Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0474

Kawża T-474/16: Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2016 – Société wallonne des aéroports vs Il-Kummissjoni

OJ C 371, 10.10.2016, p. 28–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/28


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2016 – Société wallonne des aéroports vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-474/16)

(2016/C 371/30)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Société wallonne des aéroports SA (SOWEAR) (Namur, il-Belġju) (rappreżentanti: A. Lepièce u H. Baeyens, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara t-talba tar-rikorrenti dwar it-tagħqid tal-kawża preżenti mal-Kawża T-818/14 bħala ammissibbli u fondata;

tiddikjara dan ir-rikors bħala ammissibbli u fondat,

konsegwentement,

tannulla l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014 Nru SA.14093, dwar il-miżuri implementati mill-Belġju favur Brussels South Charleroi Airport u Ryanair;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wetqet il-Kummissjoni sa fejn evalwat il-ħlasijiet magħmula minn Brussels South Charleroi Airport (BSCA) lir-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE, meta d-deċiżjonijiet għall-investiment, li tinbeda l-kostruzzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport u li jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ BSCA ittieħdu qabel ma ġiet adottata s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290), ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C-82/01 P, EU:C:2002:617).

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wetqet il-Kummissjoni meta kkwalifikat l-Instrument Landing System (ILS) u s-servizz ta’ dawl tar-runway, bħala tagħmir u servizzi ekonomiċi.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-raġunament tal-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-ħlasijiet ta’ kull sena tal-kuntratt ta’ BSCA huwa bbażat fuq metodu u fuq fatturi ta’ kalkolu żbaljati li għandhom impatt sostanzjali fuq l-ammont tal-għajnuna u barra minn hekk huwa vvizjat minn nuqqas ċar ta’ motivazzjoni.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wetqet il-Kummissjoni meta, minn naħa, inkludiet, fl-ammont tal-ħlasijiet li għandhom jinġabru mingħand BSCA, l-għajnuna mogħtija għall-missjoni ta’ sigurtà (jiġifieri s-sussisju “nirien-manutenzjoni”) u, min-naħa l-oħra, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tas-“sussidju manutenzjoni kontra n-nirien” fl-2014 u fl-2015.


Top