-il darba ma jkunx ta’ kull varjetà li hija aċċettata skond dik id-Direttiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2 u l-paragrafi 3 ta’ dan l-Artikolu, il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li huwa tal-ġeneru jew ispeċi elenkat fl-Anness II iżda mhux kopert mid-Direttiva 2002/55/KE m’għandux jiġi mqiegħed fis-suq ġewwa l-Komunità jekk ma jkunux ta’ varjetà li hija uffiċjalment aċċettata minn mill-inqas Stat Membru wieħed.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 u l-Artikolu 9 (3) tad-Direttiva 2002/55/KE għandhom jgħoddu għall-kundizzjonijiet ta’ l-aċċettazzjoni.

L-Artikoli 3(2) u (4), l-Artikoli 6, 7, 8, 9 (1), (2) u (4) u l-Artikoli 10 sa 15 tad-Direttiva 2002/55/KE għandhom jgħoddu mutatis mutandis għall-proċeduri u formalitajiet ta’ l-aċċettazzjoni u ż-żamma ta’ produzzjoni.

Ir-riżultati ta’ l-eżamijiet mhux uffiċjali u l-informazzjoni prattika miġbura waqt iż-żmien tat-tkabbir jista’ jiġi kkunsidrat f’kull okkażjoni.

3.   Il-varjetajiet aċċettati uffiċjalment skond il-paragrafi 2 għandhom jiddaħħlu fil-Katalogu Komuni tal-Varjetajiet ta’ l-Ispeċi tal-Ħxejjex msemmi fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/55/KE. L-Artikoli 16(2), 17, 18 u 19 ta’ dik id-Direttiva għandhom jgħoddu mutatis mutandis.

Artikolu 10

1.   Tul il-perjodu ta’ tkabbir u matul il-qtugħ jew t-tneħħija mill-materjal parenti, il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ għandu jinżamm f’lottijiet separati.

2.   Jekk il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex ta’ oriġini differenti jitqiegħed flimkien jew jitħallat waqt l-ippakkettar, il-ħażna, it-vjaġġ jew meta jitwassal, il-fornitur għandu jżomm ir-rekords inkluż l-informazzjoni li ġejja: il-kompożizzjoni tal-lott u l-oriġini tal-komponenti individwali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mal-ħtiġijiet tal-paragrafi 1 u 2 billi jwettqu spezzjonijiet uffiċjali.

Artikolu 11

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2), il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex għandu jiġi mqiegħed fis-suq biss f’lottijiet omoġenji biżżejjed u jekk jintgħarfu li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u jkunu akkumpanjati minn kull dokument magħmul mill-fornitur b’mod konformi mal-kondizzjonijiet stabbliti fl-iskeda stabbilita skond l-Artikolu 4. Jekk dikjarazzjoni uffiċjali tidher f’dan id-dokument, din għandha tiġi separata minn kull kontenut ieħor tad-dokument.

Il-ħtiġiet tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex għall-ittikettjar u/jew l-issiġillar għandhom jiġu stabbiliti fl-iskeda msemmija fl-Artikolu 4.

2.   Fil-każ ta’ provvista minn bejjiegħ bl-imnut tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex għall-konsumatur finali mhux professjonali, il-ħtiġiet dwar l-ittikettjar jistgħu jiġu limitati għall-informazzjoni xierqa tal-prodott.

Artikolu 12

1.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw:

(a)

mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11, produtturi żgħar li l-produzzjoni u l-bejgħ kollu tagħhom tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex huwa maħsub għall-użu finali minn persuni fuq is-suq lokali li mhumiex involuti professjonalment fil-produzzjoni tal-pjanti (“ċirkolazzjoni lokali”)

(b)

mill-kontrolli u l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija fl-Artikolu 18, iċ-ċirkolazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ prodotti minn dawn il-persuni eżentati.

2.   Il-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar il-ħtiġiet l-oħra dwar l-eżenzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari rigward il-kunċetti tal-“produtturi żgħar” u s-“suq lokali”, u għall-proċeduri rilevanti, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 13

Fil-każ ta’ diffikultajiet temporanji fil-provvista tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li jħares il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, miżuri jistgħu jiġu adottati, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), dwar il-promozzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li jħares ħtiġiet inqas stretti, mingħajr preġudizzju għar-regoli tas-saħħa tal-pjanta stabbiliti fid-Direttiva 2000/29/KE.

Artikolu 14

1.   It-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li jħares il-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandu jkun soġġett għall-ebda restrizzjonijiet rigward il-fornitur, is-saħħa tal-pjanta, il-mezz ta’ tkabbir u l-arranġamenti tas-saħħa barra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.   It-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li l-varjetà tagħhom tiddaħħal fil-Katalogu Komuni tal-Varjetajiet ta’ l-Ispeċi tal-Ħxejjex m’għandu jkun soġġett għall-ebda restrizzjoni rigward il-varjetà barra dawn stabbiliti jew msemmija f’din id-Direttiva.

Artikolu 15

Rigward il-prodotti msemmija fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jimponu kondizzjonijiet aktar stretti jew restrizzjonijiet fuq is-suq barra dawk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-iskedi msemmija fl-Artikolu 4 jew, jekk fin-nuqqas ta’ dan, dawk li jeżistu fit-28 ta’ April ta’ l-1992.

Artikolu 16

1.   B’konformità mal-proċedura imsemmija fl-Artikolu 21(2), għandu jkun deċiż jekk materjal tal-ħxejjex tal-propagazzjoni u taż-żrigħ prodott f’kull pajjiż terz u li joffri l-istess garanziji dwar l-obbligi fuq il-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz ta’ tkabbir, l-ippakkjar, l-arranġamenti ta’ l-ispezzjoni, l-immarkar u s-siġillar, hux ekwivalenti f’dawn ir-rispetti kollha mal-materjal tal-ħxejjex tal-propagazzjoni u taż-żrigħ prodott fil-Komunità u jħares il-ħtiġiet u l-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.   Sakemm ttieħed d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru ta’ l-2012, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/29/KE, japplikaw għall-importazzjoni tal-materjal tal-ħxejjex tal-propagazzjoni u taż-żrigħ minn pajjiżi terzi kundizzjonijiet li ta’ l-anqas huma ekwivalenti temporanjament jew permanentament fl-iskedi li għalihom saret referenza fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva. Meta dawn il-kundizzjonijiet mhumiex stabbiliti fl-iskedi msemmija, il-kundizzjonijiet ta’ l-importazzjoni jridu jkunu mill-inqas daqs dawk applikabbli għal produzzjoni ta’ l-Istat Membru konċernat.

B’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tista’, għal terzi pajjiżi diversi, tkun differita sakemm tittieħed id-deċiżjoni li għaliha saret referenza fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-materjal tal-ħxejjex tal-propagazzjoni u taż-żrigħ importat minn kull Stat Membru skond deċiżjoni meħuda minn dak l-Istat Membru skond l-ewwel subparagrafu m’għandha tkun soġġetta għall ebda restrizzjoni fl-Istati Membri l-oħra rigward il-kwistjonijiet li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1.

Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjoni uffiċjali permezz ta’ verifiki ta’ kampjuni fuq il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ titwettaq matul il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq, bil-għan li l-konformità tiġi vverifikata mal-ħtiġijiet u mal-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 18

Proċeduri dettaljati ta’ implimentazzjoni għall-kontrolli li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 5 u għall-ispezzjoni uffiċjali provduta fl-Artikoli 10 u 17, inklużi l-metodi ta’ kif jittieħdu l-kampjuni, għandhom jiġu adottati, kif meħtieġ, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 19

1.   Jekk, matul is-superviżjoni u l-monitoraġġ previsti fl-Artikolu 6(4), l-ispezzjoni uffiċjali li hemm prevista fl-Artikolu 17, jew il-provi li hemm previsti fl-Artikolu 20, jinstab li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex ma jħarsux il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, il-korp uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru għandu jieħu l-azzjoni li hemm bżonn biex jiżgura li jħares id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew, jekk dak mhux possibbli, li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ dak il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex fil-Komunità.

2.   Jekk jinstab li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex imqiegħed fis-suq minn kull fornitur partikolari ma jikkonformax mal-ħtiġiet u mal-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru konċernat għandu jiżgura li miżuri xierqa jiġu meħuda kontra l-fornitur. Jekk il-fornitur huwa pprojbit li jqiegħed fis-suq materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex, l-Istat Membru għandu javża lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri.

3.   Kull miżura meħuda taħt il-paragrafu 2 tista’ tiġi rtirata hekk kif jiġi stabbilit b’ċertezza adegwata li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex maħsuba għat tqegħid fis-suq mill-fornitur għandha fil-futur, tikkonforma mal-ħtiġiet u l-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 20

1.   Provi, jew, fejn ikun xieraq, testijiet għandhom jitwettqu fl-Istati Membri fuq kampjuni biex jiċċekjaw li l-materjal veġetali għal propagar u taħwil ikun konformi mar-rekwiżiti u kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, inklużi dawk relatati mas-saħħa tax-xtieli. Il-Kummissjoni tista’ torganizza spezzjonijiet tal-provi mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

2.   Testijiet u provi komparattivi tal-Komunità jistgħu jitwettqu fil-Komunità għall-kontroll ta’ wara tal-kampjuni tal-materjal veġetali għal propagar u tħawwil imqiegħda fis-suq skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sew jekk obbligatorji jew liberi, inklużi dawk relatati mas-saħħa tax-xtieli. It-testijiet u provi komparattivi jistgħu jinkludu dan li ġej:

materjal veġetali għal propagazzjoni u tħawwil magħmul f’pajjiżi barranin,

materjal veġetali għal propagazzjoni u tħawwil adatt għall-biedja organika,

materjal veġetali għal propagar u tħawwil imqiegħda fis-suq relatati ma’ miżuri intiżi biex jippreservaw id-diversità ġenetika.

3.   Dawn it-testijiet u provi komparattivi għandhom jintużaw biex jagħmlu konformi l-metodi tekniċi ta’ eżami ta’ materjal veġetali għal propagar u tħawwil u biex jiċċekkaw li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li magħhom il-materjal għandu jkun konformi.

4.   B’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), għandhom isiru l-arranġamenti meħtieġa għat-testijiet u provi komparattivi li għandhom jitwettqu. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 dwar l-arranġamenti tekniċi biex isiru dawk it-testijiet u l-provi u r-riżultati tagħhom. Meta jinqalgħu problemi tas-saħħa tax-xtieli, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat Permanenti fuq is-Saħħa tax-Xtieli.

5.   Il-Komunità tista’ tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għat-twettiq tat-testijiet komparattivi u provi previsti fil-paragrafi 2 u 3.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja m’għandhiex tkun aktar mis-somma ta’ flus ivvotata mill-awtorità dwar il-baġit.

6.   It-testijiet komparattivi u l-provi li jistgħu jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, u regoli dettaljati għad-dispożizzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

7.   It-testijiet komparattivi u l-provi previsti fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jsiru biss mill-awtoritajiet jew persuni legali ta’ l-Istat waqt li jaġixxu bir-responsabbiltà ta’ l-Istat.

Artikolu 21

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikolutra, l-Ortikultura u l-Forestrija, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.

2.   Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perjodu ta’ żmien previst fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahar.

3.   Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

Artikolu 22

Emendi għall-iskedi li għalihom saret referenza fl-Artikolu 4 u għall-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 23

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott fit-territorju tagħhom u maħsub għat-tqegħid fis-suq jikkonforma mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

2.   Jekk jinstab, waqt kull spezzjoni uffiċjali, li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex ma jistax jiġi mqiegħed fis-suq, minħabba li mhuwiex konformi ma’ kull kondizzjoni li għandha x’taqsam mas-saħħa tal-pjanti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri uffiċjali xierqa biex jelimina kull riskju fuq is-saħħa tal-pjanta li jista’ jirriżulta.

Artikolu 24

Sa fejn l-Artikoli 5 sa 11, 14, 15, 17, 19 u 23 huma konċernati, id-data ta’ l-applikazzjoni għal kull ġeneru jew speċi msemmija fl-Anness II għandha tiġi ffissata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), meta l-iskeda msemmija fl-Artikolu 4 titlesta.

Artikolu 25

Id-Direttiva 92/33/KEE, kif emendata mill-atti mniżżla fl-Anness III, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness III, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 26

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  Opinjoni tal-11 ta’ Marzu 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 157, 10.6.1992, p. 1. Id-Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/699/KE (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 33).

(3)  Ara l-Anness III, Parti A.

(4)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/124/KE (ĠU L 339, 6.12.2006, p. 12).

(5)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/64/KE (ĠU L 168, 28.6.2008, p. 31).

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


ANNESS I

Il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti skond l-Artikolu 4

PARTI A

Il-kundizzjonijiet li l-materjal taż-żrigħ iridu jikkonformaw magħhom.

PARTI B

Skedi għall-ġeneru u l-ispeċi mhux elenkati fid-Direttiva 2002/55/KE li fihom il-kondizzjonijiet li l-materjal ta’ propagazzjoni irid jikkonforma għalih.


ANNESS II

Elenku tal-ġeneru u l-ispeċi msemmi fl-Artikolu 1(2)

Allium cepa L.

Grupp Cepa

Basal

Echalion

Grupp Aggregatum

Shallot

Allium fistulosum L.

Basal ta’ l-għenieqed (Japanese bunching onion jew Welsh onion)

Allium porrum L.

Kurrat

Allium sativum L.

Tewm

Allium schoenoprasum L.

Kurrat salvaġġ

Anthriscus cerefolium (L.) Hoffm.

Maxxita

Apium graveolens L.

Tipi Differenti ta’ Karfus

Asparagus officinalis L.

Asparagu Sfraġ

Beta vulgaris L.

Pitravi inkluż il-pitrava Cheltenham

Spinach beet jew il-weraq tal-pitravi

Brassica oleracea L.

Kaboċċa mberfla

Pastard

Brokkli li qed inibbet jew Kalabris

Brussels sprouts

Kaboċċa mflefla (savoy)

Kaboċċa bajda

Kaboċċa ħamra

Ġdur

Brassica rapa L.

Kaboċċa Ċiniża

Nevew

Capsicum annuum L.

Bżar aħmar jew bżar

Cichorium endivia L.

Indivja tal-werqa mibruma

Indivja tal-werqa lixxa

Cichorium intybus L.

Ċikwejra Witloof

Ċikwejra b’weraq kbir jew ċikwejra Taljana

Ċikwejra industrijali

Citrullus lanatus (Thunb.) Matsum. et Nakai

Dulliegħ

Cucumis melo L.

Bettieħ

Cucumis sativus L.

Ħjar

Ħjara żgħir

Cucurbita maxima Duchesne

Qargħa aħmar

Cucurbita pepo L.

Qargħa bagħli jew Zukkini

Cynara cardunculus L.

Qaqoċċ

Kardun

Daucus carota L.

Karrotti

Karrotti għall-għalf

Foeniculum vulgare Mill.

Bużbież

Lactuca sativa L.

Ħass

Lycopersicon esculentum Mill.

Tadam

Petroselinum crispum (Mill.) Nyman ex A. W. Hill

Tursin

Phaseolus coccineus L.

Fażola ta’ Spanja

Phaseolus vulgaris L.

Fażola żgħira

Fażola li tixxeblek

Pisum sativum L. (partim)

Piżella mkemmxa

Piżella tonda

Piżella ħelwa (sugar pea)

Raphanus sativus L.

Ravanell

Ravanell iswed

Rheum rhabarbarum L.

Rabarbru

Scorzonera hispanica L.

Scorzonera jew salsafja sewda;

Solanum melongena L.

Brunġiel

Spinacia oleracea L.

Spinaċi

Valerianella locusta (L.) Laterr.

Valerjanella

Vicia faba L. (partim)

Ful kbir

Zea mays L. (partim)

Qamħ ħelu

Popcorn


ANNESS III

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ lista ta’ l-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 25)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/33/KEE

(ĠU L 157, 10.6.1992, p. 1)

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/400/KEE

(ĠU L 177, 21.7.1993, p. 27)

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/152/KE

(ĠU L 66, 10.3.1994, p. 33)

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/25/KE

(ĠU L 36, 16.2.1995, p. 34)

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/109/KE

(ĠU L 39, 8.2.1997, p. 21)

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/29/KE

(ĠU L 8, 14.1.1999, p. 29)

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/111/KE

(ĠU L 41, 13.2.2002, p. 43)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003

(ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1)

L-Annex II, punt 6 u l-Anness III, punt 27 biss

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/61/KE

(ĠU L 165, 3.7.2003, p. 23)

L-Artikolu 1, punt 4 biss

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/55/KE

(OJ L 22, 26.1.2005, p. 17)

 

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/124/KE

(ĠU L 339, 6.12.2006, p. 12)

L-Artikolu 1 u l-Anness biss

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/699/KE

(ĠU L 284, 30.10.2007, p. 33)

 

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 25)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

92/33/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1992.

2003/61/KE

fl-10 ta’ Ottubru 2003.

2006/124/KE

fit-30 ta’ Ġunju 2007.

1 ta’ l-Lulju 2007 (1)


(1)  Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/124/KE: “Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2007. Madankollu, jistgħu jipposponu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ l-approvazzjoni uffiċjali ta’ varjetajiet li jappartjenu għall-Allium cepa L. (grupp aggregatum), Allium fistulosum L., Allium sativum L., Allium schoenoprasum L., Rheum rhabarbarum L. u Zea mays L sal-31 ta’ Diċembru 2009.”


ANNESS IV

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 92/33/KEE

Din id-Direttiva

Artikoli 1, 2 u 3

Artikoli 1, 2 u 3

Artikolu 4, kliem tal-bidu

Artikolu 4, kliem tal-bidu

Artikolu 4, punti (i) u (ii)

Artikolu 4, punti (a) u (b)

Artikoli 5, 6 u 7

Artikoli 5, 6 u 7

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(3)

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 9 (1) u (2)

Artikolu 9(3)

Artikolu 9(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(3)

Artikolu 9(4), it-tieni subparagrafu

Artikoli 10 u 11

Artikoli 10 u 11

Artikolu 12, l-ewwel paragrafu, kliem tal-bidu

Artikolu 12(1) kliem tal-bidu

Artikolu 12, l-ewwel paragrafu, l-ewwel u it-tieni inċiżi

Artikolu 12(1)(a) u (b)

Artikolu 12, it-tieni paragrafu

Artikolu 12(2)

Artikoli 13 sa 20

Artikoli 13 sa 20

Artikolu 21(1) u (2)

Artikolu 21(1) u (2)

Artikolu 21(3)

Artikolu 21(4)

Artikolu 22(1)

Artikolu 22(2)

Artikolu 21(3)

Artikolu 23

Artikolu 22

Artikolu 24

Artikolu 23

Artikolu 25(1)

Artikolu 25(2)

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 26

Artikolu 27

Annessi I u II

Annessi I u II

Annessi III u IV


Top