Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0477

2007/477/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità, tal-miżuri meħuda mill-Awstrija skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b’ regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

OJ L 180, 10.7.2007, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 009 P. 142 - 147

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/477/oj

10.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 180/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ġunju 2007

dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità, tal-miżuri meħuda mill-Awstrija skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b’ regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

(2007/477/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 3a(2) tagħha.

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva 89/552/KEE,

Billi:

(1)

B'ittra fit-12 ta’ Marzu 2001, l-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE.

(2)

Il-Kummissjoni ivverifikat, fi żmien tliet xhur min din in-notifika, li miżuri bħal dawn huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, b'mod partikulari dwar il-proporzjonalità tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura nazzjonali ta’ konsultazzjoni.

(3)

Fl-eżami tagħha, il-Kummissjoni ħadet in konsiderazzoni id-dejta disponibbli fil-media Awstrijaka.

(4)

Il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà inklużi fil-miżuri Awstrijaċi inkitbet b'mod ċar u trasparenti u tnediet konsultazzjoni wiesgħa fl-Awstrija.

(5)

Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-attivitajiet elenkati fil-miżuri Awstrijaċi laħqu minn ta’ l-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, ikkunsidrati bħala indikaturi ta’ min joqgħod fuqhom ta’ l-importanza ta’ l-avvenimenti, għas-soċjetà. (i) reżonanza ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istat Membru, u mhux sempliċement sinifikat għal dawk li soltu jsegwu l-isport jew attività kkonċernata; (ii) importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b'mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment kien tradizzjonalmnent imxandar b'xejn fuq it-televiżjoni u kienu jarawh udjenzi televiżivi kbar.

(6)

Għadd sinifikanti ta’ avvenimenti elenkati fil-miżuri Awstrijaċi, fosthom l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa, it-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej tal-futbol fejn jilgħab it-tim nazzjonali Awstrijak, kif ukoll il-logħbiet tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali ta’ dawn it-turnej (irġiel), jaqgħu taħt il-kategorija ta’ avvenimenti tradizzjonalment ikkunsidrati ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà, kif riferut għalihom b'mod espliċitu fi premessa 18 tad-Direttiva 97/36/KE. Dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fl-Awstrija għax huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali, mhux biss ma’ dawk li s-soltu jsegwu avvenimenti sportivi.

(7)

Il-finali tat-Tazza Awstrijaka tal-Futbol għandha reżonanza ġenerali u speċjali fl-Awstrija, għax il-futbol huwa l-aktar sport popolari f'dak l-Istat Membru.

(8)

Il-Kampjonati FIS Alpine World Ski u l-FIS Nordic World Ski għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fl-Awstrija, għax l-iskijar huwa sport popolari ferm li jifforma parti mill-edukazzjoni ġenerali sportiva f'dak l-Istat Membru. Barra dan, l-importanza kulturali distinta ta’ dawn l-avvenimenti bħala katalista għall-identità kulturali Awstrijaka tiġi minħabba l-fatt li parteċipanti Awstrijaċi f'dawk il-kompetizzjonijiet kellhom ħafna suċċessi u l-importanza tat-turiżmu ta’ l-iskijar fl-Awstrija.

(9)

Il-Kunċert ta’ l-ewwel tas-sena mill-Orkestra Filarmonika ta’ Vienna għandu importanza kulturali distinta u unika għall-identità kulturali Awstrijaka fid-dawl tal-kwalità għolja ferm ta’ dan l-avveniment u l-fatt li għandu udjenza dinjija wiesgħa ferm.

(10)

Il-Ballu ta’ l-Opra ta’ Vienna għandu reżonanza ġenerali u speċjali fl-Awstrija għax huwa “avveniment kulturali popolari” u huwa simbolu għall-istaġun taż-żfin b'importanza speċifika għat-tradizzjoni kulturali Awstrijaka. Il-kontribuzzjoni siewja ta’ dan l-avveniment għar-reputazzjoni tal-Vienna State Opera House madwar id-dinja, peress li ħafna drabi jinvolvi kantanti ta’ l-opra li huma famużi mad-dinja kollha, jikkonferma l-importanza kulturali distinta tiegħu għall-Awstrija.

(11)

L-avvenimenti msemmija kienu tradizzjonalmnent imxandra b'xejn fuq it-televiżjoni u kienu jarawhom udjenzi televiżivi kbar.

(12)

Il-miżuri Awstrijaċi jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw id-deroga mill-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE sabiex jipprovdu servizzi abbażi ta’ raġuni ogħla ta’ interess għall-pubbliku, li għandha tiżgura aċċess wiesa’ għall-pubbliku għal xandiriet ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà.

(13)

Il-miżuri Awstrijaċi huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għall-fatt li d-definizzjoni ta’ xandâra kwalifikati li jxandru avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu kompetizzjoni attwali u potenzjali għall-kisba tad-drittijiet tax-xandir ta’ dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, in-numru ta’ avvenimenti elenkati mhux sproporzjonat tant li jgħawweġ il-kompetizzjoni għas-swieq tat-televiżjoni b'xejn u dawk bi ħlas.

(14)

Wara komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda mill-Awstrija u konsultazzjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, id-Direttur Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura informa lill-Awstrija permezz ta’ ittra fil-31 ta’ Mejju 2001, li l-Kummissjoni Ewropea ma hi bi ħsiebha toġġezzjona għall-ebda waħda mill-miżuri notifikati.

(15)

Il-miżuri Awstrijaċi daħlu fis-seħħ 1 ta’ Ottubru 2001.

(16)

Dawk il-miżuri ġew ippubblikati fis-Serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej  (2) skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

(17)

Mis-sentenza tal-Qorti ta’ Prim Istanza Każ T-33/01 Infront WM v Kummissjoni jirriżulta, li d-dikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, u jikkostitwixxu deċiżjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE, li għalhekk trid tiġi adottata bilfors mill-Kummissjoni. Skond dan, hemm bżonn li permezz ta’ din id-Deċiżjoni jiġi ddikjarat li l-miżuri notifikati mill-Awstrija huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità. Il-miżuri, kif finalment meħuda mill-Awstrija u mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

I-miżuri notifikati mill-Awstrija lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Marzu 2001 skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE kif ippubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej Ċ 16 tad-19 ta’ Jannar 2002, huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità.

Artikolu 2

Il-miżuri kif finalment meħuda mill-Awstrija u mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

Magħmula fi Brussell, 25 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 298, 17.10.1989, p.23. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

(2)  ĠU Ċ 16, 19.1.2002, p. 8.


ANNESS

Pubblikazzjoni skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva Tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

Il-miżuri meħuda mill-Awstrija li għandhom jiġu ppubblikati skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE jinstabu fl-estratti li ġejjin mill-Bundesgesetzblatt (Gazzetta tal-Liġi Federali – I Nru 85/2001 u II Nru 305/2001):

“85.   Att Federali dwar l-eżerċizzju ta' drittijiet esklussivi għal-xandir bit-televiżjoni (Att dwar Drittijiet Esklussivi tat-Televiżjoni (Fernseh-Exclusivrechtegesetz – FERG))

In-Nationalrat iddiegrieta dan li ġej:

Artikolu I

§ 1.

(1)

Dan l-Att għandu, bl-eċċezzjoni ta' § 5, japplika biss għal xandâra tat-televiżjoni koperti bl-Att tax-Xandir Awstrijak (Österreichischer Rundfunkgesetz – ORF-Gesetz), pubblikat fil-Gazzetta tal-Liġi Federali (BGBl.) No 379/1984, jew l-Att dwar it-Televiżjoni Privata (Privatfernsehgesetz), BGBl. I No 84/2001.

(2)

§ 3 għandu japplika għad-drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni miksuba qabel daħal fis-seħħ dan l-Att, sakemm il-ftehimiet milħuqa ma ġewx estiżi wara li dan l-Att daħal fis-seħħ.

§ 2.   ‘Avveniment ta' interess soċjali sostanzjali’ għandu għall-finijiet ta' dan l-Att ifisser biss l-avvenimenti msemmija f'Ordinanza maħruġa skond § 4 hawnhekk.

§ 3.

(1)

Fejn xandâr tat-televiżjoni jkun kiseb id-drittijiet esklussivi għax-xandir ta' avveniment imsemmi fl-Ordinanza maħruġa taħt § 4 hawnhekk, għandu jħalli l-avveniment jidher fuq stazzjon tat-televiżjoni li jinqabad, bla ħlas fl-Awstrija, minn ta' l-anqas 70 % ta' dawk li jħallsu l-liċenzja u telespettaturi li huma eżenti milli jħallsu l-liċenzja, fejn l-arranġamenti mfassla fl-Ordinanza (sħaħ jew parzjali b'mod dirett jew diferit) għandhom jiġu mħarsa. Għall-għanijiet ta' dan is-subparagrafu, it-trażmissjoni għandha tissejjaħ ‘diferita’ fejn jgħaddu anqas minn 24 siegħa minn x'ħin jibda l-avveniment sa x'ħin tibda x-xandira.

(2)

Għall-finijiet ta' dan l-Att, ‘stazzjonijiet tat-televiżjoni b'aċċess bla ħlas’ għandha tfisser stazzjonijiet li t-telespettaturi jistgħu jaqbdu mingħajr ħlas addizzjonali jew ħlas regolari għall-użu ta' apparat tekniku għad-dekodifikazzjoni. ‘Ħlas addizzjonali’ fi ħdan it-tifsira ta' dan is-subtitlu ma' għandhomx jinkludu l-ispejjeż tal-liċenzja (§ 2 ta' l-Att dwar il-Miżati tal-Liċenzji (Rundfunkgebührengesetz – RGG)), il-ħlas għall-programm (§ 20 RFG), ħlas għal provvista ta' netwerk tal-cable u l-miżata nominali li titħallas lill-operatur tal-cable.

(3)

L-obbligazzjoni msemmija fis-subparagrafu (1) għandhom jitqiesu milħuqa jekk ikun hemm prova li x-xândar tat-televiżjoni jkun għamel dak kollu mistenni skond kundizzjonijiet normali tas-suq f'attentat sabiex l-avveniment imsemmi f'subparagrafu (1) ikun jista' jintwera fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas. Xandâr tat-televiżjoni jista', sabiex jilħaq ftehim amikevoli dwar x'jikkostitwixxi kundizzjonijiet bħal dawn, jirreferi l-kwistjoni lis-Senat Federali tal-Komunikazzjoni (Bundeskommunikationssenat). Dan ta' l-aħħar għandu jinvolvi l-partijiet kollha fi sforzi sabiex jintlaħaq ftehim u għandu jħejji rapport bil-miktub tan-negozjati u dak li joħroġ minnhom.

(4)

Fejn ma jintlaħaqx ftehim, is-Senat Federali dwar il-Komunikazzjoni għandu, fuq talba ta' wieħed mix-xandâra televiżivi involuti, jiddeċiedi jekk ix-xandâr ikkonċernat wettaqx l-obbligazzjonijiet tiegħu skond subparagrafi (1) u (3). Jekk ix-xandâr ma jkunx laħaq dawn l-obbligazzjonijiet b'mod xieraq, is-Senat Federali dwar il-Komunikazzjoni għandu, jieħu post ix-xandâr sabiex jiddetermina xi jfissru ‘kundizzjonijiet normali tas-suq’ kif imsemmija f'subparagrafu (3). B'mod partikulari, is-Senat Federali dwar il-Komunikazzjoni għandu jiddetermina prezz tas-suq għall-għoti ta' drittijiet ta' xandir.

(5)

Xandâr tat-televiżjoni li ma jkunx laħaq l-obbligazzjonijiet skond subparagrafu (1) jista' jiġi mfittex għad-danni b'azzjoni ċivili. It-talba għad-danni tinkludi wkoll kumpens għat-telf ta' qligħ.

(6)

Azzjoni għad-danni hija permessa biss kemm-il darba tkun ħarġet deċiżjoni skond subparagrafu (4). Mingħajr preġudizzju għal subparagrafu (7), il-qorti u l-partijiet għall-proċeduri msemmija f'subparagrafu (4) għandhom ikunu marbuta b'sentenza li mhix appellabbli.

(7)

Fejn, fil-proċeduri msemmija f'subtitlu (6), il-Qorti tikkunsidra li d-deċiżjoni hija kontra l-liġi, hija għandha twaqqaf il-proċedimenti u tressaq ilment uffiċjali ma' l-Ogħla Qorti Amministrattiva (Verwaltungsgerichtshof – VwGH) skond l-Artikolu 131 subparagrafu (2) tal-Kostituzzjoni Federali (B-VG) fejn titlob sentenza ta' dikjarazzjoni li tikkonferma l-ksur tal-liġi tad-deċiżjoni. Meta toħroġ deċiżjoni mill-VwGH, il-qorti għandha tkompli l-proċedimenti tagħha u tagħti deċiżjoni dwar it-tilwima sabiex tikkonforma ma' l-opinjoni ġuridika tal-VwGH.

§ 4.

(1)

Il-Gvern Federali għandu jiddetermina permezz ta' Ordinanza, x'avvenimenti msemmija fi § 2 huma ta' interess soċjali sostanzjali fl-Awstrija. L-Ordinanza għandha tinkludi biss, avvenimenti li jilħqu minn ta' l-anqas tnejn minn dawn il-kriterji:

1.

l-avveniment diġà jingħata attenzjoni wiesgħa fl-Awstrija, partikolarment permezz ta' rapporti fil-media;

2.

l-avveniment huwa espressjoni ta' l-identità soċjali jew artisitika tal-kultura Awstrijaka;

3.

l-avveniment huwa – partikolarment, minħabba l-involviment ta' sportivi nisa u rġiel Awstrijaċi ta' l-ogħla livell – avveniment sportiv ta sinifikat speċjali nazzjonali jew li jiġbed udjenzi kbar fl-Awstrija minħabba l-importanza internazzjonali tiegħu.

4.

l-avveniment kien trażmess qabel fuq it-televiżjoni bla ħlas.

(2)

L-Ordinanza għandha tistipula jekk l-avveniment imxandar fuq it-televiżjoni bla ħlas għandux jiġi trażmess dirett jew b'mod diferit, u jekk l-avveniment jintweriex kollu jew partijiet minnu. Avveniment għandu jiġi trażmess dirett u b'mod sħiħ sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi (eż. zoni ta' ħin differenti, ċerti avvenimenti/partijiet ta' l-istess avveniment qed jiġu organizzati fl-istess ħin) għaliex huwa neċessarju u xieraq li ma jiġix trażmess hekk.

(3)

Qabel toħroġ jew tiġi emendata l-Ordinanza, għandhom jiġu kkonsultati firxa ta' xandâra tat-televiżjoni, ta' sidien ta' drittijiet, entitajiet mis-settur tan-negozju, konsumaturi, impjegati u nies mill-oqsma tal-kultura u ta' l-isport. L-abbozz ta' l-Ordinanza għandu jiġi ppubblikat fis-suppliment (Amtsblatt) tal-gazzetta uffiċjali Wiener Zeitung, u d-dispożizzjonijiet għandhom ikunu b'tali mod li kull persuna tista' tikkummenta dwarhom f'perjodu ta' tmien ġimgħat. L-abbozz imbagħad għandu jiġi sottomess lil-Kummissjoni Ewropea. L-Ordinanza għandha tinħareġ biss jekk, f'perjodu ta' tliet xhur minn meta tiġi sottomessa lil-Kummissjoni Ewropea, din ta' l-aħħar ma tkun qajmet l-ebda oġġezzjoni biex tinħareġ.

[…]

§ 6.   Ir-responsabbiltà għas-superviżjoni ta' dan l-Att dwar punti tal-liġi għandhom jaqgħu taħt is-Senat Federali dwar il-Komunikazzjoni safejn id-dispożizzjonijiet ikunu relatati ma' xandâra tat-televiżjoni (§ 11 of the KommAustria Act (KOG), BGBl. I No 32/2001).

§ 7.

(1)

Kull persuna li tikser obbligazzjonijiet taħt:

1.

§ 3 subparagrafu (1); jew

[…]

għandha titqies li kkommettiet offiża amministrattiva u suġġetta għal multa ta' EUR 36 000 sa EUR 58 000 mis-Senat Federali dwar il-Komunikazzjoni.

(2)

Fil-proċedura li tidher f'subparagrafu (1), is-Senat Federali dwar il-Komunikazzjoni għandu jwettaq smigħ orali pubbliku.

(3)

Is-Senat Federali dwar il-Komunikazzjoni għandu japplika L-Att tal-Proċeduri Ġenrali Amministrattivi ta' l-1991 (Allgemeine Verwaltungsverfahrensgesetz 1991) (BGBl. No 51) u, f'każi msemmija f'subparagrafu (1), l-Att tal-Penali Amministrattivi ta' l-1991 (Verwaltungsstrafgesetz 1991) (BGBl. No 52).

(4)

Fil-każ ta' ksur ripetut u serju ta' dan l-Att minn xandâr tat-televiżjoni (§ 2 subparagrafu (1) ta' l-Att dwar it-Televiżjoni Privat, BGBl. I No 84/2001) is-Senat Federali dwar il-Komunikazzjoni għandu jibda proċedura għat-teħid tal-liċenzji jew ta' projbizzjoni għal xandir bil-cable kif imsemmi f'§ 63 ta' l-Att dwar it-Televiżjoni Privat.

[…]

§ 9.

(1)

L-infurzar ta' dan l-Att għandu jitħalla f'idejn il-Gvern Federali skond § 4 subtitli (1), (2) and (3), sentenza finali, f'idejn il-Ministru tal-Ġustizzja skond § 3 subtitli (5)-(7), u f'idejn il-Kanċillier Federali skond il-proviżjonijiet l-oħra kollha.

(2)

Ir-rekwiżiti ta' l-ewwel u t-tieni sentenzi ta' § 4 subparagrafu (3) jistgħu jitwarrbu meta Ordinanza toħroġ għall-ewwel darba wara li dan l-Att Federali jidħol fis-seħħ, jekk, bħala parti mill-preparazzjoni tal-proċedura ta' notifika skond l-Artikolu 3(a)(1) u (2) tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata bid-Diretiva 97/36/KE, il-partijiet ikonċernati jkunu diġà ġew ikonsultati u l-kontenut ta' l-Ordinanza li se toħroġ jkun magħruf b'mod xieraq bħala parti minn din il-konsultazzjoni.

§ 10.   Id-dispożizzjonijiet ta' §§ 1-4, §§ 6-9 u § 11 ta' dan l-Att jittrasponu l-Artikolu 3(a)(1) tad-Direttiva 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b' regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23), kif emendati bid-Direttiva 97/36/KE (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

[…]

§ 11.   Dan l-Att għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2001.

KLESTIL

SCHÜSSEL”

“305.   Ordinanza dwar avvenimenti ta' interess soċjali, sostanzjali

L-Ordni li ġejja hija magħmula skond § 4 subparagrafu (1) ta' l-Att Federali dwar l-eżerċizzju ta' drittijiet esklussivi għal xandir bit-televiżjoni (Att dwar Drittijiet Esklussivi tat-Televiżjoni (Fernseh-Exclusivrechtegesetz – FERG)) BGBl. I No 85/2001:

§ 1.

Avvenimenti ta' interess soċjali sostanzjali huma:

(1)

L-Olimpjadi tas-Sajf u tax-Xitwa;

(2)

Logħbiet tal-futbol tat-Tazza tad-dinja tal-FIFA (irġiel) jekk ikun involut it-tim nazzjonali Awstrijak, kif ukoll il-logħba tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali tat-tazza tad-Dinja tal-Futbol (irġiel);

(3)

Logħbiet tal-Futbol tal-Kampjonat tan-Nazzjonijiet Ewropej (irġiel) jekk ikun involut it-tim Awstrijak, kif ukoll il-logħba tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali tal-Kampjonat tan-Nazzjonijiet Ewropej (irġiel);

(4)

Il-finali tat-Tazza tal-Futbol Awstrijak;

(5)

Il-Kampjonati tal-FIS World Alpine skiing;

(6)

Il-Kampjonati tal-World Nordic skiing;

(7)

Il-Kunċert ta' l-ewwel tas-sena mill-Orkestra Filarmonika ta' Vjenna;

(8)

Il-Ballu ta' l-Opra ta' Vjenna.

§ 2.

(1)

Xandâra tat-televiżjoni li jkunu kisbu drittijiet esklussivi għax-xandir ta' avvenimenti msemmija f' § 1 għandhom jiżguraw li dawn l-avvenimenti jistgħu jidhru diretti u b'mod sħiħ fuq it-televiżjoni bla ħlas.

(2)

Verżjoni rekordjata jew waħda parzjali ta' l-avvenimenti f'§ 1 subtitli (1), (5), (6) u (8) jistgħu jiġu trażmessi jekk:

1.

partijiet ta' wieħed mill-avvenimenti li jaqa' taħt § 1 jew aktar minn wieħed minn dawn l-avvenimenti li jaqa' taħt § 1 iseħħu fl-istess waqt; jew

2.

. l-avveniment ma kienx trażmess qabel, fuq it-televiżjoni bla ħlas b'mod sħiħ minħabba t-tul tiegħu.

§ 3.

Din l-Ordinanza għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2001.

SCHÜSSEL – RIESS-PASSER – FERRERO-WALDNER – GEHRER – GRASSER – STRASSER – BÖHMDORFER – MOLTERER – HAUPT – FORSTINGER – BARTENSTEIN.”


Top