Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DP0443

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Fulvio Martusciello (2021/2049(IMM))

ĠU C 205, 20.5.2022, pp. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/53


P9_TA(2021)0443

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Fulvio Martusciello

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Fulvio Martusciello (2021/2049(IMM))

(2022/C 205/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Fulvio Martusciello, imressqa fil-31 ta' Marzu 2021 mis-Servizz Pubbliku Federali għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Belġju, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-26 ta' April 2021,

wara li sema' lil Fulvio Martusciello, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0302/2021),

A.

billi l-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta' Brussell talab it-tneħħija tal-immunità ta' Fulvio Martusciello, Membru tal-Parlament Ewropew elett għall-Italja, b'rabta ma' reat ta' veloċità eċċessiva bi ksur tal-Artikolu 11.2(1)(a) tad-Digriet Irjali tal-1 ta' Diċembru 1975 li jistabbilixxi regolamenti ġenerali dwar il-pulizija tat-traffiku fit-toroq u l-użu tat-toroq pubbliċi u l-Artikolu 29(3) tal-Liġi tas-16 ta' Marzu 1968 dwar il-pulizija tat-traffiku fit-toroq;

B.

billi fil-25 ta' Novembru 2020, bħala parti minn kampanja kontra l-veloċità, il-pulizija tat-traffiku interċettaw vettura fuq l-awtostrada E411 li ġiet irreġistrata li qed tivvjaġġa b'veloċità ta' 179 km/h f'żona ta' 120 km/h;

C.

billi s-sewwieq ta' dik il-vettura ġie identifikat mill-pulizija bħala Fulvio Martusciello, li ddikjara li kien Membru tal-Parlament Ewropew; billi fil-15 ta' Diċembru 2020, Fulvio Martusciello ntbagħat kopja tar-rapport tal-pulizija mill-Prosekutur Pubbliku tal-Provinċja tal-Brabant ta' Wallonia, li talbu jippreżenta kwalunkwe kumment, u bi tweġiba ma kkontestax ir-reat ta' veloċità eċċessiva;

D.

billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat” (2);

E.

billi l-allegat reat ma għandu l-ebda impatt dirett jew ovvju fuq il-prestazzjoni minn Fulvio Martusciello fuq id-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mixħut fil-prestazzjoni ta' dawk il-dmirijiet fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

F.

billi l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jeskludu lil xulxin;

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

(a)

fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

(b)

fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”;

G.

billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri fatti li jindikaw li l-proċedimenti ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

1.   

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Fulvio Martusciello;

2.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Renju tal-Belġju u lil Fulvio Martusciello.


(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

(2)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.


Top