Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0778

Kawża T-778/17: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2017 – Autostrada Wielkopolska vs Il-Kummissjoni

OJ C 32, 29.1.2018, p. 41–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/41


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2017 – Autostrada Wielkopolska vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-778/17)

(2018/C 032/56)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Autostrada Wielkopolska S.A. (Poznań, il-Polonja) (rappreżentanti: O. Geiss u D. Tayar, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Awwissu 2017 fil-Każ SA.35356 (2013/C) (ex 2013/NN, ex 2012/N) dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Polonja favur il-kumpannija Autostrada Wielkopolska S.A.; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti, b’mod partikolari d-dritt tagħha għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

Il-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti l-possibbiltà adegwata li tieħu pożizzjoni fuq il-provi ppreżentati mill-Istat;

Il-Kummissjoni ċaħdet lir-rikorrenti mid-dritt tagħha li tippreżenta l-osservazzjonijiet dwar ċerti dokumenti u konklużjonijiet essenzjali abbażi ta’ liema l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata;

Ma jistax jiġi eskluż li t-tmiem ta’ din il-kawża kienet affetwata minn dawn l-ommissjonijiet.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ta’ fatt billi applikat kriterju żbaljat sabiex tiddetermina jekk l-elementi kostituttivi tal-Artikolu 107(1) TFUE ġewx sodisfatti u billi ġie applikat l-imsemmi kriterju (żbaljat) bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE;

Il-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema kien hemm vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE hija bbażata biss fuq il-kriterju tat-“tqabbil punt b’punt”;

Il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tagħha skont il-kriterju tal-investitur privat wara li kienet diġà ddeċidiet li kien hemm vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE;

Il-kriterju tat-“tqabbil punt b’punt” użat mill-Kummissjoni huwa żbaljat fil-liġi;

Il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni waqt l-implementazzjoni tal-kriterju tagħha tat-“tqabbil punt b’punt”, b’mod partikolari billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerta informazzjoni rilevanti li kienet għad-dsipożizzjoni tagħha fil-mument li hija adottata id-deċiżjoni kkontestata;

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ liġi u ta’ fatt billi ma applikatx il-kriterju tal-investitur privat konformement mal-ġurisprudenza rilevanti u billi astjeniet milli tiżviluppa motivazzjoni adegwata, bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE;

Il-Kummissjoni ma applikatx il-kriterju tal-investitur privat bħala parti integrali tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, bi ksur tal-ġurisprudenza rilevanti;

Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerta informazzjoni rilevanti disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni li ma kinitx tkun injorata a priori minn proprjetarju privat normalment prudenti u diliġenti li jsib ruħu f’sitwazzjoni qrib kemm jista’ jkun għal dik tal-Istat;

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna hija bbażata fuq konklużjonijiet żbaljati u kontradizzjonijiet interni;

Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt billi kkonkludiet li l-fondi pubbliċi ibbenefikaw biss lill-investituri.

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ fatt u ta’ liġi fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna tal-Istat, billi ma wettqitx hi nfisha l-evalwazzjoni tagħha u billi ma pprovdietx motivazzjoni adegwata;

Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ kumpens żejjed għall-perijodu bejn Settembru 2005 u Ottubru 2007 huma vvizjati b’żbalji fundamentali ta’ evalwazzjoni;

Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerta informazzjoni rilevanti li kienet għad-dispożizzjoni fil-mument tad-deċiżjoni tagħha kkontestata.


Top