Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0314

Kawża T-314/16: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2016 – MS vs Il-Kummissjoni

OJ C 63, 27.2.2017, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/29


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2016 – MS vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-314/16)

(2017/C 063/40)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: MS (Castries, Franza) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Frar 2016, li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti u d-deċiżjoni li tikkonferma dan ir-rifjut tad-19 ta’ April 2016;

tikkumpensa d-dannu morali li jirriżulta mill-aġir tal-Kummissjoni Ewropea li jikkawża dannu, stmat ex aequo et bono għal EUR 20 000;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 331).

Skont ir-rikorrent, sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni invokat żewġ eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri, minn naħa, il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji. Issa, il-Kummissjoni ma wrietx li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti kien jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-persuni msemmija f’dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, it-trasferiment tad-data personali li dawn id-dokumenti jinkludu huwa assolutament neċessarju sabiex jiġu mifhuma l-akkużi miġjuba kontra r-rikorrent. Fin-nuqqas li jkollu din il-possibbiltà, ir-rikorrent ma jibbenefikax mill-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ma jkunx jista’ jipprepara difiża b’mod adegwat. L-aċċess għad-dokumenti, kif ukoll għad-data personali li dawn jinkludu, huwa min-naħa l-oħra neċessarju, iġġustifikat u proporzjonat mal-għan ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tar-rispett tal-ħajja privata tar-rikorrent. Il-Kummissjoni tippreġudika b’mod iktar rilevanti l-ħajja privata tar-rikorrent sa fejn hija ma tittrattax b’mod leali d-data personali li tikkonċernah.

Sussidjarjament, ir-rikorrent jenfasizza li l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 jipprekludu l-iżvelar tad-dokument mitlub biss jekk interess pubbliku ma jiġġustifikax dan l-iżvelar. Huwa jqis li d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, huma ta’ natura li jikkostitwixxu tali interess pubbliku.

Fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tat-talba konfermattiva, il-Kummissjoni llimitat ruħha tipprovdi motivazzjoni purament ġenerika peress li hija ma tispjegax kif aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti jqiegħed f’perikolu l-interess tal-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata tal-individwi msemmija fih.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li l-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni jikkostitwixxu nuqqasijiet li kkawżawlu dannu reali u ċert.


Top